1975R1365 — MT — 04.08.2005 — 007.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) Nru 1365/75 tas-26 ta' Mejju 1975 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (ĠU L 139, 30.5.1975, p.1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1947/93 tat-30 ta' Ġunju 1993 |
L 181 |
13 |
23.7.1993 |
|
|
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1649/2003 tat-18 ta'Ġunju 2003 |
L 245 |
25 |
29.9.2003 |
|
|
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1111/2005 ta' l-24 ta' Ġunju 2005 |
L 164M |
230 |
16.6.2006 |
|
Emendat bi:
|
L 291 |
17 |
19.11.1979 |
||
|
L 302 |
23 |
15.11.1985 |
||
|
C 241 |
21 |
29.8.1994 |
||
|
L 236 |
33 |
23.9.2003 |
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) Nru 1365/75
tas-26 ta' Mejju 1975
dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għal titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol
Il-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 1 ),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 2 ),
Billi l-problemi li jinħolqu bit-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol moderna huma dejjem aktar numerużi u kumplessi; billi importanti li azzjoni Komunitarja xierqa tkun mibnija fuq bażi xjentifika inter-dixxiplinari u fl-istess ħin l-impjegati u l-ħaddiema għandhom ikunu assoċjati fl-azzjoni li tittieħed;
Billi l-Komunità għadha m'hijiex f'posizzjoni li tidħol għal analiżi, studju u riċerka sistematikament u xjentifikament;
Billi l-programm ta' l-azzjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-ambjent ( 3 ) jistabbilixxi illi l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom iwaqqfu korp li jkun kapaċi jifli dawk l-elementi li, permezz ta' l-effetti kombinati tagħhom, jaffettwaw il-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, u li jagħmlu studju fit-tul ta' dawk il-fatturi li jistgħu ipoġġu fil-periklu il-kondizzjonijiet ta' l-eżistenza u dawk li jistgħu itejbuhom;
Billi ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 1974 ( 4 ) li tirrigwarda programm ta' azzjoni soċjali, tistabbilixxi inter alia programm ta' azzjoni għall-ħaddiema, bil-għan li jagħmlu umani il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja;
Billi it-twaqqif ta' Fondazzjoni huwa neċessarju biex l-għanijiet tal-Komunità għat-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja jintlaħqu;
Billi fit-Trattat m'hemmx provvediment għall-poteri meħtieġa għat-twaqqif ta' Fondazzjoni ta' dan it-tip;
Billi l-Fondazzjoni ser tkun stabbilita fil-qafas tal-Komunitajiet Ewropej u ser taħdem taħt il-liġi tal-Komunità; billi l-kondizzjonijiet li taħthom japplikaw ċertu dispożizzjonijiet għandhom ikunu definiti,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
L-Artikolu 1
Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, minn hawn ′il quddiem imsejħa “il-Fondazzjoni” qed tiġi hawnhekk imwaqqfa.
L-Artikolu 2
1. L-għan tal-Fondazzjoni għandu jkun li tikkontribwixxi għall-ippjanar u t-twaqqif ta' ħajja u kondizzjonijiet ta' xogħol aħjar permezz ta' azzjoni maħsuba biex iżżid u ixxerred għarfien li x'aktarx jassisti dan l-iżvilupp.
2. Permezz ta' dan il-għan, il-ħidma tal-Fondazzjoni tkun li tiżviluppa u timxi fuq ideat għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol fuq medda ta' żmien medja u twila fid-dawl ta' esperjenza prattika biex tidentifika fatturi li jwasslu għall-bidla. Il-Fondazzjoni għandha tqis il-politika tal-Komunità fit-twettiq tal-ħidma tagħha. Hija għandha tagħti parir lill-istituzzjonijiet tal-Komunità fuq għanijiet u linji gwida billi tinoltra partikolarment informazzjoni xjentifika u data teknika.
3. F'dak li jirrigwarda t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja, hija għandha tindirizza aktar speċifikament dawn il-kwistjonijiet, filwaqt li tiddetermina l-prijoritajiet li għandhom jiġu osservati:
— il-bniedem meta jkun fuq ix-xogħol,
— l-organizzazzjoni tax-xogħol u partikolarment id-disinn ta' l-impjieg,
— problemi li jirrigwardaw ċertu kategoriji ta' ħaddiema,
— aspetti fit-tul dwar it-titjib ta' l-ambjent,
— tqassim ta' attivitajiet umani fl-ispazju u fiż-żmien.
L-Artikolu 3
1. Biex tikseb l-għan tagħha, il-Fondazzjoni għandha ssaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza f'dawn l-oqsma u għandha tistabbilixxi, fejn ikun xieraq, sistema ta' informazzjoni u dokumentazzjoni. Tista', per eżempju:
(a) tiffaċilita l-kuntatt bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta' studju u riċerka, organizzazzjonijiet u amministrazzjonijiet soċjali u ekonomiċi u li tinkoraġġixxi azzjoni tagħhom ilkoll flimkien;
(b) twaqqaf gruppi ta' ħidma;
(ċ) tikkonkludi kuntratti ta' studju, tipparteċipa fi studji, tippromwovi u tipprovdi assistenza għall-proġetti piloti, u fejn meħtieġ, tagħmel ċerti studji hi;
(d) torganizza korsijiet, konferenzi u seminarji.
2. Il-Fondazzjoni għandha tikkopera mill-qrib kemm jista’ jkun ma’ istituzzjonijiet, fondazzjonijiet u korpi speċjalizzati fl-Istati Membri u fil-livell internazzjonali. B’mod partikolari, il-Fondazzjoni għandha tiżgura koperazzjoni adegwata ma’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, mingħajr preġudizzju għall-għanijiet tagħha.
L-Artikolu 4
1. Il-Fondazzjoni għandha tkun għal għanijiet mhux ta' profitt. Hija għandha tgawdi fl-Istati Membri kollha l-aktar personalità legali estensiva li tingħata lill-persuni legali.
2. Is-sede tal-Fondazzjoni għandu jkun l-Irlanda.
L-Artikolu 5
L-istruttura governattiva u direttiva tal-Fondazzjoni għandha tikkonsisti minn:
a) Bord Governattiv;
b) Bureau;
ċ) Direttur u Deputat Direttur.
L-Artikolu 6
1. Il-Bord Governattiv għandu jikkonsisti minn:
a) membru wieħed li jirrappreżenta l-Gvern ta' kull Stat Membru;
b) membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem minn kull Stat Membru;
ċ) membru wieħed li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet ta’ impjegati minn kull Stat Membru;
d) tliet membri li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni.
2. Il-membri msemmija fil-paragrafu 1(a), (b) u (ċ) għandhom jinħatru mill-Kunsill abbażi ta’ membru għal kull Stat Membru u għal kull waħda mill-kategoriji msemmija hawn fuq. Fl-istess waqt il-Kunsill għandu jaħtar membru supplenti taħt l-istess kondizzjonijiet applikabbli għall-membri sabiex jattendi għal-laqgħat tal-Bord Governattiv biss fl-assenza tal-membru.
Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri u dawk supplenti li għandhom jirrappreżentawha, b'kont meħud ta' rappreżentanzabilanċjata bejn irġiel u nisa.
Fil-preżentazzjoni tal-listi tal-kandidati, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-organizzazzjonijiet ta’ impjegati għandhom jagħmlu li jistgħu sabiex jiżguraw rappreżentanza bilanċjata bejn irġiel u nisa fil-kompożizzjoni tal-Bord Governattiv.
Il-lista tal-membri tal-Bord Governattiv għandha tiġi pubblikata mill-Kunsill fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u mill-Fondazzjoni fuq is-sit ta’ l-Internet tagħha.
3. Il-mandat tal-membri tal-Bord Governattiv għandu jkun ta' tliet snin. Huwa għandu jkun jista' jiġġedded.
Meta jiskadi l-mandat tagħhom jew fl-eventwalità tar-riżenja tagħhom, il-membri għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm il-ħatriet tagħhom jiġu mġedda jew sakemm jiġu sostitwiti.
4. Il-Bord Governattiv għandu jeleġġi l-president tiegħu u tliet viċi-presidenti, wieħed minn kull wieħed mit-tliet gruppi msemmija fil-paragrafu 7 u wieħed minn fost ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, sabiex iservu għal perjodu ta’ sena, li jistgħu ikollhom il-mandat tagħhom imġedded.
5. Il-president għandu jsejjaħ il-Bord Governattiv mill-inqas darba fis-sena. Il-president għandu jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq it-talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tal-Bord Governattiv.
6. Id-deċiżjonijiet tal-Bord Governattiv għandhom jittieħdu b’maġġoranza assoluta tal-membri tiegħu.
7. Fi ħdan il-Bord Governattiv, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, ta' l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u ta' l-organizzazzjonijiet ta' impjegati għandhom rispettivament jifformaw grupp. Kull grupp għandu jaħtar koordinatur li jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Governattiv. Il-koordinaturi tal-gruppi ta' l-impjegati u ta' min iħaddem għandhom ikunu r-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom fil-livell Ewropew. Koordinaturi li mhumiex maħtura membri tal-Bord fis-sens tal-paragrafu 1 għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat mingħajr id-dritt għal vot.
8. Il-Bord Governattiv għandu jistabbilixxi Bureau ta' 11-il membru. Il-Bureau għandu jkun kompost mill-president u t-tliet viċi-presidenti tal-Bord Governattiv, koordinatur wieħed għal kull grupp kif imsemmi fil-paragrafu 7, u rappreżentant ieħor ta' kull grupp u tal-Kummissjoni. Kull grupp jista' jaħtar sa tliet membri supplenti sabiex jattendu l-laqgħat tal-Bureau, fl-assenza tal-membri sħaħ.
9. In-numru annwali tal-laqgħat tal-Bureau għandu jiġi deċiż mill-Bord Governattiv. Il-president tal-Bureau għandu jsejjaħ laqgħat addizzjonali fuq talba tal-membri tiegħu.
10. Id-deċiżjonijiet tal-Bureau għandhom jittieħdu b’unanimità. Jekk ma tintlaħaqx l-unanimità, il-Bureau għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Bord Governattiv għal deċiżjoni.
11. Il-Bord Governattiv għandu jiġi informat kompletament u rapidament dwar l-attivitajiet tal-Bureau u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Bureau.
L-Artikolu 7
1. Il-Bord Governattiv għandu jiggverna l-Fondazzjoni li tagħha għandu jistabbilixxi l-linji ta’ gwida. Abbażi ta’ abbozz imressaq mid-direttur, il-Bord Governattiv għandu, bi qbil mal-Kummissjoni, jadotta l-programm annwali u l-programm miftuħ kwadriennali tal-Fondazzjoni.
2. Il-Bord Governattiv, wara li jirċievi opinjoni mill-Kummissjoni, għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, li għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi ta' l-attivitajiet tiegħu. Ir-regoli ta' proċedura għandhom jiġu trasmessi għall-fini ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Madankollu, fi żmien tliet xhur minn meta r-regoli ta' proċedura jiġu trasmessi lilu, u b'maġġoranza sempliċi, il-Kunsill jista' jimmodifika dawk ir-regoli.
3. Huwa għandu jiddeċiedi jekk jaċċettax jew le kwalunkwe legat, donazzjoni jew sussidju minn sorsi li m'humiex il-Komunità.
4. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9, il-Bureau għandu, kif delegat mill-Bord Governattiv, jissorvelja l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord Governattiv u jieħu l-miżuri meħtieġa kollha għall-amministrazzjoni adegwata tal-Fondazzjoni bejn il-laqgħat tal-Bord Governattiv. Il-Bord Governattiv ma jistax jiddelega lill-Bureau l-kompetenzi msemmija fl-Artikoli 12 u 15.
L-Artikolu 8
1. Id-direttur u d-deputat direttur tal-Fondazzjoni għandhom jiġu maħtura mill-Kummissjoni minn lista ta' kandidati mogħtijin mill- ►M3 Bord Governattiv ◄ .
2. Id-direttur u d-deputat direttur għandhom ikunu magħżula fuq il-bażi tal-kompetenza tagħhom u fuq il-bażi li jkunu indubbjament indipendenti.
3. Id-direttur u d-deputat direttur għandhom ikunu maħtura fuq perjodu massimu ta' ħames snin. Il-perjodu tal-kariga tagħhom għandu jkun jista' jiġġedded.
L-Artikolu 9
1. Id-Direttur għandu jkun responsabbli għat-tmexxija tal-Fondazzjoni kif ukoll għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet u programmi adottati mill-Bord Governattiv u mill-Bureau. Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Fondazzjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8(1), id-Direttur għandu jeżerċita s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 17(1).
3. Id-direttur għandu jħejji l-attivitajiet tal-Bord Governattiv u tal-Bureau. Id-direttur jew id-Deputat Direttur jew it-tnejn li huma għandhom jattendu l-laqgħat tal-Bord u tal-Bureau.
4. Id-direttur għandu jkun responsabbli lejn il-Bord Governattiv għat-tmexxija tal-Fondazzjoni.
L-Artikolu 10
Abbażi ta' proposta mid-Direttur, il-Bord Governattiv jista' jagħżel esperti indipendenti u jitlob l-opinjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-programm miftuħ kwadriennali u l-programm annwali ta' ħidma.
▼M3 —————
L-Artikolu 12
1. Id-direttur għandu jfassal programm annwali ta' ħidma qabel l-1 ta' Lulju kull sena abbażi tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 7. Il-programm annwali ta' ħidma għandu jkun parti minn programm miftuħ kwadriennali. Il-proġetti fil-programm annwali ta' ħidma għandhom ikunu akkumpanjati bi stima tan-nefqa meħtieġa.
Fit-tfassil tal-programmi, id-direttur għandu jieħu kont ta' l-opinjonijiet ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Għal dan il-għan, u bil-għan illi jevitaw l-irduppjar tax-xogħol, l-istituzzjonijiet tal-Komunità u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali għandhom jinformaw lill-Fondazzjoni dwar il-ħtiġijiet tagħhom u sakemm ikun possibbli dwar kull xogħol relevanti u studji li jkunu qed jagħmlu huma stess.
2. Id-direttur għandu jippreżenta l-programmi lill-Bord Governattiv għall-approvazzjoni.
L-Artikolu 13
1. Il- ►M3 Bord Governattiv ◄ għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Fondazzjoni u prospetti, u jibgħatu l-aktar tard sal-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Qorti ta' l-Awdituri.
2. Il-Fondazzjoni għandha tibgħat kull sena lill-awtorità ta' l-estimi kull tagħrif relevanti dwar ir-riżultat tal-proċeduri ta' evalwazzjoni.
L-Artikolu 14
1. Estimi dwar id-dħul u n-nefqa kollha tal-Fondazzjoni għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi mas-sena kalendarja, u għandhom jintwerew fl-estimi tal-Fondazzjoni, li għandhom jinkludu pjan ta' stabbiliment.
2. Id-dħul u n-nefqa murija fl-estimi tal-Fondazzjoni għandhom jibbilanċjaw.
L-Artikolu 15
1. Kull sena, ►M3 l-Bord Governattiv ◄ , fuq il-bażi ta' abbozz imħejji mid-Direttur tiegħu, għandu jipproduċi estimi tad-dħul u n-nefqa għall-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja ta' wara. Dawn l-estimi li għandhom jinkludu abbozz tal-pjan stabbilit, għandhom jintbagħtu mill- ►M3 Bord Governattiv ◄ lill-Kummissjoni l-aktar tard sal-31 ta' Marzu.
2. L-estimi għandhom jintbagħtu mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjħa l-awtorità ta' l-estimi) flimkien ma' l-abbozz preliminari ta' l-estimi ġenerali ta' Unjoni Ewropea.
3. Fuq il-bażi ta' l-estimi l-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari ta' l-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-estimi li tqies meħtieġa għall-pjan ta' l-istabbiliment u l-ammont tas-sussidju li għandu jintalab fl-estimi ġenerali, li għandha tqiegħed quddiem l-aworità ta' l-estimi, skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.
4. L-awtorità ta' l-estimi għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Fondazzjoni.
L-awtorità ta' l-estimi għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għall-Fondazzjoni.
5. L-estimi tal-Fondazzjoni għandhom jiġu adottati mill- ►M3 Bord Governattiv ◄ . Għandhom isiru finali wara l-adozzjoni finali ta' l-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn xiearq, għandhom jiġi aġġustati skond kif meħtieġ.
6. Il- ►M3 Bord Governattiv ◄ għandu, kemm jista' jkun malajr, jinnotifika lill-awtorità ta' l-estimi bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta xi proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji fuq l-iffinanzjar ta' l-estimi tiegħu, b'mod partikolari xi proġetti li jirrelataw ma' proprjetà bħal kiri jew xiri ta' bini. Huwa għandu jinforma b'dan lill-Kummissjoni.
Fejn fergħa ta' l-awtorità ta' l-estimi tkun innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, għandha tibgħat l-opinjoni tagħha lill- ►M3 Bord Governattiv ◄ f'perijodu ta' sitt ġimgħat mid-data tan-notifikazzjoni tal-proġett.
L-Artikolu 16
1. Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Fondazzjoni għandhom jiġu adottati mill- ►M3 Bord Governattiv ◄ wara li l-Kummissjoni tkun ġiet ikkonsultata. Huma ma jistgħux jiddevjaw mill-qafas tar-Regolament Finanzjarju tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar il-qafas tar-Regolament Finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej ( 5 ) sakemm mhux speċifikament meħtieġ mill-operazzjoni tal-Fondazzjoni u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.
2. Id-Direttur għandu jimplimenta l-estimi tal-Fondazzjoni.
3. L-aktar tard sa l-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Fondazzjoni għandu jikkomunika l-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni ta' l-estimi u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet provviżorji skond l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.
4. L-aktar tard sal-31 ta' Marzu ta' kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji tal-Fondazzjoni lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma rapport dwar l-amministrazzjoni ta' l-estimi u dik finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni ta' l-estimi u dik finanzjarja għas-sena finanzjarja għandu wkoll jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Fondazzjoni, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, id-Direttur għandu jħejji l-kontijiet finali tal-Fondazzjoni taħt ir-responsabiltà tiegħu stess u jibgħathom lill- ►M3 Bord Governattiv ◄ għal opinjoni.
6. Il- ►M3 Bord Governattiv ◄ għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tal-Fondazzjoni.
7. Id-Direttur għandu, l-aktar tard sal-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, jibgħat dawn il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal- ►M3 Bord Governattiv ◄ .
8. Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppublikati.
9. Id-Direttur għandu jibgħat lill-Qorti ta' l-Awdituri tweġiba dwar l-osservazzjonijiet tagħha l-aktar tard sat-30 ta' Settembru. Hu għandu wkoll jibgħat tweġiba lill- ►M3 Bord Governattiv ◄ .
10. Id-Direttur għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta' dan imsemmi l-aħħar, kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' disċarġ għas-sena finanzjarja in kwistjoni kif preskritt fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.
11. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti d-disċarġ lid-Direttur tal-Fondazzjoni fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' l-estimi għas-sena N.
L-Artikolu 17
1. Il-persunal tal-Fondazzjoni reklutat wara l-24 ta' Ġunju 2005 għandu jkun suġġett għar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew għall-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet (CEOS) stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 ( 6 ). Għandha tapplika t-Taqsima 2 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.
2. Il-kuntratti kollha tax-xogħol konklużi mill-Fondazzjoni u l-membri tal-persunal tagħha taħt ir-Regolament (KEFA, KEE, EURATOM) Nru 1860/76 ( 7 ) qabel … * għandhom ikunu kunsidrati bħala konklużi taħt l-Artikolu 2(a) CEOS. Id-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 1, 3 u 4, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 22 ta' l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom japplikaw għal dawn il-kuntratti mill-istess data.
Il-membri tal-persunal għandhom ikollhom il-jedd li jitterminaw il-kuntratt fl-istess data mingħajr il-bżonn li jirrispettaw il-perjodu ta' preavviż previst fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KEFA, KEE, EURATOM) Nru 1860/76. Għall-finijiet ta' l-allowances mat-terminazzjoni ta' kuntratt u għall-benefiċċji tal-qgħad, tali terminazzjoni ta' kuntratt għandha titqies bħala r-riżultat ta' azzjoni tal-Fondazzjoni.
3. Il-Fondazzjoni għandha teżerċita, fir-rigward tal-persunal, is-setgħat konferiti lill-awtorità tal-ħatra jew l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti skond il-każ.
4. Il-Bord Governattiv għandu, bi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta ir-regoli adegwati ta’ implementazzjoni.
L-Artikolu 18
Il-Membri tal- ►M3 Bord Governattiv ◄ , id-direttur, id-deputat direttur, il-persunal u l-persuni l-oħra li jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Fondazzjoni għandu jkun jenħtieġ minnhom, anke wara li d-dmirijiet tagħhom ikunu waqfu, li ma jikxfux informazzjoni ta' kwalunkwe tip koperta bl-obbligazzjoni tas-sigriet professjonali.
L-Artikolu 18a
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 li jirrigwarda l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 8 ) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Fondazzjoni.
2. Il- ►M3 Bord Governattiv ◄ għandu jadotta arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1649/2003 tat-18 ta' Ġunju 2003 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1365/75 dwar il-ħolqien ta' Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1417/76 ( 9 ).
3. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Fondazzjoni skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman jew azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, skond il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.
L-Artikolu 19
Ir-regoli li jiggvernaw il-lingwi tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għall-Fondazzjoni.
L-Artikolu 20
Il-Protokoll tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għall-Fondazzjoni.
L-Artikolu 21
1. Ir-responsabbiltà kontrattwali tal-Fondazzjoni għandha tkun regolata taħt il-liġi li tkun tapplika għall-kuntratt inkwestjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq xi klawsola ta' arbitraġġ li tkun tinsab f'kuntratt konkluż mill-Fondazzjoni.
2. Fil-każ ta' responsabbiltà non-kontrattwali, il-Fondazzjoni, skond il-prinċipji komuni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri, għandha tagħmel tajjeb għal kull dannu kkawżat mill-Fondazzjoni u mill-impjegati tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni f'kawżi li jkunu relatati mal-kumpens ta' kull dannu ta' din ix-xorta.
3. Ir-responsabbiltà personali ta' l-impjegati lejn il-Fondazzjoni għandha tkun regolata mill-provvedimenti relevanti li japplikaw għall-persunal tal-Fondazzjoni.
L-Artikolu 22
L-Istati Membri, il-membri tal- ►M3 Bord Governattiv ◄ u l-partijiet terżi direttament u personalment involuti jistgħu jirreferu lill-Kummissjoni kull att tal-Fondazzjoni, kemm jekk espress jew impliċitu, biex il-Kummissjoni teżamina l-legalità ta' dak l-att.
Din ir-referenza issir lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-jum li fih il-parti konċernata saret taf għall-ewwel darba bl-att inkwestjoni.
Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahar. Jekk l-ebda deċiżjoni ma tittieħed f'dan il-perjodu, il-każ għandu jkun meqjus bħala mitluq.
L-Artikolu 23
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
( 1 ) ĠU C 76, tat-3.7.1974, p. 33
( 2 ) ĠU C 109, tad-19.9.1974, p. 37.
( 3 ) ĠU C 112, ta' l-20.12.1973, p. 3.
( 4 ) ĠU C 13, tat-12.2.1974, p. 1.
( 5 ) ĠU L 357, tal-31.12.2002, p. 72 b'Corrigendum fil-ĠU L 2, tas-7.1.2003.
( 6 ) ĠU L L 56, 4.3.1968, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 31/2005 (ĠU L 8, 12.1.2005, p. 1).
( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 1860/76 tad-29 ta' Ġunju 1976 li jistabbilixxi l-Kondizzjonijiet ta'l-Impjieg tal-persunal tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (ĠU L 214, 6.8.1976, p. 24). Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 680/87 (ĠU L 72, 14.3.1987, p. 15).
( 8 ) ĠU L 145, tal-31.5.2001, p. 43.
( 9 ) ĠU L 245, tad-29.9.2003, p. 25.