Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 289/2008 tal- 31 ta’ Marzu 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 dwar regoli implimentattivi għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE fir-rigward tal-kontroll, ta’ l-immonitorjar, tas-sorveljanza u tar-restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-movimenti ta’ ċerti annimali ta’ speċi suxxettibbli għall-bluetongue Test b’relevanza għaż-ŻEE

Official Journal L 089 , 01/04/2008 P. 0003 - 0008


Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 289/2008

tal- 31 ta’ Marzu 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1266/2007 dwar regoli implimentattivi għad-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE fir-rigward tal-kontroll, ta’ l-immonitorjar, tas-sorveljanza u tar-restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-movimenti ta’ ċerti annimali ta’ speċi suxxettibbli għall-bluetongue

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE ta’ l- 20 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll u l-eradikazzjoni tal-bluetongue [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(ċ), l-Artikolu 11 u 12 u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1266/2007 [2] jistipula regoli għall-kontroll, monitorjar, sorveljanza u restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-movimenti ta’ ċerti annimali, b’rigward għall-bluetongue, fi u minn żoni ristretti. Jistabbilixxi wkoll il-kondizzjonijiet għall-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ applikabbli għall-movimenti ta’ annimali suxxettibli, is-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom stipulati fid-Direttiva 2000/75/KE.

(2) Meta l-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ applikabbli għall-movimenti ta’ l-annimali ta’ speċi suxxetibbli u għas-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom minn żoni ristretti huma applikati għal annimali jew prodotti bħal dawn maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju jew għal esportazzjoni lil pajjiż terz, iċ-ċertifikati tas-saħħa stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KE [3], id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE [4], id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE [5] u msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/444/KEE [6] għandhom jinkludu referenza għar-Regolament (KE) Nru 1266/2007. Fuq il-bażi ta’ l-esperjenza miksuba, jixraq li jiġi stipulat li jiżdied kliem ieħor ma’ dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa kollha sabiex il-kondizzjonijiet tas-saħħa, li taħthom l-annimali, is-semen, l-ova u l-embrijuni huma eżenti mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ, ikunu aktar espliċiti.

(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE ta’ l- 14 ta’ Ġunju 1988 li tistipula r-rekwiżiti tas-saħħa ta’ l-annimal applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju fi u importazzjonijiet tas-semen ta’ annimali domestiċi ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat [7], id-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE tal- 25 ta’ Settembru 1989 dwar kondizzjonijiet ta’ saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fi u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ embrijuni ta’ annimali domestiċi ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat [8], id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/388/KE tad- 19 ta’ Settembru 1995 li tistabbilixxi l-kampjun taċ-certifikat għall-kummerċ intra-Komunitarju fl-isperma, fl-ova u l-embrijuni ta’ l-ispeċje ovini u kaprini [9] u d-Deċiżjoni 93/444/KEE jistipulaw li ċertifikati tas-saħħa għandhom jakkumpanjaw il-movimenti tas-semen, ta’ l-ova u ta’ l-embrijuni ta’ l-ispeċi ta’ l-ifrat, ta’ l-ovini u tal-kaprini.

(4) Fuq il-bażi ta’ l-esperjenza miksuba, fejn eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ applikabbli għall-movimenti tas-semen, ta’ l-ova u ta’ l-embrijuni ta’ l-annimali ta’ l-ispeċi suxxetibbli miż-żoni ristretti huma applikabbli, dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa għandhom jinkludu wkoll referenza għar-Regolament (KE) Nru 1266/2007. Għalhekk għandu jiżdied kliem ieħor ma’ dawk iċ-ċertifikati tas-saħħa sabiex il-kondizzjonijiet tas-saħħa, skond liema s-semen, l-ova u l-embrijuni huma eżentati mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ, jkunu aktar espliċiti.

(5) Embrijuni u ova ta’ l-annimali ta’ l-ifrat li nkisbu in vivo ma joħolqux riskju sinifikanti b’rigward għall-bluetongue. Għalhekk, l-eżenzjonijiet mill-projbizzjoni fuq il-ħruġ għandhom ikunu applikabbli lilhom dment li l-annimali donaturi ma jurux sinjali kliniċi tal-bluetongue fil-jum tal-ġbir ta’ l-embrijuni u l-ova.

(6) Għal raġunijiet ta’ ċarezza, ċerti bidliet b’rigward l-annimali mlaqqma b’mod naturali msemmija fil-punti 6 u 7 ta’ l-Anness III u d-dispożizzjonijiet relatati ma’ l-ova u l-embrijuni għandhom jiddaħħlu fit-test.

(7) Ir-Reġolament (KE) Nru 1266/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(8) Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 huwa emendat skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 31 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla Vassiliou

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 74. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/729/KE (ĠU L 294, 13.11.2007, p. 26).

[2] ĠU L 283, 27.10.2007, p. 37.

[3] ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/729/KE.

[4] ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352).

[5] ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/265/KE (ĠU L 114, 1.5.2007, p. 17).

[6] ĠU L 208, 19.8.1993, p. 34.

[7] ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/120/KE (ĠU L 42, 16.2.2008, p. 63).

[8] ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/60/KE (ĠU L 31, 3.2.2006, p. 24).

[9] ĠU L 234, 3.10.1995, p. 30. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2005/43/KE (ĠU L 20, 22.1.2005, p. 34).

--------------------------------------------------

ANNESS

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007 hu ssostitwit b’li ġej:

"

"ANNESS III

Kondizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-probizzjoni fuq il-ħruġ (imsemmija fl-Artikoli 7(2)(a) u 8(1)(a))

A. Annimali

L-annimali jridu jkunu ġew protetti kontra attakki tal-Culicoides li jġorru l-mikrobu matul it-trasport lejn il-post tad-destinazzjoni.

Barra minn hekk, mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti minn 1 sa 7 għandha tiġi ssodisfata:

1. L-annimali nżammu sad-dispaċċ matul il-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu iddefinit f’konformità ma’ l-Anness V, f’żona ħielsa mill-bluetongue staġjonali, sa mit-twelid jew mill-inqas għal 60 jum qabel id-data tal-moviment u ġew suġġetti għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal ta’ Testijiet Dijanjostiċi u Vaċċini għall-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE) [*] ("Manwal għall-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE"), b’riżultati negattivi, li jkun sar mhux iktar kmieni minn sebat ijiem qabel id-data tal-moviment.

Madankollu, dak it-test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent mhux se jinħtieġ fi Stati Membri jew reġjuni ta’ Stat Membru fejn biżżejjed data epidemjoloġika, li tinkiseb wara l-implimentazzjoni ta’ programm ta' superviżjoni għal perjodu ta’ mhux inqas minn tlett snin, tissostanzja d-determinazzjoni tal-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu ddefinit f’konformità ma’ l-Anness V.

L-Istati Membri li jagħmlu użu minn dik il-possibbiltà għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali.

Meta l-annimali msemmija f’dan il-punt ikunu maħsubin għall-kummerċ fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, il-kliem supplimentari li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

"L-annimal(i) nżammu sad-dispaċċ f’żona ħielsa mill-bluetongue staġjonali matul il-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu li beda fi … (daħħal id-data) mit-twelid jew mill-inqas għal 60 jum u, jekk xieraq (indika kif xieraq) kienu suġġetti għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal għall-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE fuq kampjuni meħuda fi żmien sebat ijiem qabel id-dispaċċ, b’riżultati negattivi, f'konformità ma' l-Anness III.A(1) tar-Regolament Nru 1266/2007."

2. L-annimali nżammu sad-dispaċċ protetti kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel id-data tad-dispaċċ.

Meta l-annimali msemmija f’dan il-punt ikunu maħsubin għall-kummerċ fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, il-kliem supplimentari li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

"Annimal(i) f’konformità ma’ l-Anness III.A(2) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007."

3. L-annimali nżammu sad-dispaċċ f’żona ħielsa mill-bluetongue staġjonali matul il-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu, iddefinit f’konformità ma’ l-Anness V, jew ikunu ġew protetti kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 28 jum u ġew suġġetti matul dak il-perjodu għal test seroloġiku skond il-Manwal għall-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE għas-sejbien ta’ antikorpi għall-grupp tal-vajrus bluetongue, b’riżultati negattivi, li jkun sar mill-inqas 28 jum wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ protezzjoni kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu jew tal-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu.

Meta l-annimali msemmija f’dan il-punt ikunu maħsubin għall-kummerċ fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, il-kliem supplimentari li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

"Annimal(i) f’konformità ma’ l-Anness III.A(3) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007."

4. L-annimali nżammu sad-dispaċċ f’żona ħielsa mill-bluetongue staġjonali matul il-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu, iddefinit f’konformità ma’ l-Anness V, jew ikunu ġew protetti kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 14-il jum u jkunu ġew suġġetti matul dan il-perjodu għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal għall-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE, b’riżultati negattivi, li jkun sar mill-inqas 14-il jum wara d-data tal-bidu tal-perjodu ta’ protezzjoni kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu jew tal-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu.

Meta l-annimali msemmija f’dan il-punt ikunu maħsubin għall-kummerċ fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, il-kliem supplimentari li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

"Annimal(i) f’konformità ma’ l-Anness III.A(4) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007."

5. L-annimali joriġinaw minn merħla mlaqqma skond programm ta’ tilqim adottat mill-awtorità kompetenti u l-annimali jkunu tlaqqmu kontra s-serotip(i) preżenti jew li x’aktarx ikun(u) preżenti f'żona ġeografika ta’ l-oriġini rilevanti b’mod epidemjoloġiku, l-annimali jkunu għadhom fi ħdan il-perjodu ta’ żmien ta’ l-immunità ggarantit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vaċċin approvat fil-programm ta’ tilqim u l-annimali jkunu jissodisfaw mill-inqas wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) ikunu tlaqqmu iktar minn 60 jum qabel id-data tal-moviment;

(b) ikunu tlaqqmu b’vaċċin inattivat qabel mill-inqas in-numru ta’ jiem neċessarju għall-bidu tal-protezzjoni ta’ l-immunità stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vaċċin approvat fil-programm ta’ tilqim u jkunu ġew suġġetti għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE, b’riżultati negattivi, li jkun sar mill-inqas 14-il jum wara l-bidu tal-protezzjoni ta’ l-immunità stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vaċċin approvat fil-programm ta’ tilqim;

(ċ) tlaqqmu minn qabel u tlaqqmu mill-ġdid b’vaċċin inattivat fi ħdan il-perjodu ta’ żmien ta’ l-immunità ggarantit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vaċċin approvat fil-programm ta’ tilqim;

(d) inżammu matul il-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu, iddefinit f’konformità ma’ l-Anness V, f’żona ħielsa mill-bluetongue staġjonali, sa mit-twelid jew għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel id-data tat-tilqim u tlaqqmu b’vaċċin inattivat mill-inqas qabel in-numru ta’ jiem neċessarju għall-bidu tal-protezzjoni ta’ l-immunità stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vaċċin approvat fil-programm ta' tilqim.

Meta l-annimali msemmija f’dan il-punt ikunu maħsubin għall-kummerċ fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, il-kliem supplimentari li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

"Annimal(i) mlaqqma/mlaqqam kontra serotip/i tal-bluetongue … (niżżel is-serotip/i) bi … (niżżel l-isem tal-vaċċin) b’vaċċin inattivat/immodifikat (indika, kif xieraq) skond l-Anness III.A(5) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007";

6. L-annimali qatt ma tlaqqmu kontra l-bluetongue u dejjem inżammu f’żona ġeografika ta’ l-oriġini rilevanti b’mod epidemjoloġiku fejn mhux iktar minn serotip wieħed kien preżenti jew huwa preżenti jew x’aktarx li jkun preżenti u:

(a) ikunu ġew suġġetti għal test seroloġiku skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE għas-sejbien ta’ antikorpi kontra s-serotip tal-virus bluetongue, b’riżultati pożittivi; it-test irid isir bejn 60 u 360 jum qabel id-data tal-moviment; jew

(b) ikunu ġew suġġetti għal test seroloġiku skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE għas-sejbien ta’ antikorpi kontra s-serotip tal-vajrus bluetongue, b’riżultati pożittivi; it-test irid isir mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-moviment u l-annimali jridu jkunu suġġetti għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal ta' l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE, b’riżultati negattivi, li jkun sar mhux iktar kmieni minn sebat ijiem qabel id-data tal-moviment.

Meta l-annimali msemmija f’dan il-punt ikunu maħsubin għall-kummerċ fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, il-kliem supplimentari li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

"L-annimal(i) ikun(u) ġew/ġie suġġett(i) għal test seroloġiku skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE għas-sejbien ta’ antikorpi kontra s-serotip tal-virus bluetongue … (indika s-serotip) f’konformità ma’ l-Anness III.A(6) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007";

7. L-annimali qatt ma tlaqqmu kontra l-bluetongue u ġew suġġetti għal test seroloġiku speċifiku xieraq skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE għas-sejbien ta’ l-antikorpi speċifiċi kontra s-serotipi kollha tal-vajrus bluetongue preżenti jew li x’aktarx ikunu preżenti, b’riżultati pożittivi għas-serotipi kollha preżenti jew li x’aktarx ikunu preżenti fiż-żona ġeografika ta’ l-oriġini rilevanti b’mod epidemjoloġiku, u

(a) it-test seroloġiku speċifiku tas-serotipi jsir bejn 60 u 360 jum qabel id-data tal-moviment; jew

(b) it-test seroloġiku speċifiku tas-serotipi jsir mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-moviment u l-annimali jkunu ġew suġġetti għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE, b’riżultati negattivi, li jkun sar mhux iktar kmieni minn sebat ijiem qabel id-data tal-moviment.

Meta l-annimali msemmija f’dan il-punt ikunu maħsubin għall-kummerċ fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, il-kliem supplimentari li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi 64/432/KEE, 91/68/KEE u 92/65/KEE, jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

"L-annimal(i) ikun(u) ġew/ġie suġġett(i) għal test seroloġiku skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE għas-sejbien ta’ antikorpi kontra s-serotip tal-virus bluetongue … (indika s-serotip) preżenti jew probabbli li jkun preżenti f’konformità ma’ l-Anness III.A(7) tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007";

B. Is-semen ta’ l-annimali

Is-semen irid jinkiseb minn annimali donaturi li jkunu konformi mill-inqas ma’ waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) nżammu barra żona ristretta għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-bidu tal-ġbir tas-semen u matulu;

(b) ġew protetti kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-bidu tal-ġbir tas-semen u matulu;

(ċ) inżammu matul il-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu f’żona ħielsa staġjonali mill-bluetongue, iddefinita f’konformità ma’ l-Anness V, għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-bidu tal-ġbir tas-semen u matulu, u jkunu ġew suġġetti għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE, b’riżultati negattivi, li jkun sar mhux iktar kmieni minn sebat ijiem qabel id-data tal-bidu tal-ġbir tas-semen.

Madankollu, dan it-test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent ma jinħtieġx fi Stati Membri jew reġjuni ta’ Stat Membru fejn biżżejjed data epidemjoloġika, li tinkiseb wara l-implimentazzjoni ta’ programm għall-immonitorjar matul perjodu ta’ mhux inqas minn tlett snin, tissostanzja d-determinazzjoni tal-perjodu ħieles staġjonali mill-organiżmi li jġorru l-mikrobu, kif iddefinit fl-Anness V.

L-Istati Membri li jagħmlu użu minn din il-possibbiltà għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali;

(d) ikunu ġew suġġetti għal test seroloġiku skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE għas-sejbien ta’ antikorpi għall-grupp tal-vajrus bluetongue, b’riżultati negattivi, mill-inqas kull 60 jum matul il-perjodu ta’ ġbir u bejn 21 u 60 jum wara l-ġabra finali;

(e) ikunu ġew suġġetti għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent, b’riżultati negattivi, skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE li jkun sar fuq kampjuni tad-demm li nġabru:

(i) fil-bidu tal-ġbir u l-ġbir finali; u

(ii) matul il-perjodu ta’ ġbir tas-semen:

- mill-inqas kull sebat ijiem, f’każ ta’ test għall-iżolazzjoni tal-vajrus,

- mill-inqas kull 28 jum, f’każ ta’ test ta’ reazzjoni katina ta’ enzimi li jikkatalizzaw il-polimerizzazzjoni.

Meta s-semen imsemmi f’din it-Taqsima ikun maħsub għall-kummerċ fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, il-kliem supplimentari li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 88/407/KEE [**] u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/388/KEE [***] jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

"Semen miksub minn annimali donaturi li jikkonformaw ma' … (il-punt (a), (b), (ċ), (d) jew (e), indika kif xieraq) ta' l-Anness III.B tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007".

C. Ova u embrijuni ta’ l-annimali

1. Embrijuni miksuba in vivo u ova ta' annimali ta' l-ifrat għandhom ikunu nkisbu minn annimali donaturi li ma juru l-ebda sinjal kliniku tal-bluetongue fil-jum tal-ġbir.

2. Embrijuni u ova ta' annimali barra dawk ta' l-ifrat u embrijuni ta’ annimali ta' l-ifrat prodotti in vitro jridu jkunu nkisbu minn annimali donaturi li jkunu konformi ma’ mill-inqas waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) inżammu barra żona ristretta għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-bidu tal-ġbir ta’ l-embrijuni/ta' l-ova u matulu;

(b) ikunu ġew protetti kontra attakki minn organiżmi li jġorru l-mikrobu għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-bidu tal-ġbir ta’ l-embrijuni/ta' l-ova u matulu;

(ċ) ikunu ġew suġġetti għal test seroloġiku skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE għas-sejbien ta’ antikorpi għall-grupp tal-vajrus bluetongue, bejn 21 u 60 jum wara l-ġbir ta’ l-embrijuni/ta' l-ova, b’riżultati negattivi;

(d) ikunu ġew suġġetti għal test għall-identifikazzjoni ta’ l-aġent skond il-Manwal ta’ l-Annimali li jgħixu fuq l-Art ta’ l-OIE fuq kampjun tad-demm li jkun ittieħed dakinhar tal-ġbir ta’ l-embrijuni/ta' l-ova, b’riżultati negattivi.

3. Meta l-ova u l-embirjuni msemmija fil-punti 1 u 2 ikunu maħsubin għall-kummerċ fil-Komunità jew għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz, il-kliem supplimentari li ġej għandu jiżdied maċ-ċertifikati korrispondenti tas-saħħa stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 89/556/KEE [****] u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/388/KEE jew imsemmija fid-Deċiżjoni 93/444/KEE:

"Embirjuni/ova miksuba mill-annimali donaturi li jikkonformaw ma' … (il-punt 1; il-punt 2(a), il-punt 2(b), il-punt 2(ċ) jew il-punt 2(d), indika kif xieraq) ta' l-Anness III.C tar-Regolament (KE) Nru 1266/2007".

Il-Punt 2(a) ta' l-Anness B tad-Direttiva 89/556/KEE m'għandux japplika għall-ova u l-embrijuni miġbura mill-annimali donaturi miżmuma fi stabbilimenti soġġetti għal projbizzjoni veterinarja jew miżuri ta' kwarantina b'rigward għall-bluetongue.

"

[*] http://www.oie.int/eng/normes/en_mcode.htm?e1d10

[**] ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10.

[***] ĠU L 234, 3.10.1995, p. 30.

[****] ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1."

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet