Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE

Official Journal L 180 , 15/07/2010 P. 0001 - 0006


Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas- 7 ta’ Lulju 2010

dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Europea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja [2],

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE tal- 11 ta’ Diċembru 1986 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa involuti f'attività, inkluża l-agrikoltura, b'kapaċità li fiha jaħdmu għal rashom, u dwar il-protezzjoni ta’ nisa li jaħdmu għal rashom waqt it-tqala u waqt li qed irabbu t-tfal [3], tiżgura l-applikazzjoni fl-Istati Membri tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom, jew li qed jikkontribwixxu fl-eżerċizzju ta’ tali attività. F'dak li jirrigwarda persuni li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, id-Direttiva 86/613/KEE ma kinitx effettiva ħafna u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandu jitqies mill-ġdid, minħabba li d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u l-fastidju jseħħu wkoll f’oqsma barra mix-xogħol bis-salarju. Fl-interess taċ-ċarezza, id-Direttiva 86/613/KEE għandha tiġi sostitwita b'din id-Direttiva.

(2) Fil-Komunikazzjoni tagħha, tal- 1 ta’ Marzu 2006, intitolata "Pjan tar-rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel", il-Kummissjoni ħabbret li biex ittejjeb il-governanza għall-ugwaljanza bejn is-sessi, ser tirrivedi l-leġislazzjoni attwali tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi li mhijiex inkluża fl-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid tal-2005 bil-għan li jkun hemm aġġornament, modernizzazzjoni u tfassil mill-ġdid fejn meħtieġ. Id-Direttiva 86/613/KEE ma kinitx inkluża fl-eżerċizzju ta’ tfassil mill-ġdid.

(3) Fil-konklużjonijiet tiegħu tal- 5 u tas- 6 ta’ Diċembru 2007 dwar "Rwoli bilanċjati tan-nisa u l-irġiel għall-impjiegi, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali", il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex tqis il-ħtieġa li tirrivedi, jekk ikun meħtieġ, id-Direttiva 86/613/KEE biex tissalvagwardja d-drittijiet relatati mal-maternità u paternità ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u tal-konjuġi li jgħinuhom.

(4) Il-Parlament Ewropew sejjaħ b’mod konsistenti lill-Kummissjoni biex tirrivedi d-Direttiva 86/613/KEE, b’mod partikolari biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-maternità ta’ nisa li jaħdmu għal rashom u biex tittejjeb il-qagħda tal-konjuġi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

(5) Il-Parlament Ewropew diġà ppreżenta l-pożizzjoni tiegħu dwar dawn il-materji fir-riżoluzzjoni tiegħu tal- 21 ta’ Frar 1997 dwar is-sitwazzjoni tal-konjuġi ta’ għajnuna ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom [4].

(6) Fil-Komunikazzjoni tagħha tat- 2 ta’ Lulju 2008 intitolata "Aġenda Soċjali Mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21", il-Kummissjoni affermat il-ħtieġa li tieħu azzjoni dwar id-differenza bejn is-sessi fl-intraprendenza kif ukoll biex ittejjeb ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja privata ma' dik professjonali.

(7) Diġà hemm għadd ta’ strumenti legali eżistenti għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li jkopru l-attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad- 19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali [5] u d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjieg u xogħol [6]. Din id-Direttiva għalhekk m'għandhiex tapplika għall-oqsma li diġà huma koperti minn direttivi oħra.

(8) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom. Il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħhom, tinkludi, fost oħrajn, deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment, il-finanzjament u l-ġestjoni ta’ tali sistemi u istituzzjonijiet relatati kif ukoll dwar is-sustanza u l-għoti ta’ benefiċċji, il-livell tal-kontribuzzjonijiet u l-kondizzjonijiet għall-aċċess.

(9) Din id-Direttiva għandha tapplika għal persuni li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi tagħhom jew, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners tagħhom, meta dawn, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, abitwalment jipparteċipaw fl-attivitajiet tan-negozju. Sabiex titjieb il-qagħda għal dawn il-konjuġi u, meta u safejn huma rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali, għal-life partners ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, ix-xogħol tagħhom għandu jiġi rikonoxxut.

(10) Din id-Direttiva m'għandiex tapplika għal materji koperti minn Direttivi oħra li jimplimentaw il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat- 13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi [7]. Fost oħrajn, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/113/KE dwar l-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji relatati jibqa’ applikabbli.

(11) Biex tkun evitata d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, din id-Direttiva għandha tapplika kemm għad-diskriminazzjoni diretta kif ukoll għal dik indiretta. Il-fastidju u l-fastidju sesswali għandhom jitqiesu bħala diskriminazzjoni u għalhekk għandhom jiġu pprojbiti.

(12) Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi li ġejjin mill-istat konjugali jew tal-familja kif definiti fil-liġi nazzjonali.

(13) Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jkopri r-relazzjonijiet bejn il-persuni li jaħdmu għal rashom u partijiet terzi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, iżda mhux relazzjonijiet bejn persuna li taħdem għal rasha u l-konjuġi jew il-life partner tagħha.

(14) Fil-qasam ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, pereżempju, b'rabta mal-istabbiliment, it-tagħmir jew l-estensjoni ta’ negozju jew il-varar jew l-estensjoni ta’ kwalunkwe forma oħra ta’ attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

(15) L-Istati Membri jistgħu, taħt l-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iżommu jew jadottaw miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi biex jagħmluha aktar faċli għas-sess li mhuwiex rappreżentat biżżejjed biex jipparteċipa f’attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jew biex jevita jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali tagħhom. Fil-prinċipju, miżuri bħal azzjoni pożittiva mmirata biex tikseb l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattika m'għandhomx jitqiesu li qed jiksru l-prinċipju legali ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa.

(16) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ kumpannija bejn il-konjuġi jew, meta u safejn huma rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali, il-life partners, mhumiex aktar restrittivi mill-kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ kumpannija ma' persuni oħrajn.

(17) Bil-ħsieb tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tan-negozju tal-familja, il-konjuġi jew, meta u sa fejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li għandhom aċċess għal sistema għall-protezzjoni soċjali, għandhom ikunu intitolati wkoll li jibbenefikaw minn protezzjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom ikunu obbligati li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex din il-protezzjoni soċjali tiġi organizzata f'konformità mal-liġi nazzjonali. B'mod partikolari, huma l-Istati Membri li jridu jiddeċiedu jekk din il-protezzjoni soċjali għandhiex tiġi implimentata fuq bażi obbligatorja jew volontarja. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li din il-protezzjoni soċjali tista’ tkun proporzjonali għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu u/jew il-livell ta’ kontribuzzjoni.

(18) Il-vulnerabbiltà ekonomika u fiżika ta’ nisa tqal li jaħdmu għal rashom u ta’ konjuġi tqal u, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, ta’ life partners tqal ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, tirriżulta fil-ħtieġa tagħhom li jingħataw id-dritt tal-benefiċċji tal-maternità. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jorganizzaw tali benefiċċji, inkluż l-istabbiliment tal-livell ta’ kontribuzzjonijiet u l-arranġamenti kollha li jikkonċernaw benefiċċji u ħlasijiet, bil-kondizzjoni li jiġu mħarsa r-rekwiżiti minimi ta’ din id-Direttiva. B'mod partikolari, huma jistgħu jiddeterminaw f'liema perijodu qabel u/jew wara t-twelid jingħata d-dritt għall-benefiċċji tal-maternità.

(19) It-tul taż-żmien li matulu persuni li jaħdmu għal rashom ta’ sess femminili u l-konjuġi ta’ sess feminili jew, meta u sakemm din tkun rikonoxxuta mil-liġi nazzjonali l-life partner ta’ sess feminili, ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, tingħata benefiċċji tal-maternità għandu jkun simili għat-tul tal-leave tal-maternità għal impjegati li huwa attwalment fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni. F'każ li t-tul tal-leave tal-maternità mogħti lil impjegati jiġi modifikat fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill billi tagħmel valutazzjoni dwar jekk għandux jiġi modifikat it-tul tal-benefiċċji ta’ leave tal-maternità għal ħaddiema nisa li jaħdmu għal rashom u konjuġi ta’ sess feminili jew life partner tas-sess feminili msemmija fl-Artikolu 2.

(20) Biex jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet ta’ attivitajiet ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, nisa li jaħdmu għal rashom u l-konjuġi nisa jew, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners nisa, ta’ persuni li jaħdmu għal rashom għandhom jingħataw aċċess għal kwalunkwe servizz eżistenti li jipprovdi sostituzzjoni temporanja li jippermettilhom li jinterrompu l-attività tax-xogħol tagħhom minħabba t-tqala jew minħabba li qed irabbu t-tfal, jew għal kwalunkwe servizz soċjali nazzjonali eżistenti. L-aċċess għal dawk is-servizzi jista’ jkun alternattiva għal, jew parti mill-allowance tal-maternità.

(21) Il-persuni li kienu suġġetti għal diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess għandu jkollhom mezzi xierqa ta’ protezzjoni legali. Biex tingħata protezzjoni aktar effettiva, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet legali oħra għandhom jingħataw is-setgħa li jinvolvu ruħhom fi proċedimenti, kif jiddeċiedu l-Istati Membri, jew f'isem jew b'appoġġ għal kull vittima, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta’ proċedura dwar rappreżentazzjoni u difiża quddiem il-qrati.

(22) Il-protezzjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u konjuġi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom u, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, mid-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess għandha tissaħħaħ bl-eżistenza ta’ korp jew korpi f'kull Stat Membru b'kompetenza li janalizzaw il-problemi involuti, jistudjaw soluzzjonijiet possibbli u jagħtu assistenza prattika lill-vittmi. Il-korp jew korpi jistgħu jkunu l-istess bħal dawk b’responsabbiltà fuq livell nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

(23) Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u b'hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli.

(24) Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jkun żgurat livell għoli komuni ta’ protezzjoni mid-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-attwazzjoni fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom, jew li jikkontribwixxu għall-eżerċizzju ta’ tali attività, fir-rigward ta’ dawk l-aspetti li mhumiex koperti bid-Direttivi 2006/54/KE u 79/7/KEE.

2. L-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi tibqa' koperta bid-Direttiva 2004/113/KE.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tkopri:

(a) persuni li jaħdmu għal rashom, jiġifieri l-persuni kollha li jeżerċitaw attività bi qligħ għal rashom, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali;

(b) il-konjuġi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom jew, meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, il-life partners ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, li ma jkunux impjegati jew imsieħba fin-negozju, fejn huma abitwalment, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-persuna li taħdem għal rasha u jwettqu l-istess kompiti jew kompiti anċillari.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "diskriminazzjoni diretta" : fejn persuna waħda tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minħabba raġunijiet ta’ sess milli hija, kienet jew tkun trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

(b) "diskriminazzjoni indiretta" : fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li jidhru newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess wieħed fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, sakemm dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika mhumiex iġġustifikati oġġettivament minn għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma adatti u meħtieġa;

(c) "fastidju" : fejn isseħħ imġiba mhix mixtieqa relatata mas-sess ta’ persuna bil-fini jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità ta’ dik il-persuna, u li jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv;

(d) "fastidju sesswali" : meta titwettaq kull forma ta’ mġiba verbali, mhux verbali jew fiżika mhux mixtieqa ta’ natura sesswali, bil-fini jew bl-effett ta’ vjolazzjoni tad-dinjità ta’ persuna, b’mod partikolari meta jinħoloq ambjent intimidanti, ostili, degradanti, umiljanti jew offensiv.

Artikolu 4

Prinċipju ta’ trattament ugwali

1. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm assolutament l-ebda diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess fis-settur pubbliku u f'dak privat, kemm direttament kif ukoll indirettament, pereżempju fir-rigward tal-istabbiliment, it-tagħmir jew l-estensjoni ta’ negozju jew it-tnedija jew l-estensjoni ta’ kull forma oħra ta’ attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

2. Fl-oqsma koperti bil-paragrafu 1, il-fastidju u l-fastidju sesswali għandhom jitqiesu bħala diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u għalhekk għandhom jiġu pprojbiti. Ir-rifjut ta’ jew is-sottomissjoni għal tali mġiba minn persuna ma jistgħux jintużaw bħala bażi għal deċiżjoni li tolqot lil dik il-persuna.

3. Fl-oqsma koperti bil-paragrafu 1, ordni li tiddiskrimina kontra persuni fuq bażi ta’ sess għandha titqies bħala diskriminazzjoni.

Artkolu 5

Azzjoni pożittiva

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri fis-sens tal-Artikolu 157(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol li tkun immirata, pereżempju, għall-promozzjoni ta’ inizjattivi tal-intraprenditorija fost in-nisa.

Artikolu 6

Stabbiliment ta’ kumpannija

Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet speċifiċi għal aċċess għal ċerti attivitajiet li japplikaw ugwalment għaż-żewġ sessi, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ kumpannija bejn il-konjuġi, jew bejn il-life partners meta u safejn huma rikonoxxuti bil-liġi nazzjonali, mhumiex aktar restrittivi mill-kondizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ kumpannija bejn persuni oħra.

Artikolu 7

Protezzjoni soċjali

1. Meta teżisti sistema għall-protezzjoni soċjali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-konjuġi u l-life partners msemmijin fl-Artikolu 2(b) jistgħu jibbenefikaw minn xi protezzjoni soċjali f'konformità mal-liġi nazzjonali.

2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk il-protezzjoni soċjali msemmija fil-paragrafu 1 hijiex implimentat fuq bażi obbligatorja jew volontarja.

Artikolu 8

Benefiċċji tal-maternità

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li nisa li jaħdmu għal rashom u konjuġi u life partners nisa msemmijin fl-Artikolu 2 ikunu jistgħu, skont il-liġi nazzjonali, jingħataw allowance tal-maternità li tkun biżżejjed biex tippermettilhom li jinterrompu l-attività tax-xogħol tagħhom minħabba t-tqala jew minħabba l-maternità għal mhux inqas minn 14-il ġimgħa.

2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk l-allowance tal-maternità msemmija fil-paragrafu 1 hijiex mogħtija fuq bażi obbligatorja jew volontarja.

3. L-allowance msemmija fil-paragrafu 1 għandha titqies li tkun biżżejjed jekk tiggarantixxi dħul għall-inqas ekwivalenti għal:

(a) l-allowance li l-persuna kkonċernata tirċievi f’każ li tieqaf temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet marbuta mal-istat ta’ saħħa tagħha u/jew;

(b) it-telf medju ta’ dħul jew ta’ profitt fir-rigward ta’ perijodu preċedenti komparabbli, suġġett għal kwalunkwe limitu stabbilit bil-liġi nazzjonali u/jew;

(c) kull allowance oħra relatata mal-familja stabbilita bil-liġi nazzjonali, suġġetta għal kwalunkwe limitu stabbilit bil-liġi nazzjonali.

4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li nisa li jaħdmu għal rashom u konjuġi u life partners nisa msemmijin fl-Artikolu 2 ikollhom aċċess għal kwalunkwe servizz eżistenti li jipprovdi sostituzzjonijiet temporanji jew għal kwalunkwe servizz soċjali nazzjonali eżistenti. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-aċċess għal dawk is-servizzi jkun alternattiva għal jew parti mill-allowance msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Difiża tad-drittijiet

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi, inkluż, fejn l-Istati Membri jqisu li jkun xieraq, proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-infurzar tal-obbligi taħt din id-Direttiva huma disponibbli għall-persuni kollha li jqisu li ġarrbu xi telf jew ħsara minħabba li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma ġiex applikat għalihom, anke wara li ntemmet ir-relazzjoni li fiha d-diskriminazzjoni hija allegata li saret.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet jew entitajiet legali oħra li għandhom, f'konformità mal-kriterji stabbiliti bil-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jiżguraw li din id-Direttiva tiġi osservata, jistgħu jidħlu, f'isem jew b’appoġġ għal min jagħmel l-ilment, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, f’kull proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv previst għall-infurzar tal-obbligi taħt din id-Direttiva.

3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali dwar limiti ta’ żmien biex issir azzjoni relatata mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Artikolu 10

Kumpens jew riparazzjoni

L-Istati Membri għandhom jintroduċu tali miżuri fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom li huma meħtieġa biex jiżguraw kumpens jew riparazzjoni reali u effettivi, kif l-Istati Membri hekk jiddeterminaw, għat-telf jew il-ħsara mġarrbin minn persuna minħabba diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, b’mod li tali kumpens jew riparazzjoni tkun dissważivi u proporzjonati għat-telf jew il-ħsara mġarrbin. Tali kumpens jew riparazzjoni m'għandhomx ikunu limitati mill-iffissar ta’ limitu ogħla preċedenti.

Artikolu 11

Korpi ta’ ugwaljanza

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-korp jew korpi maħtura skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/54/KE jkunu wkoll kompetenti għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ ta’ trattament ugwali tal-persuni kollha koperti minn din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompiti tal-korpi msemmijin fil-paragrafu 1 jinkludu:

(a) l-għoti ta’ assistenza indipendenti lil vittmi ta’ diskriminazzjoni li jressqu l-ilmenti ta’ diskriminazzjoni tagħhom, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ vittmi u assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet legali oħra msemmijin fl-Artikolu 9(2);

(b) it-twettiq ta’ stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni;

(c) il-pubblikazzjoni ta’ rapporti indipendenti u l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni relatata ma’ tali diskriminazzjoni;

(d) l-iskambju, fil-livell adatt, ta’ informazzjoni disponibbli mal-korpi korrispondenti Ewropej, bħall-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Artikolu 12

Integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sess

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont b'mod attiv tal-objettiv tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa meta jfasslu u jimplimentaw liġijiet, regolamenti, dispożizzjonijiet amministrattivi, linji politiċi u attivitajiet fl-oqsma msemmijin f'din id-Direttiva.

Artikolu 13

Disseminazzjoni ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti li huma diġà fis-seħħ, jinġiebu permezz tal-mezzi kollha adatti għall-attenzjoni tal-persuni kkonċernati fit-territorju kollu tagħhom.

Artikolu 14

Livell ta’ protezzjoni

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m'għandha taħt l-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi raġuni għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni mid-diskriminazzjoni diġà applikat mill-Istati Membri fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Rapporti

1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kummissjoni sal- 5 ta’ Awwissu 2015.

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fil-qosor biex jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill- 5 ta’ Awwissu 2016. Dak ir-rapport għandu jieħu kont ta’ kwalunkwe bidla legali li tikkonċerna t-tul ta’ żmien tal-leave tal-maternità għall-impjegati. Fejn ikun il-każ, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti biex tiġi emendata din id-Direttiva.

2. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jieħu kont tal-opinjonijiet tal-partijiet interessati.

Artikolu 16

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill- 5 ta’ Awwissu 2012. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2. Fejn ikun ġustifikat minn diffikultajiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk ikun meħtieġ, ikollhom perijodu addizzjonali ta’ sentejn sal- 5 ta’ Awwissu 2014 sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 7, u sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 8 fir-rigward tal-konjuġi u l-life partners nisa msemmijin fl-Artikolu 2(b).

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 17

Tħassir

Id-Direttiva 86/613/KEE għandha titħassar b’effett mill- 5 ta’ Awwissu 2012.

Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi magħmula għal din id-Direttiva.

Article 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is- 7 ta’ Lulju 2010

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Buzek

Għall-Kunsill

Il-President

O. Chastel

[1] ĠU C 228, 22.9.2009, p. 107.

[2] Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Mejju 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tat- 8 ta' Marzu 2010 (ĠU C 123 E, 12.5.2010, p. 5), il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta' Mejju 2010.

[3] ĠU L 359, 19.12.1986, p. 56.

[4] ĠU C 85, 17.3.1997, p. 186.

[5] ĠU L 6, 10.1.1979, p. 24.

[6] ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

[7] ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet