2009/894/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Novembru 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta Komunitarja għal għamara tal-injam (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9522) Test b’relevanza għaż-ŻEE
Official Journal L 320 , 05/12/2009 P. 0023 - 0032
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Novembru 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta Komunitarja għal għamara tal-injam (notifikata bid-dokument numru C(2009) 9522) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2009/894/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Lulju 2000 dwar skema riveduta tal-għoti tal-Ekotikketta Komunitarja [1], u partikolarment it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 6(1) tiegħu, Wara li kkonsultat il-Bord għall-Ittikkettar Ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea, Billi: (1) Skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000, l-Ekotikketta Komunitarja tista’ tingħata lil prodott li jkollu l-karatteristiċi li jippermettulu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib marbut mal-aspetti ambjentali prinċipali. (2) Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 jipprovdi li l-kriterji speċifiċi dwar l-Ekotikketta, imfassla abbażi tal-abbozz tal-kriterji magħmul mill-Bord għall-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu stabbiliti skont gruppi ta’ prodotti. (3) Il-kriterji ekoloġiċi, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tal-verifika relatati, għandhom ikunu validi għal erba’ snin mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni. (4) Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1980/2000, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-grupp ta’ prodotti "għamara tal-injam" għandu jinkludi unitajiet waħedhom jew li huma parti minn għamara kbira, ta’ għamara domestika li jintużaw biex wieħed jerfa’, idendel, jimtedd, ipoġġi, jaħdem jew jiekol, kemm għall-użu fuq ġewwa u kemm fuq barra, jew użati ġewwa għal skopijiet ta’ negozju. L-iskopijiet ta’ negozju għandhom jinkludu għamara tal-uffiċċju u tal-iskola, kif ukoll għamara għal restoranti u lukandi. Għandhom ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) Il-prodott għandu jkun magħmul minn tal-anqas 90 % w/w injam solidu jew materjal abbażi ta’ njam. Ħġieġ, jekk jista’ jiġi sostitwit faċilment f’każ ta’ ħsara jew ksur, jista’ jiġi eskluż mill-kalkolu tal-piż, kif jistgħu jkunu wkoll apparat tekniku u fittings. (b) Il-piż ta’ kwalunkwe materjal individwali, minbarra njam solidu u materjal abbażi ta’ njam, ma għandux jeċċedi 3 % tal-piż totali tal-prodott. Il-piż totali flimkien ta’ dawn il-materjali ma għandux jeċċedi 10 % tal-piż totali tal-prodott. Artikolu 2 Sabiex jingħata l-Ekotikketta Komunitarja skont ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000, oġġett tal-għamara tal-injam irid jaqa’ fil-grupp ta’ prodotti "għamara tal-injam" kif inhu definit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni u għandu jikkonforma mal-kriterji ekoloġiċi stabbiliti fl-Anness. Artikolu 3 Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta’ prodotti "għamara tal-injam", kif ukoll ir-rekwiżiti għall-valutazzjoni u l-verifika relatati, għandhom ikunu validi għal erba’ snin mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 4 Għal skopijiet ta’ amministrazzjoni, in-numru tal-kodiċi mogħti lill-grupp ta’ prodotti "għamara tal-injam" għandu jkun "36". Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, it- 30 ta’ Novembru 2009. Għall-Kummissjoni Günter Verheugen Viċi President [1] ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS QAFAS L-għanijiet tal-kriterji Dawn il-kriterji għandhom l-għan b’mod partikolari li jippromwovu tnaqqis tal-impatt ta’ għamara tal-injam fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha. B’mod aktar speċifiku: - l-użu ta’ materjali prodotti b’mod aktar sostenibbli; - tnaqqis tal-użu ta’ sustanzi perikolużi u ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu; - prodott ittestjat għad-durabilità. Rekwiżiti ta’ valutazzjoni u verifika Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u l-verifika huma indikati f’kull kriterju. Fejn ikun xieraq, jistgħu jintużaw metodi tal-ittestjar differenti minn dawk indikati għal kull kriterju jekk l-ekwivalenza tagħhom hija aċċettata mill-Entità Kompetenti li tivvaluta l-applikazzjoni. Fejn l-applikant jintalab biex jipprovdi dokumentazzjoni, rapporti tat-testijiet tal-analiżi, jew evidenza oħra li turi l-konformità mal-kriterji, huwa mifhum li dawn jistgħu joriġinaw mingħand l-applikant u/jew il-fornitur(i) tiegħu u/jew il-fornitur(i) tagħhom, eċċ., kif xieraq. Il-valutazzjoni tal-konformità għandha titwettaq minn laboratorji akkreditati kif xieraq (fejn huwa possibbli) li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali tal-EN ISO 17025. Fejn ikun xieraq, l-Entitajiet Kompetenti jistgħu jitolbu dokumentazzjoni ta’ appoġġ u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti. Huwa rakkomandat li l-Entitajiet Kompetenti jqisu l-implimentazzjoni ta’ skemi rikonoxxuti tal-ġestjoni ambjentali, bħall-EMAS jew l-ISO14001, u d-Dikjarazzjonijiet tal-Prodotti Ambjentali meta jivvalutaw l-applikazzjonijiet u jimmonitorjaw il-konformità mal-kriterji (nota: mhuwiex meħtieg li jimplimentaw dawn id-dikjarazzjonijiet u l-iskemi ta’ ġestjoni, iżda huma mħeġġa li jagħmlu dan). KRITERJI Eżenzjonijiet Għandhom japplikaw l-eżenzjonijiet li ġejjin minn uħud mill-kriterji fuq il-materjal: (i) Materjali, minbarra njam solidu u materjali b’bażi ta’ njam, u minbarra dawk koperti mill-kriterji għat-trattament ta’ wċuħ u għall-immuntar tal-għamara, li jammontaw għal anqas minn 3 % tal-piż totali tal-prodott li għandu l-ekotikketta jistgħu jkunu eżentati mill-konformità mar-"rekwiżiti għall-injam u materjal abbażi ta’ njam". (ii) Partijiet fissi, bħal viti u msiemer, u oġġetti żgħar tal-metall għal bibien li jiżżerżqu u għal kxaxen huma eżentati mill-konformità mal-kriterji kollha għall-materjali. Valutazzjoni u verifika: Għandha tingħata informazzjoni xierqa fuq dawk il-materjali li huma eżentati mill-konformità ma’ wħud mill-kriterji. Il-kalkolu tal-perċentwali tal-materjali li jistgħu jkunu eżentati għandhom jinkludu l-ammont ta’ dawn il-materjali f’materjali komposti, ikun xi jkun il-perċentwali tal-materjal kompost fl-għamara finali li għandha Ekotikketta. Il-kalkolu tal-piż totali ma għandux jinkludi l-piż tal-fittings. 1. Deskrizzjoni tal-prodott Għandha tingħata deskrizzjoni tal-prodott (deskrizzjoni tal-funzjoni, isem il-prodott jew kodiċi tar-referenza; jekk ikunu disponibbli diversi tipi tal-istess prodott, tingħata deskrizzjoni tas-sottotipi li għalihom tapplika l-applikazzjoni). L-informazzjoni għandha tingħata fuq il-piż totali tal-prodott, il-materjali użati fil-prodott, inklużi l-partijiet fissi u l-fittings, u l-piż rispettiv tagħhom. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi deskrizzjoni tal-prodott lill-Entità Kompetenti, li fihom tkun inkluża l-informazzjoni deskritta hawn fuq. 2. Sustanzi perikolużi (a) L-ebda sustanza jew preparazzjoni li għandha, jew li waqt l-applikazzjoni tista’ tingħatalha, xi waħda minn dawn il-frażijiet ta’ riskju li ġejjin (jew kombinazzjonijiet tagħhom) ma tista’ tiġi miżjuda mal-prodott tal-injam: - R23: (tossiku jekk ikun hemm inalazzjoni), - R24: (tossiku jekk ikun hemm kuntatt mal-ġilda), - R25: (tossiku jekk jinbela’), - R26: (tossiku ħafna jekk ikun hemm inalazzjoni), - R27: (tossiku ħafna jekk ikun hemm kuntatt mal-ġilda), - R28: (tossiku ħafna jekk jinbela’), - R39 (periklu ta’ effetti serji ħafna li huma irriversibbli), - R40 (evidenza limitata ta’ effett karċinoġeniku), - R42 (jista’ jikkawża sensibilizzazzjoni jekk ikun hemm inalazzjoni), - R43 (jista’ jikkawża sensibilizzazzjoni jekk ikun hemm kuntatt mal-ġilda), - R45 (jista’ jikkawża l-kanċer), - R46 (jista’ jikkawża ħsara ġenetika li tintiret), - R48 (periklu ta’ ħsara serja għas-saħħa jekk ikun hemm esponiment fit-tul), - R49 (jista’ jikkawża l-kanċer jekk ikun hemm inalazzjoni), - R50 (tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi), - R51 (tossiku għall-organiżmi akkwatiċi), - R52 (jagħmel il-ħsara lill-organiżmi akkwatiċi), - R53 (jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku), - R60 (jista’ jnaqqas il-fertilità), - R61 (jista’ jikkawża ħsara lit-tarbija mhux imwielda), - R62 (riskju possibbli li tonqos il-fertilità), - R63 (riskju possibbli ta’ ħsara lit-tarbija mhux imwielda), - R68 (riskju possibbli ta’ effetti li huma irriversibbli), kif inhu stipulat fid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas- 27 ta’ Ġunju 1967 (id-Direttiva Dwar il-Preparazzjonijiet Perikolużi) rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta’ sustanzi perikolużi [1] (id-Direttiva Dwar Sustanzi Perikolużi), u l-emendi sussegwenti tagħha, u b’kunsiderazzjoni għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/45/KE [2] (id-Direttiva Dwar il-Preparazzjonijiet Perikolużi). Alternattivament, il-klassifikazzjoni tista’ titqies skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 [3]. F’dan il-każ l-ebda sustanza jew preparazzjoni ma tista’ tiġi miżjuda mal-materja prima li tiġi assenjata, jew li tista’ tiġi assenjata fil-ħin tal-applikazzjoni, dawn id-dikjarazzjonijiet ta’ periklu li ġejjin (jew kombinazzjonijiet tagħhom): H300, H301, H310, H311, H317 H330, H331, H334, H351, H350, H340, H350i, H400, H410, H411, H412, H413, H360F, H360D, H361f, H361d H360FD, H361fd, H360Fd, H360Df, H341, H370, H372. (b) Il-prodott ma għandux ikun fih aġenti aloġenati organiċi li jgħaqqdu (binding agents), azidirin jew polyaziridins kif ukoll pigmenti u addittivi bbażati fuq: - ċomb, kadmju, kromju (VI), merkurju u l-komponenti tagħhom, - arseniku, boron u ram, - landa organika. (c) Retardanti tal-fjammi li huma kimikament marbuta mal-matriċi/materjal jew mal-wiċċ tal-matriċi/materjal (retardanti tal-fjammi reattivi) biss jistgħu jintużaw fil-prodott. Jekk ir-retardanti tal-fjammi użati għandhom xi waħda mill-frażijiet-R elenkati hawn taħt, dawn ir-retardanti tal-fjammi għandhom, mal-applikazzjoni, jibdlu n-natura kimika tagħhom sabiex ma jibqgħux jiġġustifikaw klassifikazzjoni taħt kwalunkwe minn dawn il-frażijiet-R. (Anqas minn 0,1 % tar-retardanti tal-fjammi fuq il-matriċi/materjal jistgħu jibqgħu fil-forma ta’ qabel l-applikazzjoni.) - R40 (evidenza limitata ta’ effett karċinoġeniku), - R45 (jista’ jikkawża l-kanċer), - R46 (jista’ jikkawża ħsara ġenetika li tintiret), - R49 (jista’ jikkawża l-kanċer jekk ikun hemm inalazzjoni), - R50 (tossiku ħafna għall-organiżmi akkwatiċi), - R51 (tossiku għall-organiżmi akkwatiċi), - R52 (ta’ ħsara għall-organiżmi akkwatiċi), - R53 (jista’ jikkawża effetti negattivi fit-tul fl-ambjent akkwatiku), - R60 (jista’ jnaqqas il-fertilità), - R61 (jista’ jikkawża ħsara lit-tarbija mhux imwielda), - R62 (riskju possibbli li tonqos il-fertilità), - R63 (riskju possibbli ta’ ħsara lit-tarbija mhux imwielda), - R68 (riskju possibbli ta’ effetti li huma irriversibbli), kif inhu stipulat fid-Direttiva 67/548/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha. Ir-retardanti tal-fjammi li huma biss fiżikament imħallta fil-matriċi/materjali huma esklużi (retardanti tal-fjammi addittivi). Alternattivament, il-klassifikazzjoni tista’ titqies skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. F’dan il-każ l-ebda sustanza jew preparazzjoni ma tista’ tiġi miżjuda mal-materja prima li tkun ġiet assenjata, jew li tista’ fil-ħin tal-applikazzjoni tiġi assenjata, kwalunkwe mid-dikjarazzjonijiet ta’ periklu li ġejjin (jew kombinazzjonijiet tagħhom): H351, H350, H340, H350i, H400, H410, H411, H412, H413, H360F, H360D, H361f, H361d H360FD, H361fd, H360Fd, H360Df, H341. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jippreżenta dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ lista tal-ingredjenti u d-dokumentazzjoni relatata, bħal Dokumenti tal-Informazzjoni dwar is-Sigurtà. 3. Rekwiżiti għall-injam u materjal b’bażi ta’ njam (a) Ġestjoni sostenibbli tal-foresti Il-produttur għandu jkollu politika ta’ akkwist sostenibbli ta’ njam u sistema biex jittraċċa u jivverifika l-oriġini tal-injam u jsegwih minn mindu jkun għadu fil-foresti sa ma jasal fl-ewwel punt ta’ lqugħ. L-oriġini tal-injam għandha tkun dokumentata. Il-produttur irid jiżgura li l-injam kollu ġej minn sorsi legali. L-injam ma għandux jiġi minn żoni protetti jew żoni li qegħdin fil-proċess uffiċjali sabiex jiġu protetti, foresti li ilhom jikbru ħafna u foresti b’valur ta’ konservazzjoni għoli ħafna definiti fil-proċessi nazzjonali tal-partijiet interessati sakemm ma jkunx ċar li x-xiri sar skont ir-regolamenti tal-konservazzjoni nazzjonali. - Sat- 30 ta’ Ġunju 2011, għal prodotti tal-injam li jitpoġġew fis-suq bl-Ekotikketta, tal-anqas 50 % ta’ kwalunkwe njam solidu u 20 % ta’ materjal abbażi ta’ njam iridu joriġinaw jew minn foresti b’ġestjoni sostenibbli li ġew iċċertifikati minn skemi ta’ partijiet terzi indipendenti li jissodisfaw il-kriterji elenkati fil-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Diċembru 1998 dwar Strateġija għall-Forestrija għall-UE u żvilupp ulterjuri tagħha, jew minn materjali riċiklati. - Mill- 1 ta’ Lulju 2011, sal- 31 ta’ Diċembru 2012 għal prodotti tal-injam li jitpoġġew fis-suq bl-Ekotikketta, tal-anqas 60 % ta’ kwalunkwe njam solidu u 30 % ta’ materjal abbażi ta’ njam iridu joriġinaw jew minn foresti b’ġestjoni sostenibbli li ġew iċċertifikati minn skemi ta’ partijiet terzi indipendenti li jissodisfaw il-kriterji elenkati fil-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Diċembru 1998 dwar Strateġija għall-Forestrija għall-UE u żvilupp ulterjuri tagħha, jew minn materjali riċiklati. - Mill- 1 ta’ Jannar 2013, għal prodotti tal-injam li jitpoġġew fis-suq bl-Ekotikketta, tal-anqas 70 % ta’ kwalunkwe njam solidu u 40 % ta’ materjal abbażi ta’ njam iridu joriġinaw jew minn foresti b’ġestjoni sostenibbli li ġew iċċertifikati minn skemi ta’ partijiet terzi indipendenti li jissodisfaw il-kriterji elenkati fil-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Diċembru 1998 dwar Strateġija għall-Forestrija għall-UE u żvilupp ulterjuri tagħha, jew minn materjali riċiklati. Valutazzjoni u verifika: Biex jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, l-applikant għandu juri li kull wieħed mill-prodotti tal-injam li għandhom Ekotikketta, meta jiġi introdott fis-suq wara d-dati murija fil-kriterju ser jilħqu l-livell xieraq ta’ njam ċertifikat. Jekk dan ma jistax jintwera, l-entità kompetenti għandha toħroġ biss il-liċenzja tal-Ekotikketta għall-perjodu li għalih tista’ tintwera l-konformità. L-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa mill-fornitur tal-injam fejn jindika t-tipi, il-kwantitajiet u l-oriġini eżatta tal-injam użat fil-produzzjoni tal-għamara. L-applikant għandu jipprovdi ċertifikat(i) xieraq/xierqa li juri/u li l-iskema taċ-ċertifikazzjoni tissodisfa kif suppost ir-rekwiżiti kif stabbiliti fil-paragrafu 15 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Diċembru 1998 dwar Strateġija għall-Forestrija għall-UE. Definizzjoni: Materjal b’bażi ta’ njam ifisser materjal magħmul billi jiġu mwaħħla flimkien permezz ta’ sustanzi adeżivi u/jew kolla, wieħed jew aktar minn dawn il-materjali: fibri tal-injam, u/jew folji tal-injam bil-qoxra mneħħija jew imqaxxra, u/jew fdalijiet ta’ njam minn foresti, kultivazzjonijiet, injam maqtugħ, fdalijiet mill-industrija tal-mases rotob tal-injam/karta, u/jew injam riċiklat. Materjali b’bażi ta’ njam jinkludu: hardboard, fiberboard, fiberboard b’densità medja, chipboard, OSB (Oriented Strand Board), plywood, u pannelli ta’ njam solidu. It-terminu "materjal b’bażi ta’ njam" jirreferi wkoll għal materjali komposti magħmula minn pannelli abbażi ta’ njam miksija bi plastik, jew plastik laminat, jew metalli, jew materjali oħra li jiksu u pannelli abbażi tal-injam lesti/semimanifatturati. Materjali abbażi ta’ njam lesti jew semimanifatturati, u materjal b’bażi ta’ njam miksi bi plastik, jew plastik laminat, jew metalli, jew materjal ieħor tal-kisi għandhom jikkonformaw mal-kriterji għat-trattament ta’ wċuħ flimkien mal-kriterji stabbiliti taħt din it-taqsima. (b) Fibri tal-injam riċiklati Injam post consumer, laqx jew fibri applikati fil-produzzjoni ta’ materjal b’bażi ta’ njam (input), għandu tal-anqas jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-istandard tal-industrija tal-EPF, kif irrappurtat fil-paragrafu 6 tad-dokument "Standard tal-EPF għall-kundizzjonijiet ta’ kunsinna ta’ njam riċiklat" tal- 24 ta’ Ottubru 2002. It-tabella tal-istandard ta’ referenza hija mehmuża wkoll fl-appendiċi. Valutazzjoni u verifika: Għandha tingħata dikjarazzjoni li l-injam post-consumer huwa applikat fil-produzzjoni ta’ materjali b’bażi ta’ njam. Barra minn dan, ir-riżultati tat-testijiet għandhom jiġu ppreżentati biex tkun verifikata l-konformità mal-valuri tal-limitu kif stipulat fl-appendiċi. (c) Sustanzi tal-mili u sustanzi preservattivi (i) Għamara ta’ ġewwa ma għandhiex tkun mimlija b’sustanzi tal-mili. Għall-għamara l-oħra kollha, fejn jintużaw is-sustanzi tal-mili jew preservattivi, dawn għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar is-sustanzi perikolużi (it-Taqsima 2). (ii) L-injam solidu, wara t-tqattigħ, ma għandux ikun trattat b’sustanzi jew preparazzjonijiet li jkun fihom sustanzi li huma inklużi fil-listi li ġejjin: - Il-klassifika rakkomandata mill-WHO ta’ pestiċidi perikolużi klassifikati bħala klassi 1a (estremament perikolużi), - Il-klassifika rakkomandata mill-WHO ta’ pestiċidi perikolużi klassifikati bħala klassi 1b (perikolużi ħafna). Barra minn dan, it-trattament tal-injam għandu jkun skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 79/117/KEE [4] u d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE [5]. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jippreżenta dikjarazzjoni li turi konformità ma’ dan il-kriterju, lista tas-sustanzi li ġew użati u dokument ta’ informazzjoni għal kull wieħed minnhom. (d) L-użu ta’ sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi fil-produzzjoni ta’ materjali b’bażi ta’ njam Minbarra r-rekwiżiti tat-Taqsima 2 dwar sustanzi perikolużi, is-sustanzi u l-preparazzjonijiet kollha użati fil-produzzjoni tal-materjal b’bażi ta’ njam għandhom jissodisfaw dan li ġej: (i) Injam verġni ma għandux ikun trattat b’sustanzi jew preparazzjonijiet li jkun fihom sustanzi li huma inklużi fil-listi li ġejjin: - Il-klassifika rakkomandata mill-WHO ta’ pestiċidi perikolużi klassifikati bħala klassi 1a (estremament perikolużi), - Il-klassifika rakkomandata mill-WHO ta’ pestiċidi perikolużi klassifikati bħala klassi 1b (perikolużi ħafna). Barra minn dan, it-trattament tal-injam għandu jkun skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 79/117/KEE u d-Direttiva 76/769/KEE. (ii) Il-kontenut ta’ formaldehyde liberu fi prodotti u preparazzjonjiet użati fil-pannelli ma għandux jeċċedi 0,3 % (w/w). Il-kontenut ta’ formaldehyde liberu f’aġenti li jgħaqqdu, sustanzi adeżivi, u kolla għal pannelli tal-plywood jew pannelli tal-injam laminati ma għandux jeċċedi 0,5 % (w/w). Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjonijiet xierqa li jivverifikaw li r-rekwiżiti ta’ hawn fuq intlaħqu. Għall-prodotti kimiċi użati fil-produzzjoni tal-materjali b’bażi ta’ njam għandu jiġi ppreżentat Dokument tal-Informazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Materjal jew dokumentazzjoni ekwivalenti li tinkludi informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-periklu għas-saħħa. (e) Emissjonijiet ta’ formaldehyde minn materja prima mhux ittrattata tal-injam Materjali b’bażi ta’ njam huma permessi biss f’biċċa għamara jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejin: (i) Chipboard: l-emissjoni ta’ formaldehyde miċ-chipboard fl-istat primarju tagħhom, jiġifieri qabel ma jinħadmu bil-magni jew jinksew, ma għandhiex taqbeż 50 % tal-valur massimu li jippermetti li tiġi kklassifikata bħala E1 skont l-istandard EN 312. Valutazzjoni u verifika: L-applikant u/jew il-fornitur tiegħu għandhom jipprovdu evidenza li l-materjali b’bażi ta’ njam jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit skont l-istandard Ewropew EN 312-1 (ii) Fiberboard: Il-formaldehyde imkejjel fi kwalunkwe fiberboard użat ma għandux jaqbeż 50 % tal-valur massimu li jippermetti li jiġi kklassifikat bħala ta’ kwalità ta’ klassi A skont l-EN 622-1. Madankollu, il-fiberboards ikklassifikati bħala Klassi A ser jiġu aċċettati jekk ma jirrappreżentawx aktar minn 50 % tal-injam u l-materjali b’bażi ta’ njam totali użati fil-prodott. Valutazzjoni u verifika: L-applikant u/jew il-fornitur tiegħu għandhom jipprovdu evidenza li l-materjali b’bażi ta’ njam jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit skont l-istandard Ewropew EN 622-1. (f) Injam modifikat ġenetikament Il-prodott ma għandux ikun fih injam OMĠ. Valutazzjoni u verifika: l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li ma ntuża l-ebda njam OMĠ. 4. Kriterji għat-trattament ta’ wċuħ It-trattament ta’ wċuħ jirreferi għall-proċess tat-trattament ta’ wċuħ jew għal partijiet singoli/komponenti tal-għamara, jew għall-għamara kollha kemm hi. (a) It-trattament ta’ wċuħ bi plastik u metalli Plastik u metall għandhom ikunu permessi f’perċentwali sa 2 % tal-piż totali ta’ biċċa għamara. Dawn għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ġenerali dwar sustanzi perikolużi ddikjarati fit-Taqsima 2. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa li turi konformità ma’ dawn il-kriterji. (b) Trattamenti ta’ wċuħ oħra li mhumiex plastik u metalli Dan il-kriterju huwa marbut mal-kisi ta’ għamara u materjali tal-injam. (i) Sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (inkluż il-kontenut tal-VOC) Il-materjali, sustanzi u preparazzjonijiet kollha użati jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti dwar sustanzi perikolużi stabbiliti fit-taqsima 2. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dan il-kriterju, flimkiem ma’ lista ta’ ingredjenti u dokumentazzjoni relatata, bħal Dokumenti dwar il-Materjali u Dejta dwar is-Sikurezza. Barra minn dan, sustanzi kimiċi klassifikati bħala perikolużi għall-ambjent minn manifattur/fornitur tal-kimiċi skont is-sistema ta’ klassifikazzjoni Komunitarja (it-28 Emenda għad-Direttiva 67/548/KEE) għandhom jikkonformaw ma’ wieħed minn dawn iż-żewġ limiti li ġejjin: - Sustanzi kimiċi klassifikati bħala perikolużi għall-ambjent skont id-Direttiva 1999/45/KE ma għandhomx jiġu miżjuda mas-sustanzi u l-preparazzjonijiet għat-trattament ta’ wċuħ. Madankollu, il-prodotti jista’ jkun fihom sa 5 % ta’ komposti organiċi volatili (VOC) kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE [6] (VOC għandu jfisser kull kompost organiku li f’293.15 K ikollu pressa ta’ fwar ta’ 0,01 kPa jew aktar, jew li jkollu volatilità korrispondenti taħt kundizzjonijiet tal-użu partikolari.). Jekk ikun meħtieġ li l-prodott jitħallat bl-ilma, il-kontenut tal-prodott imħallat bl-ilma ma għandux jeċċedi l-valuri tal-limitu msemmija qabel. - Il-kwantità applikata (żebgħa mxarrba/verniċ) ta’ sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent skont id-Direttiva 1999/45/KE ma għandhomx jeċċedu 14 gm/m2 tal-erja tal-wiċċ u l-kwantità applikata (żebgħa mxarrba/verniċ) tal-VOC ma għandhiex teċċedi 35 g/m2. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju, flimkien ma’ dokumenti li jappoġġaw din id-dikjarazzjoni, li jinkludu: - riċetta kompleta bit-tqassim tal-kwantitajiet u n-numri tas-CAS għal sustanzi kostitwenti, - il-metodu tal-ittestjar u r-riżultati tat-testijiet għal kull sustanza preżenti fil-prodott, skont id-Direttiva 67/548/KEE, - dikjarazzjoni li tgħid li s-sustanzi kostitwenti kollha ġew iddikjarati, - l-għadd ta’ kisjiet u l-kwantità applikata għal kull kisja għal kull metru kwadru tal-wiċċ. Metodu tal-applikazzjoni: Il-gradi standard ta’ effikaċja li ġejjin jintużaw sabiex ikun ikkalkulat il-konsum ta’ prodott għat-trattament tal-wiċċ u tal-kwantità applikata: Apparat li jisprejja mingħajr riċiklaġġ 50 %, apparat li jisprejja b’riċiklaġġ 70 %, sprejjar elettrostatiku 65 %, sprejjar, qanpiena/diska 80 %, kisi bir-romblu 95 %, kisi komplut 95 %, kisi bil-vakwu 95 %, tgħaddis 95 %, tlaħliħ 95 %. (c) Formaldehyde L-emissjonijiet ta’ formaldehyde minn sustanzi u preparazzjonijiet għat-trattament tal-wiċċ li jilliberaw il-formaldehyde għandhom ikunu anqas minn 0,05 ppm. Valutazzjoni u verifika: L-applikant u/jew il-fornitur tiegħu għandhom jipprovdu dikjarazzjoni li r-rekwiżit ta’ hawn fuq ġew issodisfati, flimkien mal-informazzjoni dwar il-formolazzjoni tat-trattament tal-wiċċ (pereżempju dokumenti ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza tal-materjali). (d) Plastiċizzanti Jekk tiġi applikata xi sustanza plastiċizzanti matul il-proċess tal-manifattura, il-ftalati għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti għas-sustanzi perikolużi stabbiliti fit-taqsima 2. Barra minn dan, id-DNOP (di-n-octyl phthalate), id-DINP (di-isononyl phthalate), id-DIDP (di-isodecyl phthalate) mhumiex permessi fil-prodott. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ dan il-kriterju. (e) Bijoċidi Il-prodotti bijoċidali li fihom sustanzi attivi bijoċidali inklużi fl-Anness IA tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [7], u awtorizzati għall-użu fl-għamara, għandhom ikunu permessi għall-użu. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li r-rekwiżiti ta’ dan il-kriterju ġew issodisfati, flimkien ma’ lista ta’ prodotti bijoċidali użati. 5. Kriterji għall-immuntar ta’ għamara Dan il-kriterju huwa marbut mal-inkullar ta’ komponenti inklużi fl-immuntar ta’ għamara. pereżempju, sustanzi adeżivi (a) Sustanzi perikolużi f’addittivi u aġenti li jgħaqqdu Dawn iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsima 2 dwar sustanzi perikolużi. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjonijiet xierqa li jivverifikaw li r-rekwiżiti ta’ hawn fuq ġew issodisfati. Għal kull prodott kimiku użat fl-immuntar ta’ għamara, għandu jiġi ppreżentat Dokument ta’ Dejta dwar is-Sikurezza jew dokumentazzjoni ekwivalenti li jinkludu informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ periklu għas-saħħa. Rapporti tat-testijiet jew dikjarazzjoni mill-fornitur għandhom jiġu ppreżentati għall-kontenut ta’ formaldehyde liberu. (b) VOC Il-kontenut tal-VOC ta’ sustanzi adeżivi użati fl-immuntar ta’ għamara ma għandux jeċċedi 5 % (w/w). (VOC għandu jfisser kull kompost organiku li f’293,15 K ikollu pressa ta’ fwar ta’ 0,01 kPa jew aktar, jew li jkollu volatilità korrispondenti taħt kundizzjonijiet tal-użu partikolari). Valutazzjoni u verifika: Għandha tiġi ppreżentata dikjarazzjoni mill-applikant li tindika s-sustanzi adeżivi kollha użati fl-immuntar tal-għamara, kif ukoll konformità ma’ dan il-kriterju. 6. Kriterji għall-prodott finali (a) Durabilità u sikurezza Il-prodott għandu jissodisfa r-rekwiżiti dwar id-durabilità, is-saħħa, is-sikurezza u l-istabbiltà fl-istandards EN applikabbli għall-użu tal-prodott. Jekk ma jeżisti l-ebda standard EN, għandhom jintużaw ir-rekwiżiti fl-istandards ISO. Jekk ma jeżisti l-ebda standard EN jew ISO, għandha ssir evalwazzjoni tad-durabilità, is-saħħa, is-sikurezza u l-istabbiltà tal-prodott fuq il-bażi tad-disinn u l-għażla tal-materjali minn istituzzjoni għall-ittestjar indipendenti. Il-manwal tal-utent ser jipprovdi lista ta’ normi u standards li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni tad-durabilità. Minħabba l-importanza tal-kriterju tad-durabilità u sabiex tittejjeb l-istima tad-durabilità ta’ prodott, l-EUEB għandu jibda inizjattiva biex jippromwovi l-adozzjoni tal-istandards tad-durabilità EN li jridu jkunu disponibbli għar-reviżjoni li jmiss ta’ dawn il-kriterji. Valutazzjoni u verifika: Il-produttur għandu jipprovdi dikjarazzjoni kompluta flimkien ma’ dokumentazzjoni dwar il-metodi tal-ittestjar imwettqa mill-istituzzjoni akkreditata u r-riżultati tat-testijiet. (b) Manutenzjoni Il-manutenzjoni ta’ prodotti għandha tkun possibbli mingħajr solventi b’bażi organika. Il-manifattur għandu jiggarantixxi l-possibbiltà li tinkiseb parti għall-bdil (oġġetti funzjonali oriġinali jew oġġetti li jissodisfaw funzjonijiet ekwivalenti) fuq talba, matul il-perjodu attwali tal-manifattura industrijali tagħhom u għal perjodu ta’ 5 snin mid-data meta titwaqqaf il-produzzjoni tas-serje rilevanti. Valutazzjoni u verifika: L-applikant u/jew il-fornitur tiegħu għandhom jipprovdu dikjarazzjoni kompluta b’dokumenti li juru li dan il-kriterju ġie ssodisfat. (c) Riċiklaġġ u skart Il-prodott għandu jkun jista’ jiġi riċiklat faċilment. Deskrizzjoni dettaljata tal-aqwa metodi biex jintrema l-prodott (użu mill-ġdid, riċiklaġġ, inizjattiva fejn l-applikant jieħu l-prodott lura, produzzjoni tal-enerġija) għandha tingħata lill-konsumatur, u dawn għandhom jingħataw grad skont l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Għal kull għażla, għandhom jiġu ddikjarati b’mod ċar il-prekawzjonijiet meħtieġa biex ikun limitat l-impatt fuq l-ambjent. Valutazzjoni u verifika: L-applikant u/jew il-fornitur tiegħu għandu jipprovdi kampjun tal-informazzjoni li ser tiġi pprovduta u ġustifikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet. (d) Informazzjoni għall-konsumatur Din l-informazzjoni għandha tingħata mal-prodott li għandu Ekotikketta: - Informazzjoni dwar l-adegwatezza għall-iskop, fuq il-bażi ta’ użu domestiku jew kuntrattwali (ħafif jew tqil, fuq ġewwa jew fuq barra), - Informazzjoni dwar tindif u manutenzjoni, - Istruzzjonijiet għall-bdil ta’ ħġieġ (jekk ikun hemm) fuq talba f’każ ta’ ħsara jew ksur mill-manifattur jew mill-bejjiegħ, - Istruzzjonijiet li l-awtoritajiet lokali għandhom jiġu kkuntattjati dwar l-aqwa mod kif wieħed jarmi għamara qadima u materjali, - Istruzzjonijiet għall-immuntar, - L-aqwa użu mill-perspettiva ergonomika, fejn dan ikun rilevanti, - L-isem tal-ispeċi ta’ njam solidu, - Indikazzjoni ta’ kwalunkwe trattament jew preservattiv li ntuża fuq prodotti ta’ barra (kimiċi, bijoloġiċi jew fiżiċi), - Rakkomandazzjoni li l-konsumatur juża prodotti li għandhom Ekotikketta tal-UE għall-preservazzjoni futura tal-għamara. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-materjal ta’ informazzjoni pprovdut tal-prodott li għandu ekotikketta. (e) L-ippakkjar tal-prodott finali L-ippakkjar irid jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin: (i) Ikun magħmul minn wieħed minn dawn li ġejjin: - materjal li faċli jiġi riċiklat, - materjali meħuda minn riżorsi rinovabbli, - materjali maħsuba biex jerġgħu jintużaw, bħal kisi bit-tessuti. (ii) Il-materjali kollha għandhom ikunu jistgħu jiġu separati faċilment bl-idejn f’partijiet riċiklabbli li jikkonsistu minn materjal wieħed (pereżempju kartun, karta, plastik, tessuti). Valutazzjoni u verifika: Deskrizzjoni tal-ippakkjar tal-prodott għandha tingħata mal-applikazzjoni, flimkien ma’ dikjarazzjoni korrispondenti dwar il-konformità ma’ dawn il-kriterji. (f) Informazzjoni dwar l-imballaġġ It-test li ġej għandu jidher fuq l-imballaġġ: "Għal aktar informazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn dan il-prodott ingħata l-Fjura, jekk jogħġbok żur is-sit: http://www.ecolabel.eu" It-test li ġej (jew test ekwivalenti) għandu jidher ukoll fuq l-imballaġġ u fil-manwal tal-utent: "Għal aktar informazzjoni żur is-sit tal-Ekotikketta Ewropea. Informazzjoni addizzjonali tista’ tinkiseb fuq: isem/indirizz tad-dipartiment tal-konsumatur tal-applikant." Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-imballaġġ u l-manwal tal-utent tal-prodott u tal-informazzjoni mogħtija mal-prodott, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ konformità ma’ kull parti ta’ dan il-kriterju. (g) Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta Il-kaxxa 2 tal-Ekotikketta għandha tinkludi t-test li ġej: - injam minn foresti b’ġestjoni tajba, - sustanzi perikolużi ristretti, - prodott ittestjat għad-durabilità. Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kampjun tal-imballaġġ tal-prodott li juri t-tabella, flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-konformità ma’ dan il-kriterju. [1] ĠU 196, 16.8.1967, p. 1. [2] ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1. [3] ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1. [4] ĠU L 33, 8.2.1979, p. 36. [5] ĠU L 262, 27.9.1976, p. 201. [6] ĠU L 85, 29.3.1999, p. 1. [7] ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. -------------------------------------------------- Appendiċi Valuri tal-limitu ta’ elementi u sustanzi permessi f’fibri tal-injam riċiklati għall-produzzjoni ta’ materjali b’bażi ta’ njam Elementi u komposti | Valuri tal-limitu (mg/kg materjal b’bażi ta’ njam riċiklat) | Arseniku | 25 | Kadmju | 50 | Kromju | 25 | Ram | 40 | Ċomb | 90 | Merkurju | 25 | Fluworin | 100 | Kloru | 1000 | Pentachlorophenol (PCP) | 5 | Żjut tal-qatran (benzo(a)pyrene) | 0,5 | --------------------------------------------------