Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar in-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali

Official Journal L 331 , 10/12/2008 P. 0021 - 0021


Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar in-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali

Skont l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar in-notifika ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [1] konkluż mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/326/KE [2] (minn hawn 'l quddiem "il-Ftehim"), kull meta jiġu adottati emendi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 [3], id-Danimarka għandha tavża lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħha jekk hiex ser timplimenta jew le l-kontenut ta' dawn l-emendi.

Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti), u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 [4] ġie adottat fit- 13 ta' Novembru 2007.

Skont l-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, id-Danimarka avżat lill-Kummissjoni bl-ittra tal- 20 ta' Novembru 2007 dwar id-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007. Skont l-Artikolu 3(6) tal-Ftehim, in-notifika Daniża toħloq obbligi reċiproċi bejn id-Danimarka u l-Komunità. B'hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 jikkostitwixxi emenda għall-Ftehim u hu kkunsidrat bħala anness tiegħu.

Skont l-Artikolu 3(4) tal-Ftehim, il-miżuri amministrattivi meħtieġa ser jidħlu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007.

[1] ĠU L 300, 17.11.2005, p. 55.

[2] ĠU L 120, 5.5.2006, p. 23.

[3] ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.

[4] ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet