2007/552/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Awwissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3852) Test b’relevanza għaż-ŻEE
Official Journal L 206 , 07/08/2007 P. 0010 - 0021
20070806 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 6 ta’ Awwissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3852) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2007/552/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas- 26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal- 11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha, Billi: (1) Ġie ddikjarat li kien hemm tfaqqigħa tal-marda ta' l-ilsein u d-dwiefer fir-Renju Unit. (2) Il-qagħda tal-marda ta' l-ilsein u d-dwiefer fir-Renju Unit tista' tipperikola l-merħliet fl-Istati Membri l-oħra, fid-dawl tat-tqegħid fis-suq u tal-kummerċ ta' annimali bijungulati ħajjin u ċerti prodotti tagħhom, (3) Ir-Renju Unit ħa miżuri fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad- 29 ta' Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka d-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/531/KEE and 91/665/KEE u temenda d-Direttiva 92/46/KEE [3], u introduċa miżuri addizzjonali fiż-żoni milquta. (4) Il-qagħda tal-marda fir-Renju Unit tirrikjedi li jissaħħu l-miżuri ta' kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer meħuda mir-Renju Unit, permezz ta' l-adozzjoni, f'kollaborazzjoni ma' l-Istat Membru kkonċernat u fl-istennija tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali, ta' miżuri proviżorji ta' protezzjoni, (5) Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE [4], tirrigwarda problemi tas-saħħa ta' l-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità. (6) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE [5], tirrigwarda kundizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju tan-nagħaġ u tal-mogħoż. (7) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat- 13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar is-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa ta’ l-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (1) tad-Direttiva 90/425/KEE [6], tirrigwarda, fost l-oħrajn, il-kummerċ ta' bijungulati oħra u fis-semen, l-ova u l-embrijuni tan-nagħaġ u l-mogħoż, u ta' l-embrijuni ta' annimali porċini. (8) Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali [7] jirrigwarda, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet sanitarji għall-produzzjoni u l-bejgħ ta' laħam frisk, laħam ikkapuljat, laħam separat mekkanikament, preparati tal-laħam, laħam tal-kaċċa minn stabbilimenti agrikoli, inklużi stonkujiet, vexxiki (bżieżaq) u msaren ittrattati, u prodotti tal-ħalib. (9) Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman [8] jirrigwarda, fost l-oħrajn, l-immarkar sanitarju ta' ikel ta' oriġini mill-annimali. (10) Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas- 16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman [9] tipprovdi dwar trattament speċifiku tal-prodotti tal-laħam li jiżgura l-inattivazzjoni tal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fil-prodotti li joriġinaw mill-annimali. (11) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/304/KE tal- 11 ta’ April, 2001 dwar il-marki u l-użu ta’ ċerti prodotti ta’ l-annimali skond id-Deċiżjoni 2001/172/KE dwar miżuri ta’ ħarsien kontra l-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit [10] tirrigwarda marka sanitarja speċifika li għandha tkun applikata għal ċerti prodotti ta' oriġini mill-annimali li għandhom ikunu ristretti għas-suq nazzjonali. (12) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE [11] tipprovdi għal rekwiżiti fir-rigward tas-saħħa ta’ l-annimali u tas-saħħa pubblika li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti mhux soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f'regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A (I) tad-Direttiva 89/662/KEE u, fejn jidħlu l-patoġeni, għad-Direttiva 90/425/KEE. (13) Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman [12] jipprovdi għal firxa ta' trattamenti ta' prodotti sekondarji mill-annimali li huma tajbin biex jiddiżattivaw il-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer. (14) Id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE [13] tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa ta’ l-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għal importazzjonijiet ta’ semen iffriżat (deep frozen semen) ta’ annimali domestiċi ta’ l-ispeċi tal-bovini. (15) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE [14] tirrigwarda kundizzjonijiet ta' saħħa ta' l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fi u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta' embrijoni ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi bovina (ta' l-ifrat). (16) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE [15] tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta’ semen ta’ bhejjem domestiċi ta’ l-ispeċi porċina (tal-majjali). (17) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE [16] tirrigwarda kundizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ equidae. (18) Il-qagħda għandha tiġi eżaminata fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali skedata għat- 8 ta' Awissu 2007, u fejn ikun meħtieġ, il-miżuri għandhom jiġu adattati. ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Bla ħsara għall-miżuri li ħa r-Renju Unit fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE, u partikolarment l-imlimentazzjoni ta' żona ta' kontroll temporanja skond l-Artikolu 7(1) u projbizzjoni taċ-ċaqliq kif provdut fl-Artikolu 7(3) ta' dik id-Direttiva, ir-Renju Unit għandu jiżgura li: (1) l-ebda annimal ħaj ta' l-ispeċi bovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra ma jiċċaqlaq bejn il-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I u l-Anness II; (2) l-ebda annimal ħaj ta' l-ispeċi bovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra ma jintbagħtu minn jew jgħaddu mill-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I u l-Anness II; (3) Bla ħsara għar-restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq ta' l-annimali suxxettibbli fi u mill-Gran Brittanja li kienu applikati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, u b'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw it-tranżitu dirett u mhux interrott ta' annimali bijungulati miż-żoni elenkati fl-Anness I u l-Anness II f'toroq prinċipali u bil-ferrovija; (4) iċ-ċertifikati tas-saħħa pprovduti bid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE li jakkumpanjaw l-annimali ħajjin bovini u porċini u bid-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE li jakkumpanjaw l-annimali ħajjin ovini u kaprini mibgħuta lejn l-Istati Membri l-oħra minn partijiet tat-territorju tar-Renju Unit li mhumiex elenkati fl-Anness I u l-Anness II għandu jkun fihom il-kliem li ġejjin: "Annimali konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". (5) Iċ-ċertifikati tas-saħħa li jakkumpanjaw il-bijungulati, għajr dawk koperti biċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 4, mibgħuta lejn l-Istati Membri l-oħra minn partijiet tat-territorju tar-Renju Unit li mhumiex elenkati fl-Anness I u l-Anness II għandu jkun fihom il-kliem li ġejjin: "Bijungulati ħajjin konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". (6) Iċ-ċaqliq lejn l-Istati Membri l-oħra ta' annimali akkumpanjati b'ċertifikat tas-saħħa ta' l-annimali msemmi fil-paragrafi 4 jew 5 għandu jkun permess biss wara aviiż tlett ijiem bil-quddiem, mibgħut mill-awtorità veterinarja lokali lill-awtoritajiet veterinarji ċentrali u lokali fl-Istat Membru destinatarju. Artikolu 2 1. Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat laħmijiet kif definiti fil-paragrafu 2 ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina jew porċina jew bijungulati oħra ġejjin jew derivati minn annimali li joriġinaw f'dawk il-partijiet tat-territorju tar-Renju Unit li huma elenkati fl-Anness I. 2. Il-laħmijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu "laħam frisk", "laħam ikkapuljat", "laħam separat mekkanikament" u "preparati tal-laħam" kif definiti fil-paragrafu 1 ta' l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 853/2004. 3. Laħam li mhuwiex eliġibbli biex jintbagħat mir-Renju Unit skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun immarkat skond l-Artikolu 4(1), it-tieni paragrafu, tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE, jew skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/304/KE. 4. Sakemm il-laħam ikun immarkat ċar, u jkun ġie ttrasportat u maħżun mid-data tal-produzzjoni separatament minn laħam li mhuwiex eliġibbli, skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni, biex jintbagħat lil hinn miż-żoni elenkati fl-Anness I, il-projbizzjoni pprovduta bil-paragrafu (1) ma għandhiex tapplika għal-laħmijiet imsemmija fil-paragrafu (2) li fuqhom ikollhom il-marka sanitarja skond il-Kapitolu III ta' l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 854/2004/KE, u li: (a) jkun inkiseb qabel il- 15 ta' Lulju 2007, jew (b) ikun idderivat minn annimali mrobbija u mbiċċra, jew, fil-każ ta' laħam tal-kaċċa jew ta' speċijiet suxxettibbli għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, maqtula lil hinn miż-żoni elenkati fl-Anness II. 5. Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq għandu jsir mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali. 6. Il-projbizzjonijiet ipprovduti bil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal-laħam frisk minn annimali mrobbija barra ż-żoni elenkati fl-Anness I u l-Anness II u ttrasportati għall-qatla immedjata b'deroga mill-Artikolu 1(1) u (2), direttament u taħt kontroll uffiċjali, f'mezzi ssiġillati tat-trasport, lejn biċċerija f'żona elenkata fl-Anness I barra ż-żona ta' protezzjoni. Laħam bħal dan għandu jitqiegħed fis-suq biss fil-partijiet tat-territorju tar-Renju Unit imsemmija fl-Anness I u għandu jaqdi l-kundizzjonijiet li ġejjin: - kull laħam frisk tali jeħtieġlu jkollu l-marka sanitarja skond l-Artikolu 4(1), it-tieni paragrafu, tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE, jew skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/304/KE, - l-impjant ikun operat taħt kontroll veterinarju strett, - il-laħam frisk ikun identifikat ċar, u jkun ittrasportat u maħżun separatament minn laħam li mhuwiex eliġibbli biex jintbagħat barra mir-Renju Unit, - il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq għandu jsir mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali, li għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista ta' dawk l-istabbilimenti li jkunu approvawhom b'applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonjiet. 7. Bil-kundizzjonjiet li ġejjin, il-projbizzjonijiet ipprovduti bil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal-laħam frisk minn impjanti tat-tqattigħ li jinsabu barra miż-żona elenkata fl-Anness I: - fi kwalunkwe ġurnata partikolari, f'dan l-istabbiliment jiġi pproċessat laħam frisk kif deskritt fil-paragrafu (4); Wara l-ipproċessar ta' kwalunkwe laħam li ma jissodisfax dan ir-rekwiżit, isiru t-tindif u d-diżinfezzjoni; - kull laħam tali jeħtieġlu jkollu fuqu l-marka sanitarja skond il-Kapitolu III ta' l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 854/2004/KE; - l-impjant ikun operat taħt kontroll veterinarju strett, - il-laħam frisk ikun identifikat ċar, u jkun ittrasportat u maħżun separatament minn laħam li mhuwiex eliġibbli biex jintbagħat barra miż-żoni msemmija fl-Anness I; - il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq għandu jsir mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali, li għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista ta' dawk l-istabbilimenti li jkunu approvawhom b'applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonjiet. 8. Laħam mibgħut mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun akkumpanjat b'ċertifikat minn veterinarju uffiċjali. Iċ-ċertifikat għandu jkollu fuqu l-kliem li ġej: "Laħam konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". Artikolu 3 1. Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat prodotti tal-ħalib, inklużi stonkujiet, vexxiki u msaren trattati, ta' annimali ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina jew porċina u bijungulati oħra li jkunu ġejjin minn dawk il-partijiet tar-Renju Unit elenkati fl-Anness I jew ippreparati bl-użu ta' laħam minn annimali li joriġinaw f'dawk il-partijiet tar-Renju Unit. 2. Sakemm il-prodotti tal-laħam, inklużi stonkujiet, vexxiki u msaren trattati, ikunu mmarkati ċar, u jkunu ġew ittrasportati u maħżuna mid-data tal-produzzjoni separatament minn laħam, inklużi stonkujiet, vexxiki u msaren trattati, li mhuwiex eliġibbli, skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni, biex jintbagħat lil hinn miż-żoni elenkati fl-Anness I, il-projbizzjoni pprovduta bil-paragrafu (1) ma għandhiex tapplika għal-laħmijiet imsemmija fil-paragrafu (2), inklużi stonkujiet, vexxiki u msaren trattati, li fuqhom ikollhom il-marka sanitarja skond il-Kapitolu III ta' l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 854/2004/KE, u li: (a) jew huma magħmula minn laħmijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4); jew inkella (b) jkunu għaddew minn talanqas wieħed mit-trattamenti stipulati għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fil-Parti 1 ta' l-Anness III għad-Direttiva 2002/99/KE; 3. Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq għandu jsir mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali, li għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista ta' dawk l-istabbilimenti li jkunu approvawhom b'applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonjiet. 4. Il-prodotti tal-laħam, inklużi stonkujiet, vexxiki u msaren trattati, mibgħuta mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra, għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali. Iċ-ċertifikat għandu jkollu fuqu l-kliem li ġej: "Prodotti tal-laħam konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". 5. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 4, fil-każ ta' prodotti tal-laħam, inklużi stonkujiet, vexxiki u msaren trattati, konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2 u li jkunu ġew ipproċessati fi stabbiliment li jopera l-HACCP [17] u proċedura standard verifikabbli li tiżgura li l-istandards ta' l-ipproċessar jintlaħqu u jiġu rreġistrati, għandu jkun biżżejjed li l-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti għat-trattament stabbiliti fil-paragrafu 2 titniżżel fid-dokument li jakkumpanja l-kunsinna, approvat skond l-Artikolu 9(1). 6. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 4, fil-każ ta' prodotti tal-laħam, inklużi stonkujiet, vexxiki u msaren trattati, li jkunu għaddew minn trattament bis-sħana talanqas skond il-paragrafu 2(b) f'kontenituri ssiġillati ermetikament sabiex jiġi żgurat li jżommu stabbli fit-tul, għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara t-trattament bis-sħana li jkun ġie applikat. Artikolu 4 1. Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat mill-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I ħalib, sew jekk maħsub għall-konsum uman sew jekk mhuwiex. 2. Il-projbizzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal ħalib li jkun għadda minn talanqas trattament skond: (a) Il-Parti A ta' l-Anness IX għad-Direttiva 2003/85/KE, jekk il-ħalib ikun maħsub għall-konsum uman; jew inkella (b) Il-Parti B ta' l-Anness IX għad-Direttiva 2003/85/KE, jekk il-ħalib ma jkunx maħsub għall-konsum uman jew inkella jkun maħsub għall-għalf ta' l-annimali ta' speċijiet suxxettibbli għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer. 3. Bil-kundizzjonjiet li ġejjin, il-projbizzjonijiet ipprovduti bil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għall-ħalib ippreparat fi stabbilimenti li jinsabu barra miż-żona elenkata fl-Anness I: (a) il-ħalib kollu użat fl-istabbiliment jeħtieġlu jew ikun konformi mal-kundizzjonijiet tal-Paragrafu 2 jew inkella jkun minn annimali mrobbija u maħluba barra miż-żona elenkata fl-Anness I, (b) l-istabbiliment ikun operat taħt kontroll veterinarju strett, (c) il-ħalib ikun identifikat ċar, u jkun ittrasportat u maħżun separatament minn ħalib u prodotti tal-ħalib li mhuwiex/mhumiex eliġibbli biex jintbagħat/jintbagħtu barra miż-żoni msemmija fl-Anness I, (d) it-trasport ta' ħalib mhux ipproċessat minn stabbilimenti agrikoli barra miż-żoni msemmija fl-Anness I lejn l-istabbilimenti msemmija hawn fuq isir f'vetturi li jkunu tnaddfu u ġew diżinfettati qabel l-operazzjoni u li ma jkun kellhom l-ebda kuntatt sussegwenti ma' stabbilimenti fiż-żoni msemmija fl-Anness I li jżommu annimali ta' speċijiet suxxettibbli għall-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, (e) il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq għandu jsir mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali, li għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista ta' dawk l-istabbilimenti li jkunu approvawhom b'applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonjiet. 4. Ħalib mibgħut mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun akkumpanjat b'ċertifikat minn veterinarju uffiċjali. Iċ-ċertifikat għandu jkollu fuqu l-kliem li ġej: "Ħalib konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". 5. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 4, fil-każ ta' ħalib konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2(a) jew (b) u li jkun ġie pproċessat fi stabbiliment li jopera l-HACCP u proċedura standard verifikabbli li tiżgura li l-istandards ta' l-ipproċessar jintlaħqu u jiġu rreġistrati, għandu jkun biżżejjed li l-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti għat-trattament stabbiliti fil-paragrafu 2(a) jew (b) titniżżel fid-dokument li jakkumpanja l-kunsinna, approvat skond l-Artikolu 9(1). 6. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 4, fil-każ ta’ ħalib konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2(a) jew (b) u li jkun għadda minn trattament bis-sħana f'kontenituri ssiġillati ermetikament sabiex jiġi żgurat li jżomm stabbli fit-tul, għandu jkun biżżejjed li jkun akkumpanjat b'dokument kummerċjali li jiddikjara t-trattament bis-sħana li jkun ġie applikat. Artikolu 5 1. Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat mill-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I prodotti tal-ħalib, sew jekk maħsuba għall-konsum uman sew jekk mhumiex. 2. Il-projbizzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal prodotti tal-ħalib, sew jekk maħsuba għall-konsum uman sew jekk mhumiex, li jkunu: (a) prodotti qabel il- 15 ta' Lulju 2007; jew inkella (b) ppreparati minn ħalib konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2) jew (3), jew (c) għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz fejn il-kundizzjonijiet ta' l-importazzjoni jippermettu li prodotti bħal dawn jgħaddu minn trattament differenti minn dak stipulat b'din id-Deċiżjoni, u li jiżgura l-inattivazzjoni tal-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer. 3. Bla ħsara għall-Kapitolu II tas-Sezzjoni IX ta' l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 853/2004, il-projbizzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal prodotti tal-ħalib maħsuba għall-konsum uman li jkunu: (a) prodotti minn ħalib ta' pH ikkontrollat ta' anqas minn 7.0 u li jkun għadda minn trattament tas-sħana b'temperatura talanqas ta' 72 °C u għal talanqas 15-il sekonda, bil-kundizzjoni li dan it-trattament ma jkunx meħtieġ għal prodotti finali li l-ingredjenti tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet rispettivi tas-saħħa ta' l-annimali stipulati b'din id-Deċiżjoni. (b) prodotti minn ħalib mhux ipproċessat ta' annimali bovini, ovini jew kaprini li għal talanqas 30 jum, kienu residenti fi stabbiliment li jinsab f'żona elenkata fl-Anness I, fiċ-ċentru ta' ċirku ta' radjus ta' mhux anqas minn 10 km li fih ma tkun seħħet l-ebda tfaqqigħa tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fit-30 jum immedjatament qabel il-produzzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat, u li jeħtiġilhom jgħaddu minn proċess ta' maturazzjoni ta' mhux anqas minn 90 jum, li matulu l-pH titniżżel taħt 6.0 fis-sustanza kollha, u li l-qoxra tagħhom tkun ġiet trattata b'0,2 % aċidu ċitriku immedjatament qabel it-tgeżwir jew il-pakkeġġar. 4. Il-projbizzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għal: (a) prodotti tal-ħalib ippreparati fi stabbilimenti li jinsabu fiż-żoni elenkati fl-Anness I bil-kundizzjonijiet li ġejjin: - il-ħalib kollu użat fl-istabbiliment jeħtieġlu jew ikun konformi mal-kundizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(2) jew inkella jkun minn annimali barra miż-żona elenkata fl-Anness I, - il-prodotti kollha tal-ħalib użati fil-prodott finali jew ikunu konformi mal-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2(a) u (b) jew 3, jew inkella jkunu magħmulin minn ħalib minn annimali barra ż-żona elenkata fl-Anness I, - l-istabbiliment ikun operat taħt kontroll veterinarju strett, - il-prodotti tal-ħalib ikunu identifikati ċar, u jkunu ttrasportati u maħżuna separatament minn ħalib u prodotti tal-ħalib li mhuwiex/mhumiex eliġibbli biex jintbagħat/jintbagħtu barra miż-żoni msemmija fl-Anness I, - il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq għandu jsir mill-awtorità veterinarja kompetenti taħt is-sorveljanza ta' l-awtoritajiet veterinarji ċentrali, li għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni lista ta' dawk l-istabbilimenti li jkunu approvawhom b'applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonjiet. (b) il-prodotti tal-ħalib ippreparati fil-partijiet tat-territorju barra ż-żoni msemmija fl-Anness I bl-użu ta' ħalib prodott qabel il- 15 ta' Lulju 2007 minn partijiet tat-territorju msemmi fl-Anness I, bil-kundizzjoni li l-prodotti tal-ħalib ikunu identifikati ċar, u jkunu ttrasportati u maħżuna separatament minn prodotti tal-ħalib li mhumiex eliġibbli biex jintbagħtu barra miż-żoni msemmija fl-Anness I. 5. Prodotti tal-ħalib mibgħuta mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkunu akkumpanjati b'ċertifikat uffiċjali. Iċ-ċertifikat għandu jkollu fuqu l-kliem li ġej: "Prodotti tal-ħalib konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit" 6. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 5, fil-każ ta' prodotti tal-ħalib konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafi 2(a) u (b), 3 u 4, u li jkunu ġew ipproċessati fi stabbiliment li jopera l-HACCP u proċedura standard verifikabbli li tiżgura li l-istandards ta' l-ipproċessar jintlaħqu u jiġu rreġistrati, għandu jkun biżżejjed li l-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti fil-paragrafu 2(a) u (b), 3 u 4, titniżżel fid-dokument li jakkumpanja l-kunsinna, approvat skond l-Artikolu 9(1). 7. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 5, fil-każ ta' prodotti tal-ħalib konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2(a) u (b), 3 u 4, u li jkunu għaddew minn trattament bis-sħana f'kontenituri ssiġillati ermetikament sabiex jiġi żgurat li jżommu stabbli fit-tul, għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara t-trattament bis-sħana li jkun ġie applikat. Artikolu 6 1. Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat semen, ova u embrijuni ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra minn dawk il-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I lejn partijiet oħra tar-Renju Unit. 2. Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat semen, ova u embrijuni ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra minn dawk il-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I u fl-Anness II. 3. Il-projbizzjonijiet deskritti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal: (a) semen iffriżat ta' l-ispeċi bovina u porċina prodott qabel il- 15 ta' Lulju 2007; u (b) semen iffriżat ta' l-ispeċi bovina u porċina u embrijuni ta' l-ispeċi bovina importati fir-Renju Unit skond il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/407/KEE, 90/429/KEE u 89/556/KEE rispettivament, u li mindu ddaħħlu fir-Renju Unit kienu maħżuna u ttrasportati separatament minn semen u embrijuni li mhumiex eliġibbli biex jintbagħtu skond il-paragrafi 1 u 2. Qabel ma jintbagħat is-semen, ir-Renju Unit għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra bil-lista taċ-ċentri awtorizzati għall-finijiet ta' dan il-paragrafu. 4. Iċ-ċertifikat sanitarju pprovdut bid-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE u li jakkumpanja s-semen bovin iffriżat mibgħut mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun fih il-kliem li ġej: "Semen bovin iffriżat konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". 5. Iċ-ċertifikat sanitarju pprovdut bid-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE u li jakkumpanja s-semen porċin iffriżat mibgħut mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun fih il-kliem li ġej: "Semen porċin iffriżat konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". 6. Iċ-ċertifikat sanitarju pprovdut bid-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE u li jakkumpanja l-embrijuni bovini ffriżati mibgħuta mir-Renju Unit lejn Stati Membri oħra għandu jkun fih il-kliem li ġej: "Embrijuni bovini ffriżati konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". Artikolu 7 1. Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat ġlud ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra minn dawk il-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I. 2. Din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għall-ġlud prodotti qabel il- 15 ta' Lulju 2007, jew li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-punti (c) u (d) tal-paragrafu 2 tal-Parti A tal-Kapitolu VI ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002. Il-ġlud trattati għandhom ikunu separati effettivament mill-ġlud mhux trattati. 3. Ir-Renju Unit gaħndu jiżgura li l-ġlud ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati mibgħut lejn Stati Membri oħra għandu jkun akkumpanjat b'ċertifikat li jkun fih il-kliem li ġej: "Ġlud konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". 4. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3, fil-każ ta' ġlud konformi mar-rekwiżiti tal-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 1 tal-Parti A tal-Kapitolu VI ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara l-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti għat-trattament stipulat fil-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 1 tal-Parti A tal-Kapitolu VI ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002. 5. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3, fil-każ ta' ġlud konformi mar-rekwiżiti tal-punti (c) jew (d) tal-paragrafu 2 tal-Parti A tal-Kapitolu VI ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara l-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti għat-trattament stipulat fil-punti (c) jew (d) tal-paragrafu 2 tal-Parti A tal-Kapitolu VI ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, approvat skond l-Artikolu 9(1). Artikolu 8 1. Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat prodotti ta' l-annimali ta' l-ispeċi bovina, ovina, kaprina u porċina u ta' bijungulati oħra mhux imsemmija fl-Artikoli 2, 3, 4, 5, 6 u 7 prodotti wara l- 15 ta' Lulju 2007 minn dawk il-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I. Ir-Renju Unit ma għandux jibgħat demel u ħmieġ ta' l-annimali minn dawk il-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I. 2. Il-projbizzjonijiet deskritti fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, ma għandhomx japplikaw għal: (a) prodotti ta' l-annimali li jkunu għaddew minn: - trattament bis-sħana f'kontenitur ermetikament issiġillat b'valur Fo ta' 3,00 jew aktar, jew - trattament bis-sħana li fih it-temperatura ċentrali titla' sa talanqas 70 °C; (b) demm u prodotti tad-demm kif definiti fil-paragrafi 4 u 5 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 li jkunu għaddew minn talanqas wieħed mit-trattamenti pprovduti bil-paragrafu 3(a)(ii) tal-Parti A tal-Kapitolu IV ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, segwiti b'eżami ta' l-effikaċja. (c) xaħam u xaħmijiet maħlula li jkunu għaddew mit-trattament bis-sħana stipulat bil-paragrafu 23(d)(iv) tal-Parti B tal-Kapitolu IV ta' l-Anness VII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002; (d) msaren ta' l-annimali li jkunu tnaddfu, nbarxu u mbagħad jew tmellħu, ġew ibbliċjati jew tnixxfu, u li wara jkunu tteħdulhom passi effikaċi biex ma jħallux li l-imsaren jerġgħu jiġu kkkontaminati (e) suf tan-nagħaġ, xagħar ir-ruminanti u lanżit tal-majjal li jkunu għaddew minn tindif fil-fabbrika jew li jkunu nkisbu mill-ikkunzar tal-ġlud u suf tan-nagħaġ mhux ipproċessat, xagħar ir-ruminanti u lanżit tal-majjal li jkunu magħluqin għal kollox fil-pakkeġġar u nexfin. (f) ikel ta' l-annimali tal-kumpanija li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-paragrafi 2 jew 4 tal-Parti B tal-Kapitolu II ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002; (g) prodotti komposti li mhumiex suġġetti għal aktar ipproċessar u li fihom prodotti ta' oriġini mill-annimali, fil-fehma li t-trattament mhuwiex meħtieġ għall-prodotti finali li l-ingredjenti tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet rispettivi tas-saħħa ta' l-annimali stipulati b'din id-Deċiżjoni, (h) trofej tal-kaċċa skond il-paragrafi 1, 3 jew 4 tal-Parti A tal-Kapitolu VII ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002; (i) prodotti ppakkjati maħsuba għall-użu bħala reaġenti dijanjostiċi in-vitro jew tal-laboratorju. 3. Ir-Renju Unit għandu jiżgura li l-prodotti ta' l-annimali msemmija fil-paragrafu 2 li jkunu għandhom jintbagħtu lejn Stati Membri oħra għandhom ikunu akkumpanjati b'ċertifikat uffiċjali li jkun fih il-kliem li ġej: "Prodotti ta' l-annimali konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit". 4. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 2(b), (c) u (d), għandu jkun biżżejjed li jkun hemm approvazzjoni skond l-Artikolu 9(1) tal-konformità mal-kundizzjonijiet rekwiżiti skond il-leġiżlazzjoni rispettiva tal-Komunità. 5. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 2(e), għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara jew it-tindif fil-fabbrika jew l-oriġini mill-ikkonzar, jew inkella l-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 tal-Kapitolu VIII ta' l-Anness VIII għar-Regolament (KE) Nru 1774/2002. 6. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 2(g) u li jkunu saru fi stabbiliment li jopera l-HACCP u proċedura standard verifikabbli ta' l-operat li tiżgura li l-ingredjenti pproċessati minn qabel jikkonformaw mal-kundizzjonijiet rispettivi tas-saħħa ta' l-annimali stipulati b'din id-Deċiżjoni, għandu jkun biżżejjed li dan jitniżżel fid-dokument li jakkumpanja l-kunsinna, approvat skond l-Artikolu 9(1). 7. B'deroga mid-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 3, fil-każ ta' prodotti msemmija fil-paragrafu 2(i), għandu jkun biżżejjed li jkunu akkumpanjati b'dokument kummerċjali li jiddikjara li l-prodotti jkunu għall-użu bħala reaġenti dijanjostiċi in-vitro jew tal-laboratorju, bil-kundizzjoni li l-prodotti jkollhom tikketta li tgħid ċar "biss għall-użu dijanjostiku in-vitro" jew "biss għall-użu fil-laboratorju". Artikolu 9 1. Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għandhom jiżguraw li d-dokument kummerċjali rekwiżit bil-leġiżlazzjoni Komunitarja għall-kummerċ fi ħdan il-Komunità jkun approvat permezz ta' l-hemża ta' kopja ta' ċertifikat uffiċjali li jiddikjara li l-proċess tal-produzzjoni għadda minn verifika u nstab li kien konformi mar-rekwiżiti rilevanti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja u li huwa idoneu biex jeqred il-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer, jew li l-prodotti kkonċernati kienu magħmula minn materjali pproċessati minn qabel li kienu ġew iċċertifikati hekk, u li hemm implimentati provvedimenti biex jevitaw li sseħħ il-kontaminazzjoni mill-ġdid bil-virus tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer wara t-trattament. It-tali ċertifikazzjoni ta' verifika tal-proċess tal-produzzjoni għandu jkun fiha referenza għal din id-Deċiżjoni, tkun valida għal 30 jum, tiddikjara d-data ta' l-iskandenza u tkun tista' tiġġedded wara spezzjoni ta' l-istabbiliment. 2. Fil-każ ta' prodotti maħsuba għall-bejgħ bl-imnut lill-konsumaturi aħħarija, l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jistgħu jawtorizzaw tagħbijiet konsolidati ta' prodotti għajr il-laħam frisk, laħam ikkapuljat, laħam separat mekkanikament u l-preparati tal-laħam, li kull wieħed minnhom ikun eliġibbli biex jintbagħat skond din id-Deċiżjoni, li għandhom ikunu akkumpanjati bl-hemża ta' kopja ta' ċertifikat veterinarju uffiċjali li jikkonferma li l-post minn fejn qed jintbagħtu l-prodotti fih sistema biex tiżgura li l-oġġetti jistgħu jintbagħtu biss jekk ikunu traċċabbli għal evidenza dokumentarja tal-konformità ma' din id-Deċiżjoni, u li din is-sistema tkun ġiet verifikata u nstabet sodisfaċenti. It-tali ċertifikazzjoni ta' verifika tas-sistema ta' traċċabbiltà għandu jkun fiha referenza għal din id-Deċiżjoni, tkun valida għal 30 jum, tiddikjara d-data ta' l-iskandenza u tkun tista' tiġġedded biss wara li l-istabbiliment ikun għadda minn verifika b'riżultati sodisfaċenti. L-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit għandhom jikkomunikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni l-lista ta' stabbilimenti li jkun appruvaw b'applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Artikolu 10 1. Ir-Renju Unit għandu jiżgura li l-vetturi li jkunu ntużaw għat-trasport ta' l-annimali ħajjin fiż-żoni elenkati fl-Anness I u l-Anness II jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati wara kull operazzjoni, u għandhom jipprovdu l-provi ta' din id-diżinfezzjoni. 2. Ir-Renju Unit għandu jiżgura li l-operaturi ta' portijiet ta' ħruġ mir-Renju Unit jiżguraw li t-tajers tal-vetturi tat-triq li jkunu ħerġin mir-Renju Unit jkunu esposti għad-diżinifettant. Artikolu 11 Ir-restrizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 3, 4, 5 u 8 ma għandhomx japplikaw għal meta jintbagħtu mill-partijiet tat-territorju tar-Renju Unit elenkat fl-Anness I il-prodotti msemmija fl-Artikoli 3, 4, 5 u 8, kemmildarba t-tali prodotti jkunu: - jew ma ġewx prodotti fir-Renju Unit u baqgħu fil-pakkeġġar oriġinali tagħhom bl-indikazzjoni tal-pajjiż ta' l-oriġini tal-prodotti, jew - ġew prodotti fi stabbiliment approvat li jinsab fil-partijiet tat-territorju tar-Renju Unit elenkat fl-Anness I minn prodotti pprċessati minn qabel li ma joriġinawx minn dawn iż-żoni, li mindu jkunu ddaħlu fit-territorju tar-Renju Unit ikunu ġew trasportati, maħżuna u pproċessati separatament minn prodotti li mhumiex eliġibbli biex jintbagħtu barra ż-żoni msemmija fl-Anness I u li huma akkumpanjati b'dokument kummerċjali jew b'ċertifikat uffiċjali kif tesiġi din id-Deċiżjoni. Artikolu 12 1. Ir-Renju Unit għandu jiżgura li l-equidae mibgħuta minn dawk il-partijiet tat-territorju tiegħu elenkati fl-Anness I u l-Anness II lejn partijiet oħra tat-territorju tiegħu jew lejn Stat Membru ieħor ikunu akkumpanjati b'ċertifikat tas-saħħa skond il-Mudell fl-Anness C tad-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE. Dan iċ-ċertifikat għandu jinħareġ biss għall-equidae ġejjin minn stabbiliment li ma jkunx suġġett għal projbizzjoni uffiċjali skond l-Artikolu 4 u l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KEE. 2. Iċ-ċertifikat tas-saħħa ta' l-annimali li jakkumpanja l-equidae mibgħuta mir-Renju Unit lejn Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fih il-kliem li ġej: "Equidae konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/552/KE tas- 6 ta' Awissu 2007 dwar miżuri proviżorji ta' protezzjoni rigward il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit" Artikolu 13 1. L-Istati Membri għajr ir-Renju Unit ma għandhomx jibagħtu annimali ħajjin ta' l-ispeċijiet suxxettibbli lejn il-parti tat-territorju tar-Renju Unit elenkata fl-Anness I. 2. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jissorveljaw il-bagalji persunali ta' passiġġieri li jivvjaġġaw minn dawk il-partijiet tat-territorju tar-Renju Unit elenkati fl-Anness I, kif ukoll f'kampanji ta' tagħrif biex ma jħallux li jiddaħħlu prodotti ta' oriġini mill-annimali fit-territorji ta' Stati Membri għajr ir-Renju Unit. Artikolu 14 L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ sabiex iġibuhom konformi ma' din id-Deċiżjoni. Għandhom jgħarrfu lill-Kummisjsoni b'dan minnufih. Artikolu 15 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, 6 ta’ Awwissu 2007. Għall-Kummissjoni Markos Kyprianou Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29, id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 315, 19.11.2002, p. 14). [2] ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13, id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 195, 2.6.2004, p. 12). [3] ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1, id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 352). [4] ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64, id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE. [5] ĠU L 46, 19.2.1991, p. 19, id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE. [6] ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54, id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2007/265/KE (ĠU L 114, 1.5.2007, p. 17). [7] ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55, il-verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 22, Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1). [8] ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206, il-verżjoni kkoreġuta fil-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83, ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006. [9] ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11. [10] ĠU L 104, 13.4.2001, p. 6, id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/49/KE (ĠU L 21, 24.1.2002, p. 30). [11] ĠU L 62, 15.3.1993, p. 49. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33), il-verżjoni kkoreġuta fi (ĠU L 195, 2.6.2004, p. 12). [12] ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1, ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament 829/2007/KE (ĠU L 191, 21.7.2007, p. 1). [13] ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10, id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/16/KE (ĠU L 11, 17.1.2006, p. 21). [14] ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2006/60/KE (ĠU L 31, 3.2.2006, p. 24). [15] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62, id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 806/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 1). [16] ĠU L 224, 18.8.1990, p. 42, id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/104/KE. [17] HACCP = Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi ta' Kontroll (Hazard Analysis and Critical Control Points). -------------------------------------------------- 20070806 ANNESS I Iż-żoni li ġejjin fir-Renju Unit: Il-Gran Brittanja -------------------------------------------------- 20070806 ANNESS II Iż-żoni li ġejjin fir-Renju Unit: Il-Gran Brittanja --------------------------------------------------