2007/531/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 26 ta’ Lulju 2007 dwar kwestjonarju għal rapporti ta’ l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit volatili organiku minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet, matul il-perjodu 2008 – 2010 (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3547)

Official Journal L 195 , 27/07/2007 P. 0047 - 0049


Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas- 26 ta’ Lulju 2007

dwar kwestjonarju għal rapporti ta’ l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit volatili organiku minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet, matul il-perjodu 2008 – 2010

(notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 3547)

(2007/531/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE tal- 11 ta’ Marzu 1999 [1] dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit volatili organiku minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet, u b’mod partikolari Artikolu 11(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat- 23 ta’ Diċembru 1991, biex tistandardizza u tirrazzjonaliżża rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti direttivi fuq l-ambjent [2],

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 1999/13/KE, l-Istati Membri huma obbligati jfasslu rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva fuq bażi ta’ kwestjonarju jew deskrizzjoni abbozzati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE.

(2) L-Istati Membri ħejjew rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva għall-perjodu mill- 1 ta’ Jannar 2003 sal- 31 ta’ Diċembru 2004 skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/529/KE [3].

(3) L-Istati Membri obbligati jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva għall-perjodu mill- 1 ta’ Jannar 2005 sal- 31 ta’ Diċembru 2007 skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/534/KE [4].

(4) It-tielet rapport għandu jkopri l-perjodu mill- 1 ta’ Jannar 2008 sal- 31 ta’ Diċembru 2010.

(5) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stipulata fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jużaw il-kwestjonarju stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni sabiex iħejju r-rapport, li jkopri l-perjodu mill- 1 ta’ Jannar 2008 sal- 31 ta’ Diċembru 2010, li għandu jitressaq lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 1999/13/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros Dimas

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 85, 29.3.1999, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 87).

[2] ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[3] ĠU L 172, 2.7.2002, p. 57.

[4] ĠU L 213, 3.8.2006, p. 4.

--------------------------------------------------

ANNESS

Kwestjonarju dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva 1999/13/KE dwar il-limitazzjoni ta’ taħlit volatili organiku minħabba l-użu ta’ solventi organiċi f’ċerti attivitajiet u stallazzjonijiet matul il-perjodu 2008–2010

1. Deskrizzjoni ġenerali

Jekk jogħġbok niżżel it-tibdil rilevanti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali matul il-perjodu ta’ rappurtaġġ dwar id-Direttiva 1999/13/KE.

2. Ir-rappurtaġġ dwar l-istallazzjonijiet

2.1. Għal kull waħda mill-għoxrin attività ta’ l-Anness II A, jekk jogħġbok indika, għall-ewwel ġurnata ( 1.1.2008) u l-aħħar ġurnata ( 31.12.2010) tal-perjodu ta’ rappurtaġġ separatament, kemm stallazzjonijiet jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti hawn taħt:

- l-għadd totali ta’ stallazzjonijiet [1];

- l-għadd totali ta’ stallazzjonijiet li huma koperti wkoll bid-Direttiva 96/61/KE (id-Direttiva ta’ l-IPPC);

- l-għadd totali ta’ stallazzjonijiet li huma rreġistrati/awtorizzati skond id-Direttiva 1999/13/KE;

- l-għadd totali ta’ stallazzjonijiet li huma rreġistrati/awtorizzati bl-użu ta’ l-iskema ta’ tnaqqis;

- l-għadd totali ta’ stallazzjonijiet li ngħataw deroga skond l-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 1999/13/KE. Ipprovdi lista f’Anness ta’ dan il-kwestjonarju bir-raġunijiet għal kull deroga li nħarġet;

- l-għadd totali ta’ stallazzjonijiet li ngħataw deroga skond l-Artikolu 5(3)(b) tad-Direttiva 1999/13/KE. Ipprovdi lista f’Anness ta’ dan il-kwestjonarju bir-raġunijiet għal kull deroga li nħarġet.

2.2. Għal kull waħda mill-għoxrin attività ta’ l-Anness II A, jekk jogħġbok indika kemm stallazzjonijiet jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti hawn taħt waqt il-perjodu ta’ rappurtaġġ:

- L-għadd totali ta’ stallazzjonijiet ġodda jew mibdula b’mod sostanzjali li ġew irreġistrati/awtorizzati skond id-Direttiva 1999/13/KE.

3. Sostituzzjoni

Għal kull waħda mill-għoxrin attività ta’ l-Anness II A, jekk jogħġbok indika, għall-aħħar tal-perjodu ta’ rapportaġġ ( 31.12.2010), liema sustanzi jew preparazzjonijiet, ikklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeni jew tossiċi għar-riproduzzjoni (R45, R46, R49, R60, R61) skond id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE [2] għadhom qed jintużaw u f’liema ammonti (stmati) (tunnellati fis-sena).

4. Moniteraġġ

Għal kull waħda mill-għoxrin attività ta’ l-Anness II A, jekk jogħġbok indika ċ-ċifri li ġejjin waqt il-perjodu ta’ rappurtaġġ:

- L-għadd ta’ stallazzjonijiet li ġew irrapportati "darba fis-sena" jew "fuq talba" skond l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva;

- L-għadd ta’ stallazzjonijiet li ġew issorveljati kontinwament għall-konformità skond l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva.

5. Konformità

Għal kull waħda mill-għoxrin attività ta’ l-Anness II A, jekk jogħġbok indika l-figuri li ġejjin waqt il-perjodu ta’ rappurtaġġ:

- L-għadd ta’ operaturi li nstabu li kisru l-obbligi ta’ din id-Direttiva:

(a) marbuta man-nuqqas ta’ konformità ma’ "darba fis-sena" jew "fuq talba" rappurtaġġ:

(b) marbuta man-nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżiti oħra tad-Direttiva?

- Għal kemm-il operatur l-awtoritajiet kompetenti ssospendew jew irtiraw l-awtorizzazzjoni fejn ma kienx hemm konformità ma’ l-Artikolu 10(b) tad-Direttiva?

6. Emissjonijiet

6.1. Jekk jogħġbok indika għall-għadd totali ta’ stallazzjonijiet għas-snin 2008 u 2010, l-għadd ta’ tunnellati stmati ta’ emissjonijiet ta’ VOCs.

6.2. Jekk jogħġbok indika għal kull wieħed mill-għoxrin attività ta’ l-Anness II A għas-snin 2008 u 2010, it-tunnellati stmati ta’ emissjonijiet ta’ VOCs (mhux obbligatorja).

7. L-Ispejjeż

7.1. Jekk jogħġbok istma l-ispejjeż totali, eż, it-total ta’ l-ispejjeż għall-permessi, is-sorveljanza u l-ispezzjonijiet, eċċ, għall-awtoritajiet nazzjonali kollha kkonċernati f’Ewuro għal kull sena jew inkella fi snin ta’ xogħol għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/13/KE fl-2010 (mhux obbligatorja).

7.2. Jekk jogħġbok istma l-ispejjeż amministrattivi għal dan ir-rappurtaġġ f’xhur ta’ xogħol u f’Ewuro (mhux obbligatorja).

8. Pubblikazzjoni ta’ rapporti mill-Istati Membri dwar dan il-kwestjonarju

Jekk jogħġbok agħti, per eżempju, l-indirizz URL ta’ websajt, fejn il-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess dirett għar-rapporti mill-Istati Membri dwar it-tweġibiet għal dan il-kwestjonarju.

9. Titjib

Liema aspetti jistgħu jiġu enfasizzati dwar:

- L-implimentazzjoni/ir-reviżjoni futura tad-Direttiva 1999/13/KE;

- Kwestjonarji ulterjuri?

10. Xi kummenti oħra.

[1] Għall-fini ta’ dan il-kwestjonarju "l-għadd totali ta’ stallazzjonijiet" għandu jinkludi addizzjonalment, dawk l-istallazzjonijiet li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva 199/13/KE, iżda huma rregolati bil-liġi nazzjonali skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. L-installazzjonijiet għall-kisi tal-vetturi tat-triq kif definiti fid-Direttiva 70/156/KEE, jew parti minnhom, li jitwettqu bħala parti mit-tiswija, il-konservazzjoni jew it-tiżjin barra l-istallazzjonijiet ta’ manifattura, ma għandhomx ikunu inklużi.

[2] ĠU 196, 16.8.1967, p. 1.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet