Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1665/2006 tas- 6 ta’ Novembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2075/2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali għat- Trichinella fil-laħam Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Official Journal L 320 , 18/11/2006 P. 0046 - 0046
Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1665/2006 tas-6 ta’ Novembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2075/2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali ta’ oriġini ta’ annimali maħsuba għall-konsum uman [1], u b' mod partikolari l-Artikolu 16(1) tiegħu. Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistipola regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali ta' prodotti dderivati mill-annimali u maħsuba għall-konsum uman, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-marka tas-saħħa. (2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 tal- 5 ta' Diċembru 2005 li jistipula r-regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam [2], ġeneralment ma jippermettix li laħam tal-ħanżir domestiku jitlaq mill-biċċerija qabel ma jiġu kkomunikati r-riżultati ta’ l-eżaminazzjoni għall-infestazzjoni tat-Trichinella lill-veterinarju uffiċjali. Madanakollu, ir-Regolament (KE) Nru 2075/2005 taħt ċerti kundizzjonijiet stretti jippermetti li tiġi applikata l-marka tas-saħħa u li l-laħam jiġi rrilaxxat għat-trasport qabel ma jkunu magħrufa r-riżultati. Taħt dawn iċ-ċirkustanzi huwa essenzjali li l-awtorità kompetenti tivverifika li t-traċċabilità sħiħa tal-laħam rilaxxat tkun taħdem il-ħin kollu. (3) Ir-Regolament (KE) Nru 2075/2005 għandu, għalhekk, jiġi emendat kif xieraq (4) Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005, il-paragrafu 3 jiġi mibdul b'dan li ġej: 3. Fejn f’biċċerija jkun hemm proċedura taħdem biex tiżgura li l-ebda parti tal-karkassa eżaminata ma titlaq mill-post qabel mar-riżultat ta’ l-eżami tat-Trichinella joħroġ negattiv u l-proċedura tkun approvata b’mod formali mill-awtorità kompetenti jew fejn tapplika d-deroga prevista fl-Artikolu 2(2) (b), il-marka tas-saħħa prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tista' tiġi applikata qabel ma r-riżultati ta' l-eżami tat-Trichinella jkunu disponibbli.' Artikolu 2 Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, nhar is- 6 ta’ Novembru 2006. Għall-Kummissjoni Markos Kyprianou Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206. Verżjoni kkoreġuta mill-ĠU L 226, 25.6.2004, p. 83. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2076/2005 (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 183). [2] ĠU L 338, 22.12.2005, p. 60. --------------------------------------------------