Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 357/2008 tat- 22 ta' April 2008 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu Test b’relevanza għaż-ŻEE
Official Journal L 111 , 23/04/2008 P. 0003 - 0004
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 357/2008 tat- 22 ta' April 2008 li jemenda l-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 23 a(g) tiegħu, Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċifalopatiji sponġiformi li jinxterdu (TSEs) fl-annimali. Huwa japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali u f’ċerti każijiet speċifiċi għall-esportazzjoni tagħhom. (2) L-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għat-tneħħija u r-rimi ta’ materjal speċifikat ta’ riskju. (3) Fatturi differenti jindikaw tendenza favorevoli fl-epidemija ta’ l-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) u titjib ċar tas-sitwazzjoni fis-snin riċenti minħabba l-miżuri tat-tnaqqis tar-riskju fis-seħħ, b’mod partikolari l-projbizzjoni sħiħa ta’ l-għalf u t-tneħħija u l-qirda ta’ materjal speċifikat ta’ riskju. (4) Wieħed mill-għanijiet strateġiċi tar-Rotta Skedata tat-TSE tal-Kummissjoni, adottata fil- 15 ta’ Lulju 2005 [2], huwa li tiżgura u żżomm il-livell attwali ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tkompli tiżgura t-tneħħija bla periklu ta’ materjal speċifikat ta’ riskju iżda timmodifika l-lista jew l-età ta’ l-annimali għat-tneħħija ta’ materjal speċifikat ta’ riskju fuq il-bażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi ġodda u li qed jevolvu. (5) Fl-opinjoni tagħha tad- 19 ta’ April 2007 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ikkonkludiet li fuq il-bażi ta’ l-għarfien xjentifiku attwali l-infettività li x’aktarx tista’ tiġi osservata fis-sistema nervuża ċentrali ta’ l-ifrat tidher f’madwar tliet kwarti tal-perjodu ta’ inkubazzjoni u jista’ jkun previst li l-infettività ma tkunx tista’ tiġi osservata mill-ewwel jew tkun għadha nieqsa fl-ifrat li għandhom 33 xahar. (6) L-età medja ta’ każijiet pożittivi għall-BSE rapportati fil-Komunità telgħet minn 86 għal 121 xahar bejn l-2001 u l-2006. Fl-istess perjodu, seba’ każijiet biss ta’ BSE f’annimali bovini taħt l-età ta’ 35 xahar minn total ta’ 7413-il każ ta’ BSE, ibbażati fuq total ta’ aktar minn 60 miljun annimal bovin ittestjati kienu rrapportati fil-Komunità. (7) Għalhekk teżisti bażi xjentifika għar-reviżjoni tal-limitu ta’ l-età għat-tneħħija ta’ ċerti materjali speċifikati ta’ riskju fl-annimali bovini, b’mod partikolari fir-rigward tal-kolonna vertebrali. Fid-dawl ta’ l-iżvilupp ta’ l-infettività fis-sistema nervuża ċentrali waqt il-perjodu ta’ inkubazzjoni, l-istruttura ta’ l-età tal-każijiet pożittivi għall-BSE u t-tnaqqis fl-esponiment ta’ l-ifrat imwielda wara l- 1 ta’ Jannar 2001, il-limitu ta’ l-età għat-tneħħija tal-kolonna vertebrali, inkluż l-għerq tax-xewka tad-dar ta’ l-annimali bovini, bħala materjal speċifikat ta’ riskju jista’ jiżdied minn 24 għal 30 xahar. Skond dan, id-definizzjoni ta’ materjal speċifikat ta’ riskju fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandha tiġi emendata. (8) Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan. (9) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-punt 1(a)(ii) jinbidel b’dan li ġej: "(ii) il-kolonna vertebrali ħlief il-vertebri tad-denb, il-proċessi tas-sinsla u tat-trasversi tal-vertebri ċervikali, toraċiċi u tal-ġenbejn u l-krinjiera sakrali medjana u l-ġnub tas-sakrali, imma inkluż l-għerq tax-xewka tad-dar, ta’ annimali li għandhom iktar minn 30 xahar; u" Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 22 ta’ April 2008. Għall-Kummissjoni Androulla Vassiliou Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 315/2008 (ĠU L 94, 5.4.2008, p. 3). [2] COM(2005) 322 finali. --------------------------------------------------