1998R0577 — MT — 12.01.2004 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 577/98

tad-9 ta Marzu 1998

dwar l-organizzazzjoni ta stħarriġ ta kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità

(ĠU L 077, 14.3.1998, p.3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

Ir-regolament (KE) Nru 1991/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Ottobru 2002

  L 308

1

9.11.2002

►M2

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2104/2002 tat-28 ta' Novembru 2002

  L 324

14

29.11.2002

►M3

Ir-Regolament (KE) Nru 2257/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003

  L 336

6

23.12.2003




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 577/98

tad-9 ta Marzu 1998

dwar l-organizzazzjoni ta stħarriġ ta kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 213 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-abbozz tar-Regolament ippreżentat mill-Kummissjoni,

Billi, sabiex twettaq ix-xogħlijiet assenjati lilha, il-Kummissjoni teħtieġ informazzjoni kumparabbli fuq l-istatistika dwar il-livell u l-mudell ta' u x-xejriet fl-impjiegi u l-qgħad fl-Istati Membri;

Billi l-aħjar metodu biex tinkiseb din l-informazzjoni f'livell Komunitarju huwa permezz ta' stħarriġ armonizzat tal-forza tax-xogħol;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3711/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol fil-Komunità ( 1 ) stipula li, mill-1992, kellu jsir stħarriġ fir-rebbiegħa ta' kull sena;

Billi, għalkemm stħarriġ kontinwu huwa aħjar minn stħarriġ annwali fir-rebbiegħa biex jiġu żgurati id-disponibilità u l-armonizzazzjoni tad-data u biex jitkejjel il-volum tax-xogħol, huwa diffiċli li jiġi mplimentat stħarriġ kontinwu fl-istess żmien fl-Istati Membri kollha;

Billi l-użu ta' sorsi amministrattivi eżistenti għandu jiġi nkuraġġit sakemm jistgħu jgħinu fil-ġbir ta' l-informazzjoni permezz ta' intervisti jew iservu bħala bażi għall-kampjuni;

Billi d-data fl-istħarriġ, kif iffissat minn dan ir-Regolament, tista' tiġi estiża biex tinkludi sett ieħor ta' attribwiti li jiffurmaw parti mill-programm ta' taqsimiet ad hoc li jkopri bosta snin, u li jkun imfassal taħt proċedura xierqa bħala parti mill-arranġamenti għall-implimentazzjoni;

Billi l-prinċipji ta' rilevanza u l-effettività fl-infiq, kif inhuma definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar l-istatistika Komunitarja ( 2 ), li huwa l-qafas leġislattiv għall-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja, għandu wkoll japplika għal dan ir-Regolament;

Billi l-kunfidenzjalità dwar l-istatistika hija regolata kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trasmissjoni tad-data soġġetta għall-kunfidenzjalità dwar l-statistika lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej ( 3 );

Billi l-Kumitat tal-Programm tal-Istatistika imwaqqaf mid-Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom ( 4 ) ġie kkonsultat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni msemmija qabel,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



L-Artikolu 1

Il-Frekwenza ta' l-istħarriġ

Stħarriġ ta' kampjuni tal-forza tax-xogħol, minn issa 'l quddiem magħruf bħala “l-istħarriġ”, għandu jsir mill-Istati Membri kull sena.

▼M1

L-istħarriġ għandu jkun stħarriġ bla waqfien li jipprovdi riżultati kull kwart ta’ sena u kull sena; madankollu, matul perjodu transitorju taż-żmien li ma jaqbiżx is-sena 2002, l-Istati Membri li ma jkunux kapaċi jimplimentaw stħarriġ bla waqfien għandhom, minflok, iwettqu stħarriġ kull sena, li jsir fir-rebbiegħa.

Bħala deroga, il-perjodu transitorju taż-żmien jista’ jiġi mtawwal

(a) sas-sena 2003 għall-Italja,

(b) sas-sena 2004 għall-Ġermanja bil-kondizzjoni illi l-Ġermanja tipprovdi estimi sostituti kull kwart tas-sena għall-aggregazzjonijiet prinċipali ta’ l-istħarriġ kampjun dwar il-forza tax-xogħol kif ukoll l-estmi medji ta’ kull sena għal xi wħud mill-aggregazzonijiet ta’ l-istħarriġ kampjun dwar il-forza tax-xogħol.

▼B

L-informazzjoni miġbura matul l-istħarriġ ġeneralment għandha x'taqsam mas-sitwazzjoni matul il-ġimgħa (meħuda mit-Tnejn sal-Ħadd) ta' qabel l-intervista, magħrufa bħala l-ġimgħa ta' referenza.

Fil-każ ta' stħarriġ kontinwu:

 il-ġimgħat ta' referenza huma mifruxa b'mod uniformi matul is-sena kollha;

 l-intervista normalment isseħħ matul il-ġimgħa li tiġi eżatt wara l-ġimgħa ta' referenza. Ma jistgħux jgħaddu aktar minn ħames ġimgħat bejn il-ġimgħa ta' referenza u d-data ta' l-intervista, ħlief fit-tielet kwart tas-sena;

 it-tliet xhur u s-snin ta' referenza għandhom ikunu rispettivament gruppi ta' 13 jew 52 ġimgħa konsekuttivi. Lista tal-ġimgħat li jistabbilixxu t-tliet xhur jew is-sena għandha tiġi mfassla skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 8.

L-Artikolu 2

L-unitajiet u l-iskop ta' l-istħarriġ, metodi ta' osservazzjoni

1.  L-istħarriġ għandu jiġi mwettaq f'kull Stat Membru f'kampjun ta' familji jew ta' persuni li jirresjedu fit-territorju ekonomiku ta' dak l-Istat fiż-żmien ta' l-istħarriġ.

2.  Il-kamp prinċipali ta' l-istħarriġ jikkonsisti f'persuni li jirresjedu f'familji privati fit-territorju ekonomiku ta' kull Stat Membru. Jekk inhu possibbli, din il-popolazzjoni ewlenija ta' persuni li jgħixu f'familji privati, hija ssupplimentata b'persuni li joqogħdu f'familji kollettivi.

2. Kull fejn hu possibbli, familji kollettivi huma koperti permezz ta' kampjuni mfassla apposta biex jippermettu l-osservazzjoni diretta tal-persuni kkonċernati. Jekk dan mhuwiex possibbli, allura l-persuni f'dawn il-ġruppi li jibqa' jkollhom assoċjazzjoni ma' familja privata huma nklużi f'dak li għandu x'jaqsam ma' dik il-familja.

3.  L-attribwiti użati biex jiddeterminaw l-istat ta' mpjieg u n-nuqqas ta' mpjieg għandhom jinkisbu permezz ta' intervista tal-persuna kkonċernata, jew, jekk dan mhux possibbli, lil xi membru ieħor tal-familja. Informazzjoni oħra tista' tinkiseb minn sorsi alternattivi, inklużi r-rekords amministrattivi, sakemm id-data miksuba tkun ta' kwalità ekwivalenti.

4.  Indipendentement minn jekk l-unita' tal-kampjun tkunx individwu jew familja, l-informazzjoni hi s-soltu miġbura għall-membri kollha tal-familja. Madanakollu, jekk l-unità tal-kampjun huwa individwu, l-informazzjoni li għandha x'taqsam mal-membri l-oħra tal-familja

 tista' teskludi l-karatteristiċi mniżżla fl-Artikolu 4(1)(g), (h), (i) u (j),

 u tista' tinġabar minn sotto-kampjun definit b'tali mod li:

 

 l-ġimgħat ta' referenza jkunu mqassmin b'mod uniformi matul is-sena kollha,

 in-numru ta' osservazzjonijiet (l-individwi meħuda bħala kampjuni flimkien mal-membri tal-familji tagħhom) jissoddisfa, għall-istimi annwali tal-livelli, il-kriterji li ta' min joqgħod fuqhom definiti fl-Artikolu 3.

L-Artikolu 3

Ir-rappreżentanza tal-kampjun

1.  Għal grupp ta' persuni qiegħda li jirrappreżenta 5 % tal-popolazzjoni ta' eta' li tista' taħdem il-marġni ta' żball standard relattiv għall-istima tal-medji annwali (jew għall-istimi tar-rebbiegħa fil-każ ta' stħarriġ annwali fir-rebbiegħa) f'livell NUTS II m'għandux jaqbeż it-8 % ta' dik il-parti tal-popolazzjoni ikkonċernata.

Reġjuni b'inqas minn 300 000 abitant għandhom ikunu eżenti minn din il-ħtieġa.

2.  Fil-każ ta' stħarriġ kontinwu, għal partijiet tal-popolazzjoni li jikkonstitwixxu 5 % tal-popolazzjoni ta' età li tista' taħdem il-marġni ta' żball standard relattiv fuq livell nazzjonali għall-istima ta' ċaqliq bejn żewġ kwarti suċċessivi tas-sena, m'għandux jaqbeż it-2 % tal-parti tal-popolazzjoni ikkonċernata.

Għal Stati Membri b'popolazzjoni ta' bejn miljun u għoxrin miljun abitant, din il-ħtieġa hi rilassata sabiex il-marġni ta' żball standard relattiv għall-istima taċ-ċaqliq ta' kull kwart ta' sena m' għandux jaqbeż it-3 % tal-parti tal-poplazzjoni ikkonċernata.

L-Istati Membri li l-popolazzjoni tagħhom hija taħt il-miljun abitant huma eżenti minn dawn il-ħtiġijiet ta' preċiżjoni li jikkonċernaw iċ-ċaqliq.

3.  Fejn l-istħarriġ huwa mwettaq biss fir-rebbiegħa, mill-inqas kwart mill-unitajiet li dwarhom isir l-istħarriġ għandu jittieħed mill-istħarriġ preċedenti u mill-inqas kwart għandu jkun parti mill-istħarriġ ta' wara.

Dawn iż-żewġ ġruppi għandhom jiġu identifikati b'kodiċi.

4.  Fejn in-nuqqas ta' tweġiba għal xi mistoqsijiet tirriżulta f' data nieqsa, xi metodu ta' imputazzjoni ta' l-statistika għandu jiġi applikat fejn xieraq.

5.  Il-fatturi għall-piżijiet huma kkalkulati billi jittieħed kont b'mod partikulari tal-probabbiltà ta' data magħżula u esterna li għandha x'taqsam mad-distribuzzjoni tal-popolazzjoni li qed tiġi mistħarrġa, skond is-sess, l-età (etajiet fi gruppi ta' ħames snin) u ir-reġjun (livell NUTS II), fejn data esterna bħal din hija stmata li hija tajba biżżejjed biex wieħed joqgħod fuqha mill-Istati Membri konċernati.

6.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'kull xorta ta' informazzjoni meħtieġa dwar l-orġanizzazzjoni u l-metodoloġija ta' l-istħarriġ, u b'mod partikulari, għandhom jindikaw il-kriterji adottati għall-għamla u d-daqs tal-kampjun.

L-Artikolu 4

Il-karatteristiċi ta' l-istħarriġ

1.  Għandha tiġi pprovduta data fuq:

(a) l-isfond demografiku:

 in-numru tas-sekwenza fil-familja,

 is-sess,

 is-sena tat-twelid,

 is-sena tat-twelid skond it-tmiem tal-perjodu ta' referenza,

 l-istat maritali,

 ir-relazzjoni mal-persuna li qed tiġi mistħarrġa,

 in-numru tas-sekwenza tal-konjuġi,

 in-numru tas- sekwenza tal-missier,

 in-numru tas- sekwenza ta' l-omm,

 in-nazzjonalità,

 in-numru ta' snin ta' residenza fl-Istat Membru,

 il-pajjiż tat-twelid (mhux bilfors),

 il-mod ta' parteċipazzjoni fl-istħarriġ (parteċipazzjoni diretta jew bi prokura permezz ta' membru ieħor tal-familja);

▼M3

(b) L-istatus tax-xogħol:

 L-istatus tax-xogħol matul il-ġimgħa ta' referenza,

 jibqgħu jiġu riċevuti l-pagi u s-salarji,

 raġuni għaliex ma ħadmux allavolja kellhom impjieg,

 tfittxija għal impjieg għal persuna mingħajr impjieg,

 tip ta' impjieg imfittex (għal rashom jew impjegati),

 metodi użati biex jinstab impjieg,

 jekk għandhomx x'iżommhom biex jibdew ix-xogħol;

(ċ) karatteristiċi ta' l-impjieg tax-xogħol prinċipali:

 L-istatus professjonali,

 attività ekonomika taċ-ċentru lokali,

 xogħol,

 responsabbiltajiet ta' sorveljanza,

 numru ta' persuni li jaħdmu fiċ-ċentru lokali,

 pajjiż tal-post tax-xogħol,

 reġjun tal-post tax-xogħol,

 sena u xahar meta l-persuna bdiet taħdem fl-impjieg attwali,

 involviment tas-servizz pubbliku għall-impjieg biex jinstab l-impjieg attwali,

 permanenza ta' l-impjieg (u raġunijiet),

 dewmien ta' l-impjieg temporanju jew kuntratt ta' impjieg ta' dewmien limitat,

 distinzjoni bejn full-time u part-time (u raġunijiet),

 appalt ma' aġenzija ta' l-impjiegi temporanji,

 xogħol mid-dar;

(d) sigħat maħduma:

 numru ta' sigħat fil-ġimgħa li s-soltu jinħadmu,

 numru ta' sigħat fil-fatt maħduma,

 numru ta' sigħat ta' sahra fil-ġimgħa ta' referenza,

 raġuni għaliex is-sigħat fil-fatt maħduma huma differenti mis-sigħat tas-soltu;

▼B

(e) it-tieni impjieġ:

 l-eżistenza ta' iktar minn impjieg wieħed,

 l-istat professjonali,

 l-attività ekonomika ta' l-unità lokali,

 in-numru ta' sigħat maħduma fil-fatt,

(f) is-sotto-impjieg viżibbli:

 ix-xewqa li s-soltu jinħadmu aktar sigħat minn dawk maħduma attwalment (mhux bilfors fil-każ ta' stħarriġ annwali),

 it-tiftix għal xogħol ieħor u r-raġunijiet għalfejn,

 it-tip ta' mpjieġ imfittex (bħala mpjegat jew xort'oħra),

 il-metodi użati biex jinstab impjieg ieħor,

 ir-raġunijiet għalfejn il-persuna mhux qed tfittex impjieg ieħor (mhux bilfors fil-każ ta' stħarriġ annwali),

 id-disponibbilità biex tibda taħdem;

 in-numru ta' sigħat ta' xogħol mixtieqa (mhux bilfors fil-każ ta' stħarriġ annwali);

▼M3

(ġ) tfittxija għal impjieg:

 tip ta' impjieg imfittex,

 dewmien tat-tfittxija għal impjieg,

 sitwazzjoni tal-persuna eżatt qabel ma tibda tfittex impjieg,

 reġistrazzjoni fl-uffiċċju pubbliku għall-impjieg u jekk hux qed jiġu riċevuti xi benefiċċji,

 għal persuna li mhix qed tfittex impjieg, rieda li taħdem,

 raġunijiet għaliex il-persuna ma fittxitx impjieg,

 nuqqas ta' faċilitajiet ta' kura;

▼M2

(ħ) l-edukazzjoni u t-taħriġ:

il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni jew it-taħriġ formali matul l-erba’ ġimgħat ta' qabel

 il-livell,

 il-qasam;

il-parteċipazzjoni f'korsijiet u attivitajiet oħra mgħallma matul l-erba’ ġimgħat ta' qabel

 it-tul totali

 l-għan tal-kors jew ta' attività oħra mgħallma l-iktar riċenti

 il-qasam ta' l-attività mgħallma l-iktar riċenti

 ipparteċipata fl-attività mgħallma l-iktar riċenti matul is-sigħat tax-xogħol;

il-livell edukattiv milħuq

 l-ogħla livell ta' edukazzjoni jew taħriġ ikkompletati b'suċċess

 il-qasam ta' dan l-ogħla livell ta' edukazzjoni u taħriġ.

 is-sena meta kien ikkompletat b'suċċess dan l-ogħla livell;

▼B

(i) esperjenza ta' xogħol preċedenti tal-persuna mhux f'impjieġ:

 l-eżistenza ta' esperjenza ta' mpjieg preċedenti,

 is-sena u x-xahar li fihom il-persuna ħadmet l-aħħar,

 ir-raġuni ewlenija għat-tluq mill-aħħar impjieg jew negozju,

 l-istat professjonali fl-aħħar impjieg,

 l-attività ekonomika ta' l-unità lokali li fiha ħadmet l-aħħar il-persuna,

 ix-xogħol magħmul fl-aħħar impjieg;

(j) is-sitwazzjoni sena qabel l-istħarriġ (mhux bilfors għall-1, it-3, u-r-4 kwarti tas-sena)

 l-istat ewlieni ta' mpjieg,

 l-istat professjonali,

 l-attività ekonomika ta' l-unità lokali li fiha l-persuna kienet qed taħdem,

 il-pajjiż ta' residenza,

 ir-reġjun ta' residenza,

(k) l-istat ewlieni ta' mpjieg (mhux bilfors);

(l) id-dħul (mhux bilfors);

(m) il-ħwejjeġ tekniċi li għandhom x'jaqsmu ma' l-intervista

 is-sena ta' l-istħarriġ,

 il-ġimgħa ta' referenza,

 il-ġimgħa ta' l-intervista,

 l-Istat Membru,

 ir-reġjun tal-familja,

 il-livell ta' urbanizzazzjoni,

 in-numru tas-serje tal-familja,

 it-tip ta' familja,

 it-tip ta' istituzzjoni,

 il-fatturi għall-piżijiet,

 is-sotto-kampjun b'referenza għall-istħarriġ ta' qabel (stħarriġ annwali),

 is-sotto-kampjun b'referenza għall-istħarriġ li ġej (l-istħarriġ annwali),

 in-numru ta' sekwenza tal-fażijiet ta' l-istħarriġ;

▼M3

(n) ħinijiet tax-xogħol mhux tas-soltu:

 xogħol bix-xift,

 xogħol ta' filgħaxija,

 xogħol ta' bil-lejl,

 xogħol ta' nhar ta' Sibt,

 xogħol ta' nhar ta' Ħadd.

▼B

2.  Sett ieħor ta' attribwiti, minn issa 'l quddiem magħrufa bħala “taqsimiet ad hoc”, jista' jiġi miżjud biex jissupplimenta l-informazzjoni deskritta hawn fuq fil-paragrafu 1.

Programm ta' taqsimiet ad hoc li jkopru bosta snin għandu jiġi mfassal kull sena skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 8:

 dan il-programm għandu jispeċifika għal kull taqsima ad hoc, is-suġġett, il-perjodu ta' referenza, id-daqs tal-kampjun (indaqs jew inqas mid-daqs tal-kampjun iffissat skond l-Artikolu 3) u d-data ta' l-aħħar li r-riżultati għandhom jintbagħtu (li tista' jkun differenti mid-data ta' l-aħħar skond l-Artikolu 6),

 l-Istati Membri u r-reġjuni koperti kif ukoll il-lista dettaljata ta' informazzjoni li għandha tinġabar f'taqsima ad hoc għandhhom jiġu mfassla mill-inqas tnax-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu ta' referenza għal dik it-taqsima,

▼M3

 il-volum ta' modulu ad hoc għandu jkun limitat għal 11-il varjabbli.

▼B

3.  Id-definizzjonijiet, l- edits li għandhom jiġu użati, il-kodifikazzjoni ta' l-attribwiti, l-aġġustament tal-lista ta' l-attribwiti ta' l-istħarriġ li jsiru meħtieġa minħabba l-evoluzzjoni tat-teknika u l-kunċetti, u lista tal-prinċipji għall-formulazzjoni tal-mistoqsijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-istat ta' mpjieg, għandhom ikunu mfassla skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 8.

▼M3

4.  Fuq proposta mill-Kummissjoni, lista ta' varjabbli, minn hawn 'il quddiem imsejħa “varjabbli strutturali”, tista' tkun identifikata minn fost il-karatteristiċi ta' l-istħarriġ speċifikati fil-paragrafu 1 li għandhom jiġu mistħarrġa biss bħala medji annwali b'referenza għal 52 ġimgħa pjuttost milli medji ta' kull kwart ta' sena. Din il-lista ta' varjabbli strutturali, il-qies minimu tal-kampjun u l-frekwenza ta' l-istħarriġ ser ikunu mfasslin skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8. Spanja, il-Finlandja u r-Renju Unit jistgħu jistħarrġu l-varjabbli strutturali b'referenza għal kwart wieħed ta' sena matul perjodu ta' transizzjoni sat-tmiem ta' l-2007.

▼B

L-Artikolu 5

Kif isir l-istħarriġ

L-Istati Membri jistgħu jagħmluha obbligatorja li l-istħarriġ jiġi mwieġeb.

L-Artikolu 6

Kif għandhom jintbagħtu r-riżultati

Fi żmien tnax-il ġimgħa mit-tmiem tal-perjodu ta' referenza fil-każ ta' stħarriġ kontinwu (u fi żmien disa' xhur mit-tmiem tal-perjodu ta' referenza fil-każ ta' stħarriġ li jsir fir-rebbiegħa), l-Istati Membri għandhom jgħaddu lil Eurostat ir-riżultat tal-istħarriġ, mingħajr identifikaturi diretti.

L-Artikolu 7

Ir-Rapporti

Rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jiġi sottomess mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill kull tliet snin, mis-sena 2000. Dan ir-rapport għandu jistma b'mod partikulari l-kwalità tal-metodi ta'statistika maħsuba mill-Istati Membri biex itejbu r-rizultati jew biex iħaffu l-proċeduri ta' l-istħarriġ.

▼M1

L-Artikolu 8

Il-proċedura

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Pogramm Statistiku istituzzjonalizzat bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 89/382/KEE, Euratom ( 5 )

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE ( 6 ), filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

▼B

L-Artikolu 9

L-Arranġamenti għar-revoka

Ir-Regolament (KEE) Nru 3711/91 hu hawnhekk revokat.

L-Artikolu 10

Dħul fis seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) GU L 351, ta' l-20. 12. 1991, p.1.

( 2 ) ĠU L 52, tat-22. 2. 1997, p.1.

( 3 ) ĠU L 151, tal-15. 6. 1990, p.1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 322/ 97.

( 4 ) ĠU L 181, tat-28. 6. 1989, p. 47.

( 5 ) ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47

( 6 ) ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet