Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2007 tas- 27 ta’ Awwissu 2007 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 1973/2004 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 dwar l-iskemi ta’ appoġġ ipprovduti taħt it-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu ta’ art irtirata mill-produzzjoni għall-ksib ta’ materja prima
Official Journal L 222 , 28/08/2007 P. 0010 - 0015
20070827 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 993/2007 tas- 27 ta’ Awwissu 2007 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (KE) Nru 1973/2004 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 dwar l-iskemi ta’ appoġġ ipprovduti taħt it-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu ta’ art irtirata mill-produzzjoni għall-ksib ta’ materja prima IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 782/2003 tad- 29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 145 (ċ), (d), (f) u (j) tiegħu, Billi: (1) L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 [2] jipprovdi li ċerta dejta dwar żoni determinati li jieħdu għajnuna għal għelejjel għal produzzjoni ta’ l-enerġija għandhom ikunu kkomunikati lill-Kummissjoni. L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 jipprovdi li l-koeffiċjent tat-tnaqqis ta’ żoni determinati jrid ikun iffissat abbażi tad-dejta komunikata skond l-Artikolu 3(1) tar-Regolament imsemmi. Ir-referenza għal ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3(1) hija żbaljata u għandha tiġi kkoreġuta. (2) L-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 jispeċifika ħtiġijiet subordinati għal kolletturi u l-ewwel proċessaturi. Id-depożitu ta’ garanzija għandu jikkostitwixxi ħtieġa subordinata għall-kolletturi ta’ materja prima maħsuba għal użu fil-produzzjoni ta’ prodotti enerġetiċi. (3) Sabiex jipprovdi l-possibbiltà ta’ tkabbir u pproċessar ta’ għelejjel ġodda fuq l-azjenda għall-għan ta’ produzzjoni ta’ enerġija, huwa xieraq li l-Istati Membri jingħataw għażla biex jaġġornaw il-lista ta’ materja prima eliġibbli għall-użu ta’ art irtirata mill-produzzjoni għall-ksib ta’ materja prima u għall-għajnuna għal għelejjel għall-produzzjoni ta’ l-enerġija. (4) Jeħtieġ li jiġu ċċarati r-regoli għas-sistema Fakultattiva ta’ approvazzjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ kummerċ f’materja prima għal użu ta’ enerġija bejn l-Istati Membri li għalihom ġie deċiż li ma tiġix applikata s-sistema Fakultattiva ta’ approvazzjoni skond l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004. (5) Fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 hemm referenza żbaljata għall-Artikolu 32(2) minflok l-Artikolu 32 kollu. Dan l-iżball għandu għalhekk jiġi kkoreġut. (6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 270/2007 tat- 13 ta’ Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1973/2004 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar- Regolament (KE) Nru 1782/2003 fir-rigward ta’ l-iskemi ta’ appoġġ li hemm provvediment għalihom fit-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament u l-użu ta’ art irtirata mill-produzzjoni għall-ksib ta’ materja prima [3] l-Artikolu 136 emendat tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004. Minħabba żball, dak l-Artikolu nbidel sussegwentament bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 381/2007 [4] li ma qiesx l-emenda introdotta mir-Regolament (KE) Nru 270/2007. L-Artikolu 136 tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 għandu għalhekk jiġi adattat skond dan b’effett mid-data ta’ l-applikazzjoni tar-Regollament (KE) Nru 270/2007. (7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 972/2007 [5] emenda l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 [6] sabiex jevita tnaqqis fil-pagamenti fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet żejda intenzjonati ta’ żoni meta jikkonċernaw żoni limitati ħafna. Dik id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll f’applikazzjonijiet għall-Iskema ta’ Ħlas għal Żona Waħda. L-Artikolu 138 tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 għandu għalhekk jiġi adattat skond dan. (8) L-emendi introdotti bir-Regolament (KE) Nru 270/2007 ssimplifikaw ir-regoli għall-għajnuna għal għelejjel għall-produzzjoni ta’ l-enerġija stipulati fil-Kapitolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004. Huwa xieraq li jiġu introdotti xi wħud mill-elementi l-ġodda fir-regoli għall-użu ta’ art irtirata mill-produzzjoni għall-ksib ta’ materja prima kif stipulat fil-Kapitolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004. (9) Għal ċereali u żrieragħ żejtnija użati fuq l-azjenda, id-denaturazzjoni tal-produzzjoni hija espliċitament meħtieġa skond l-Artikolu 146 tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004. Meta jitqies il-volum limitat possibbli ta’ din il-produzzjoni u d-diffikultajiet tekniċi għal proċess bħal dan, jeħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jippermettu lill-applikanti biex jużaw materja prima agrikola definita barra minn dik li hemm provediment għaliha, sakemm dawk l-Istati Membri jistipulaw il-miżuri ta’ kontroll xierqa. Dan l-approċċ għandu jiġi estiż ukoll biex jiġu determinati l-kwantitajiet ta’ materja prima maħsuda. (10) Sabiex tiġi simplifikata l-amministrazzjoni tar-reġim għall-użu ta’ art irtirata mill-produzzjoni għall-ksib ta’ materja prima, huwa biżżejjed li jkun hemm provvediment li kopja tal-kuntratt konkluż bejn l-applikant u l-kollettur jew l-ewwel proċessur tingħata biss mill-applikant lill-awtorità kompetenti tiegħu. (11) Fil-każ ta’ għajnuna għal għelejjel għall-produzzjoni ta’ l-enerġija, l-operaturi huma mitluba jiddepożitaw garanzija ma’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sa l-aħħar data għall-emendi fl-applikazzjonijiet għall-ħlas. Huwa xieraq li jiġi pprovdut l-istess arranġament fir-regoli għall-użu ta’ art irtirata mill-produzzjoni għall-ksib ta’ materja prima. (12) Is-sistema ta’ garanziji tiggarantixxi li l-materja prima mkabbra fuq żoni li jgawdu mill-għajnuna għal art irtirata mill-produzzjoni għall-ksib ta’ materja prima mogħtija lil kolletturi jew l-ewwel proċessuri hija finalment ipproċessata f’materja prima li mhix intenzjonata primarjament għal konsum minn annimali jew nies. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jitħallew ibiddlu s-sistema ta’ garanzija għal sistema alternattiva ta’ approvazzjoni ta’ operaturi ddisinjata biex tiggarantixxi l-istess grad ta’ effettività. Operaturi awtorizzati bħal dawn għandhom jikkonformaw ma’ ħtiġijiet minimi u għandhom ikunu sanzjonati f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligi tagħhom, skond regoli nazzjonali dettaljati li jiġu stipulati mill-awtoritajiet kompetenti. (13) Skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 145(3) tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004, l-ewwel proċessuri u kolletturi li jagħżlu li jibdlu l-materja prima u l-prodotti intermedjarji jew sekondarji għall-kwantitajiet ekwivalenti tagħhom għandhom jinfurmaw l-awtoritajiet kompetenti b’dan. Barra minn hekk, skond dak l-Artikolu, trid tkun żgurata l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri fil-każ li transazzjonijiet bħal dawn jikkonċernaw Stati Membri differenti, sabiex ikun hemm biżżejjed informazzjoni dwarhom għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri. Għalhekk l-obbligu għall-użu tal-kopja T5, ipprovdut fl-Artikoli 160 u 161 ta’ dak ir-Regolament, mhux meħtieġ u għandu jitneħħa. (14) Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 143b(5) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, il-Bulgarija u r-Rumanija talbu awtorizzazzjoni li jiġi stipulat id-daqs minimu ta’ żona eliġibbli għal kull azjenda li għaliha jistgħu jintalbu pagamenti skond l-iskema ta’ ħlas għal żona waħda f’livell ogħla minn 0,3 ettaru. Dan il-livell kien stipulat għal ettaru wieħed għall-Bulgarija u r-Rumanija [7]. Madankollu, fil-każ tal-Bulgarija, azjendi b’għall-anqas 0,5 ettaru ta’ għelejjel permanenti jistgħu jitolbu pagamenti. Dak il-livell għandu jiġi stipulat fl-Anness XX tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004. (15) L-Anness XXI tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004 jistipula ż-żona agrikola taħt l-iskema ta’ ħlas għal żona waħda għall-Ungerija għal 4355 elf ettaru. Madankollu, iż-żona korretta li trid titqies wara reviżjoni oħra fl-Ungerija ta’ l-istima taż-żona agrikola taħt l-iskema ta’ ħlas għal żona waħda skond l-Artikolu 143b(4) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 tammonta għal 4829 elf ettaru. Dak l-ammont għandu jiġi stipulat fl-Anness XXI tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004. (16) Il-Bulgarija u r-Rumanija stmaw li ż-żona agrikola utilizzata tagħhom miżmuma f’kundizzjoni agrikola tajba u pproponew li jaġġustawha skond id-daqs minimu ta’ żona eliġibbli għal kull azjenda. Iż-żona agrikola msemmija ġiet stipulata għal 3805638 ettaru għall-Bulgarija u għal 8716370 ettaru għar-Rumanija [8]. Dawk l-ammonti għandhom jiġu stipulati fl-Anness XXI tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004. (17) Ir-Regolament (KE) Nru 1973/2004 għandu għalhekk ikun emendat u kkoreġut skond dan. (18) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 1973/2004 huwa emendat kif ġej: (1) Fl-Artikolu 4, ir-referenza għall-"Artikolu 3(1)(b), (b)a u (ċ)" tinbidel b’referenza għall-"Artikolu 3(1)(b) u (ċ)". (2) Fl-Artikolu 32, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej: "3. L-obbligi li ġejjin għandhom jikkostitwixxu ħtiġijiet subordinati għal kolletturi u l-ewwel proċessuri fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85: (a) l-obbligu li tiġi aċcettata kunsinna ta’ kwantitajiet rilevanti ta’ materja prima, kif imqassma mill-applikanti skond l-Artikolu 27(3); (b) l-obbligu li tiġi ffirmata d-dikjarazzjoni tal-kunsinna msemmija fl-Artikolu 27(2); (ċ) l-obbligu, meta applikabbli, li tiġi depożitata garanzija fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 31(1)." (3) Fl-Artikolu 33(1), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej: "L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jippermetti lill-applikanti li jużaw materja prima agrikola definita barra minn dik ipprovduta fil-punt (a) ta’ l-ewwel subparagrafu sakemm kull kontroll xieraq jiġi rrispettat." (4) L-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej: (a) Il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej: "3. L-Istati Membri għandhom jistipulaw proċedura ta’ kontrolli għall-approvazzjoni ta’ l-operaturi qabel ma tiġi ppubblikata l-lista msemmija fil-paragrafu 6." (b) Fil-paragrafu 4, l-ewwel sentenza tinbidel b’dan li ġej: "Meta jinstab li operatur approvat ma jikkonformax ma’ l-obbligi stipulati f’dan il-Kapitolu jew mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati minnu, jew meta kollettur jew l-ewwel proċessur ma jaċċettax jew ma jiffaċilitax il-verifiki fuq il-post li jsiru mill-awtoritajiet kompetenti u/jew ma jipprovdix l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 38, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali xierqa." (ċ) Il-Paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej: "5. Jekk operatur approvat, minħabba negliġenza gravi, ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jew mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jneħħi l-approvazzjoni tiegħu għal perjodu determinat minn dak l-Istat Membru." (d) Il-Paragrafu 7 jinbidel b’dan li ġej: "7. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-Paragrafu 1, l-għajnuna titħallas biss lil applikanti li kkonkludew kuntratti ma’ kolletturi jew proċessuri approvati sakemm dawk huma wkoll stabbiliti fi Stat Membru li ddeċieda li japplika l-Paragrafu 1." (5) Fl-Artikolu 39(3), ir-referenza għall-"Artikolu 32(2)" tinbidel bir-referenza għall-"Artikolu 32". (6) Fl-Artikolu 136, jitħassar l-Artikolu 30(3). (7) Fl-Artikolu 138(2), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej: "Meta jirriżultaw differenzi bejn iż-żona ddikjarata u ż-żona determinata minħabba irregolaritajiet intenzjonati, l-għajnuna li għaliha kien ikun intitolat il-bidwi ma għandhiex tingħata għas-sena kalendarja kkonċernata jekk dik id-differenza hija akbar minn 0,5 % taż-żona determinata jew akbar minn ettaru." (8) Fl-Artikolu 144, il-punt (ċ) jinbidel b’dan li ġej: "(ċ) "L-ewwel proċessur" tfisser kull min juża materja prima agrikola, għajr applikanti li jużaw materja prima fuq l-azjenda, li jagħmel l-ewwel proċessar tagħha bil-ħsieb li jikseb wieħed jew aktar mill-prodotti msemmija fl-Anness XXIII ta’ dan ir-Regolament." (9) L-Artikolu 146 jinbidel b’dan li ġej: "Artikolu 146 Derogi 1. Minkejja l-Artikolu 145(2) u (3), l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-applikanti li: (a) jużaw iċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnija kollha koperti bil-kodiċi tan-NM 12010090, 12051090, 12059000, 12060091 u 12060099 u li huma maħsuda: (i) bħala karburanti għat-tisħin ta’ l-azjenda agrikola tagħhom; (ii) għall-produzzjoni fl-azjenda ta’ l-elettriku u bijofjuwils; (b) jipproċessaw f’bijogass li jaqa’ taħt il-kodiċi tan-NM 27112900, fl-azjendi tagħhom, il-materja prima kollha maħsuda. L-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jippermetti lill-applikanti jużaw materja prima agrikola definita barra minn dik ipprovduta fil-punt (a) ta’ l-ewwel subparagrafu sakemm kull kontroll xieraq jiġi rrispettat. 2. Fil-każijiet imsemmija fil-Paragrafu 1, l-applikanti għandhom jintrabtu, permezz ta’ dikjarazzjoni minflok il-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 147, li jużaw jew jipproċessaw direttament il-materja prima koperta bid-dikjarazzjoni. L-Artikoli 147 sa 164 għandhom japplikaw mutatis mutandis. 3. L-Istati Membri li japplikaw il-Paragrafu 1 għandhom jintroduċu miżuri adegwati ta’ kontroll biex jiżguraw li l-materja prima hija użata direttament fl-azjenda jew hija proċessata f’bijogass li jaqa’ taħt il-kodiċi tan-NM 27112900." (10) L-Artikolu 147 huwa emendat kif ġej: (a) Il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej: "1. B’appoġġ għall-applikazzjoni unika u sad-data pprovduta fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, l-applikanti għandhom jibagħtu kopja tal-kuntratt konkluż ma’ kollettur jew l-ewwel proċessur lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-kuntratt jista’ jkun konkluż biss bejn applikant u l-ewwel proċessur." (b) Il-paragrafu 3 jitħassar. (11) Fl-Artiklu 155(1), il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej: "(b) ġiet iddepożitata kopja tal-kuntratt ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-applikant skond l-Artikolu 147(1) u ntlaħqu l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 145(1)." (12) Fl-Artikolu 157, jitħassar il-paragrafu 1. (13) Fl-Artikolu 158, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej: "1. Il-kolletturi jew l-ewwel proċessuri għandhom jiddepożitaw garanzija kif ipprovdut fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma’ l-awtoritajiet kompetenti tagħhom sad-data finali għall-emendi fl-applikazzjonijiet għall-pagamenti għas-sena rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jneħħu l-ħtieġa ta’ garanzija taħt il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85." (14) L-Artikolu 159 huwa emendat kif ġej: (a) Fil-paragrafu 1, il-punt (ċ) jitħassar (b) Fil-paragrafu 2, il-punt (b) jitħassar. (15) Fil-Kapitolu 16, it-Taqsima 8 tinbidel b’dan li ġej: "TAQSIMA 8 Sistema Fakultattiva ta’ approvazzjoni Artikolu 160 Sistema Fakultattiva ta’ approvazzjoni 1. B’deroga mill-Artikolu 158, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jwaqqfu sistema ta’ approvazzjoni ta’ kolletturi u l-ewwel proċessuri (minn hawn ‘il quddiem "operaturi approvati"). L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu sa l-1 ta’ Novembru tas-sena ta’ qabel l-applikazzjoni tagħha. Sakemm mhux ipprovdut mod ieħor f’din it-Taqsima, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-Istati Membri li ddeċidew li japplikaw l-ewwel subparagrafu. 2. Meta Stat Membru jkun iddeċieda li japplika l-paragrafu 1, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa u jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jitħarsu. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jistipulaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ l-operaturi li jiżguraw li jintlaħqu talanqas il-kriterji li ġejjin: (a) għall-kolletturi: (i) ikollhom il-kapaċitajiet amministrattivi għall-operat bħala kollettur u li jżommu reġistru kif imsemmi fl-Artikolu 163; (ii) ikollhom relazzjoni kuntrattwali ma’ għall-anqas proċessur wieħed għall-kunsinna ta’ materja prima jew ikunu għamlu attivitajiet kummerċjali għal perjodu suffiċjenti; (b) għall-ewwel proċessuri; (i) ikollhom il-kapaċitajiet amministrattivi għall-operat bħala l-ewwel proċessur u li jżommu reġistru kif imsemmi fl-Artikolu 163; (ii) ikollhom il-kapaċitajiet xierqa għall-produzzjoni ta’ għall-anqas prodott aħħari wieħed maħsub għal skopijiet mhux ta’ l-ikel kif elenkat fl-Anness XXIII. 3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura ta’ kontrolli għall-approvazzjoni ta’ l-operaturi qabel ma tiġi ppubblikata l-lista msemmija fil-paragrafu 6. 4. Meta jinstab li operatur approvat ma jikkonformax ma’ l-obbligi stipulati f’dan il-Kapitolu jew mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati minnu, jew meta kollettur jew l-ewwel proċessur ma jaċċettax jew ma jiffaċilitax il-verifiki fuq il-post li jsiru mill-awtoritajiet kompetenti u/jew ma jipprovdix l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 163, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ penali xierqa. L-ammont tal-penali għandu jiġi kkalkolat fid-dawl tal-gravità tan-nuqqas u bi proporzjon għas-sigurtajiet mitlufa minħabba nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 159. 5. Jekk operatur approvat, minħabba negliġenza gravi, ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jew mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jneħħi l-approvazzjoni tiegħu għal perjodu determinat minn dak l-Istat Membru. 6. Qabel il-15 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena li għaliha ngħatat l-għajnuna, kull Stat Membru għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku lista ta’ kolletturi u l-ewwel proċessuri approvati. 7. Jekk Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-paragrafu 1, l-għajnuna titħallas biss lil applikanti li jkunu kkonkludew kuntratti ma’ kolletturi jew proċessuri approvati sakemm dawk huma wkoll stabbiliti fi Stat Membru li ddeċieda li japplika l-paragrafu 1." (16) L-Annessi XX u XXI jinbidlu bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill- 1 ta’ Jannar 2008. Madankollu l-punti (6) u (16) ta’ l-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill- 1 ta’ Jannar 2007 u l-punt (7) għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna rigward snin jew perjodi ta’ primjums mill- 1 ta’ Jannar 2008. Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Awwissu 2007. Ghall-Kummissjoni Mariann Fischer Boel Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 552/2007 (ĠU L 131, 23.5.2007, p. 10). [2] ĠU L 345, 20.11.2004, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 381/2007 (ĠU L 95, 5.4.2007, p. 8). [3] ĠU L 75, 15.3.2007, p. 8. [4] ĠU L 95, 5.4.2007, p. 8. [5] ĠU L 216, 21.7.2007, p. 3. [6] ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18. [7] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ċ(2007) 2241 tal- 31 ta’ Mejju 2007 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ċ(2007) 3161 tat- 2 ta’ Lulju 2007. [8] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ċ(2007) 2241 tal- 31 ta’ Mejju 2007 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ċ(2007) 3161 tat- 2 ta’ Lulju 2007. -------------------------------------------------- 20070827 ANNESS " 20070827 ANNESS XX DAQS MINIMU TA’ ŻONA ELIĠIBBLI GĦAL KULL AZJENDA TAĦT L-ISKEMA TA’ ĦLAS GĦAL ŻONA WAĦDA Stati Membri Ġodda | Daqs miminimu ta’ żona eliġibbli għal kull azjenda (ettaru) | Il-Bulgarija | 1 Madankollu, azjendi b’għall-anqas 0,5 ettaru ta’ għelejjel permanenti jistgħu jitolbu pagamenti | Ċipru | 0,3 | Ir-Repubblika Ċeka | 1 | L-Estonja | 1 | L-Ungerija | 1 Madankollu, azjendi b’għall-anqas 0,3 ettaru ta’ ġonna bis-siġar u l-frott jew vinji jistgħu jitolbu pagamenti | Il-Latvja | 1 | Il-Litwanja | 1 | Il-Polonja | 1 | Ir-Rumanija | 1 | Is-Slovakkja | 1 | 20070827 ANNESS XXI ŻONA AGRIKOLA TAĦT L-ISKEMA TA’ ĦLAS GĦAL ŻONA WAĦDA Stati Membri Ġodda | Żona agrikola taħt l-iskema ta’ ħlas għal żona waħda msemmija fl-Artikolu 143b (4) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (eluf ta’ ettari) | Il-Bulgarija | 3805 | Ċipru | 140 | Ir-Repubblika Ċeka | 3469 | L-Estonja | 800 | L-Ungerija | 4829 | Il-Latvja | 1475 | Il-Litwanja | 2574 | Il-Polonja | 14337 | Ir-Rumanija | 8716 | Is-Slovakkja | 1955 | " --------------------------------------------------