Id-Direttiva 2005/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 li temenda għas-sebgħa u għoxrin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ restrizzjonijiet fuq il- marketing u l-użu ta’ ċertu sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (idrokarburi poliċikliċi aromatiċi fi żjut dilwenti u f’tajers)

Official Journal L 323 , 09/12/2005 P. 0051 - 0054


Id-Direttiva 2005/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-16 ta’ Novembru 2005

li temenda għas-sebgħa u għoxrin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta’ ċertu sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (idrokarburi poliċikliċi aromatiċi fi żjut dilwenti u f’tajers)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) It-tajers jiġu prodotti billi jintużaw żjut dilwenti li jista’ jkun fihom livelli varji ta’ idrokarburi poliċikliċi aromatiċi (PAHs) li ma jiġux miżjuda apposta. Waqt il-proċess ta’ produzzjoni l-PAHs jistgħu jiġu nkorporati fil-matriċi tal-lasktu. Għalhekk, jistgħu jinstabu f’ammonti varji fil-prodott finali.

(2) Il-‘Benzo(a)pyrene’ (BaP) jista’ jkun indikatur kwalitattiv u kwantitattiv għall-preżenza ta’ PAHs. Il-BaP u PAHs oħra ġew klassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni. Barra minn hekk, minħabba l-preżenza ta’ dawn il-PAHs, diversi żjut dilwenti ġew awtomatikament klassifikati bħala karċinoġeniċi, mutaġeniċi u tossiċi għar-riproduzzjoni.

(3) Il-Kumitat Xjentifiku għat-Tossiċità, għall-Ekotossiċità u għall-Ambjent (is-CSTEE) ikkonferma s-sejbiet xjentifiċi li jidentifikaw l-effetti ħżiena tal-PAHs fuq is-saħħa.

(4) L-emissjonijiet tal-BaP u PAHs oħra fl-ambjent għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun. Sabiex jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u sabiex issir kontribuzzjoni għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet totali annwali ta’ PAHs kif mitlub mill-Protokoll ta’ l-1998 għall-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfinali ta’ l-Arja fuq Distanza Kbira fuq Tniġġis Organiku Persistenti ta’ l-1979, jidher għalhekk li hemm bżonn li jiġi ristrett il-marketing u l-użu ta’ żjut dilwenti b’ konetut għoli ta’ PAH u taħlit użat bħala żjut dilwenti fil-produzzjoni tat-tajers.

(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas- 27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta’ ċertu sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi [3] għandha għalhekk tiġi emendata għaldaqstant.

(6) Bla ħsara għar-rekwiżiti ta’ dispożizzjonijiet Ewropej oħra, din id-Direttiva tkopri t-tajers ta’ karozzi għall-passiġġieri [4], it-tajers ta’ trakkijiet ħfief u tqal [5], it-tajers għall-użu fl-agrikultura [6] u t-tajers tal-muturi [7].

(7) Sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti meħtieġa għas-sigurtà u b’mod partikulari biex jiġi żgurat li t-tajers ikollhom livell għoli ta’ qabda fuq l-imxarrab, hemm bżonn perijodu transitorju li matulu l-produtturi tat-tajers jistgħu jiżviluppaw u jittestjaw tipi ġodda ta’ tajers prodotti mingħajr żjut dilwenti b’ammont għoli ta’ aromatiċi. Skond l-informazzjoni li hemm disponibbli bħalissa, ix-xogħol għall-iżvilupp u għall-ittestjar se jieħu żmien konsiderevoli, peress li l-produtturi se jkollhom iwettqu sensiliet numerużi ta’ testijiet qabel ma jkun jista’ jiġi garantit livell għoli ta’ qabda fuq l-imxarrab meħtieġ fil-każ tat-tajers il-ġodda. Għalhekk, din id-Direttiva għandha tiġi applikata għall-operaturi ekonomiċimill- 1 ta’ Jannar 2010.

(8) Hemm bżonn li jiġu adottati metodi armonizzati għall-ittestjar sabiex tiġi applikata din id-Direttiva fir-rigward tal-kontenut ta’ PAHs fi żjut dilwenti u f’tajers. L-adozzjoni ta’ dan it-tip ta’ metodi għall-ittestjar m’għandhiex tittardja d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Preferibbilment il-metodu għall-ittestjar jiġi żviluppat fuq livell Ewropew jew internazzjonali, mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (is-CEN) jew mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (l-ISO) skond il-każ. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika riferenzi għall-istandards relevanti tas-CEN jew ta’ l-ISO jew tistabbilixxi dan it-tip ta’ metodi bi qbil ma’ l-Artikolu 2a tad-Direttiva 76/769/KEE, fejn meħtieġ.

(9) Din id-Direttiva ma taffettwax il-leġiżlazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-ħarsien tal-ħaddiema, bħad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEEtat- 12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri li jħeġġu titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol [8], u direttivi individwali bbażati fuqha, b’mod partikulari d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta’ April 2004 dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji marbutin ma’ l-esposizzjoni għal sustanzi karċinoġeniċi jew mutaġenici fuq il-post tax-xogħol (is-sitt Direttiva individwali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) [9] u d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas- 7 ta’ April 1998 dwar il-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema kontra r-riskji marbutin ma’ l-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [10].

(10) M’huwiex l-iskop ta’ din id-Direttiva li tillimita t-tqegħid fis-suq kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas- 27 ta’ Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’ jaqsmu mal-klassifikazzjoni, l-ipparkjar u t-tikkettar ta’ sustanzi perikoluzi [11], ta’ tajers magħmula qabel l- 1 ta’ Jannar 2010 u li għalhekk jistgħu jinbiegħu minn ħażniet wara din id-data. Id-data ta’ produzzjoni ta’ tajers tista’ tingħaraf faċilment permezz tad-‘data ta’ manifattura’ li bħalissa trid tiġi mmarkata fuq it-tajer b’mod obbilgatorju kif stabbilit fid-Direttiva 92/23/KEE. It-tajers kollha li jerġa’ jingħatalhom wiċċ ġdid wara l- 1 ta’ Jannar 2010 għandhom isiru b’materjal li jkun fih żjut dilwenti ġodda b’livell baxx ta’ PAH.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE qiegħed jiġi emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jissodisfaw din id-Direttiva sa 29 ta' Diċembru ta’ l-2006. Għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni minnufih.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijietmill- 1 ta’ Jannar 2010.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal- pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’l-Unjoni Ewropea .

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is- 16 ta’ Novembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell Fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

Bach of Lutterworth

[1] ĠU C 120, ta’ l-20.5.2005, p. 30.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad- 9 ta’ Ġunju 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ottubru 2005.

[3] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/98/KE (ĠU L 305, ta’ l-1.10.2004, p. 63).

[4] Direttiva tal-Kunsill 92/23/KEE tal- 31 ta’ Marzu 1992 dwar tajers għal vetturi bil-mutur, it-trejlers u t-twaħħil taghhom (ĠU L 129, ta’ l-14.5.1995, p. 95). Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/11/KE (ĠU L 46, tas-17.2.2005, p. 42).

[5] Direttiva 92/23/KEE.

[6] Regolament 106 UN/ECE.

[7] Direttiva 97/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 1997 dwar ċerti komponenti u karatteristiċi ta’ vetturi b’żewġ jew tlitt roti (ĠU L 226, tat-18.8.1997, p. 1). Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/30/KE (ĠU L 106, tas-27.4.2005, p. 17).

[8] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[9] ĠU L 158, tat-30.4.2004, p. 50. Verżjoni korretta fil-ĠU L 229, tad-29.6.2004, p. 23.

[10] ĠU L 131, tal-5.5.1998, p. 11. Direttiva kif emendata bl-Att ta’ Adezjoni 2003.

[11] ĠU C 196, tas-16.8.1967, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/73/KE (ĠU L 152, tat-30.4.2004, p. 1). Verżjoni korretta fil-ĠU L 216, tas-16.6.2004, p. 3.

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-punt li ġej qiegħed jiżdied ma’ l-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE:

"50.Idrokarburi poliċikliċi aromatiċi (PAH)1.Benzo(a)pyrene (BaP)CAS Nru. 50-32-82.Benzo(e)pyrene (BeP)CAS Nru. 192-97-23.Benzo(a)anthracene (BaA)CAS Nru. 56-55-34.Chrysen (CHR)CAS Nru. 218-01-95.Benzo(b)fluoranthene (BbFA)CAS Nru 205-99-26.Benzo(j)fluoranthene (BjFA)CAS Nru 205-82-37.Benzo(k)fluoranthene (BkFA)CAS Nru 207-08-98.Dibenzo(a, h)anthracene (DBAhA)CAS Nru 53-70-3 | (1)Żjut dilwenti ma jistgħux jitpoġġew fis-suq u ma jistgħux jintużaw għall-produzzjoni tat-tajers, jew partijiet minn tajers, jekk ikun fihom:iktar minn 1 mg/kg BaP, jewaktar minn 10 mg/kg tat-total tal-PAHs kollha imniżżlin.Dawn il-limiti jitqiesu li ġew rispettati, jekk l-estratt ta’ poliċikliċi aromatiċi (PCA) ikun inqas minn 3 % fil-massa, kif imkejjel mill-Istitut taż-Żejt bl-istandard IP346: 1998 (Id-Determinazzjoni ta’ PCA fi żjut ta’ bażi lubrikanti li m’humiex użati u fi frazzjonijiet ta’ żejt mhux raffinat li ma fihomx asphaltene – Metodu ta’ indiċi rifrattiv ta’ l-estrazzjoni ta’ Dimethyl sulphoxide), dejjem jekk il-konformità mal-valuri limitu ta’ BaP u ta’ PAHs elenkati, kif ukoll il-korrelazzjoni ta’ valuri mkejla permezz ta’ l-estratt ta’ PCA, tkun kontrollata mill-manifattur u mill-importatur kull 6 xhur jew wara kull bidla operattiva ewlenija, skond liema tiġi l-ewwel(2)Barra minn hekk, it-tajers u l-materjal użat għall-bdil ta’ l-uċuh tat-tajers manifatturati wara l- 1 ta’ Jannar 2010 ma jistgħux jitpoġġew fis-suq jekk ikun fihom żjut dilwenti li jaqbżu l-limiti indikati fil-paragrafu 1.Dawn il-limiti jitqiesu li ġew rispettati, jekk il-komposti ta’ lastiku vulkanizzat ma jaqbżux il-limitu ta 0,35 % ta’ protoni Bay kif imkejla u kkalkulati permezz ta’ l-ISO 21461 (Lastiku vulkanizzat – Determinazzjoni ta’ l- aromatiċità taż-żejt f’komposti ta’ lastiku vulkanizzat).(3)Bħala deroga, paragrafu 2 m’għandux japplika għal tajers li ngħatalhom wiċċ ġdid jekk il-wiċċ il-ġdid ma jkunx fih żjut dilwenti aktar mil-limiti indikati fil-paragrafu 1." |

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet