Direttiva 2008/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi Test b’relevanza għaż-ŻEE
Official Journal L 327 , 05/12/2008 P. 0007 - 0008
Direttiva 2008/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 (1) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1], Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni, Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2], Billi: (1) L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/66/KE [3] għandu jiġi ċċarat sabiex il-batteriji u l-akkumulaturi li tqiegħdu fis-suq legalment fi kwalunkwe parti tal-Komunità qabel is- 26 ta’ Settembru 2008 u li mhumiex konformi ma' dik id-Direttiva jistgħu jibqgħu fis-suq fil-Komunità wara din id-data. Din il-kjarifika tagħti ċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ batteriji li jkunu tqiegħdu fis-suq fil-Komunità u tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Il-kjarifika hija konsistenti mal-prinċipju tal-minimizzazzjoni ta’ l-iskart u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. (2) Id-Direttiva 2006/66/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif meħtieġ, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Emenda għad-Direttiva 2006/66/KE L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2006/66/KE għandu jinbidel b’dan li ġej: "2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li batteriji jew akkumulaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva ma jitqiegħdux fis-suq wara s- 26 ta’ Settembru 2008. Batteriji u akkumulaturi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u li jitqiegħdu fis-suq wara din id-data għandhom jiġu rtirati mis-suq." Artikolu 2 Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal- 5 ta’ Jannar 2009. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. Artikolu 3 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Destinatarji Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Strasburgu, 19 ta’ Novembru 2008. Għall-Parlament Ewropew Il-President H.-G. Pöttering Għall-Kunsill Il-President J.-P. Jouyet [1] Opinjoni mogħtija fid- 9 ta' Lulju 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta' Lulju 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta' Ottubru 2008. [3] ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1. --------------------------------------------------