2008/289/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 3 ta’ April 2008 dwar miżuri ta’ emerġenza li jirrigwardaw l-organizmu ġenetikament modifikat mhux awtorizzat Bt 63 fi prodotti tar-ross (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1208) Test b’relevanza għaż-ŻEE

Official Journal L 096 , 09/04/2008 P. 0029 - 0034


Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat- 3 ta’ April 2008

dwar miżuri ta’ emerġenza li jirrigwardaw l-organizmu ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63" fi prodotti tar-ross

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 1208)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/289/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel [1], u partikolarment l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikoli 4(2) u 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat [2] jipprevedu li l-ebda ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandu jitqiegħed fis-suq tal-Komunità sakemm ma jkunx kopert minn awtorizzazzjoni mogħtija skond dan ir-Regolament. L-Artikoli 4(3) u 16(3) ta’ l-istess Regolament jistipulaw li ebda ikel u għalf ġenetikament modifikat ma jista’ jkun awtorizzat sakemm ma jiġix muri b’mod adegwat u suffiċjenti li ma jkollux effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew l-ambjent, li ma jqarraqx bil-konsumatur jew l-utent, u li ma jkunx differenti mill-ikel jew mill-għalf li maħsub jissostitwixxi sal-punt li l-konsum normali tiegħu jkollu żvantaġġi ta' nuttriment għal bnedmin u annimali.

(2) F’Settembru 2006 kienu skoperti prodotti tar-ross li joriġinaw miċ-Ċina kkontaminati mir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63" fir-Renju Unit, fi Franza u fil-Ġermanja u s-Sistema Rapida ta' Twissija għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) ġiet mgħarrfa dwarhom.

(3) L-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi immedjatament intalbu jgħaddu tagħrif dettaljat dwar l-għamla ġenetika tar-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63". Intalbu wkoll spjegazzjonijiet dwar l-oriġini tal-preżenza tar-ross ġenetikament modifikat fis-suq Ċiniż u l-mod kif l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi kien bi ħsiebhom jiżguraw li l-prodotti esportati huma konformi mar-rekwiżiti Komunitarji. Bi tweġiba, l-awtoritajiet Ċiniżi wettqu kontrolli fuq il-każijiet notifikati fil-RASFF u waqqfu l-esportazzjonijiet mill-intrapriżi kkonċernati. Iddeċidew ukoll li jwettqu ttestjar fuq ross u prodotti tar-ross esportati u talbu lil intrapriżi ta’ esportazzjoni biex isaħħu l-kontrolli fuq xiri ta’ materja prima. Barra minn hekk, ingħata tagħrif lill-Kummissjoni dwar il-qagħda ġenerali tar-ross MĠ fis-suq Ċiniż u l-għamla ġenetika Bt ikkonċernata, li kkonferma li r-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63" fis-suq Ċiniż.

(4) L-Istati Membri kienu fil-pront mgħarrfa dwar il-qagħda matul il-laqgħat tal- 11 ta’ Settembru u tat- 23 ta’ Ottubru 2006 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali. L-Istati Membri u l-operaturi kienu mfakkra wkoll bil-miktub dwar l-obbligi tagħhom li jiżguraw li l-ebda OĠM mhux awtorizzat ma jitqiegħed fis-suq ta’ l-UE.

(5) Wara li permezz tar-RASFF ġew innotifikati bosta sejbiet ta’ ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63" matul il-perjodu bejn Settembru u Ottubru 2006, it-twissijiet rapidi waqfu, u dan appoġġja l-suppożizzjoni li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Ċiniżi kienu effettivi.

(6) Fi Frar 2007, ġiet notifikata mill-ġdid sejba ġdida ta’ ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63" permezz tar-RASFF. Din it-twissija ġdida kienet dwar kunsinna ta’ konċentrat ta’ proteina tar-ross għall-użu fl-għalf li waslet fil-Ġreċja billi għaddiet mill-Olanda. Il-kunsinna kkonċernata telqet miċ-Ċina fl- 20 ta’ Diċembru 2006, għalhekk wara l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ kontroll mill-awtoritajiet Ċiniżi. Wara li l-Kummissjoni għarrfithom dwar din it-twissija ġdida u talbet li tkun mogħtija garanziji addizzjonali, l-awtoritajiet Ċiniżi ddeċidew li jsaħħu t-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar ta' prodotti tar-ross u qed jeħtieġu li prodotti tar-ross ikunu akkumpanjati minn Ċertifikat ta’ Verifika u Kwarantina Ċiniżi uffiċjali. Il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali kien mgħarraf fit- 2 ta’ Marzu 2007.

(7) Minkejja l-miżuri mħabbra mill-awtoritajiet Ċiniżi, ġew irrappurtati sussegwentement bosta twissijiet oħrajn dwar il-preżenza ta’ ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63".

(8) Minkejja talbiet konsistenti mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Ċiniżi ma kienux kapaċi jipprovdu liċ-Ċentru għar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni (JRC) b’kampjuni ta’ kontroll u bi protokoll ta’ metodu ta’ identifikazzjoni li kienu xierqa kemm b’mod kwalitattiv kif ukoll b’mod kwantitattiv għall-JRC biex jivvalida l-metodu ta’ identifikazzjoni użat mill-awtoritajiet ta’ kontroll Ċiniżi.

(9) Meta wieħed iqis in-nuqqasijiet ta’ l-awtoritajiet kompetenti Ċiniżi biex jipprovdu garanziji suffiċjenti dwar in-nuqqas tar-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63" fi prodotti tar-ross li joriġinaw miċ-Ċina u bla ħsara għall-obbligi ta’ kontroll ta’ l-Istati Membri, għandhom jiġu adottati miżuri biex tkun żgurata strateġija komprensiva u komuni li tippermetti t-teħid ta’ azzjoni rapida u effettiva u tevita differenzi fit-trattament tas-sitwazzjoni mill-Istati Membri varji.

(10) L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi għall-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza Komunitarji xierqa għal ikel u għalf importati minn pajjiżi terzi biex tkun imħarsa s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent, meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri kkonċernati.

(11) Ladarba r-ross ġenetikament modifikat "Bt 63" mhuwiex awtorizzat taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja u minħabba s-suppożizzjoni ta’ riskju ta’ prodotti mhux awtorizzati skond ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li jqis il-prinċipju ta’ prekawzjoni stipulat fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, għandhom jittieħdu miżuri ta' emerġenza biex jiġi evitat li l-prodotti kkontaminati jitqiegħdu fis-suq Komunitarju.

(12) Skond ir-rekwiżiti ġenerali stipulati fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-operaturi kummerċjali ta’ l-ikel u l-għalf għandhom ir-responsabbiltà legali primarja li jiżguraw li l-ikel u l-għalf fi ħdan in-negozji taħt il-kontroll tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi ta’ l-ikel u biex jivverifikaw li jintlaħqu dawn ir-rekwiżiti. Għalhekk, huwa l-operatur responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq ta’ l-ikel u l-għalf li għandu d-dover li jagħti prova li dawn ma fihomx il-prodotti kkontaminati. Għal dan il-għan, il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jeħtieġu li l-kunsinni ta’ prodotti speċifiċi li jorġinaw miċ-Ċina jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jiġi pprovdut rapport analitiku li juri li l-prodotti mhumiex ikkontaminati bir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63". Ir-rapport analitiku għandu jinħareġ minn laboratorju akkreditat jew uffiċjali konformi ma’ standards rikonoxxuti internazzjonalment. Fil-każ ta’ rapport analitiku maħruġ minn laboratorju akkreditat, ikun xieraq jekk jiġi previst li dan ir-rapport huwa approvat mill-awtorità kompetenti rilevanti.

(13) Minħabba n-nuqqas ta' metodu ta’ identifikazzjoni vvalidat u kampjuni ta' kontroll ta' kwalità u kwantità adegwata – u sabiex il-kontrolli jkunu aktar faċli - ir-rapport analitiku għandu joħroġ permezz tal-metodu speċifiku għall-għamla żviluppat minn D. Mäde et al. (2006) [3]. Il-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju għal Ikel u Għalf Ġenetikament Modifikati (CRL-GMFF) fi ħdan iċ-Ċentru għar-Riċerka Konġunta (JRC) għaraf lil dan il-metodu bħala l-aktar wieħed xieraq attwalment.

(14) Għall-għan ta’ l-attivitajiet ta’ teħid ta’ kampjuni u ta’ identifikazzjoni meħtieġa sabiex jiġi evitat li prodotti kontaminati mir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63" jitpoġġew fis-suq, għandha tiġi meqjusa r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/787/KE ta’ l- 4 ta’ Ottubru 2004 dwar gwida teknika għal teħid ta’ kampjuni u identifikazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u materjal prodott minn organiżmi ġenetikament modifikati bħal jew fi prodotti fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 [4].

(15) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom ikunu proporzjonali u mhux restrittivi għall-kummerċ aktar milli meħtieġ u għalhekk għandhom ikopru biss prodotti li joriġinaw fi jew huma kkunsinnati miċ-Ċina lill-Komunità u meqjusa bħala li huma probabbilment kontaminati bir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63". Meta wieħed iqis il-varjetà kbira ta’ prodotti li jistgħu jiġu kontaminati bir-ross ġenetikament modifikat mhux awtorizzat "Bt 63", ikun xieraq li fil-mira jkun hemm lista twila ta’ prodotti li jista’ jkun fihom, ikunu magħmula minn jew huma prodotti mir-ross. Uħud mill-prodotti identifikati, madankollu, jista’ jew jista’ ma jkunx fihom, ma jkunux magħmula minn jew ma jkunux prodotti mir-ross. Għalhekk ikun proporzjonali li l-operaturi jkunu permessi joħorġu dikjarazzjoni sempliċi meta l-prodott ma jkunx fih, ma jkunx magħmul minn jew ma jkunx prodott mir-ross, biex b'hekk jevita l-analiżi u ċ-ċertifikazzjoni obbligatorja.

(16) Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-kontaminazzjoni possibbli ta’ prodott tar-ross bir-ross ĠM mhux awtorizzat Bt 63 għandha tiġi riveduta fi żmien sitt xhur sabiex ikun evalwat jekk il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhomx meħtieġa.

(17) Huwa xieraq li jiġi previst perjodu raġonevoli ta’ żmien bejn id-dħul fis-seħħ u d-data ta’ l-applikabbiltà ta’ din id-Deċiżjoni, sabiex l-Istati Membri jingħataw iż-żmien biex jagħmlu l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tagħha.

(18) Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ambitu

Din id-Deċiżjoni tapplika għall-prodotti ta’ l-ikel u ta’ l-għalf elenkati fl-Anness, li joriġinaw minn jew huma kkunsinnati miċ-Ċina.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għall-ewwel tqegħid fis-suq

1. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 biss fejn rapport analitiku oriġinali msejjes fuq il-metodu speċifiku għall-għamla żviluppat minn D. Mäde et al., għal identifikazzjoni tar-ross ġenetikament modifikat "Bt 63", maħruġ minn laboratorju uffiċjali jew akkreditat u li jakkumpanja l-kunsinna juri li l-prodott ma fihx, mhux magħmul minn u mhux prodott mir-ross ġenetikament modifikat "Bt 63". Fil-każ ta' rapport analitiku maħruġ minn laboratorju akkreditat Ċiniż, ir-rapport analitiku għandhu jiġi approvat mill-awtorità kompetenti rilevanti [5].

2. Jekk kunsinna ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tinqasam, kopja tar-rapport analitiku għandha takkumpanja kull parti tal-kunsinna maqsuma. Fin-nuqqas ta’ rapport analitiku kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-operatur stabbilit fil-Komunità li huwa responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodott għandu jkollu l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ttestjati biex juri li ma fihomx ir-ross ġenetikament modifikat "Bt 63". Fl-istennija tad-disponibilità tar-rapport analitiku, il-kunsinna ma għandhiex titqiegħed fis-suq Komunitarju.

3. Fejn prodott imsemmi fl-Anness ma fihx, mhux magħmul minn u mhux prodott mir-ross, minflok ir-rapport analitiku oriġinali tista’ tingħata stqarrija [6] mill-operatur responsabbli mill-kunsinna li tindika li l-ikel ma fihx, mhux magħmul minn u mhux prodott mir-ross.

Artikolu 3

Miżuri ta' kontroll

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa, inkluż teħid ta’ kampjuni għall-għarrieda u analiżi li titwettaq permezz tal-metodu msemmi fl-Artikolu 2, fir-rigward tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 ippreżentati għall-importazzjoni jew diġà fis-suq sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni. Għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’riżultati pożittivi (mhux favorevoli) permezz tas-Sistema Rapida ta' Twissija għall-Ikel u l-Għalf. Riżultati negattivi (favorevoli) għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni fuq bażi ta' kull tliet xhur.

Artikolu 4

Kunsinni kkontaminati

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 li jinsab li jkun fihom, huma magħmula minn jew huma prodotti mir-ross ġenetikament modifikat "Bt 63" ma jitqegħdux fis-suq.

Artikolu 5

L-irkupru ta’ l-ispejjeż

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż imġarrba fl-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 2 u 4 jaqgħu fuq l-operaturi responsabbli għall-ewwel tqegħid fis-suq.

Artikolu 6

Evalwazzjoni mill-ġdid tal-miżuri

Il-qagħda għandha tiġi evalwata mill-ġdid mhux aktar tard mill- 15 ta’ Ottubru 2008.

Artikolu 7

Applikabbiltà

Din id-Deċiżjoni hija applikabbli mill- 15 ta’ April 2008.

Artikolu 8

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 3 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla Vassiliou

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17).

[2] ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni KE) Nru 1981/2006 (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 99).

[3] Ir-Riċerka u t-Teknoloġija dwar l-Ikel ta' l-Ewropea, 224:271-278 (2006).

[4] ĠU L 348, 24.11.2004, p. 18.

[5] Ir-rapport analitiku għandu jinkiteb b’lingwa li tinftiehem mill-uffiċjal li jiċċertifika, biex b’hekk l-uffiċjal li jiċċertifika jkun kompletament konxju mis-sinifikat tal-kuntesti ta’ kull rapport analitiku li jiffirma u b’lingwa li tinftiehem mill-uffiċjal ta’ kontroll tal-pajjiż ta’ importazzjoni.

[6] L-istqarrija għandha tinkiteb b’lingwa li tinftiehem mill-operatur, biex b’hekk l-operatur jkun kompletament konxju mis-sinifikat tal-kuntesti ta’ l-istqarrija li jiffirma u b’lingwa li tinftiehem mill-uffiċjal ta’ kontroll tal-pajjiż ta’ importazzjoni.

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-Prodott | Kodiċi NM |

Ross fil-ħliefa ("paddy" jew aħrax) | 100610 |

Ross (kannella) mingħajr il-ħliefa | 100620 |

Ross nofsu mnaddaf jew imnaddaf kollu, sew jekk illustrat jew żmaltat, sew jekk le | 100630 |

Ross miksur | 10064000 |

Dqiq tar-ross | 11029050 |

Xgħir mitħun oħxon u smida tar-ross | 11031950 |

Pritkuni tar-ross | 11032050 |

Qmugħ tar-ross imqattgħin f’biċċiet irqaq | 11041991 |

Qmugħ taċ-ċereali rrumblati jew imqattgħin f'biċċiet irqaq (għajr għal qmugħ tal-ħafur, qamħ, segala, qamħirrum u xgħir, u ross imqatta’ f’biċċiet irqaq) | 11041999 |

Lamtu tar-ross | 11081910 |

Preparazzjonijiet għal trabi, imqegħda għal bejgħ bl-imnut | 19011000 |

Għaġin mhux imsajjar, mhux mimli u mhux ippreparat b’modi oħrajn, li fih il-bajd | 19021100 |

Għaġin mhux imsajjar, mhux mimli u mhux ippreparat b’modi oħrajn, li ma fihx bajd | 190219 |

Għaġin mimli, sew jekk imsajjar jew le, jew ippreparat b’modi oħrajn | 190220 |

Għaġin ieħor (għajr għal għaġin mhux imsajjar, mhux mimli u mhux ippreparat b’modi oħrajn, u għajr għal għaġin mimli, sew jekk imsajjar jew le jew ippreparat b’modi oħrajn) | 190230 |

Ikel ippreparat bl-infiħ jew ix-xiwi ta’ ċereali jew prodotti ta' ċereali, miksuba minn ross | 19041030 |

Preparazzjonijiet tat-tip Muesli bbażati fuq bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati | 19042010 |

Ikel ippreparat miksub minn bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati jew minn taħlitiet ta’ bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati jew ċereali minfuħa, miksuba minn ross (għajr għal preparazzjonijiet tat-tip Muesli bbażati fuq bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati) | 19042095 |

Ross, imsajjar minn qabel jew ippreparat b’modi oħrajn, mhux speċifikat jew inkluż imkien ieħor (għajr għal dqiq, xgħir mitħun oħxon u smida, preparazzjonijiet ta’ l-ikel miksuba bl-infiħ jew ix-xiwi jew bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati jew minn taħlitiet ta’ bċejjeċ ta' ċereali mhux inkaljati u bċejjeċ ta' ċereali inkaljati jew ċereali minfuħa) | 19049010 |

Karta tar-ross | ex19059020 |

Nuħħala, ponot u residwi oħra, sew jekk fl-għamla ta’ pritkuni u sew jekk le, derivati mill-għarbiel, it-tħin jew ipproċessar ieħor ta’ ross b’kontenut ta’ lamtu li ma jaqbiżx il-35 % bil-piż | 23024002 |

Nuħħala, ponot u residwi oħra, sew jekk fl-għamla ta’ pritkuni u sew jekk le, derivati mill-għarbiel, it-tħin jew ipproċessar ieħor ta’ ross, għajr għal dak b’kontenut ta’ lamtu li ma jaqbiżx il-35 % bil-piż | 23024008 |

Peptoni u d-derivativi tagħhom; sustanzi tal-proteina oħrajn u d-derivativi tagħhom, mhux speċifikati jew inklużi mkien ieħor; trab tal-ġlud, sew jekk kromat sew jekk le | 35040000 |

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet