Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2007 tat- 28 ta’ Settembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 li jistabbilixxi l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel fir-rigward ta' tossini Fusarium fil-qamħirrun u l-prodotti tal-qamħirrun Test b’relevanza għaż-ŻEE

Official Journal L 255 , 29/09/2007 P. 0014 - 0017


20070928

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2007

tat- 28 ta’ Settembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 li jistabbilixxi l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel fir-rigward ta' tossini Fusarium fil-qamħirrun u l-prodotti tal-qamħirrun

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat- 8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad- 19 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta’ l-ikel [2] jistabbilixxi l-livelli massimi ta' tossini Fusarium f’ċerti oġġetti ta’ l-ikel.

(2) Il-livelli massimi għandhom jiġu ffissati f'livell strett li jkun jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli permezz ta’ prattiċi agrikoli u ta’ manufattura tajbin u billi jitqies ir-riskju relatat mal-konsum ta’ l-ikel.

(3) Il-kundizzjonijiet klimatiċi matul it-tkabbir, partikolarment waqt it-twarrid għandhom influwenza maġġuri fuq il-kontenut tat-tossina Fusarium. Madankollu, prattiċi agrikoli tajbin, fejn il-fatturi ta’ riskju jitnaqqsu sal-minimu, jistgħu jipprevjenu sa ċertu punt il-kontaminazzjoni mill-fungi Fusarium. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/583/KE tas- 17 ta’ Awwissu 2006 dwar il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tossini Fusarium fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali [3] inklużi l-qamħirrun u l-prodotti tal-qamħirrun fiha prinċipji ġenerali għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-kontaminazzjoni mit-tossina Fusarium (zearalenone, fumonisins u trichothecenes) fiċ-ċereali li għandhom jiġu implimentati mill-iżvilupp tal-kodiċi nazzjonali ta’ prattika bbażati fuq dawn il-prinċipji.

(4) Il-livelli massimi ġew stabbiliti fl-2005 għat-tossini Fusarium fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali, inkluż il-qamħirrun u l-prodotti tal-qamħirrun. Għall-qamħirrun, mhux il-fatturi kollha involuti fil-formazzjoni tat-tossini Fusarium, b’mod partikolari z-zearalenone u l-fumosins B1 u B2 huma magħrufin preċiżament. Madankollu, il-livelli massimi fil-qamħirrun u l-prodotti tal-qamħirrun kienu previsti li japplikaw mill- 1 ta’ Lulju 2007 għad-deoxynivalenol ad zearalenone u mill- 1 ta’ Ottubru 2007 għall-fumonisins B1 u B2, f'każ li l-ebda livelli massimi bbażati fuq tagħrif ġdid dwar l-okkorrenza u l-formazzjoni ma ġew stabbiliti qabel dak iż-żmien. Dan il-perjodu ta’ żmien ippermetta lill-operaturi fil-kummerċ ta’ l-ikel fil-katina taċ-ċereali li jwettqu investigazzjonijiet dwar is-sorsi tal-formazzjoni tal-mikotossini u dwar l-identifikazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni li għandhom jittieħdu għall-prevenzjoni tal-preżenza tagħhom sakemm ikun raġonevolment possibbli.

(5) Meta jitqies tagħrif ġdid mill-2005, jidher li hemm bżonn li jiġu emendati l-livelli massimi fil-qamħirrun u l-prodotti tal-qamħirrun kif ukoll id-data ta' applikazzjoni ta' dawn il-livelli.

(6) Reċentement ġie pprovdut tagħrif li juri li għall-ħsad ta' l-2005 u l-2006 ġew osservati livelli ogħla fil-qamħirrun minn dawk fil-ħsad ta' l-2003 u l-2004 ta' prinċipalment zearalenone u fumonisins u, għalkemm mhux daqshekk, deoxynivalenol, marbut mal-kundizzjonijiet klimatiċi. Il-livelli ta' zearalenone u fumonisins imbassra għalhekk, skond ċerti kundizzjonijiet klimatiċi, ma jistgħux jintlaħqu għall-qamħirrun, anke meta jiġu applikati l-miżuri ta' prevenzjoni sal-punt possibbli. Għalhekk il-livelli massimi hemm bżonn li jiġu emendati sabiex jiġi evitat tfixkil għas-suq filwaqt li jinżamm livell għoli ta' ħarsien għas-saħħa pubblika billi jiġi żgurat li l-espożizzjoni umana tibqa' b'mod sinifikanti taħt il-livell ta' gwida bbażat fuq is-saħħa.

(7) Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u bla xkiel ta' dawn il-livelli massimi, huwa xieraq ukoll li japplikaw għall-qamħirrun u l-prodotti tal-qamħirrun kollha maħsuda fi staġun u għalhekk id-data ta' l-applikazzjoni għandha tirrifletti l-bidu ta' l-istaġun tat-tqegħid fis-suq tas-sena ta' ħsad li jmiss. Peress li l-ħsad tal-qamħirrun fl-Ewropa normalment jibda f'nofs Settembru u jibqa' għaddej sa tmiem Ottubru, ikun xieraq li d-data ta' l-applikazzjoni tkun l- 1 ta’ Ottubru 2007.

(8) Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq dan ir-Regolament għandu japplika mill- 1 ta’ Lulju 2007.

(9) Barra minn hekk, għandhom isiru numru ta' bidliet tekniċi wkoll.

(10) Huwa xieraq li jiġi pprovdut li l-livell massimu ma jkunx japplika għall-qamħirrun mhux ipproċessat maħsub biex jiġi pproċessat bi tħin niedi (produzzjoni tal-lamtu). Fil-fatt, data xjentifika wriet li irrispettivament mil-livelli ta' tossini Fusarium preżenti f'qamħirrun mhux ipproċessat, it-tossini Fusarium ma nstabux jew instabu biss f'livelli baxxi ħafna f'lamtu prodott mill-qamħirrun. Madankollu, sabiex titħares is-saħħa pubblika u ta' l-annimali, l-operaturi tan-negozju fis-settur tat-tħin niedi għandhom jissorveljaw intensament il-prodotti sekondarji mill-proċess tat-tħin niedi destinati għall-għalf ta' l-annimali biex jiċċekkjaw il-konformità mal-valuri ta' gwida msemmija fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/576/KE tas- 17 ta’ Awwissu 2006 dwar il-preżenza tad-Deoxynivalenol, zearalenone, Ochratoxin A, T-2 u HT-2 u l-fumonisins fil-prodotti maħsuba għall-għalf ta' l-annimali [4].

(11) Ir-riżultati tal-proċess tat-tħin niexef fil-frazzjonijiet tat-tħin b'daqs differenti tal-partiċelli mill-istess lott ta' qamħirrun mhux ipproċessat. Data xjentifika turi li l-frazzjonijiet tat-tħin b'daqs tal-partiċelli iżgħar fihom livell ogħla ta' tossini Fusarium minn tal-frazzjonijiet tat-tħin b'daqs tal-partiċelli ikbar. Il-frazzjonijiet tat-tħin tal-qamħirrun huma kklassifikati skond id-daqs tal-partiċelli f'intestaturi differenti fin-Nomenklatura Magħquda abbażi ta' rata ta' passaġġ minn ġo għarbiel bi ftuħ ta' 500 mikron. Livelli massimi differenti għal frazzjonijiet ta' tħin iżgħar u ikbar minn 500 mikron għandu jiġi stabbilit biex jirrifletti l-livell ta' kontaminazzjoni tal-frazzjonijiet differenti.

(12) Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 hu emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 11, punt (b) jinbidel b'dan li ġej:

"(b) L- 1 ta’ Ottubru 2007 fir-rigward tal-livelli massimi għad-deoxynivalenol u z-zearalenone stipulati fil-punti 2.4.3, 2.4.8, 2.4.9, 2.5.2, 2.5.4, 2.5.6, 2.5.8, 2.5.9 u 2.5.10 ta’ l-Anness;"

2. It-Taqsima 2 ta' l-Anness hija emendata kif ġej:

(a) Id-daħliet għad-Deoxynivalenol (2.4), Zearalenone (2.5) u Fumonisins (2.6) jinbidlu bid-daħliet fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(b) It-test tan-nota tal-qiegħ 20 tinbidel bi "Il-livell massimu għandu japplika mill- 1 ta’ Ottubru 2007."

(ċ) In-nota tal-qiegħ 21 titħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill- 1 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos Kyprianou

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[2] ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

[3] ĠU L 234, 29.8.2006, p. 35.

[4] ĠU L 229, 23.8.2006, p. 7.

--------------------------------------------------

20070928

ANNESS

"2.4 | Deoxynivalenol (17) | |

2.4.1 | Ċereali mhux ipproċessati (18) (19) li mhux qamħ durum, ħafur jew qamħirrun | 1250 |

2.4.2 | Qamħ durum u ħafur mhux ipproċessati (18) (19) | 1750 |

2.4.3 | Qamħirrun mhux ipproċessat (18), ħlief qamħirrun mhux ipproċessat maħsub li jiġi pproċessat permezz ta' tħin niedi [1] | 1750 (20) |

2.4.4 | Ċereali maħsuba għall-konsum dirett mill-bniedem, dqiq, granza u nebbieta taċ-ċereali, bħala prodott finali mibjugħ għall-konsum dirett mill-bniedem ħlief oġġetti ta’ l-ikel elenkati fi 2.4.7, 2.4.8 u 2.4.9 | 750 |

2.4.5 | Għaġin (niexef) (22) | 750 |

2.4.6 | Ħobż (inkluż ikel żgħir tal-forn), pasti, gallettini, ikliet żgħar ta’ ċereali u ċereali għall-kolazzjon | 500 |

2.4.7 | Ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u tfal żgħar (3) (7) | 200 |

2.4.8 | Frazzjonijiet tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċelli > 500 mikron li jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 110313 jew 11032040 u prodotti oħra tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċella > 500 mikron mhux użat għall-konsum dirett mill-bniedem li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 19041010 | 750 (20) |

2.4.9 | Frazzjonijiet tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċelli ≤ 500 mikron li jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 110220 u prodotti oħra tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċella ≤ 500 mikron mhux użat għall-konsum dirett mill-bniedem li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 19041010 | 1250 (20) |

2.5 | Zearalenone (17) | |

2.5.1 | Ċereali mhux ipproċessati (18) (19) ħlief qamħirrun | 100 |

2.5.2 | Qamħirrun mhux ipproċessat (18) ħlief qamħirrun mhux ipproċessat maħsub li jiġi pproċessat permezz ta' tħin niedi [1] | 350 (20) |

2.5.3 | Ċereali maħsuba għall-konsum dirett mill-bniedem, dqiq, granza u nebbieta taċ-ċereali, bħala prodott finali mibjugħ għall-konsum dirett mill-bniedem ħlief oġġetti ta’ l-ikel elenkati fi 2.5.6, 2.5.7, 2.5.8, 2.5.9 u 2.5.10 | 75 |

2.5.4 | Żejt tal-qamħirrun raffinat | 400 (20) |

2.5.5 | Ħobż (inkluż ikel żgħir tal-forn), pasti, gallettini, ikliet żgħar taċ-ċereali u ċereali għall-kolazzjon, ħlief ikliet żgħar tal-qamħirrun u ċereali għall-kolazzjon b'bażi ta' qamħirrun | 50 |

2.5.6 | Qamħirrun maħsub għal konsum dirett mill-bniedem, Ikliet żgħar b'bażi ta' qamħirrun u ċereali għall-kolazzjon ibbażati fuq il-qamħirrun | 100 (20) |

2.5.7 | Ikel ipproċessat b’bażi ta’ ċereali (ħlief ikel ipproċessat b'bażi ta' qamħirrun) u ikel tat-trabi għat-trabi u tfal żgħar (3) (7) | 20 |

2.5.8 | Ikel ipproċessat b'bażi ta' qamħirrun għat-trabi u t-tfal żgħar (3) (7) | 20 (20) |

2.5.9 | Frazzjonijiet tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċelli > 500 mikron li jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 110313 jew 11032040 u prodotti oħra tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċella > 500 mikron mhux użat għall-konsum dirett mill-bniedem li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 19041010 | 200 (20) |

2.5.10 | Frazzjonijiet tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċelli ≤ 500 mikron li jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 110220 u prodotti oħra tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċella ≤ 500 mikron mhux użat għall-konsum dirett mill-bniedem li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 19041010 | 300 (20) |

2.6 | Fumonisins | Somma ta' B1 u B2 |

2.6.1 | Qamħirrun mhux ipproċessat 18, ħlief qamħirrun mhux ipproċessat maħsub li jiġi pproċessat permezz ta' tħin niedi [1] | 4000 (23) |

2.6.2 | Qamħirrun maħsub għall-konsum dirett mill-bniedem, ikel b'bażi ta' qamħirrun għall-konsum dirett mill-bniedem, ħlief oġġetti ta' l-ikel elenkati fi 2.6.3 u 2.6.4 | 1000 (23) |

2.6.3 | Ċereali b'bażi ta' qamħirrun u ikliet żgħar b'bażi ta' qamħirrun | 800 (23) |

2.6.4 | Ikel ipproċessat b’bażi ta’ qamħirrun u ikel tat-trabi għat-trabi u tfal żgħar (3) (7) | 200 (23) |

2.6.5 | Frazzjonijiet tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċelli > 500 mikron li jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 110313 jew 11032040 u prodotti oħra tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċella > 500 mikron mhux użat għall-konsum dirett mill-bniedem li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 19041010 | 1400 (23) |

2.6.6 | Frazzjonijiet tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċelli ≤ 500 mikron li jaqa' fi ħdan il-kodiċi NM 110220 u prodotti oħra tat-tħin tal-qamħirrun b'daqs tal-partiċella ≤ 500 mikron mhux użat għall-konsum dirett mill-bniedem li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM 19041010 | 2000 (23) |

[*] L-eżenzjoni tapplika biss għall-qamħirrun li huwa evidenti eż. permezz ta' ttikkettjar, destinazzjoni, li jkun maħsub biss għall-użu fi proċess ta' tħin niedi (produzzjoni tal-lamtu)."

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet