Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura
Official Journal C 175 , 15/06/2011 P. 0005 - 0007
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura 2011/C 175/02 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, WARA LI KKUNSIDRA: - il-Programm Kultura 2007-2013 [1] u l-objettiv speċifiku tiegħu dwar il-mobbiltà transnazzjonali tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura; - ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura [2], li skontha l-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura tagħti kontribut fundamentali għall-ksib tat-tliet objettivi strateġiċi tagħha; - il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal- 21 ta' Mejju 2008 u l-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2008-2010 [3] u b'mod partikolari l-ewwel prijorità, "Titjib tal-kondizzjonijiet għall-mobilità tal-artisti u ta' professjonisti oħrajn fil-qasam kulturali"; - il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat- 18 ta' Novembru 2010 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014 [4] u b'mod partikolari l-prijorità Ċ, "Ħiliet u Mobilità"; - il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal- 20 ta' Ottubru 2005 [5] li l-UEu bosta mill-Istati Membri tagħha huma parti għaliha; huma b'hekk marbuta li jiżguraw li l-artisti, il-professjonisti tal-kultura u ċ-ċittadini fid-dinja kollha jkunu jistgħu joħolqu, jipproduċu, ixerdu u jgawdu firxa wiesgħa ta' attivitajiet, oġġetti u servizzi kulturali, inklużi tagħhom stess; WAQT LI JIRREFERI GĦAL: - id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Analiżi tal-konsultazzjoni mnedija bil-Green Paper dwar "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" ", u b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-mobilità u ċ-ċirkolazzjoni [6] fejn enfasizza li bosta kontributuri kkummentaw dwar kwistjonijiet regolatorji, legali u kwistjonijiet oħra li għandhom impatt fuq il-mobilità u appella biex tingħata informazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet; - il-proġett pilota tal-Parlament Ewropew għall-mobilità tal-artisti ddedikat għall-appoġġ tal-ambjent għall-mobilità tal-artisti, inkluż l-istudju dwar is-sistemi ta' informazzjoni [7]; - ir-rapport ta' Ġunju 2010 tal-grupp ta' ħidma dwar il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar il-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura u b'mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-forniment ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura, inklużi l-linji gwida għas-Servizzi ta' Informazzjoni dwar il-Mobilità [8]; BILLI: - il-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura fl-Ewropa hija kruċjali biex jissaħħħu d-diversità kulturali u lingwistika u d-djalogu interkulturali. Dan jistħoqqlu promozzjoni attiva mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha; - il-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura tippromwovi tilqigħ kreattiv kif ukoll il-produzzjoni u l-iskambju ta' beni u servizzi kulturali; - il-mobilità ssaħħaħ sens ta' appartenenza mal-Unjoni Ewropea u għarfien aktar profond tal-kulturi komuni tagħna; - il-mobilità hija importanti għall-funzjonament sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew f'konformità mat-Trattati. Użu aktar attiv u effiċjenti tal-possibbiltajiet inerenti għas-suq uniku jista' joħloq impjiegi ġodda u opportunitajiet ta' xogħol għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura u b'hekk jippromwovi l-impjiegi fis-settur tal-kultura u l-ekonomija usa'; - il-ħidma kulturali u artistika qed issir dejjem aktar f'kuntesti internazzjonali fejn spiss jinħolqu opportunitajiet ta' xogħol, mawriet, residenzi, kooperazzjoni, koproduzzjoni, żvilupp ta' karrieri, taħriġ u tagħlim bejn il-pari li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali; - mobilità akbar u aħjar tista' tikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv [9]; - ir-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet amministrattivi u regolatorji li jistgħu joħolqu ostakoli għall-mobbiltà tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura s-soltu jmorru lil himm mill-qasam ta' kompetenza tal-awtoritajiet tal-kultura; għaldaqstant, huma importanti n-netwerking u l-kooperazzjoni bejn diversi servizzi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali; - wieħed mill-ostakoli prinċipali msemmija mill-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jixtiequ jkunu mobbli fl-UE huwa d-diffikultà biex jiksbu informazzjoni u pariri preċiżi u komprensivi dwar kwistjonijiet relatati mal-mobilità; JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-QAFAS TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ, BIEX - jiffaċilitaw il-forniment mis-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità ta' informazzjoni komprensivi u preċiżi lill-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jixtiequ jkunu mobbli fl-UE. Għal dan l-għan, jagħmlu l-aħjar użu mill-kompetenza fl-amministrazzjoni pubblika u l-organizzazzjonijiet tas-settur kulturali. Fejn adatt, jibnu fuq servizzi eżistenti biex ixerdu l-informazzjoni, filwaqt li jagħrfu li f'xi każijiet dawn huma sors prinċipali ta' informazzjoni preċiża. Għal dan l-għan, is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità huma meqjusin bħala servizzi li jipprovdu informazzjoni u pariri lill-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jixtiequ jkunu mobbli fl-UE. Il-grupp ta' mira tas-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità huwa meqjus li huwa l-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jaslu, jirresjedu jew jitilqu. Il-komunità ta' "artisti u professjonisti tal-kultura" tinkludi l-professjonisti kollha artistiċi, maniġerjali, loġistiċi u tal-komunikazzjoni u professjonisti oħra fis-settur kulturali u fil-professjonijiet artistiċi eżerċitati f'setturi oħra [10]. Minbarra artisti individwali u professjonisti tal-kultura, l-operaturi jinkludu fi gruppi partikolari, ensembles u organizzazzjonijiet. Billi għadd mill-artisti li jgħixu u jaħdmu fl-Ewropa huma ċittadini ta' pajjiżi terzi, tista' tingħata attenzjoni speċjali għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. F'dan il-kuntest, is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità huma kkaratterizzati minn standards komuni ta' kwalità, suġġetti ta' informazzjoni maqbula u sħubiji strateġiċi. L-istandards ta' kwalità jiddefinixxu impenn volontarju komuni mill-partijiet interessati kollha involuti fi (n-netwerk ta') s-servizz(i) ta' informazzjoni dwar il-mobilità, sabiex tkun żgurata informazzjoni ta' kwalità għolja għall-utenti. Huwa previst li l-kontenut minimu ta' informazzjoni komuni disponibbli jkun jikkonsisti minn suġġetti li jkopru kwistjonijiet regolatorji, amministrattivi u kwistjonijiet oħra li jikkonċernaw il-mobilità, bħas-sigurtà soċjali, it-tassazzjoni, id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, il-viżi u l-permessi ta' xogħol, l-assigurazzjoni u d-dwana, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Barra minn hekk, tista' tingħata wkoll informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament u ta' taħriġ. Jenħtieġu sħubiji strateġiċi biex tkun garantita l-kwalità tal-informazzjoni f'dawn l-oqsma msemmija hawn fuq. Il-korpi kkonċernati jistgħu jinkludu fost oħrajn l-awtoritajiet tal-UE, dawk nazzjonali u reġjonali, l-istituzzjonijiet kulturali, assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, u stabbilimenti tat-taħriġ; GĦALL-PROMOZZJONI TAL-FUNZJONAMENT L-AKTAR EFFIĊJENTI U EFFETTIV TAS-SERVIZZI TAL-INFORMAZZJONI GĦALL-ARTISTI U L-PROFESSJONISTI TAL-KULTURA, GĦANDU JAPPLIKA DAN LI ĠEJ: - it-tagħlim bejn il-pari u l-opportunitajiet ta' taħriġ għall-fornituri tal-informazzjoni għandhom jittrawmu sabiex jiġi żviluppat fehim tajjeb tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura u biex jiġi żviluppat l-għarfien ta' regolamenti u proċeduri rilevanti nazzjonali u tal-UE. Dan ser jgħin biex jiġi żgurat li l-fornituri tal-informazzjoni jkunu jistgħu jidderieġu lill-utenti lejn informazzjoni dwar ir-regoli u r-regolamenti, il-proċeduri, id-drittijiet u l-obbligi nazzjonali u tal-UE; - in-netwerking bejn il-fornituri tal-informazzjoni huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-fornituri fi Stati Membri differenti jkunu jistgħu jidħlu f'kuntatt biex jgħinu lill-artisti u l-professjonisti ta' "pajjiżhom" jiksbu l-informazzjoni li jkunu qed ifittxu dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet fl-Istati Membri ta' "destinazzjoni". In-netwerking jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-bini ta' kapaċità u tagħlim bejn il-pari. Biex is-sistema taħdem sew, huwa essenzjali li l-fornituri tal-informazzjoni fl-Istati Membri kollha jkunu involuti; - għandha tinġabar data bażika dwar l-użu tas-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità sabiex jittejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà ta' dawn is-servizzi. Kwistjonijiet rikorrenti u strutturali relatati mar-regolamenti u l-applikazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu rapportati lill-amministrazzjonijiet nazzjonali kompetenti u lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet tal-mobilità f'terminu itwal; GĦAL DAN L-GĦAN, IL-KUMMISSJONI HIJA MISTIEDNA: - tistabbilixxi grupp ta' ħidma espert, kif imniżżel fil-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014, biex tipproponi kontenut u standards ta' kwalità komuni għas-servizzi tal-informazzjoni u parir għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jixtiequ jkunu mobbli fl-UE. Il-grupp ser jidentifika s-suġġetti dettaljati u linji ta' gwida dwar il-kontenut għas-servizzi tal-informazzjoni dwar il-mobilità, inkluża informazzjoni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi. Ir-rapport ta' Ġunju 2010 tal-grupp ta' ħidma dwar il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar il-mobilità ta' artisti u professjonisti tal-kultura, inklużi l-linji gwida għas-Servizzi ta' Informazzjoni dwar il-Mobilità, ser jifforma l-bażi tal-konsiderazzjoni fil-ħidma tal-grupp espert; - mingħajr preġudizzju għad-diskussjonijiet dwar il-Qafas Finanzjarju pluriennali futur, tesplora appoġġ finanzjarju għas-servizzi ta' informazzjoni mmirati għal artisti u professjonisti tal-kultura li jfittxu li jkunu mobbli meta tiżviluppa l-proposti tagħha għal programmi futuri; - ixxerred informazzjoni dwar il-mobilità permezz ta' pjattaformi [11] tal-UE u talbiet diretti lis-servizzi speċjalizzati tal-Istat Membru jew tas-settur kulturali li jkunu kapaċi jipprovdu informazzjoni komprensiva u preċiża dwar il-mobilità u assistenza lill-artisti u l-professjonisti tal-kultura; L-ISTATI MEMBRI HUMA MISTIEDNA: - jadottaw, abbażi ta', fost l-oħrajn, il-proposta tal-grupp ta' ħidma espert imsemmi hawn fuq, kontenut minimu komuni u standards ta' kwalità komuni meta jistabbilixxu jew jiżviluppaw aktar l-informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura u jimlew il-lakuni fis-servizzi ta' informazzjoni nazzjonali eżistenti fejn meħtieġ; - filwaqt li jibnu fuq l-istrutturi u t-tradizzjonijiet nazzjonali, jiżguraw li s-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità jkunu newtrali u kemm jista' jkun kost-effettivi, flessibbli u ffukati fuq l-utent; - jidentifikaw għodod għat-tixrid pubbliku ta' informazzjoni dwar il-mobilità għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura, bl-użu ta' servizzi eżistenti fejn adatt; - jipprovdu l-informazzjoni nazzjonali tagħhom li tkun rilevanti għall-mobilità tal-artisti u l-professjonisti tal-kultura fuq sit elettroniku multilingi jekk possibbli. Għandha titħeġġeġ it-traduzzjoni, inkluża waħda awtomatika, sabiex jiġi promoss il-multilingwiżmu, l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment u jiġu ffaċilitati l-proġetti dwar il-mobbiltà; L-ISTATI MEMBRI U L-KUMMISSJONI HUMA MISTIEDNA: - jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib biex iħeġġi n-netwerking bejn is-servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità fil-livell Ewropew, b'hekk jitjieb il-forniment ta' informazzjoni għall-artisti u l-professjonisti tal-kultura li jfittxu li jkunu mobbli fl-UE, billi jibnu fuq sħubiji eżistenti ta' informazzjoni u parir, inklużi dawk mas-settur kulturali, u lil dawn jiżviluppawhom aktar fejn adatt. - jissorveljaw il-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni dwar il-mobilità sabiex jittejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà ta' dawn is-servizzi. [1] ĠU L 372, 27.12.2006, p. 1. [2] ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1. [3] ĠU C 143, 10.6.2008, p. 9. [4] ĠU C 325, 2.12.2010, p. 1. [5] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/515/KE tat- 18 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (ĠU L 201, 25.7.2006, p. 15). Il-Konvenzjoni fiha miżuri li huma rilevanti għall-mobilità u l-iskambju kulturali. [6] SEC(2011) 399 finali [7] "Information systems to support the mobility of artists and other professionals in the culture field: a feasibility study", ECOTEC, 2009 – http://ec.europa.eu/culture/key-documents/doc2039_en.htm [8] http://ec.europa.eu/culture/our-policy-development/doc1569_en.htm [9] COM(2010) 2020 finali. [10] Il-grupp usa' ta' professjonisti tal-kultura jinkludi eż. kuraturi, diretturi u persunal ta' istituzzjonijiet kulturali, tekniċi, ħaddiema li jibnu palk, esperti tal-ICT, speċjalisti tal-komunikazzjoni, eċċ. [11] L-Ewropa tiegħek (http://ec.europa.eu/youreurope/); Eures (Il-portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol, http://ec.europa.eu/eures). --------------------------------------------------