Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 666/2008 tal- 15 ta' Lulju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tar- Repubblika Demokratika tal-Kongo

Official Journal L 188 , 16/07/2008 P. 0001 - 0002


Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 666/2008

tal- 15 ta' Lulju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tar- Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/369/PESK ta’ l- 14 ta’ Mejju 2008 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo [1],

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 889/2005 [2] jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni 2005/440/PESK tat- 13 ta’ Ġunju 2005 rigward miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo [3] u skond ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1596 (2005) u r-riżoluzzjonijiet rilevanti sussegwenti.

(2) Permezz tar-Riżoluzzjoni 1807 (2008) tal- 31 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda, inter alia, li jimmodifika l-ambitu tal-miżuri restrittivi fuq ċertu assistenza teknika sabiex jiġu limitati r-restrizzjonijiet lill-entitajiet kollha mhux governattivi u l-individwi li joperaw fit-territorju tar-RDK. Fl- 14 ta’ Mejju 2008, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK, li tagħti effett lir-Riżoluzzjoni 1807 (2008) u tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2005/440/PESK.

(3) Huwa xieraq li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 889/2005 f’dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2005 huwa issa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 2 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 2

1. Għandu jiġi pprojbit:

(a) li tingħata assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe entità mhux governattiva jew persuna li topera fit-territorju tar- RDK;

(b) li jiġi provdut finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari inkluż, b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi jew materjal relatat, jew għal kwalunkwe għotja, bejgħ, forniment, jew trasferiment ta’ assistenza teknika relatata u servizzi oħra, direttament jew indirettament lil kwalunkwe entità mhux governattiva jew persuna li topera fit-territorju tar-RDK;

(ċ) li jkun hemm parteċipazzjoni, b’għarfien u b’intenzjoni, f’attivitajiet li l-iskop jew effett tagħhom huwa, direttament jew indirettament, li ssir promozzjoni tat-transazzjonijiet msemmija fil-paragrafi (a) u (b).

2. Il-forniment ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja lil kwalunkwe persuna, entità jew korp governattiv jew ieħor fir-RDK, jew għall-użu fir-RDK, minbarra l-forniment ta’ tali assistenza lill-Missjoni ta’ l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-RDK (MONUC) skond l-Artikolu 3(1)(a), għandu jkun notifikat bil-quddiem lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet. Tali notifiki għandu jkun fihom l-informazzjoni rilevanti kollha, inkluż, fejn xieraq, l-utent aħħari, id-data proposta għall-kunsinna u l-itinerarju tal-vjeġġ.";

(2) L-Artikolu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 3

1. B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness 1, fl-Istat Membru fejn il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit, jistgħu jawtorizzaw il-forniment ta’:

(a) assistenza teknika, finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma’ l-armi u l-materjal relatat maħsuba biss għall-appoġġ tal-MONUC u għall-użu minnha;

(b) assistenza teknika, finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, fejn l-għoti ta’ tali assistenza jew servizzi jkun ġie nnotifikat minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skond l-Artikolu 2(2).

2. L-ebda awtorizzazzjoni m’għandha tingħata għal attivitajiet li diġà seħħew.".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 15 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Barnier

[1] ĠU L 127, 15.5.2008, p. 84.

[2] ĠU L 152, 15.6.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1377/2007 (ĠU L 309, 27.11.2007, p. 1).

[3] ĠU L 152, 15.6.2005, p. 22.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet