Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 977/2009 tad- 19 ta’ Ottubru 2009 li japprova emendi żgħar fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Boerenkaas (STG)]

Official Journal L 274 , 20/10/2009 P. 0019 - 0024


Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 977/2009

tad- 19 ta’ Ottubru 2009

li japprova emendi żgħar fl-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni rreġistrata fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Boerenkaas (STG)]

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal- 20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti [1], u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Olanda għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita msejħa "Boerenkaas", irreġistrata permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 149/2007 [2].

(2) L-għan tal-applikazzjoni huwa li l-ispeċifikazzjoni tkun emendata sabiex meta l-produzzjoni tkun tal-istaġun, il-verifiki jitwettqu minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat matul il-perjodu tal-produzzjoni. F’każ li, f’impriża, il-produzzjoni ta’ kull sena tal-"Boerenkaas" ma tkunx taqbeż il-25000 kilogramm, il-verifiki jitwettqu darbtejn fis-sena. Dawn it-tibdiliet qed ikunu proposti sabiex l-impriżi ż-żgħar ma jkollhomx iħabbtu wiċċhom ma’ spejjeż għall-verifiki li jkunu għoljin ferm.

(3) Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġġustifikata. Billi din hija emenda żgħira skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, il-Kummissjoni tista’ tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura mogħtija fl-Artikoli 8(2) u 9,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita msejħa "Boerenkaas" b’dan qed tiġi emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Fl-Anness II għal dan ir-Regolament qed tingħata speċifikazzjoni aġġornata.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id- 19 ta’ Ottubru 2009.

Għall-Kummissjoni

Mariann Fischer Boel

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.

[2] ĠU L 46, 16.2.2007, p. 18.

--------------------------------------------------

ANNESS I

L-ispeċifikazzjoni tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita msejħa "Boerenkaas" għandha tiġi emendata kif ġej:

Is-sentenzi li ġejjin għandhom jiżdiedu mal-punt 3.9 tal-ispeċifikazzjoni, li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti minimi u mal-proċeduri sabiex tkun ivverifikata n-natura speċifika tal-prodott:

"F’każ fejn il-produzzjoni tal-ġobon tat-tip "Boerenkaas" tkun tal-istaġun, il-verifiki jitwettqu minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat matul il-perjodu tal-produzzjoni. F’każ li, f’impriża, il-produzzjoni ta’ kull sena tal-"Boerenkaas" ma tkunx taqbeż il-25000 kilogramm, il-verifiki jitwettqu darbtejn fis-sena."

--------------------------------------------------

ANNESS II

"3. L-ispeċifikazzjoni aġġornata tal-prodott

3.1. Isem li għandu jkun irreġistrat/ismijiet li għandhom ikunu rreġistrati (l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

"Boerenkaas" (bl-Olandiż biss)

3.2. Jekk l-isem:

 huwiex speċifiku minnu nnifsu

+++++ TIFF +++++

jesprimix in-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

L-isem "Boerenkaas" huwa marbut b’mod speċifiku ma’ prodott li jsir, b’mod tradizzjonali, fir-razzett mill-ħalib mhux ipproċessat u miksub mill-merħla tal-bidwi stess. "Boeren" tfisser bdiewa, allura l-"Boerenkaas" huwa ġobon magħmul mill-bdiewa fl-irziezet.

3.3. Jekk l-isem hux qed jiġi rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

+++++ TIFF +++++

Reġistrazzjoni bl-isem riżervat

 Reġistrazzjoni bl-isem mhux riżervat

3.4. It-tip ta’ prodott [skont il-klassifika tal-Anness II]

Il-kategorija 1.3. Il-ġobon

3.5. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

Il-"Boerenkaas" huwa ġobon (bejn artab u) iebes magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tal-mogħoż, tan-nagħaġ jew tal-buflu. Il-kontenut tax-xaħam tal-"Boerenkaas" ivarja skont il-kontenut tax-xaħam tal-ħalib użat.

Il-ġobon jista’ jkun fih il-kemmun jew żrieragħ oħra, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar. Iktar ma l-ġobon ikun ilu li sar u iktar ma jkun ilu jimmatura, iktar jibbies u jinxef, u b’hekk isir ġobon iebes.

Xi eżempji tal-ismijiet tal-prodotti huma l-"Goudse Boerenkaas", il-"Goudse Boerenkaas met kruiden", l-"Edammer Boerenkaas", il-"Leidse Boerenkaas", il-"Boerenkaas van geitenmelk" u l-"Boerenkaas van schapenmelk".

3.6. Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

Il-materja prima li tintuża tista’ tkun:

a) ħalib mhux ipproċessat;

b) krema jew ħalib xkumat għal kollox jew b’mod parzjali miksub direttament mill-ħalib imsemmi fil-punt a;

ċ) l-ilma.

Il-ħalib li jintuża ma jridx ikun kellu trattament tas-sħana ta’ iktar minn 40 Ċ; l-attività tal-"phosphatase" trid tkun kompatibbli ma’ dik tal-ħalib mhux ipproċessat li jkun intuża.

Il-ħalib irid ikun ipproċessat biex isir ġobon fi żmien 40 siegħa minn x’ħin jinħaleb.

Il-materjali awżiljarji u l-addittivi

a) Il-kolturi tal-mikroorganiżmi li jiffurmaw l-aċidu lattiku, l-aċidu propjoniku u s-sustanzi aromatiċi (li ma jkunux ġenetikament modifikati)

b) It-tâmes (skont it-tifsira tal-Artikolu 5(a) tad-Digriet dwar il-Prodotti tal-Ħalib (l-Att dwar il-Prodotti))

ċ) Il-klorur tal-kalċju

d) In-nitrat tas-sodju

e) Iż-żrieragħ, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar

f) Il-klorur tas-sodju (permezz tat-tixrib fis-salmura)

Il-proċess tal-manifattura

- Il-ħalib mhux ipproċessat jitbaqqat f’temperatura ta’ madwar 30 °Ċ fi żmien 40 siegħa minn meta jinħaleb.

- Koltura ta’ tipi differenti ta’ batterji tal-aċidu lattiku twassal għall-aċidifikazzjoni.

- Wara li parti mix-xorrox jitqatta’, jitħawwad u jitneħħa, it-taħlita tax-xorrox u tal-baqta tinħasel darba jew tnejn bil-misħun. B’hekk, it-temperatura tat-taħlita titla’ għal mhux iktar minn 37 °Ċ.

- Wara li tkun ipproċessata, il-baqta titqiegħed fil-forom tal-ġobon.

- Qabel il-proċess tal-ippressar, jew matulu, titpoġġa marka tal-kaseina fuq il-ġobon bl-isem "Boerenkaas", u possibbilment ukoll bl-isem tat-tip tal-ħalib.

- Wara l-proċessi tal-ippressar u tal-aċidifikazzjoni tul għadd ta’ sigħat, il-ġobon jitħalla jixxarrab f’taħlita tas-salmura li 18 sa 22 % minnha tkun melħ komuni (klorur tas-sodju).

- Il-perjodu minimu għall-maturazzjoni fir-razzett huwa ta’ 13-il jum wara l-jum li fih ikun inbeda l-ipproċessar f’temperatura ta’ mill-inqas 12-il °Ċ.

- Sabiex jikseb it-togħma sħiħa li tikkaratterizzah, il-"Boerenkaas" jitħalla jimmatura iktar fil-kamra tal-maturazzjoni fir-razzett jew fil-bini tan-negozjant tal-ġobon. It-tul tal-proċess tal-maturazzjoni jvarja minn għadd ta’ ġimgħat għal iktar minn sena.

3.7. In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

Il-"Boerenkaas" huwa ġobon magħmul fir-razzett mill-ħalib mhux ipproċessat tal-baqar, tal-mogħoż, tan-nagħaġ jew tal-buflu. Mill-inqas nofs il-ħalib irid ikun ġej mill-merħla tal-bidwi nnifsu. Il-ħalib jista’ jinxtara minn mhux iktar minn żewġt irziezet oħra, imma l-kwantità totali mixtrija ma tistax taqbeż dik prodotta fir-razzett innifsu.

Sommarju tal-karatteristiċi tipiċi u tal-kompożizzjoni tal-"Boerenkaas"

Karatteristiċi | "Goudse Boerenkaas" | "Leidse Boerenkaas" | "Edammer Boerenkaas" | "Boerenkaas (van geitenmelk)", "Boerenkaas (van schapenmelk)", "Boerenkaas (van buffelmelk)" |

Il-materja prima | Ħalib tal-baqar | Ħalib tal-baqar | Ħalib tal-baqar | Ħalib tal-mogħoż, ħalib tan-nagħaġ u ħalib tal-buflu |

Il-forma | Bħall-"Gouda" (fil-forma ta’ ċilindru ċatt bit-truf ittundjati) | Bħal-"Leiden" (fil-forma ta’ ċilindru ċatt bit-truf bil-ponta) | Fil-forma ta’ ballun jew ta’ ħobża | |

Il-qoxra | Qoxra li tagħti mill-abjad għall-isfar, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon | Qoxra ħamra, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon | Qoxra li tagħti mill-abjad għall-isfar, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon | Qoxra li tagħti mill-abjad għall-isfar, jekk meħtieġ b’kisja tal-ġobon |

Il-konsistenza | Minn sod sa artab u li jista’ jinħadem | Minn sod sa iebes, u li jista’ jinqata’ fi bċejjeċ | Minn artab sa sod jew iebes, u li jista’ jinqata’ fi bċejjeċ | Minn sod sa artab u li jista’ jinħadem |

Il-formazzjoni tat-toqob | Toqob fil-ġobon kollu, b’kull toqba jkollha dijametru ta’ 2 mm. sa madwar 15-il mm.; l-ebda qasma (li tkun itwal minn ċentimetru) | Għadd limitat ta’ toqob żgħar li jiġu ffurmati meta jkun qed jiġi prodott il-ġobon, li jinsabu fil-ġobon kollu, b’kull toqba jkollha dijametru ta’ 1 sa 3 mm.; l-ebda qasma | Għadd limitat ta’ toqob, li jinsabu fil-ġobon kollu, b’kull toqba jkollha dijametru ta’ 2 sa madwar 8 mm.; l-ebda qasma | Toqob li jinsabu mqassmin bl-istess mod fil-ġobon kollu, jew inkella ġobon mingħajr toqob |

Il-pH | pH ta’ bejn 5,20 u 5,40 wara 12-il jum | pH ta’ bejn 5,20 u 5,30 wara 12-il jum | pH ta’ bejn 5,20 u 5,30 wara 12-il jum | pH ta’ bejn 5,10 u 5,30 wara 12-il jum |

Il-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa (f’perċentwal): | Il-kontenut kollu tax-xaħam, mill-inqas 48 % | 30 % u iktar, kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ta’ iktar minn 30 % imma ta’ inqas minn 35 %; jew 35 % u iktar, kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ta’ iktar minn 35 % imma ta’ inqas minn 40 % | 40 % u iktar, kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa ta’ iktar minn 40 % imma ta’ inqas minn 45 % | mill-inqas 45 % u iktar |

Il-kontenut massimu tal-indewwa | 42.5 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat) | 45 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat) | 47 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat) | 46 % (12-il jum wara li l-ġobon ikun ġie mmanifatturat) |

Il-kontenut tal-melħ (f’perċentwal) | Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 4 % fil-ġobon niexef | Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 4 % fil-ġobon niexef | Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 5 % fil-ġobon niexef | Minn ammont ta’ melħ ta’ 0,4 % sa mhux iktar minn 4 % fil-ġobon niexef |

L-ingredjenti miżjuda | Possibbilment il-kemmun, iż-żrieragħ, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar | Il-kemmun | Possibbilment il-kemmun | Possibbilment iż-żrieragħ, il-ħxejjex aromatiċi u/jew il-ħwawar |

It-tul minimu taż-żmien tal-maturazzjoni | 13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura | 13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura | 13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura | 13-il jum wara l-ewwel jum tal-manifattura |

It-temperatura minima tal-maturazzjoni | 12-il °Ċ | 12-il °Ċ | 12-il °Ċ | 12-il °Ċ |

L-attività tal-"phosphatase" | Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat | Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat | Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat | Livell normali għall-ħalib mhux ipproċessat |

3.8. In-natura tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

L-isem "Boerenkaas" huwa marbut b’mod speċifiku ma’ prodott li jsir, b’mod tradizzjonali, fir-razzett mill-ħalib mhux ipproċessat u miksub mill-merħla tal-bidwi stess.

Sal-1874 il-ħalib kollu kien ikun ipproċessat fl-irziezet stess. Wara, bil-mod il-mod il-ħalib beda jiġi pproċessat b’mod industrijali. Il-ħalib li jintuża biex isir il-ġobon minnu beda jkun ippasturizzat fl-ewwel ftit snin tas-seklu għoxrin. Il-proċess tal-pasturizzazzjoni wassal għat-telf tan-natura tal-ġobon magħmul fil-maħleb. Fl-irziezet, kompla jintuża l-metodu tradizzjonali għall-ipproċessar tal-ħalib mhux ipproċessat.

Minħabba fl-enżimi li wieħed isib b’mod naturali fil-ħalib, jiġifieri l-"lipase" tal-ħalib, u l-preżenza ta’ flora tal-batterji li tidħol fil-ħalib waqt li jkun qed jinħaleb u wara, il-ġobon li jsir minn dan il-ħalib mhux ipproċessat għandu iktar togħma, li hija deskritta bħala togħma iktar sħiħa u ħafna iktar qawwija. Għal ħafna konsumaturi, dan huwa dak li jiddistingwi t-togħma tal-"Boerenkaas" minn dik tal-ġobon li jkun "sar b’mod industrijali". Iktar ma jimmatura, iktar it-togħma tal-ġobon issir qawwija.

Fl-1982 iddaħħlu regoli ġodda bid-Deċiżjoni u d-Digriet dwar il-Prodotti tal-Ġobon abbażi tal-Att dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli. Dawn ir-regoli jkopru l-kwalità tal-ġobon, minn fejn ikun ġej il-ħalib, u l-metodu tal-produzzjoni. Il-marka nazzjonali relatata tiżgura li l-"Boerenkaas" huwa prodott tar-razzett, u li huwa magħmul mill-ħalib mhux ipproċessat li jkun inżamm għal żmien qasir biss, u li jkun ġej, fil-biċċa l-kbira tiegħu, mill-merħla tal-bidwi nnifsu.

Din il-leġiżlazzjoni ddaħħal ukoll il-possibbiltà li wieħed juża l-ħalib tal-mogħoż, tan-nagħaġ u tal-buflu, minbarra l-ħalib tal-baqar. Tagħmilha wkoll possibbli li wieħed jagħmel il-ġobon minn ħalib mhux ipproċessat li jkun fih inqas kontenut tax-xaħam.

Dan ta’ hawn fuq juri biċ-ċar in-natura speċifika tal-materja prima użata u tal-metodu tal-produzzjoni.

3.9. Ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri sabiex tkun ivverifikata n-natura speċifika (l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

Ir-rekwiżiti ta’ din l-ispeċifikazzjoni, kif deskritti fit-taqsima 3.6 (Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1 u fit-tabella mogħtija fit-taqsima 3.7 (In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)), japplikaw għall-"Boerenkaas" bħala speċjalità tradizzjonali garantita skont ir-Regolament (KE) Nru 509/2006.

Minn kull sitt ġimgħat sa tmienja, kull razzett ikun spezzjonat sabiex ikun żgurat li l-ħalib mhux ipproċessat li jintuża biex isir il-ġobon ikun frisk (li ma jkunx ilu iktar minn 40 siegħa li nħaleb) u sabiex ikun iċċekkjat l-użu tal-marka tal-kaseina. Darba fis-sena jsiru verifiki amminsitrattivi sabiex ikun ivverifikat minn liema rziezet ikun ġej il-ħalib użat. Il-verifiki tal-konformità mar-rekwiżiti tal-kompożizzjoni jkopru l-kontenut tax-xaħam fil-materja niexfa, il-kontenut tal-indewwa u l-kontenut tal-melħ fil-materja niexfa. Fl-istess ħin, dawn il-parametri jiġu ċċekkjati minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat [*].

Barra minn hekk, il-proċedura tal-ispezzjoni hija mfassla b’tali mod biex tiġi ċċekkjata l-konformità mal-karatteristiċi tipiċi l-oħrajn tad-diversi tipi ta’ "Boerenkaas" mogħtija fit-tabella fit-taqsima 3.7. Dawn il-verifiki dwar il-karatteristiċi tipiċi jitwettqu b’mod viżwali u jitwettqu wkoll fl-istess waqt minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat.

[*] F’każ fejn il-produzzjoni tal-ġobon tat-tip "Boerenkaas" tkun tal-istaġun, il-verifiki jitwettqu minn darba kull sitt ġimgħat sa darba kull tmien ġimgħat matul il-perjodu tal-produzzjoni. F’każ li, f’impriża, il-produzzjoni ta’ kull sena tal-"Boerenkaas" ma tkunx taqbeż il-25000 kilogramm, il-verifiki jitwettqu darbtejn fis-sena."

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet