Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fid-djar

Official Journal L 126 , 21/05/2009 P. 0003 - 0004


Regolament (KE) Nru 397/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas- 6 ta’ Mejju 2009

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-rigward tal-eliġibbiltà ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fid-djar

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 162 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkunsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Bil-għan li ttejjeb il-potenzjal Ewropew għat-tkabbir sostenibbli fuq perjodu ta’ żmien itwal, il-Kummissjoni, fis- 26 ta’ Novembru 2008, adottat Komunikazzjoni dwar Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku li tqis l-importanza li jsiru l-investimenti biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, inkluż il-qasam tad-djar.

(2) Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jappoġġja interventi fil-qasam tad-djar, inkluża l-effiċjenza fl-enerġija, favur biss tal-Istati Membri li aderew mal-Unjoni Ewropea fl- 1 ta’ Mejju 2004 jew wara, fejn ikunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [3]. Appoġġ bħal dan għall-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-enerġija rinovabbli fil-qasam tad-djar għandu jsir disponibbli għall-Istati Membri kollha.

(3) Għandu jingħata appoġġ għal dawk l-investimenti li jsiru fil-qafas ta’ skemi pubbliċi f’konformità mal-għanijiet tad-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali tal-enerġija u dwar servizzi tal-enerġija [4].

(4) Sabiex ikun żgurat li l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni kif stabbilita fl-Artikolu 158 tat-Trattat KE jiġu sodisfatti, l-interventi għandhom jappoġġaw il-koeżjoni soċjali.

(5) Fir-rapport annwali tagħha għall-2007, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri rrakkomandat li l-awtoritajiet leġiżlattivi u l-Kummissjoni jkunu lesti li jikkunsidraw mill-ġdid it-tfassil ta’ programmi ta’ nfiq futuri billi jagħtu konsiderazzjoni debita għas-simplifikazzjoni tal-bażi tal-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli u li jagħmlu użu akbar ta’ pagamenti ta’ somom f'daqqa jew b'rata fissa minflok rimborż tal-"ispejjeż reali".

(6) Sabiex tiġi żgurata s-simplifikazzjoni meħtieġa fit-tmexxija, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ operazzjonijiet li jirċievu għotja mill-FEŻR, b'mod partikolari meta marbuta ma' sistema ta’ rimborż imsejsa fuq ir-riżultati, huwa xieraq li jiżdiedu tliet forom addizzjonali ta’ spejjeż eliġibbli, jiġifieri, spejjeż indiretti, somom f'daqqa u finanzjamenti b'rata fissa bbażati fuq tabelli standard ta’ spejjeż unitarji.

(7) Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-eliġibilità tal-infiq, dawn il-forom addizzjonali ta’ spejjeż eliġibbli għandhom ikunu applikabbli għall-għotjiet kollha mogħtija mill-FEŻR. Għalhekk, għandha tkun meħtieġa l-applikazzjoni retroattiva b'effett mill- 1 ta’ Awwissu 2006, li hija d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006.

(8) Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 huwa b'danemendat kif ġej:

1) għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a. F'kull Stat Membru, l-infiq fuq it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u fuq l-użu ta’ enerġija rinovabbli fi djar eżistenti għandu jkun eliġibbli sa ammont ta’ 4 % tal-allokazzjoni totali tal-FEŻR.

L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-kategoriji tad-djar eliġibbli fir-regoli nazzjonali, f'konformità mal-Artikolu 56(4) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, sabiex tkun appoġġjata l-koeżjoni soċjali.";

2) il-frażi introduttorja tal-paragrafu 2 għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

"2. L-infiq fuq id-djar, minbarra dak għall-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-enerġija rinovabbli kif stabbilit fil-paragrafu 1a, għandu jkun eliġibbli biss għal dawk l-Istati Membri li aderew mal-Unjoni Ewropea fl- 1 ta’ Mejju 2004 jew wara, fejn ikunu ġew sodisfattil-kondizzjonijiet li ġejjin";

3) għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"4. Fil-każ ta’ għotjiet l-ispejjeż li ġejjin għandhom ikunu nfiq eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR, bil-kondizzjoni li dawn isiru skont ir-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli tal-kontabilità, u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi previsti aktar ’l isfel:

(i) spejjeż indiretti, iddikjarati fuq bażi ta’ rata fissa, sa 20 % tal-ispejjeż diretti ta’ operazzjoni;

(ii) spejjeż b'rata fissa kkalkulati b'applikazzjoni ta’ tabelli standard ta’ spejjeż unitarji, kif definiti mill-Istat Membru;

(iii) somom f'daqqa biex ikopru l-ispejjeż ta’ operazzjoni sħiħa jew parti minnha.

L-għażliet imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) jistgħu jiġu kkombinati biss fejn kull waħda minnhom tkopri kategorija differenti ta’ spejjeż eliġibbli jew fejn jintużaw għal proġetti differenti fl-istess operazzjoni.

L-ispejjeż imsemmija fil-punti (i), (ii) u (iii) għandhom jiġu stabbiliti minn qabel fuq il-bażi ta’ kalkolu ġust, ekwu u li jista’ jiġi vverifikat.

Is-somma f'daqqa msemmija fil-punt (iii) m'għandhiex taqbeż il-EUR 50000.".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 1(3) għandu japplika b'effett mill- 1 ta’ Awwissu 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is- 6 ta’ Mejju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. Pöttering

Għall-Kunsill

Il-President

J. Kohout

[1] L-Opinjoni tal- 25 ta' Frar 2009 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat- 2 ta' April 2009 (għadha mhijiex ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 5 ta' Mejju 2009.

[3] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1.

[4] ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet