Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2007 tas- 26 ta’ Lulju 2007 dwar miżuri ta’ emerġenza li jissospendu l-użu ta’ E 128 Aħmar 2Ġ bħala kulur alimentari Test b’relevanza għaż-ŻEE

Official Journal L 195 , 27/07/2007 P. 0008 - 0009


Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2007

tas- 26 ta’ Lulju 2007

dwar miżuri ta’ emerġenza li jissospendu l-użu ta’ E 128 Aħmar 2Ġ bħala kulur alimentari

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza ta’ l-Ikel u jistabbilixxi proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sikurezza ta’ l-ikel [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 il-Kummissjoni tista’ tissospendi t-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ ikel li x’aktarx jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, meta riskju tali ma jistax jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri kkonċernati.

(2) Id-Direttiva 94/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 30 ta’ Ġunju 1994 dwar kuluri għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel [2] tawtorizza fl-Anness I tagħha l-użu tal-kulur E 128 Aħmar 2Ġ fl-oġġetti ta’ l-ikel. Skond l-Anness IV ta’ dik id-Direttiva l-kulur E 128 Aħmar 2Ġ huwa permess li jintuża fiz-zalzett tal-kolazzjon b’kontenut minimu ta’ ċereali ta’ 6 % u fil-laħam tal-bergers b’kontenut minimu veġetali u/jew ċereali ta’ 4 %. Fiż-żewġ tipi ta’ ikel huwa permess livell massimu ta’ 20mg/kk.

(3) L-użu ta’ dak il-kulur kien permess fuq il-bażi ta’ l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel espressa fis- 27 ta’ Ġunju 1975 [3]. Il-Kumitat alloka konsum aċċettabbli ta’ kuljum (ADI) ta’ 0.1 mg/kg tal-piż tal-ġisem għal E 128 Aħmar 2Ġ.

(4) L-addittivi ta’ l-ikel għandhom jinżammu taħt osservazzjoni kontinwa u għandhom jiġu evalwati mill-ġdid meta meħtieġ fid-dawl tal-kondizzjonijiet dejjem jinbidlu ta’ l-użu u tat-tagħrif xjentifiku ġdid. Minħabba li l-evalwazzjonijiet oriġinali ta’ bosta addittivi ta’ l-ikel saru numru ta’ snin ilu, il-Kummissjoni Ewropea ħasset il-ħtieġa għal valutazzjoni sistematika mill-ġdid ta’ l-addittivi awtorizzati kollha ta’ l-ikel sabiex tivverifika jekk għadhiex valida l-evalwazzjoni attwali ta’ sikurezza. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Ikel (l-EFSA) biex tivvaluta mill-ġdid l-addittivi kollha ta’ l-ikel attwalment awtorizzati fl-UE.

(5) F’dan il-kuntest il-Bord Xjentifiku ta’ l-EFSA dwar l-addittivi ta’ l-ikel, il-ħwawar, addittivi awżiljari u materjali għall-ipproċessar f’kuntatt ma’ l-ikel ivvaluta mill-ġdid is-sikurezza tal-kulur 128 Aħmar 2Ġ u adotta opinjoni [4] fil- 5 ta’ Lulju 2007.

(6) L-EFSA bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ l-evalwazzjoni [5] tar-riskju dwar l-aniline. Dak ir-rapport ikkonkluda li l-aniline għandu jitqies bħala karnoċenu li għalih ma jistax jiġi eskluż mekkaniżmu ġenotossiku. Minħabba li l-kulur E 128 Aħmar 2Ġ huwa metabolizzat malajr u b’mod estensiv għall-analine, l-EFSA kkonkludiet li jkun prudenti li s-sustanza titqies bħala waħda ta’ tħassib għas-sigurtà. Konsegwentament, l-EFSA rtirat l-ADI għall-kulur E 128 Aħmar 2Ġ. Minkejja dan, l-EFSA qieset li l-mekkaniżmu ta’ l-aniline li jikkawża t-tumur għandu jiġi ċċarat b’mod ulterjuri, jiġi ppruvat li huwa prodott biss minn ċertu livell ’il fuq u/jew ir-relevanza tiegħu għall-bniedem hija negliġibbli, il-kulur E 128 Aħmar 2Ġ jista’ jiġi vvalutat mill-ġdid darb’ oħra għall-użu bħala addittiv ta’ l-ikel.

(7) Meta wieħed iqis li addittiv ta’ l-ikel jista’ jintuża biss meta hemm evidenza li l-użu tiegħu ma jagħmilx ħsara għas-saħħa, id-Direttiva 94/36 KE għandha tiġi amendatā sabiex tipprojbixxi l-użu tal-kulur E 128 Aħmar 2Ġ.

(8) Sadanittant, minħabba li l-kulur E 128 Aħmar 2Ġ probabbli jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, huwa xieraq, sabiex jiġi żgurat il-livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa magħżul fil-Komunità, li jiġi sospiż b’effett immedjat l-użu tal-kulur E 128 Aħmar 2Ġ fl-ikel u t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni ta’ ikel li fih il-kulur E 128 Aħmar 2Ġ.

(9) Permezz tad-Direttiva 94/36/KE, il-kulur E 128 Aħmar 2Ġ huwa legalment awtorizzat għall-użu fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, tinħtieġ miżura li tinfirex mal-Komunità kollha.

(10) Il-Kummissjoni se żżomm dan ir-Regolament taħt reviżjoni regolari filwaqt li tqis it-tagħrif xjentifiku ġdid.

(11) Wara li tiġi kkunsidrata n-natura tar-riskju, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih.

(12) Filwaqt li jitqiesu r-raġunijiet tekniċi u ekonomiċi, għandhom jiġu stipulati perjodi tranżitorji sabiex ikopru zalzett tal-kolazzjon u laħam tal-bergers li fihom il-kulur E 128 Aħmar 2Ġ, li tqiegħdu fis-suq skond id-Direttiva 94/36/KE kif ukoll kunsinni li ntbagħtu minn pajjiżi terzi għall-Komunità qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(13) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. L-użu tal-kulur E 128 Aħmar 2Ġ fl-ikel, kif imsemmi fl-Anness IV għad-Direttiva 94/36/KE, huwa sospiż.

2. It-tqegħid fis-suq ta’ l-ikel li fih il-kulur E 128 Aħmar 2Ġ huwa sospiż.

3. L-importazzjoni ta’ l-ikel li fih il-kulur E 128 Aħmar 2Ġ huwa sospiż.

Artikolu 2

1. Permezz ta’ l-Artikolu (1)2, iz-zalzett tal-kolazzjon u l-laħam tal-bergers li fihom il-kulur E 128 Aħmar 2Ġ li tqiegħdu fis-suq skond id-Direttiva 94/36/KE qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu kkummerċjalizzati sad-data tagħhom ta’ "ikkonsma sa" jew id-data tagħhom ta’ dewmien minimu.

2. L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-kunsinni ta’ zalzett tal-kolazzjon u l-laħam tal-bergers li fihom il-kulur E 128 Aħmar 2Ġ fejn l-importatur ta’ oġġetti tali ta’ l-ikel jista’ juri li ntbagħtu mill-pajjiż terz ikkonċernat u li kienu jinsabu fi triqthom lejn il-Komunità qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandhu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos Kyprianou

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).

[2] ĠU L 237, 10.9.1994, p. 13. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[3] SCF (1975). Ir-Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel (l-1 serje), p. 17, 19, 24.

[4] EFSA (2007). Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Addittivi, Ħwawar, Sustanzi awżiljarji u Materjali ta’ l-Ipproċessar ta’ l-Ikel f'kuntatt ma’ l-Ikel (AFC) dwar il-valutazzjoni mill-ġdid ta’ kuluri ta’ l-Ikel Aħmar 2Ġ (E 128).

[5] ECB, 2004, Ufficċju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi, Istitut għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur. European Union Risk Assessment Report on Aniline. Volume 50.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet