Direttiva tal-Kummissjoni 2007/29/KE tat- 30 ta’ Mejju 2007 li temenda d-Direttiva 96/8/KE fir-rigward tat-tikkettjar, ir-reklamar jew il-preżentazzjoni ta’ l-ikel li huwa maħsub għall-użu fid-dieti ta’ restrizzjoni ta’ l-enerġija għat-tnaqqis fil-piż Test b’relevanza għaż-ŻEE
Official Journal L 139 , 31/05/2007 P. 0022 - 0023
Direttiva tal-Kummissjoni 2007/29/KE tat- 30 ta’ Mejju 2007 li temenda d-Direttiva 96/8/KE fir-rigward tat-tikkettjar, ir-reklamar jew il-preżentazzjoni ta’ l-ikel li huwa maħsub għall-użu fid-dieti ta’ restrizzjoni ta’ l-enerġija għat-tnaqqis fil-piż (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat- 3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għal użu ta’ nutriment partikolari [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha, Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel [2] għandu japplika mill- 1 ta’ Lulju 2007. Dan għandu japplika għall-ikel li huwa maħsub għad-dieti ta’ restrizzjoni fl-enerġija għat-tnaqqis fil-piż mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi tad-Direttiva tal-Kummissjoni 96/8/KE tas- 26 ta’ Frar 1996 dwar ikel li huwa maħsub għall-użu f’dieti li huma ristretti fil-kontenut enerġetiku għat-telf tal-piż [3]. (2) Id-Direttiva 96/8/KE tipprevedi li t-tikkettjar, ir-reklamar u l-preżentazzjoni tal-prodotti koperti ma jagħmlux referenza għar-rata jew l-ammont ta’ telf tal-piż li jista' jirriżulta mill-użu tagħhom jew għat-tnaqqis fis-sens tal-ġuħ jew f'żieda fis-sens ta’ xabgħa. (3) L-Artikolu 13(1) (c) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jippermetti l-użu ta’ l-ikel fuq kriterji sanitarji li jiddeskrivu jew li jirreferu b’mod partikolari għal tnaqqis fis-sens tal-ġuħ jew żieda fis-sens ta’ xabgħa skond kondizzjonijiet speċifikati. (4) Li jingħata permess li jsiru stqarrijiet li jirreferu għat-tnaqqis fis-sens ta’ ġuħ jew żieda fis-sens ta’ xabgħa skond kondizzjonijiet li tali stqarrijiet huma bbażati fuq evidenza xjentifika ġeneralment approvata u huma miftiehma b’mod ġenerali mill-konsumatur medju jirrifletti l-evoluzzjoni fil-medda u fil-proprjetajiet tal-prodotti. (5) Dan ir-raġunament huwa iktar ta’ rilevanza għall-prodotti li jintużaw fid-dieti ta’ restrizzjoni ta’ l-enerġija għat-tnaqqis fil-piż. Għalhekk, l-użu ta’ tali stqarrijiet m’għadux iktar ipprojbit sakemm jiġu rispettati l-kondizzjonijiet stipolati fl-Artikolu 13, paragrafu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006. (6) Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/8/KE, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej: "3. It-tikkettjar, ir-riklamar u l-preżentazzjoni tal-prodotti kkonċernati ma jistgħu jagħmlu ebda referenza għar-rata jew l-ammont ta’ telf fil-piż li jista’ jirriżulta mill-użu tagħhom." Artikolu 2 It-traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mit- 30 ta’ Novembru 2007, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u l-iskeda ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill- 1 ta’ Lulju 2007. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha issir tali referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, 30 ta’ Mejju 2007. Għall-Kummissjoni Markos Kyprianou Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 186, 30.6.1989, p. 27. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) No 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1). [2] ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9. Ir-Regolament kif inhu kkoreġut mill-ĠU L 12, 8.1.2007, p. 3. [3] ĠU L 55, 6.3.1996, p. 22. --------------------------------------------------