2007/875/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 2000/96/KE fir-rigward tal-mard li jittieħed elenkat f’dawk id-deċiżjonijiet (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6355) Test b’relevanza għaż-ŻEE
Official Journal L 344 , 28/12/2007 P. 0048 - 0049
20071218 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni 2000/96/KE fir-rigward tal-mard li jittieħed elenkat f’dawk id-deċiżjonijiet (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 6355) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2007/875/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 24 ta’ Settembru 1998 l-istabbiliment ta’ netwerk għas-sorveljanza epidemoloġika u kontroll ta’ mard li jinxtered fil-Komunità [1], u partikolarment l-Artikolu 3(a) tiegħu. Billi: (1) Id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tipprovdi għat-twaqqif ta’ netwerk fil-livell Komunitarju sabiex jippromwovi l-kooperazzjoni u l-koordinament li jirrigwardaw il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard li jittieħed isemmi f’dik id-Deċiżjoni. (2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/96/KE tat- 22 ta’ Diċembru 1999 dwar mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b’mod progressiv fin-netwerk tal-Komunità skond id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2], telenka ċertu mard li jittieħed li għandu jiġi kopert minn sorveljanza epidemjoloġika fin-netwerk Komunitarju stabbilit bid-Deċiżjoni 2119/98/KE. (3) Dan l-aħħar tfaċċa mard li jittieħed ġdid u ġew identifikati mikroorganiżmi ġodda li kapaċi jipperikolaw is-saħħa tal-pubbliku. Is-Sindromu Respiratorju Akut Gravi (SARS - Severe Acute Respiratory Syndrome) tfaċċa fl-2003 u minn dak iż-żmien jitqies bħala theddida potenzjali serja għas-saħħa pubblika. L-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja u dik b’patoġeniċità baxxa huma riskju serju għall-individwi u l-evoluzzjoni potenzjali lejn influwenza pandemika. L-infezzjoni virali tal-Punent tan-Nil fil-bniedem dan l-aħħar ġiet irrappurtata f’għadd dejjem ikbar ta’ Stati Membri fl-UE u Pajjiżi barra mill-UE u b’hekk hija risjku serju għas-saħħa pubblika. Il-bnedmin jiġu infettati primarjament mill-gdim tan-nemus, għalkemm l-infezzjonijiet mit-trasfużjonijiet tad-demm u t-trapjanti ta’ l-organi ġew dokumentati, kif ukoll it-trażmissjoni mill-plaċenta ta’ l-omm. (4) L-annessi tad-Deċiżjonijiet Nru 2119/98/KE u Nru 2000/96/KE għandhom għalhekk jiġu emendati sabiex ikopru s-Sindromu Respiratorju Akut Gravi (SARS), l-influwenza avjarja fil-bniedem u l-infezzjoni virali tal-Punent tan-Nil. (5) Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005) daħlu fis-seħħ fis- 16 ta’ Ġunju 2007 u m’ għadhomx ristretti għal mard speċifiku iżda jkopru l-emerġenzi tas-saħħa pubblika ta’ importanza internazzjonali li jkunu identifikati bħala tali skond l-istrument ipprovdut fl-Anness 2 tar-Regolamenti. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Anness mad-Direttiva 2119/98/KE jiġi emendat. (6) Il-miżuri pprovvduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-Anness tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE huwa emendat skond l-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 L-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 2000/96/KE huwa emendat skond l-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2007. Għall-Kummissjoni Markos Kyprianou Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 268, 3.10.1998, p. 1. Id-Deċiżjoni emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1). [2] ĠU L 28, 3.2.2000, p. 50. Id-Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni 2003/542/KE (ĠU L 185, 24.7.2003, p. 55). -------------------------------------------------- 20071218 ANNESS I L-Anness tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE hu emendat kif ġej: 1. It-tmien inċiż jinbidel b’dan li ġej: - "— Mard li jittieħed li potenzjalment jista’ jwassal għal emerġenzi ta’ importanza internazzjonali identifikat skond l-Anness 2 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa." 2. L-aħħar inċiż jinbidel b’dan li ġej: - "— Mard li jinġarr minn organiżmu ieħor - — Mard żoonotiku - — Mard ieħor li jittieħed ta’ importanza għas-saħħa pubblika inkluż mard ikkawżat minn rilaxx intenzjonat." -------------------------------------------------- 20071218 ANNESS II L-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/96/KE huwa emendat kif ġej: 1. fil-punt 2.5.2 jiżdiedu t-termini li ġejjin: "Sindromu Respiratorju Akut Gravi (SARS)"; 2. fil-punt 2.5.3 jiżdiedu t-termini li ġejjin: "Influwenza Avjarja fil-bniedem"; "Infezzjoni virali tal-Punent tan-Nil" --------------------------------------------------