Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2007 ta’ l- 10 ta’ Lulju 2007 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd

Official Journal L 192 , 24/07/2007 P. 0001 - 0003


Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 865/2007

ta’ l- 10 ta’ Lulju 2007

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd [2] jistipula d-dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd.

(2) Id-dispożizzjonijiet attwali li japplikaw għall-ġestjoni tal-kapaċità tal-flotta għandhom jiġu adattati fid-dawl ta’ l-esperjenza.

(3) L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu żieda limitata fit-tunnellaġġ għal bastimenti ġodda jew diġà eżistenti sabiex itejbu s-sikurezza, l-iġjene, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-prodott abbord, sakemm dan ma jżidx il-kapaċità li l-bastimenti jaqbdu l-ħut u sakemm jagħti l-prijorità lis-sajd kostali fuq skala żgħira fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas- 27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd [3]. Dik iż-żieda għandha tkun marbuta ma’ l-isforzi tagħhom li jaġġustaw il-kapaċità tas-sajd bl-għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 jew l- 1 ta’ Mejju 2004 u l- 31 ta’ Diċembru 2006 u mill- 1 ta’ Jannar 2007 ‘l quddiem.

(4) It-tnaqqis tas-saħħa tal-magna meħtieġ għall-bdil tal-magni bl-għajnuna pubblika skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandu jitqies bħala ħruġ tal-kapaċità mill-flotta permezz ta’ l-għajnuna pubblika fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tas-sistema tad-dħul u l-ħruġ u l-aġġustament tal-livelli ta’ referenza.

(5) Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandu għaldaqstant jiġi emendat kif jixraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002 huwa emendat hekk:

(1) L-Artikolu 11 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 11

Aġġustament tal-kapaċità għas-sajd

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu miżuri li jaġġustaw il-kapaċità għas-sajd tal-flotot tagħhom biex jiksbu bilanċ stabbli u dewwiemi bejn dik il-kapaċità għas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livelli ta’ referenza espressi f’TG u kW tal-kapaċità għas-sajd kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12 ma jinqabżux.

3. L-ebda ħruġ mill-flotta appoġġat minn għajnuna pubblika m’għandu jkun permess sakemm il-liċenzja għas-sajd ma tiġix irtirata qabel ma jsir dan, kif imfisser fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1281/2005 [****] u, meta jkun hemm ipprovdut għalihom, l-awtorizzazzjonijiet għas-sajd kif imfissrin fir-regolamenti rilevanti. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6, il-kapaċità li tikkorrispondi għal-liċenzja, u fejn meħtieġ għall-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għas-sajd ikkonċernat, ma tistax tiġi ssostitwita.

4. Meta tingħata għajnuna pubblika għall-irtirar mill-kapaċità għas-sajd li tmur lil hinn mit-tnaqqis ta’ kapaċità meħtieġ għall-konformità mal-livelli ta’ referenza kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12, l-ammont tal-kapaċità irtirata għandu jitnaqqas awtomatikament mil-livelli ta’ referenza. Il-livelli ta’ referenza li jirriżultaw għandhom ikunu l-livelli ta’ referenza ġodda.

5. Fuq bastimenti tas-sajd ta’ 5 snin jew aktar, il-modernizzazzjoni ‘l fuq mill-gverta prinċipali sabiex jittejbu is-sikurezza abbord, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene, u l-kwalità tal-prodott jistgħu jżidu t-tunnellaġġ tal-bastiment, sakemm din il-modernizzazzjoni ma żżidx il-kapaċità tal-bastiment biex jaqbad il-ħut. Il-livelli ta’ referenza, kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12, għandhom jiġu adattati kif jixraq. Il-kapaċità korrispondenti m’hemmx għalfejn titqies għall-istabbiliment tal-bilanċ ta’ dħul u ħruġ minn Stati Membri skond l-Artikolu 13.

6. Mill- 1 ta’ Jannar 2007, sabiex jittejbu s-sikurezza abbord, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-iġjene u l-kwalità tal-prodott, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jallokaw mill-ġdid lil bastimenti ġodda jew li diġà jeżistu l-kapaċità li ġejja f’termini ta’ tunnellaġġ, sakemm din il-modernizzazzjoni ma żżidx il-kapaċità tal-bastiment biex jaqbad il-ħut:

- 4 % tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Jannar 2003 u l- 31 ta’ Diċembru 2006 għall-Istati Membri li kienu parti mill-Komunità fl- 1 ta’ Jannar 2003, u 4 % tat-tunnellaġġ medju annwali rtirat bl-għajnuna pubblika bejn l- 1 ta’ Mejju 2004 u l- 31 ta’ Diċembru 2006 għall-Istati Membri li ssieħbu mal-Komunità fl- 1 ta’ Mejju 2004, u,

- 4 % tat-tunnellaġġ irtirat mill-flotta bl-għajnuna pubblika mill- 1 ta’ Jannar 2007.

Il-livelli ta’ referenza, kif stabbiliti skond dan l-Artikolu u l-Artikolu 12 għandhom jiġu adattati kif jixraq. Il-kapaċità korrispondenti m’hemmx għalfejn titqies għall-istabbiliment tal-bilanċ ta’ dħul u ħruġ minn Stati Membri skond l-Artikolu 13.

L-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lis-sajd kostali fuq skala żgħira, fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 [*****], huma u jallokaw il-kapaċità tas-sajd skond dan il-paragrafu.

7. Regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30(2).

(2) L-Artikolu 13 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 13

Skema ta’ dħul/ħruġ u tnaqqis ta’ kapaċità totali

1. L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw dħul fil-flotta u ħruġ mill-flotta b’mod illi mill- 1 ta’ Jannar 2003:

(a) id-dħul ta’ kapaċità ġdida fil-flotta mingħajr għajnuna pubblika ikun ikkumpensat bl-irtirar minn qabel mingħajr għajnuna pubblika ta’ mill-inqas l-istess ammont ta’ kapaċità,

(b) id-dħul ta’ kapaċità ġdida fil-flotta b’għajnuna pubblika mogħtija wara l- 1 ta’ Jannar 2003 ikun ikkumpensat bl-irtirar minn qabel mingħajr għajnuna pubblika ta’:

(i) mill-inqas l-istess ammont ta’ kapaċità, għad-dħul ta’ bastimenti ġodda ta’ 100 TG jew inqas, jew

(ii) mill-inqas 1.35 darbiet l-ammont ta’ dik il-kapaċità, għad-dħul ta’ bastimenti ġodda ta’ aktar minn 100 TG.

(c) il-bdil ta’ magna bl-għajnuna pubblika skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 25(3)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 jiġi kkumpensat bi tnaqqis tal-kapaċità f’termini ta’ saħħa ugwali għal 20 % tas-saħħa tal-magna mibdula. It-tnaqqis ta’ 20 % f’saħħa għandu jitnaqqas mil-livelli ta’ referenza skond l-Artikolu 11(4).

2. Regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 30(2).".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Teixeira dos Santos

[1] Opinjoni tas- 26 ta' April 2007 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[2] ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

[3] ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

[****] ĠU L 203, 4.8.2005, p. 3.

[*****] ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1."

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet