Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat
Official Journal C 136 , 16/06/2009 P. 0013 - 0020
Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat 2009/C 136/04 1. AMBITU U GĦAN TA' DAN IL-KODIĊI 1. Fl-2005, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat: Għajnuna mill-Istat li hija inqas fl-ammont u mmirata aħjar: pjan direzzjonali għar-riforma tal-Għajnuna mill-Istat 2005-2009 ("l-SAAP") [1] sabiex ittejjeb l-effettività, it-trasparenza, il-kredibilità u l-previdibilità tas-sistema tal-Għajnuna mill-Istat fit-Trattat tal-KE. Ibbażat fuq il-prinċipju ta' ‘inqas għajnuna mill-Istat u għajnuna mmirata aħjar', l-għan prinċipali tal-SAAP hu li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex inaqqsu l-livelli ta' għajnuna globali, waqt li jagħti direzzjoni ġdida lir-riżorsi Statali għal għanijiet ta' interess komuni orizzontali. Sabiex jappoġġja dan il-għan, l-SAAP isejjaħ ukoll għal proċeduri aktar effettivi, sempliċi u prevedibbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. 2. Il-Kummissjoni tixtieq tafferma mill-ġdid dan l-impenn billi toħroġ dan il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika sabiex tagħmel il-proċeduri produttivi u effiċjenti kemm jista' jkun għall-partijiet kollha kkonċernati. Il-Kodiċi hu mibni fuq l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat- 22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE [2] u fuq studji interni tal-Kummissjoni dwar id-dewmien tal-passi differenti tal-proċedura tal-għajnuna mill-Istat, tat-trattament tal-ilmenti u tal-għodda għall-ġbir tal-informazzjoni. L-għan prinċipali ta' dan il-Kodiċi hu li jipprovdi gwida dwar kif jitmexxew ta' kuljum il-proċeduri dwar l-għajnuna mill-Istat u b'hekk jitrawwem spirtu ta' kooperazjoni aħjar u ftehim reċiproku bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-komunità legali u kummerċjali. 3. Titjib b'suċċess tal-proċeduri għall-għajnuna mill-Istat jeħtieġ dixxiplina miż-żewġ naħat u impenn reċiproku kemm min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istat Membru. Filwaqt li l-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għall-konsegwenzi tan-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Istati Membri u minn partijiet interessati, hi se taħdem sabiex ittejjeb il-kondotta tal-investigazzjonijiet tagħha u tal-proċess intern ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħha sabiex tassigura trasparenza, previdibilità u effiċjenza akbar tal-proċeduri ta' għajnuna mill-Istat. 4. B'konformità mal-arkitettura moderna tal-għajnuna mill-Istat, dan il-Kodiċi hu l-aħħar parti ta' pakkett ta' simplifikazzjoni li jinkludi l-Avviż mill-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċertu tipi ta' għajnuna mill-Istat [3] u l-Avviż mill-Kummissjoni dwar l-infurzar ta' l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali [4] li jikkontribwixxi għal proċeduri aktar previdibbli u trasparenti. 5. Il-karatteristiċi speċifiċi ta’ każ individwali jistgħu madanakollu jirrikjedu adattament ta’, jew devjazzjoni minn dan il-Kodiċi [5]. 6. L-speċifiċitajiet tas-setturi tas-sajd u tal-akwakultura u tal-attivitajiet tal-produzzjoni primarja, kummerċjalizzazzjoni jew ipproċessar tal-prodotti tal-agrikoltura jistgħu wkoll jiġġustifikaw devjazzjoni minn dan il-Kodiċi. 2. RELAZZJONI MAL-LIĠI KOMUNITARJA 7. Dan il-Kodiċi mhux intiż li jipprovdi rendikont sħiħ jew komprensiv tal-miżuri leġiżlattivi, interpretattivi u amministrattivi relevanti li jirregolaw il-kontroll tal-għajnuna Komunitarja mill-Istat. Għandu jinqara flimkien ma' u bħala suppliment għar-regoli bażiċi li jirregolaw il-proċeduri għall-għajnuna mill-Istat. 8. Dan il-Kodiċi għalhekk ma joħloqx jew ma jbiddilx kwalunkwe dritt jew obbligu kif stipulati fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal- 21 ta' April 2004 [6] li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 659/1999, kif interpretati mill-każistika tal-Qrati Komunitarji. 9. Dan il-Kodiċi jistabbilixxi l-Aħjar Prattiki għal kuljum sabiex jikkontribwixxu għal proċeduri ta' għajnuna mill-Istat aktar bil-ħeffa, aktar trasparenti u aktar previdibbli f'kull pass tal-investigazzjoni ta’ każ jew ilment notifikat jew mhux notifikat. 3. KUNTATTI TA' QABEL IN-NOTIFIKA 10. L-esperjenza tal-Kummissjoni turi l-valur miżjud tal-kuntatti ta' qabel in-notifika, anke f'każijiet li jidhru standard. Kuntatti ta' qabel in-notifika jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-Istat Membru li jinnotifika bil-possibbiltà li jiddiskuti l-aspetti legali u ekonomiċi ta' proġett propost b'mod informali u kunfidenzjali qabel in-notifika, u b'hekk iżid il-kwalità u kompletezza tan-notifiki. F’dan il-kuntest, l-Istat Membru u s-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu wkoll b’mod konġunt jiżviluppaw proposti kostruttivi sabiex jiġu emendati aspetti problematiċi ta’ miżura ppjanata. Din il-fażi għalhekk tħejji t-triq għal trattament ta’ notifiki aktar mgħaġġel, ladarba jiġu ppreżentati formalment lill-Kummissjoni. Notifika minn qabel b’suċċess għandhom b’mod effettiv jippermettu lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjonijiet skont l-Artikolu 4(2), 4(3) u 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika [7]. 11. Kuntatti ta’ qabel in-notifika huma rakkomandati b’mod qawwi għal każijiet fejn hemm affarijiet ġodda partikolari jew fatturi speċifiċi li jistgħu jiġġustifikaw diskussjonijiet preċedenti informali mas-servizzi tal-Kummissjoni, iżda se tingħata gwida informali kull meta Stat Membru jitlob għaliha. 3.1. Kontenut 12. Il-fażi ta’ qabel in-notifika toffri l-possibbiltà li tiddiskuti u tipprovdi gwida lill-Istat Membru kkonċernat dwar l-ambitu tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata fil-formula tan-notifika sabiex jassigura li din tkun kompluta mid-data tan-notifika. Fażi ta’ notifika produttiva tippermetti wkoll diskussjonijiet, f’atmosfera miftuħa u kostruttiva, dwar kull kwistjoni sostantiva mqajma minn miżura ppjanata. Din hi partikolarment importanti f’dak li jirrigwarda proġetti li ma setgħux jiġu aċċettati kif kienu u għalhekk kellhom jiġu rtirati jew emendati b'mod sinifikanti. Din tista’ wkoll tinkludi analiżi dwar id-disponibilità ta’ bażijiet legali oħra jew l-identifikazzjoni ta’ preċedenti relevanti. Barra minn hekk, suċċess fil-fażi ta’ qabel in-notifika jippermetti lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-Istati Membri li jindirizzaw kwistjonijiet prinċipali ta’ kompetizzjoni, analiżi ekonomika u fejn ikun xieraq, esperti esterni meħtieġa sabiex juru l-kompatibilità ta’ proġett ippjanat mas-suq komuni. L-Istat Membru li qed jinnotifika jista’ għalhekk jitlob ukoll lis-servizzi tal-Kummissjoni, qabel in-notifika, sabiex tneħħi l-obbligu li tingħata ċertu informazzjoni li ġiet prevista fil-formula tan-notifika li fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ mhix meħtieġa għall-eżami tagħha. Finalment, il-fażi ta’ qabel in-notifika hi deċisiva sabiex tiddetermina jekk każ jikkwalifikax prima facie għat-trattament taħt il-proċedura simplifikata [8]. 3.2. Ambitu u żminijiet 13. Sabiex tippermetti fażi ta' qabel in-notifika li hi kostruttiva u effiċjenti, hu fl-interess ta' l-Istat Membru kkonċernat li jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni ta' proġett għall-għajnuna mill-Istat ppjanat, fuq il-bażi ta' formula ta' notifika abbozzata. Sabiex ikun assigurat it-trattament ta' malajr tal-każ, kuntatt permezz ta' E-mails jew telefonati konferenza se jiġu ppreferuti aktar milli laqgħat. Is-servizzi tal-Kummissjoni normalment jorganizzaw l-ewwel kuntatt ta' qabel in-notifika fi żmien ġimgħatejn minn meta tasal il-formola ta' notifika abbozzata. 14. Bħala regola ġenerali, kuntatti ta' qabel in-notifika m’għandhomx jieħdu aktar minn xahrejn u wara għandha ssir notifika sħiħa. Fil-każ li l-kuntatti ta' qabel in-notifika ma jagħtux ir-riżultati mistennija, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jiddikjaraw l-għeluq tal-fażi ta' qabel in-notifika. Madankollu, peress li ż-żminijiet u l-format tal-kuntatti ta' qabel in-notifika jiddependu fuq il-kumplessità tal-każ individwali, kuntatti ta' qabel in-notifika jistgħu jdumu bosta xhur. Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda li, f'każijiet li huma partikolarment kumplessi (pereżempju għajnuna ta' salvataġġ, għajnuna kbira għar-Riċerka u l-Iżvilupp, għajnuna individwali kbira jew skemi ta’ għajnuna partikolarment kbar jew kumplessi), l-Istati Membri jibdew il-kuntatti ta' qabel in-notifika fi stadju kmieni kemm jista’ jkun sabiex jippermettu diskussjonijiet sodifaċenti. 15. Skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, jekk fil-kuntatti ta' qabel in-notifika jiġi involut il-benefiċjarju tal-għajnuna dan ikun utli ħafna, b'mod partikolari għal każijiet b'implikazzjonijiet kbar tekniċi, finanzjarji u relatati ma' proġett. Il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda li l-benefiċjarji tal-għajnuna individwali jiġu involuti fil-kuntatti ta' qabel in-notifika. 16. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw jipprovdu lill-Istat Membru kkonċernat b'valutazzjoni preliminari informali tal-proġett fl-aħħar tal-fażi ta' qabel in-notifika, ħlief f'każijiet partikolarment ġodda jew kumplessi. Din il-valutazzjoni li ma torbotx mhux se tkun pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni, iżda gwida informali mis-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-kompletezza ta' l-abbozz tan-notifika u l-kumpatibilità prima facie tal-proġett ippjanat mas-suq komuni. F'każijiet partikolarment kumplessi, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu wkoll jipprovdu gwida bil-miktub, fuq talba tal-Istat Membru, dwar l-informazzjoni li għad trid tiġi mogħtija. 17. Kuntatti ta' qabel in-notifika jinżammu strettament kunfidenzjali. Id-diskussjonijiet jseħħu fuq bażi volontarja u jibqgħu bla ħsara għall-immaniġġjar u l-investigazzjoni tal-każ wara n-notifika formali. 18. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw ukoll li jilqgħu talbiet għal sessjonijiet ta' taħriġ mill-Istati Membri sabiex itejbu il-kwalità tan-notifiki. Il-Kummissjoni se żżomm ukoll kuntatt regolari mal-Istati Membri sabiex tiddiskuti aktar titjib fil-proċeduri għall-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari rigward l-ambitu u l-kontenut tal-formoli ta' notifika applikabbli. 4. IPPJANAR MIFTIEHEM B’MOD REĊIPROKU 19. F'każijiet li huma partikolarment ġodda, teknikament kumplessi jew altrimenti sensittivi, jew li għandhom jiġu eżaminati minħabba urġenza assoluta, is-servizzi tal-Kummissjoni se joffru ippjanar miftiehem b’mod reċiproku lill-Istat Membru li qed jinnotifika sabiex iżidu t-trasparenza u l-prevedibilità tad-dewmien probabbli ta' investigazzjoni għall-għajnuna mill-Istat. 4.1. Kontenut 20. Ippjanar miftiehem b’mod reċiproku hija forma ta' kooperazzjoni strutturata bejn l-Istat Membru u s-servizzi tal-Kummissjoni, ibbażata fuq ippjanar konġunt u ftehim konġunt għat-triq li x’aktarx tieħu l-investigazzjoni u kemm tkun mistennija ddum. 21. F'dan il-kuntest, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru li qed jinnotifika jistgħu b'mod partikolari jifthiemu fuq: - it-trattament prijoritarju tal-każ ikkonċernat, bħal kumpens għall-aċċettazzjoni formali minn naħa tal-Istat Membru tas-sospensjoni tal-eżami [9] tal-każijiet l-oħra notifikati li joriġinaw mill-istess Stat Membru, jekk dan ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' ppjanar jew tar-riżorsi [10]; - l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istat Membru u/jew mill-benefiċjarju kkonċernat, inklużi l-istudji jew opinjonijiet ta' esperti esterni, jew il-ġbir ta' informazzjoni unilaterali mis-servizzi tal-Kummissjoni; u - il-forma u d-dewmien probabbli tal-valutazzjoni tal-każ mis-servizzi tal-Kummissjoni, ladarba jiġu nnotifikati. 22. Bħala kumpens għall-isforzi tal-Istati Membri sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa fi żmien xieraq u kif miftiehem fil-kuntest tal-ippjanar miftiehem b’mod reċiproku, is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw jirrispettaw il-qafas taż-żmien li kien ġie miftiehem għal aktar investigazzjoni tal-każ, sakemm l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru jew minn partijiet interessati ma toħloqx xi kwistjonijiet mhux mistennija. 4.2. Ambitu u żminijiet 23. L-ippjanar miftiehem b’mod reċiproku se jkun riżervat, bħala prinċipju, għall-każijiet li huma tant ġodda, teknikament kumplessi jew altrimenti sensittivi li valutazzjoni preliminarja ċara tal-każ mis-servizzi tal-Kummissjoni hi impossibbli fl-aħħar tal-fażi ta' qabel in-notifika. F'każijiet bħal dawn, l-ippjanar miftiehem b’mod reċiproku se jsir fl-aħħar tal-fażi ta' qabel in-notifika, u jkun segwita min-notifika formali. 24. Madankollu, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat jistgħu wkoll jaqblu, fuq talba ta' dan tal-aħħar, fuq ippjanar miftiehem b’mod reċiproku għat-trattament ulterjuri tal-każ mill-bidu tal-proċedura investigattiva formali. 5. L-EŻAMI PRELIMINARI TAL-MIŻURI NOTIFIKATI 5.1. Talbiet għal informazzjoni 25. Sabiex jissimplifikaw il-kors tal-investigazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni se jaħdmu sabiex jiġbru flimkien it-talbiet għall-informazzjoni waqt il-fażi tal-eżami preliminari. Fil-prinċipju, għalhekk se jkun hemm biss talba waħda komprensiva għall-informazzjoni li normalment għandha tintbagħat fi żmien 4-6 ġimgħat wara d-data tan-notifika. Sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor fl-Ippjanar Miftiehem b’mod Reċiproku, notifika minn qabel għandha tippermetti lill-Istati Membri sabiex jippreżentaw notifika sħiħa u b'hekk inaqqsu l-bżonn għal informazzjoni addizzjonali. Madanakollu, il-Kummissjoni tista’ sussegwentement tqajjem mistoqsijiet b'mod partikolari fuq punti li ġew mqajma mit-tweġibiet tal-Istati Membri, għalkemm dan mhux neċessarjament jindika li l-Kummissjoni qed tesperjenza diffikultajiet serji fil-valutazzjoni tal-każ. 26. Jekk l-Istat Membru jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba fil-perjodu preskritt, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, wara nota waħda ta' tfakkir, normalment jiġi applikat, u l-Istat Membru għandu jiġi infurmat li n-notifika se tkun meqjusa li ġiet irtirata. Kull meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet meħtieġa, ġeneralment, l-aktar wara żewġ rawnds ta’ mistoqsijiet, normalment tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali.. 5.2. Sospensjoni miftiehma tal-eżami preliminari 27. F'ċerti ċirkostanzi, il-proċess tal-eżami preliminari jista' jiġi sospiż jekk Stat Membru jitlob dan sabiex jemenda il-proġett tiegħu u jġibu konformi mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, jew inkella permezz ta' ftehim komuni. Sospensjoni tista' biss tingħata għal perjodu ta' żmien miftiehem minn qabel. Jekk l-Istat Membru jonqos milli jippreżenta proġett komplut li huwa prima facie kompatibbli sal-aħħar tal-perjodu ta' sospensjoni, il-Kummissjoni se terġa tagħti bidu għall-proċedura mill-punt fejn din tkun twaqqfet. L-Istat Membru kkonċernat normalment se jiġi nfurmat li n-notifika hi meqjusa li ġiet irtirata, jew li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet miftuħa mingħajr dewmien f’każ ta’ dubji serji. 5.3. Il-kuntatti tal-Qagħda Attwali 28. Fuq talba tagħhom, l-Istati Membri li qed jinnotifikaw se jiġu infurmati dwar il-qagħda attwali tal-eżami preliminari li għadha sejra. L-Istati Membri huma mistiedna li jinvolvu lill-benefiċjarju tal-għajnuna individwali f’dawn il-kuntatti. 6. IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI 29. Fid-dawl tal-kumplessità ġenerali tal-każijiet li huma soġġetti għal investigazzjoni formali, il-Kummissjoni hija impenjata li ttejjeb it-trasparenza, il-prevedibilità u l-effiċjenza ta' din il-fażi bħala kwistjoni ta' prijorità assoluta, sabiex tikkontribwixxi għal teħid ta' deċiżjonijiet sinifikattiva skont il-bżonnijiet tan-negozju modern. Il-Kummissjoni għalhekk se tissimplifika l-kondotta tal-investigazzjonijiet formali permezz ta' użu effiċjenti tal-mezzi kollha tal-proċedura li għandha għad-dispożizzjoni tagħha taħt ir-Regolament (KE) Nru 659/1999. 6.1. Pubblikazzjoni tad-deċiżjoni u sommarju ta' sinifikat 30. Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jitlobx it-tneħħija ta' informazzjoni kunfidenzjali, il-Kummissjoni se tipprova tippubblika d-deċiżjoni tagħha sabiex tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali, inklużi s-sommarji sinifikattivi, fi żmien xahrejn mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni. 31. Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità, il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji tal-Komunikazzjoni tagħha tal- 1 ta' Diċembru 2003 dwar is-segretezza professjonali f'deċiżjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat [11], u tipprova mill-aħjar li tista’ sabiex tipproċedi bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli wara l-adozzjoni tagħha. L-istess se japplika għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet finali kollha. 32. Sabiex tiġi mtejba t-trasparenza tal-proċedura, l-Istat Membru, il-benefiċjarju u l-partijiet interessati l-oħra (b'mod partikolari min potenzjalment iressaq ilment) se jkunu informati dwar kull dewmien li nħoloq minħabba nuqqas ta' ftehim li jikkonċerna kwistjonijiet kunfidenzjali. 6.2. Il-kummenti ta’ partijiet terzi 33. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, partijiet interessati għandhom jippreżentaw kummenti f'perjodu preskritt li normalment m'għandux ikun iktar minn xahar mill-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali. Dan il-limitu taż-żmien normalment mhux se jkun estiż, u s-servizzi tal-Kummissjoni b’hekk mhux se jaċċettaw kwalunkwe preżentazzjoni ta' informazzjoni minn partijiet interessati li tasal tard, inkluż mill-benefiċjarju tal-għajnuna [12]. Estensjonijiet jistgħu jingħataw biss f'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, bħal per eżempju l-għoti ta' informazzjoni fattwali partikolarment voluminuża jew wara kuntatt bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-partijiet interessati kkonċernati. 34. Sabiex ittejjeb il-bażi fattwali tal-investigazzjoni ta' każijiet partikolarment kumplessi, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jibagħtu kopja tad-deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali lil partijiet interessati identifikati inklużi assoċjazzjonijiet ta’ sengħa jew negozju u tistedinhom sabiex jikkummentaw fuq aspetti speċifiċi tal-każ [13]. Kooperazzjoni ta' partijiet interessati f'dan il-kuntest hi purament volontarja, iżda jekk parti interessata tagħżel li tipprovdi kummenti, hu fl-interess tagħha li tippreżenta dawk il-kummenti fi żmien xieraq sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidrahom. Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lil partijiet interessati sabiex jagħtu r-reazzjoni tagħhom fi żmien xahar mid-data li fiha l-kopja tad-deċiżjoni tintbagħatilhom. Il-Kummissjoni mhux se tistenna aktar sabiex jiġu ppreżentati dawk il-kummenti. Sabiex tiżgura trattament ugwali bejn partijiet interessati l-Kummissjoni se tibgħat l-istess stedina sabiex jikkummenta l-benefiċjarju tal-għajnuna. Sabiex tirrispetta d-dritt ta’ difiża ta’ Stat Membru, hi se tibgħat lill-Istat Membru verżjoni mhux kunfidenzjali ta' kull kumment irċevut minn partijiet interessati u tistieden lill-Istat Membru sabiex iwieġeb fi żmien xahar. 35. Sabiex tiġi assigurata trażmissjoni tal-kummenti kollha ta' partijiet terzi lill-Istati Membri kkonċernati bl-aktar mod espedjenti, l-Istati Membri, kemm jista' jkun possibbli, se jiġu mistiedna sabiex jaċċċettaw it-trażmissjoni ta' kummenti minn partijiet terzi fil-lingwa oriġinali tagħhom. Fuq talba ta' Stat Membru, is-servizzi tal-Kummissjoni se jipprovdu traduzzjoni, li jista' jkollha implikazzjonijiet rigward l-espedjenza tal-proċeduri. 36. L-Istati Membri se jiġu infurmati wkoll dwar in-nuqqas ta' kummenti minn partijiet interessati. 6.3. Kummenti minn Stati Membri 37. Sabiex tassigura li l-proċedura ta' investigazzjoni formali titlesta fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni se tinforza mill-qrib kull limitu ta' żmien applikabbli għal din il-fażi taħt ir-Regolament (KE) Nru 659/1999. Jekk Stat Membru ma jippreżentax il-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali u dwar kummenti minn partijiet interessati fi-żmien xahar kif stipulat f'Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, is-servizzi tal-Kummissjoni se jibagħtu immedjatament nota ta' tfakkir li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat perjodu addizzjonali ta' xahar u tinfurmah li mhux se tingħata estensjoni oħra, ħlief f’każijiet eċċezzjonali. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodifaċenti mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni se tieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha għad-diżpozizzjoni tagħha, skont l-Artikolu 7(7) u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. 38. Fil-każ ta' għajnuna illegali, u fin-nuqqas ta' kummenti mill-Istat Membru dwar id-deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, se toħroġ inġunzjoni għall-għoti ta’ informazzjoni. Jekk l-Istat Membru ma jirrispondix għal din l-inġunzjoni fiż-żmien stipulat fiha, il-Kummissjoni se tieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-diżpozizzjoni tagħha. 6.4. Talba għal informazzjoni addizzjonali 39. Ma jistax jiġi eskluż li, f'każijiet partikolarment kumplessi, li l-informazzjoni ppreżentata mill-Istat Membru b'tweġiba għad-deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura ta' investigazzjoni formali tista' teħtieġ li s-servizzi tal-Kummissjoni jibgħatu talba oħra għal informazzjoni. Se jingħata limitu ta' żmien ta' xahar sabiex l-Istat Membru jwieġeb. 40. Jekk l-Istat Membru ma jwiġiebx fiż-żmien stipulat, is-servizzi tal-Kummissjoni se jibgħatu immedjatament nota ta' tfakkir li fiha jagħtu skadenza aħħarija ta' 15-il ġurnata ta' xogħol u jinfurmaw lill-Istat Membru kkonċernat li l-Kummissjoni wara dan se tieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha għad-diżpożizzjoni tagħha, jew toħroġ inġunzjoni ta' informazzjoni fil-każ ta' għajnuna illegali. 6.5. Sospensjoni ġġustifikata tal-investigazzjoni formali 41. L-investigazzjoni formali tista' tiġi sospiża biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u bi ftehim komuni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Sospensjoni tista', per eżempju, isseħħ jekk l-Istat Membru jitlob din is-sospensjoni b'mod formali sabiex iġib il-proġett tiegħu skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, jew jekk hemm proċeduri legali pendenti quddiem il-qrati Komunitarji dwar kwistjonijiet simili, li r-riżultat tagħhom x’aktarx se jkollu impatt fuq il-valutazzjoni tal-każ. 42. Sospensjoni tista' normalment tingħata darba biss, u għal perjodu miftiehem minn qabel bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. 6.6. Adozzjoni tad-deċiżjoni finali u estensjoni ġustifikata tal-invetigazzjoni formali 43. Skont l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni se tipprova, kemm jista' jkun, tħabrek biex tadotta deċiżjoni fi żmien 18-il xahar mill-ftuħ tal-proċedura. Dan il-limitu ta' żmien jista' jkun estiż bi ftehim komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Estensjoni tad-dewmien tal-investigazzjoni tista’ tkun xierqa b’mod partikolari f’każijiet li jikkonċernaw proġetti ġodda jew li jqajmu kwistjonijiet legali ġodda. 44. Sabiex tassigura implimentazzjoni effettiva tal-Artikolu 7(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni se tipprova tadotta d-deċiżjoni finali mhux aktar tard minn 4 xhur wara l-preżentazzjoni tal-aħħar informazzjoni mill-Istat Membru, jew l-għeluq tal-aħħar limitu ta' żmien li fih ma waslet l-ebda informazzjoni. 7. ILMENTI 45. L-immaniġġjar effiċjenti u trasparenti mis-servizzi tal-Kummissjoni tal-ilmenti miġjubin quddiemhom għandu importanza konsiderevoli għall-partijiet interessati kollha fil-proċeduri għall-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi l-Aħjar Prattiki li ġejjin, li huma mfasslin sabiex jikkontribwixxu għal dan l-għan konġunt. 7.1. Il-formula tal-ilmenti 46. Is-servizzi tal-Kummissjoni, b'mod sistematiku, se jistiednu lil min jilmenta sabiex jużaw il-formola l-ġdida tal-ilmenti li tinsab fuq il-websajt tal-DĠ tal-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/comm/competition/forms/sa_complaint_en.html) u fl-istess ħin, jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment. Il-preżentazzjoni ta’ formuli kompluti normalment jagħtu ċans lil min jagħmel l-ilment sabiex itejjeb il-kwalità tas-sottomissjonijiet tagħhom. 7.2. Perjodu ta’ żmien indikattiv u riżultat tal-investigazzjoni ta’ ilment 47. Il-Kummissjoni se tagħmel mill-aħjar li tista’ sabiex tinvestiga l-ilment fi żmien indikattiv ta' tnax-il xahar minn meta tirċevih. Dan il-limitu ta’ żmien ma jikkostitwixxix impenn li jorbot. Skont iċ-ċirkostanzi tal-każ individwali, l-possibbiltà li jkun hemm bżonn li tintalab informazzjoni kumplimentari mingħand min qiegħed jilmenta, l-Istat Membru jew partijiet interessati jistgħu jtawwlu l-investigazzjoni tal-ilment. 48. Il-Kummissjoni hi intitolata li tagħti gradi differenti ta' prijorità lill-ilmenti miġjubin quddiemha [14] skont per eżempju l-ambitu tal-ksur allegat, id-daqs tal-benefiċjarju, is-settur ekonomiku kkonċernat jew l-eżistenza ta’ ilmenti simili. Fid-dawl tal-piż tax-xogħol tagħha u tad-dritt tagħha li tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-investigazzjonijiet [15], il-Kummissjoni tista' għalhekk tipposponi milli taħdem fuq miżura li mhix prijorità. Fi żmien tnax-il xahar, fil-prinċipju, il-Kummissjoni għalhekk, ser tipprova: (a) tadotta deċiżjoni għal każijiet prijoritarji skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, b'kopja indirizzata lil min qed jilmenta; (b) tibgħat ittra amministrattiva inizjali lil min qed jilmenta fejn fiha tagħti l-opinjonijiet preliminari tagħha dwar każijiet li mhux prijoritarji. L-ittra amministrattiva mhix il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni, iżda hi biss l-opinjoni preliminari tas-servizzi tal-Kummissjoni, ibbażata fuq informazzjoni disponibbli u sakemm ikun hemm kwalunkwe kumment addizzjonali li min qed jilmenta jista' jkun jrid jagħmel fiż-żmien xahar mid-data ta' din l-ittra. Jekk ma jaslux aktar kummenti sal-perjodu preskritt, l-ilment ser ikun meqjus li ġie rtirat. 49. Minħabba raġuni ta’ trasparenza, is-servizzi tal-Kummissjoni se jużaw l-aħjar ħiliet tagħhom sabiex jinfurmaw lil min għamel l-ilment dwar l-istatus ta’ prijorità tas-sottomissjoni tagħhom fi żmien xahrejn mid-data ta’ meta rċevew l-ilment. F'każ ta' ilmenti mhux sostanzjati, is-servizzi tal-Kummissjoni se jinformaw lil min qiegħed jilmenta fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-ilment li ma hemmx bażi suffiċjenti sabiex tittieħed opinjoni fuq il-każ, u li l-ilment se jkun meqjus li ġie rtirat jekk ma jingħatawx kummenti aktar sostanzjati fi żmien xahar. F'dak li għandhu x'jaqsam ma' ilmenti li jirreferu għal għajnuna approvata, is-servizzi tal-Kummissjoni se jippruvaw jirrispondu wkoll lil min qiegħed jilmenta fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-ilment. 50. Fil-każ ta' għajnuna illegali, min jilmenta se jkun imfakkar dwar il-possibbiltà li jibda azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali, li tista' tordna s-sospensjoni jew l-irkupru ta' din l-għajnuna [16]. 51. Fejn hu meħtieġ, il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta' ilment se tiġi trasmessa lill-Istat Membru kkonċernat għall-kummenti. Stati Membri u min qed jilmenta, b'mod sistematiku, se jibqgħu infurmati dwar l-għeluq jew ipproċessar ieħor ta' ilment. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri se jiġu mistiedna sabiex jirrispettaw il-limitu taż-żmien sabiex jibagħtu l-kummenti tagħhom u jipprovdu informazzjoni dwar ilmenti li jirċievu. Huma se jiġu mistednin ukoll biex jaċċettaw, kemm jista' jkun possibbli, it-trażmissjoni tal-ilmenti fil-lingwa oriġinali tagħhom. Fuq talba ta' Stat Membru, is-servizzi tal-Kummissjoni se jipprovdu traduzzjoni, li jista' jkollha implikazzjonijiet rigward l-espedjenza tal-proċeduri. 8. PROĊEDURI GĦAT-TEĦID TAD-DEĊIŻJONIJIET INTERNI 52. Il-Kummissjoni hi impenjata sabiex tissimplifika u ttejjeb aktar il-proċess intern tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha, sabiex tikkontribwixxi għat-tqassir ġenerali tal-proċeduri għall-għajnuna mill-Istat. 53. Għalhekk, proċeduri interni għat-teħid tad-deċiżjonijiet se jiġu applikati kemm jista' jkun b'mod effiċjenti. Il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll il-qafas legali intern tagħha preżenti sabiex il-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha tisfruttahom kemm jista' jkun. 54. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jżommu taħt reviżjoni kontinwa, u jadattaw jekk meħtieġ, il-pratttika interna għat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom. 9. REVIŻJONI FUTURA 55. L-Aħjar Prattiki Proċedurali jistgħu jkunu effettivi biss jekk huma bbażati fuq impenn maqsum bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex b'mod diliġenti jwettqu investigazzjonijiet għall-għajnuna mill-Istat, jirrispettaw il-limiti taż-żmien applikabbli u b'hekk jassiguraw it-trasparenza u l-prevedibilità neċessarja tal-proċeduri. Dan il-Kodiċi u l-Aħjar Prattiki minquxin fih huma l-ewwel kontribuzzjoni għal dan l-impenn konġunt. 56. Il-Kummissjoni se tapplika dan il-Kodiċi lil miżuri li ġew notifikati lill-Kummissjoni jew każijiet li inġabu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni mod ieħor mill- 1 ta’ Settembru 2009. 57. Dan il-Kodiċi jista' jiġi rivedut sabiex jirrifletti bidliet fil-miżuri leġiżlattivi, interpretattivi u amministrattivi jew l-każistika tal-Qrati Ewropej, li jirregolaw il-proċeduri għall-Għajnuna mill-Istat jew kull esperjenza akkwistata fl-applikazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni għandha wkoll l-intenzjoni li tieħu sehem ukoll, fuq bażi regolari, fi djalogu mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati l-oħra dwar l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 b'mod ġenerali, u ta' dan il-Kodiċi tal-Aħjar Prattiki b'mod partikolari. [1] COM(2005) 107 finali. [2] ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1. [3] Ara paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. [4] ĠU C 85, 9.4.2009, p. 1. [5] Fil-kuntest tal-kriżi bankarja tal-2008, il-Kummissjoni ħadet passi adegwati sabiex tiżgura l-adozzjoni ta' malajr ta' deċiżjonijiet man-notifika sħiħa, jekk ikun hemm bżonn fi żmien 24 siegħa u matul tmiem il-ġimgħa. Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - L-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali preżenti (ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8). Fir-rigward tal-ekonomija reali, ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex issostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1). [6] ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1. [7] Dan il-limitu ta' żmien ma jistax jiġi rispettat meta s-servizzi tal-Kummissjoni jridu joħorġu diversi talbiet għal informazzjoni minħabba notifiki mhux kompluti. [8] Ara l-Avviż mill-Kummissjoni dwar Proċedura Simplifikata għat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ għajnuna mill-Istat. [9] Ara l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. [10] Per eżempju, f'każijiet fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni Ewropea għandhom r-rwol ta' fond ta' investiment. [11] ĠU C 297, 9.12.2003 p. 6. [12] Bla ħsara għall-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. [13] Skont il-ġurisprudenza stabbilità, il-Kummissjoni hi ntitolata li tibgħat id-deċiżjoni sabiex tiftaħ l-investigazzjoni formali lil partijiet terzi identifikati; ara per eżempju, Każ T-198/01, Technische Glaswerke Ilmenau v. Commission [2004] ECR II-2717, paragrafu 195; T-198/01R, Technische Glaswerke Ilmenau v. Commission [2002] ECR II-2153; Każijiet Konġunti C-74/00 P u C-75/00 P, Falck Spa and others v. Commission [2002] ECR I-7869, paragrafu 83. [14] Kawża C-119/97 Ufex u Oħrajn v Kummissjoni [1999] ECR I-1341, paragrafu 88. [15] Kawża T-475/04, Bouygues SA v Kummissjoni [2007] ECR II-2097, paragrafi 158 u 159. [16] Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Infurzar tal-Liġi għall-Għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali. --------------------------------------------------