Konklużjonijiet tal-Kunsill tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar il-multilingwiżmu

Official Journal C 140 , 06/06/2008 P. 0014 - 0015


Konklużjonijiet tal-Kunsill tat- 22 ta' Mejju 2008 dwar il-multilingwiżmu

(2008/C 140/10)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA:

(1) il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat- 23 u t- 24 ta' Marzu 2000, li inkluda l-lingwi barranin fi ħdan qafas Ewropew għad-definizzjoni ta' ħiliet bażiċi li għandhom ikunu provduti permezz tat-tagħlim tul il-ħajja [1];

(2) l-Artikolu 22 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, li tirrikonoxxi l-prinċipju li l-Unjoni għandha tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika [2];

(3) il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal- 15 u s- 16 ta' Marzu 2002, li appella għal aktar azzjoni biex tittejjeb il-kisba ta' ħiliet bażiċi, b'mod partikolari bit-tagħlim ta' żewġ lingwi barranin għal kulħadd minn età bikrija ħafna [3];

(4) il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l- 24 ta' Lulju 2003"il-Promozzjoni tat-Tagħlim tal-Lingwi u d-Diversità Lingwistika: Pjan ta' Azzjoni 2004-2006" [4], u r-rapport sussegwenti tal-Kummissjoni tal- 25 ta' Settembru 2007 dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-Pjan ta' Azzjoni [5];

(5) Deċiżjoni Nru. 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass) [6];

(6) il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta' Novembru 2005"Strateġija ta' Qafas ġdida għall-Multilingwiżmu", li tinkludi kemm l-azzjoni interna u esterna dwar il-promozzjoni tal-lingwi u l-komunikazzjoni maċ-ċittadini [7];

(7) il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad- 19 ta' Mejju 2006 dwar l-Indikatur Ewropew tal-Kompetenza Lingwistika [8], li affermaw mill-ġdid li l-ħiliet f'lingwi barranin, barra milli jgħinu biex jitrawwem fehim reċiproku bejn il-popli, huma prerekwiżit għal forza tax-xogħol mobbli u jikkontribwixxu għall-kompetittività ta' l-ekonomija ta' l-Unjoni Ewropea;

(8) ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar kompetenzi ċentrali għat-tagħlim tul il-ħajja [9], li waħda minnhom hija l-komunikazzjoni f'lingwa barranija;

(9) ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas- 16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura [10], li tistabbilixxi l-multilingwiżmu bħala wieħed mill-oqsma ta' prijorità għal azzjoni biex jiġi promoss il-wirt kulturali,

u fid-dawl tad-diskussjonijiet waqt il-Konferenza Ministerjali dwar il-Multilingwiżmu li saret fil- 15 ta' Frar 2008,

JIKKUNSIDRA li:

- id-diversità lingwistika u dik kulturali huma karatteristiċi distintivi fil-ħajja ta' kuljum ta' numru ta' ċittadini u kumpanniji Ewropej bħala riżultat ta' aktar mobbiltà, migrazzjoni u globalizzazzjoni,

- il-kompetenzi lingwistiċi huma ħila tal-ħajja mixtieqa għaċ-ċittadini ta' l-UE kollha, li tippermettilhom igawdu l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-moviment liberu fl-Unjoni,

- rapporti u rakkomandazzjonijiet suċċessivi minn diversi gruppi ta' partijiet interessati urew li għadu mhux qed jittieħed biżżejjed kont tal-ħtiġiet tal-lingwi fis-soċjetà Ewropea,

- l-importanza marbuta mal-multilingwiżmu u kwistjonijiet ta' politika lingwistika fil-kuntest ta' linji politiċi komuni ta' l-UE timponi l-ħtieġa li dawn il-materji jingħataw l-attenzjoni li jistħoqqilhom, kif ukoll il-ħtieġa għall-istituzzjonijiet Ewropej biex jenfasizzaw mill-ġdid l-impenn kontinwu fuq perijodu fit-tul tagħhom għall-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika.

JAFFERMA li:

(1) il-politika tal-multilingwiżmu tħaddan l-aspetti ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-lingwi f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja;

(2) id-diversità lingwistika ta' l-Ewropa għandha tkun ippreservata u l-ugwaljanza bejn il-lingwi għandha tiġi rrispettata bi sħiħ. L-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea għandhom ikollhom rwol ewlieni fit-twettiq ta' dawn l-objettivi;

(3) barra milli jikkontribwixxi għal arrikkament personali u kulturali, l-għarfien tal-lingwi huwa wieħed mill-ħiliet bażiċi li ċ-ċittadini Ewropej jeħtieġ li jakkwistaw sabiex ikollhom parti attiva fis-soċjetà Ewropea ta' l-għarfien u wieħed li jippromwovi l-mobbiltà u kif ukoll jiffaċilita l-integrazzjoni soċjali u l-koeżjoni;

(4) peress li l-ħtiġiet tal-lingwi jistgħu jvarjaw skond kull interess, xogħol u sfond kulturali, għandha tkun disponibbli għal dawk li jitgħallmu l-iżjed firxa wiesgħa possibbli ta' lingwi, bl-appoġġ ta' teknoloġiji ġodda, approċċi innovattivi u nnetwerkjar bejn dawk li jipprovdu l-edukazzjoni;

(5) bil-ħsieb tal-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u tal-kompetittività, huwa importanti għall-Ewropa li żżomm ukoll bażi ta' għarfien suffiċjenti f'lingwi mhux Ewropej fuq firxa globali. Fl-istess ħin, għandhom isiru sforzi biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-lingwi Ewropej fix-xena internazzjonali;

(6) it-tagħlim ta' kwalità huwa essenzjali għat-tagħlim b'suċċess fi kwalunkwe stadju u għalhekk għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat li l-għalliema tal-lingwi jkollhom kontroll solidu tal-lingwa li jgħallmu, ikollhom aċċess għal taħriġ ta' kwalità għolja inizjali u kontinwu u għandhom il-ħiliet interkulturali meħtieġa. Bħala parti mit-taħriġ ta' l-għalliema tal-lingwi, il-programmi ta' skambju bejn l-Istati Membri għandhom jiġu attivament inkoraġġuti u appoġġati;

(7) biex jiġu mgħejjuna jintegraw b'suċċess, għandu jiġu pprovdut appoġġ suffiċjenti lill-migranti biex ikunu jistgħu jitgħallmu l-lingwa/i tal-pajjiż ospitanti, waqt li l-membri tal-komunitajiet ospitanti għandhom jiġu inkoraġġuti juru interess fil-kulturi tal-migranti ġodda;

(8) il-kompetenzi lingwistiċi u kulturali qegħdin fil-qalba ta' l-edukazzjoni. Il-profiċjenza fl-ewwel lingwa tista' tiffaċilita t-tagħlim ta' lingwi oħra, waqt li t-tagħlim tal-lingwi minn kmieni, l-edukazzjoni b'żewġ lingwi u t-Tagħlim Integrat tal-Kontenut u l-Lingwa (CLIL) huma mezzi effettivi biex tittejjeb id-dispożizzjoni tat-tagħlim tal-lingwi.

(9) hija meħtieġa interpretazzjoni u traduzzjoni ta' kwalità biex tiġi żgurata komunikazzjoni effiċjenti bejn kelliema ta' lingwi differenti, waqt li għandha tingħata attenzjoni akbar għall-konsiderazzjonijiet lingwistiċi fil-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti u s-servizzi, b'mod partikolari s-servizzi tal-medja awdjoviżivi;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BL-APPOĠĠ TAL-KUMMISSJONI, BIEX:

(1) jaħdmu flimkien biex itejbu l-kooperazzjoni Ewropea dwar il-multilingwiżmu u — f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti — isegwu l-orjentazzjonijiet ta' politika msemmija hawn fuq, billi jużaw kif xieraq il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni biex jiffaċilitaw l-iskambju ta' esperjenza u prattika tajba;

(2) jieħdu l-passi xierqa biex itejbu t-tagħlim effettiv tal-lingwa u l-kontinwità għat-tagħlim tal-lingwi f'perspettiva ta' tagħlim tul il-ħajja, inkluż billi jagħmlu aktar disponibbli b'mod wiesa', aċċessibbli u attraenti għal kulħadd ir-riżorsi eżistenti u l-infrastruttura, jiżviluppaw ir-riżorsi u jkabbru d-diversità tal-lingwi offruti;

(3) jippromwovu t-tagħlim tal-lingwi nazzjonali tagħhom fi Stati Membri oħra, inkluż permezz ta' użu akbar tat-teknoloġiji ta' tagħlim f'distanza, u jinkoraġġixxu t-tagħlim ta' lingwi ta' l-UE użati anqas, u lingwi non-Ewropej;

(4) jużaw għodod eżistenti biex jikkonfermaw il-konoxxenza tal-lingwi, bħall-Portafoll Ewropew tal-Lingwi tal-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Portafoll tal-Lingwi Europass;

(5) jinkoraġġixxu miżuru biex jiffaċilitaw it-tagħlim tal-lingwi minn persuni bi ħtiġijiet speċjali, bħala mezz ta' kontribut għall-inklużjoni soċjali tagħhom, opportunitajiet ta' karriera aħjar u benessri;

(6) jikkooperaw ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-multilingwiżmu, b'mod partikolari l-Kunsill ta' l-Ewropa u l-UNESCO.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

(1) tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex isegwu l-prijoritajiet ta' hawn fuq;

(2) tfassal proposti sa l-aħħar ta' l-2008 għal qafas ta' politika komprensiva dwar il-multilingwiżmu, li tieħu kont dovut tal-ħtiġijiet lingwistiċi taċ-ċittadini u ta' l-istituzzjonijiet, inkluż permezz tar-rispett tad-dritt tagħhom li jikkomunikaw ma' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tagħha.

[1] SN 100/00, paragrafu 26, p. 9.

[2] ĠU C 364, 18.12.2000, p. 13.

[3] SN 100/02, paragrafu 44, p. 19.

[4] Dok. 11834/03.

[5] Dok. 13346/07.

[6] ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

[7] Dok. 14908/05.

[8] ĠU C 172, 25.7.2006, p. 1.

[9] ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

[10] ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet