Regolament (KE) Nru 299/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2008 li jemenda r- Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-livelli massimi ta' pestiċidi fl-ikel u l-għalf, jew fuq l-ikel u l-għalf, fir-rigward tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni
Official Journal L 097 , 09/04/2008 P. 0067 - 0071
Regolament (KE) Nru 299/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Marzu 2008 li jemenda r- Regolament (KE) Nru 396/2005 dwar il-livelli massimi ta' pestiċidi fl-ikel u l-għalf, jew fuq l-ikel u l-għalf, fir-rigward tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 37 u 152(4)(b) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1], Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni, Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2], Billi: (1) Ir-regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [3] jistipula li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [4]. (2) Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta' miżuri ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali li huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' att bażiku adottat skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia bit-tħassir ta' xi wħud minn dawn l-elementi jew b'elementi ġodda mhux essenzjali. (3) F'konformità mad-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [5] dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun tista’ tiġi applikata għal strumenti diġà fis-seħħ adottati skond il-proċedura ta’ Artikolu 251 tat-Trattat, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli. (4) Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 u l-kriterji meħtieġa biex jiġu stabbiliti ċerti livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi (MRLs) fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali, elenkati fl-annessi relevanti. Billi dawk il-miżuri huma ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali u mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, inter alia billi jissupplimentawh b'elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. (5) Għal finijiet ta' effiċjenza u sabiex ikun garantit għall-operaturi ekonomiċi proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet mingħajr dewmien, filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, għandu jkun possibbli li jitnaqqsu l-limiti taż-żmien previsti mill-proċedura regolatorja bi skrutinju għal adozzjoni ta' miżuri għat-twaqqif, l-inklużjoni, l-implimentazzjoni, il-modifika jew it-tneħħija ta' l-MRLs u għall-istabbiliment ta' lista ta' sustanzi attivi li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda MRL u kif ukoll lista ta' taħlitiet ta' sustanzi/prodotti attivi meta dawn is-sustanzi attivi huma użati bħala fumiganti fit-trattament ta' wara l-ħsad. (6) Meta għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, u b'mod partikolari fejn ikun hemm riskju għas-saħħa tal-bnedmin jew ta' l-annimali, il-limiti ta' żmien normali għall-proċedura regolatorja bi skrutinju ma jkunux jistgħu jiġu segwiti, il-Kummissjoni tkun tista' tapplika l-proċedura ta' urġenza stabbilta fl-Artikolu 5a (6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE sabiex tadotta miżuri għat-twaqqif, l-inklużjoni, l-implimentazzjoni, il-modifika jew it-tħassir ta' l-MRLs. (7) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif jixraq, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Emendi Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 huwa b'dan emendat kif ġej: 1) Fl-Artikolu 4, paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "1. Il-prodotti, gruppi ta' prodotti u/jew partijiet ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1) li għalihom għandhom japplikaw MRLs armonizzati, għandhom jiġu definiti fl-Anness I, u koperti minnu. Dik il-miżura mfassla sabiex temenda l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 45(3). L-Anness I għandu jinkludi l-prodotti kollha li għalihom l-MRLs huma stabbiliti, kif ukoll il-prodotti l-oħrajn li għalihom ikun xieraq li jkunu applikati MRLs armonizzati b'mod partikulari bil-ħsieb tar-relevanza tagħhom fid-dieta tal-konsumaturi jew fil-kummerċ. Il-prodotti għandhom ikunu miġbura b'mod li l-MRLs jistgħu sakemm ikun possibbli jkunu stabbiliti għal grupp ta' prodotti simili jew relatati." 2) Fl-Artikolu 5, paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "1. Sustanzi attivi ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huma evalwati taħt id-Direttiva 91/414/KEE u li għalihom mhumiex meħtieġa MRLs għandhom jiġu definiti u elenkati fl-Anness IV għal dan ir-Regolament, filwaqt li jittieħed kont ta' l-użu ta' dawn is-sustanzi attivi u l-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14(2), (a), (c) u (d). Dawk il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 45(4)."; 3) Fl-Artikolu 8, paragrafu 2 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "2. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal- Principji Uniformi ghall-evalwazzjoni ta' prodotti ghall-ħarsien tal-pjanti stabbiliti fl-Anness VI għad-Direttiva 91/414/KEE jew prinċipji ta' valutazzjoni speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' regolament tal-Kummissjoni. Dak ir-regolament imfassal sabiex jemenda elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentah, għandu jiġu adottat skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 45(3)."; 4) Fl-Artikolu 14, paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "1. Meta tiġi riċevuta l-opinjoni ta' l-Awtorità u filwaqt li jingħata l-piż xieraq lil dik l-opinjoni, għandha titħejja mill-Kummissjoni waħda minn dawn li ġejjin mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn tliet xhur: (a) regolament dwar l-istabbiliment, il-modifika jew it-tħassir ta' MRL. Dak ir-regolament, imfassal sabiex jemenda elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandu jiġi adottat skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 45(4). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 45(5) sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur; (b) deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni li għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 45(2)."; 5) Fl-Artikolu 15, paragrafu 2 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "2. Meta MRL temporanju jkun ġie stabbilit kif previst fil-paragrafu 1(b), dan għandu jitħassar mill-Anness III permezz ta' Regolament sena wara d-data ta' l-inklużjoni jew in-nuqqas ta' inklużjoni tas-sustanza attiva kkonċernata fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dak ir-Regolament imfassal sabiex jemenda l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandu jiġi adottat skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 45(4). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 45(5) sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Madankollu, fejn xi Stat Membru jew aktar hekk jitolbu, l-MRL temporanju jista' jinżamm fis-seħħ għal sena oħra sakemm tingħata l-konferma li jkun sar kull studju xjentifiku meħtieġ biex jappoġġa applikazzjoni għall-iffissar ta' MRL. Fil-każijiet fejn din il-konferma tingħata, l-MRL temporanju għandu jinżamm fis-seħħ għal sentejn oħra, kemm-il darba ma jkunux ġew identifikati riskji mhux aċċettabbli għas-sigurtà tal-kunsumatur."; 6) L-Artikolu 18 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 18 Konformita' ma' l-MRLs 1. Il-prodotti koperti bl-Anness I ma għandux ikun fihom, minn meta jitqiegħdu fis-suq bħala ikel jew għalf, jew jiġu mitmugħa lill-annimali, kwalunkwe residwu ta' pestiċida li jaqbeż: (a) l-MRLs għal dawk il-prodotti li jinsabu fl-Annessi II u III; (b) 0,01 mg/kg għal dawk il-prodotti li għalihom ma ġie ffissat l-ebda MRL speċifiku fl-Annessi II jew III, jew għal sustanzi attivi mhux elenkati fl-Anness IV ħlief jekk ikunu stabbiliti valuri awtomatiċi differenti għal sustanza attiva filwaqt li jittieħed kont tal-metodi analitiċi ta' rutina disponibbli. Dawn il-valuri awtomatiċi għandhom jitniżżlu fl-Anness V. Dik il-miżura mfassla sabiex temenda l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 45(4). Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista' tirrikorri ghall-proċedura ta' urġenza msemmija fl-Artikolu 45(5) sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. 2. L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu jew jimpedixxu l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti koperti bl-Anness I, jew li dawn jiġu mitmugħa lil annimali li jipprovdu l-ikel fit-territorji tagħhom, għar-raġuni li dawn ikun fihom residwi ta' pestiċida, kemm-il darba: (a) dawn il-prodotti jkunu konformi mal-paragrafu 1 u l-Artikolu 20; jew (b) is-sustanza attiva tkun elenkata fl-Anness IV. 3. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, wara trattament ta' wara l-ħsad magħmul b'fumigant fuq it-territorju tagħhom, il-livelli ta' residwi ta' sustanzi attivi li jaqbżu l-limiti speċifikati fl-Annessi II u III għal prodott kopert bl-Anness I fejn dawn it-taħlitiet ta' sustanzi/prodotti attivi jkunu elenkati fl-Anness VII kemm-il darba: (a) dawn il-prodotti ma jkunux intiżi għall-konsum immedjat; (b) ikunu jeżistu kontrolli adegwati li jiżguraw li dawn il-prodotti ma jistgħux jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta' l-utent finali jew il-konsumatur, jekk dawn ikunu fornuti direttament lil dan ta' l-aħħar, sakemm ir-residwi ma jkunux għadhom jaqbżu l-livelli massimi speċifikati fl-Annessi II jew III; (c) l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni jkunu ġew informati bil-miżuri meħuda. Il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament u sabiex jiddefinixxu t-taħlitiet ta' sustanzi/prodotti attivi elenkati fl-Anness VII, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 45(3). 4. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, u b'mod partikolari wara l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skond l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 91/414/KEE jew skond l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2000/29/KE [******], Stat Membru jista' jawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel jew għalf trattat li mhuwiex konformi mal-paragrafu 1 u/jew li dan jiġi mitmugħ lil annimali fit-territorju tiegħu, kemm-il darba dan l-ikel jew għalf ma jikkostitwix riskju mhux aċċettabbli. Dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità flimkien ma' stima xierqa tar-riskji għall-kunsiderazzjoni tagħhom mingħajr dewmien żejjed bil-għan li jiġi ffissat MRL temporanju għal perjodu speċifikat jew li tittieħed kwalunkwe miżura oħra meħtieġa b'konnessjoni ma' dawn il-prodotti. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 45(4). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 45(5) sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. 7) Fl-Artikolu 20, paragrafu 2 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "2. Fatturi speċifiċi ta' konċentrazzjoni jew ta' dilwizzjoni għal ċerti operazzjonijiet ta' pproċessar u/jew taħlit jew għal ċerti prodotti pproċessati u/jew imħallta jistgħu jiġu inklużi fil-lista ta' l-Anness VI. Dik il-miżura imfassla sabiex temenda l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 45(3)."; 8) Fl-Artikolu 21, paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "1. MRLs għal prodotti koperti bl-Anness I għall-ewwel għandhom jiġu stabbiliti u elenkati fl-Anness II, li jinkorpora l-MRLs stipulati fid-Direttivi 86/362/KEE, 86/363/KEE u 90/642/KEE, filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji elenkati fl-Artikolu 14(2) ta' dan ir-Regolament. Il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 45(3)."; 9) Fl-Artikolu 22, paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "1. L-MRLs temporanji għal sustanzi attivi li għalihom għad ma tteħditx deċiżjoni dwar l-inklużjoni jew in-non-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, għandhom għall-ewwel jiġu stabbiliti u elenkati fl-Anness III għal dan ir-Regolament, ħlief jekk dawn ikunu diġà elenkati fl-Anness II, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 45(2), filwaqt li jittieħed kont ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u, fejn huwa pertinenti, ta' l-opinjoni motivata msemmija fl-Artikolu 24, tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 14(2) u tal-MRLs li ġejjin: (a) l-MRLs li jkun għad baqa' fl-Anness tad-Direttiva 76/895/KEE; u (b) MRLs nazzjonali li jkunu għadhom mhux armonizzati. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju li tissemma fl-Artikolu 45(3)."; 10) Fl-Artikolu 27, paragrafu 2 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "2. Miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh u sabiex jiġu identifikati l-metodi ta' teħid ta' kampjuni meħtieġa sabiex jitwettqu dawn il-kontrolli tar-residwi tal-pestiċidi fi prodotti oħra għajr dawk stipulati fid-Direttiva 2002/63/KE [] għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 45(3) ta' dan ir-Regolament.". 11) L-Artikolu 45 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 45 Proċedura ta' kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' yl-ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru. 178/2002. 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jkunu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha. Il-perijodu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur. 3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha. 4. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4) u (5)(b) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha. Il-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 5a(3)(c) u (4)(b) u (e) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu ta' xahrejn, xahar u xahrejn rispettivament. 5. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1), (2), (4) u (6), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha."; 12) L-Artikolu 46 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 46 Miżuri ta' Implimentazzjoni 1. Miżuri ta' implementazzjoni sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan ir-Regolament, dokumenti ta’ gwida teknika sabiex jgħinu fl-applikazzjoni tiegħu u regoli dettaljati dwar id-data xjentifika meħtieġa għall-istabbiliment ta’ MRLs għandhom jiġu stabbiliti jew jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 45(2) tenut kont fejn huwa xieraq, ta' l-opinjoni ta' l-Awtorità. 2. Il-miżuri mfassal sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament u li huma relatati ma l-iffissar jew l-emendar tad-dati fl-Artikolu 23, l-Artikolu 29(2), l-Artikolu 30(2), l-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 32(5), għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 45(3) u, fejn ikun xieraq, iqisu l-opinjoni ta’ l-Awtorità."; 13) L-Artikolu 49 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 49 Miżuri Transitorji 1. L-obbligi tal-Kapitolu III ma għandhomx japplikaw għal prodotti li jkunu legalment manufatturati jew importati fil-Komunità qabel id-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 50. Madankollu, sabiex ikun żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur, jistgħu jittieħdu miżuri xierqa dwar dawn il-prodotti. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 45(5). 2. Fejn ikun hemm bżonn sabiex jiġu permessi l-kummerċjalizzazzjoni, l-ipproċessar u l-konsum normali ta' prodotti, jistgħu jiġu stipulati miżuri tranżitorji oħra għall-implementazzjoni ta' ċerti MRLs previsti fl-Artikoli 15, 16, 21, 22, u 25. Dawk il-miżuri li jkunu mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, u li jkunu mingħajr ħsara għall-obbligu li jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 45(4).". Artikolu 2 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tieghu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Strasburgu, 11 ta' Marzu 2008. Għall-Parlament Ewropew Il-President H.-G. Pöttering Għall-Kunsill Il-President J. Lenarčič [1] ĠU C 161, 13.7.2007, p. 45. [2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad- 29 ta' Novembru 2007 (M'għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Ufficjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 3 ta' Marzu 2008. [3] ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 178/2006 (ĠU L 29, 2.2.2006, p. 3). [4] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11). [5] ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1. [******] Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat- 8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/41/KE (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 51)."; [] Direttiva tal-Kummissjoni 2002/63/KE tal- 11 ta' Lulju 2002 tistabbilixxi metodi tal-Komunità ta’ teħid ta’ kampjuni għall-kontroll uffiċjali ta’ residwi ta’ pestiċidi ġo u fuq prodotti li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali u li tħassar id-Direttiva 79/700/KEE (ĠU L 187, 16.7.2002, p. 30).; --------------------------------------------------