RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Istrateġija Tematika dwar il-Ħamrija u attivitajiet kontinwi /* COM/2012/046 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT
EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U
LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Istrateġija
Tematika dwar il-Ħamrija u attivitajiet kontinwi
1.
Daħla
Dan
ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija[1] sa mill-adozzjoni tagħha f’Settembru 2006. L-objettiv
tal-Istrateġija huwa li titħares il-ħamrija filwaqt li
tintuża b’mod sostenibbli, permezz tal-prevenzjoni ta’ aktar degradazzjoni,
tal-preservazzjoni tal-funzjoni tal-ħamrija u tar-restawr ta’ ħamrija
degradata. Dan ir-rapport jippreżenta wkoll xejriet kurrenti ta’
degradazzjoni tal-ħamrija kemm fl-Ewropa u globalment, kif ukoll sfidi
għall-ġejjieni biex ikun żgurat il-ħarsien.
2.
L-erba’ pilastri tal-Istrateġija – aġġornament
2.1.
Sensibilizzazzjoni
Il-funzjonijiet tal-ħamrija – minkejja l-irwol
fundamentali tagħhom għall-ekosistema u għall-ekonomija, u mhux
bħall-arja u l-ilma – inqisuhom daqslikieku kienu l-iktar ħaġa
ovvja u naħsbu li huma abbundanti. Id-degradazzjoni tal-ħamrija ġeneralment
ma nindunawx biha minħabba li hija proċess bil-mod li fih rari
jseħħu effetti drammatiċi immedjati. Għal dawn
ir-raġunijiet, is-sensibilizzazzjoni dwar il-ħamrija tippreżenta
sfida partikolari. Dan l-aħħar ġiet megħjuna minn diversi
films u dokumentarji[2]. Il-Kummissjoni organizzat diversi avvenimenti
pubbliċi dedikati għall-ħamrija, inklużi konferenzi ewlenin
dwar il-ħamrija, it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, kontribuzzjonijiet
għal laqgħat dwar il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, u
diversi taħditiet fil-Ġimgħa l-Ħadra. Barra minn dan, kienu
disponibbli fuljetti u pamflets f’għadd ta’ lingwi tal-UE[3]. Il-Kummissjoni ppubblikat
ukoll għadd ta’ atlasijiet dwar il-ħamrija, inklużi l-Atlas
tal-Ħamrija tal-Ewropa u l-Atlas Ewropew tal-Bijodiversità
tal-Ħamrija. Il-Kummissjoni waqqfet ukoll grupp ta’ ħidma dwar is-Sensibilizzazzjoni
u l-Edukazzjoni fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew tal-Bureau
għall-Ħamrija (ESBN)[4]. L-Istrateġija aġixxiet ukoll
bħala kawża importanti biex ikun hemm diversi għodod u netwerks
ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ħamrija li żviluppaw fl-Istati Membri,
inkluż in-Netwerk Ewropew għal Sensibilizzazzjoni dwar
il-Ħamrija (ENSA).
2.2.
Riċerka
Mill-adozzjoni tal-Istrateġija ’l hawn, ġew
iffinanzjati madwar 25 proġett ta’ riċerka skont is-Seba’
Programm Qafas għar-Riċerka[5]
speċifikatament biex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar il-ħamrija
u tiġi megħjuna titlesta l-bażi ta’ tagħrif għal
azzjoni. Pereżempju, RAMSOIL identifika għadd ta’ metodoloġiji
ta’ valutazzjoni tar-riskju għal proċessi ta’ degradazzjoni
tal-ħamrija, billi wera komparabbiltà fost metodoloġiji differenti;
ENVASSO ppropona rekwiżiti minimi għal armonizzazzjoni gradwali ta’
attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-ħamrija u għal indikaturi
tal-ħamrija rilevanti għall-politika; SOILSERVICE fassal xenarji
fit-tul għal tibdil fl-użu tal-artijiet u indika li produzzjoni
agrikola intensiva li ma tagħtix attenzjoni xierqa lill-bijodiversità tal-ħamrija
u lill-funzjonijiet tal-ħamrija tista’ ma tkunx ta’ profitt ekonomikament
wara l-2050, jekk ma titteħidx azzjoni korrettiva. Huma mistennija riżultati interessanti
minn LUCAS, stħarriġ dwar kopertura ta’ artijiet, użu ta’
artijiet u indikaturi agroambjentali[6].
Fl-istħarriġ tal-2009 u tal-2012, modulu speċifiku ta’ ħamrija
kien integrat biex jipprovdi statistika u indikaturi għaċ-Ċentru
Ewropew ta’ Dejta dwar il-Ħamrija (ESDAC)[7]
li huwa mmexxi miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni.
Dan jista’ jkun punt ta’ tluq għal monitoraġġ armonizzat Ewropew
ta’ parametri tal-ħamrija għal firxa sħiħa ta’ finijiet ta’
statistika, riċerka u politika. Il-proġett BIOSOIL, imniedi fil-kuntest
tar-Regolament Forest Focus[8],
irrapporta żieda ta’ karbonju organiku f’xi ħamrija tal-foresti
Ewropej.
2.3.
Integrazzjoni
Il-politiki differenti tal-Unjoni jaqdu rwol
ewlieni fil-ħidma lejn l-objettiv ta’ użu sostenibbli
tal-ħamrija. Sa minn meta kienet adottata l-istrateġija, il-Kummissjoni
kompliet il-ħidma tagħha għall-integrazzjoni tal-ħamrija, l-aktar
fil-kuntest ta’ dan li ġej: ·
Politika Agrikola Komuni (PAK). L-aspetti ta’ ħarsien tal-ħamrija kienu parti integrali mill-Kundizzjonijiet
Agrikoli u Ambjentali Tajbin (KAAT) sa minn meta kienet introdotta l-kundizzjonalità
fl-2003. Kienet saret enfażi fuq li tkun limitata l-erożjoni, tinżamm
u titjieb il-materja organika, u jkun evitat it-tirsis. Waqt li qieset
l-esperjenza miksuba, f’Ottubru 2011 il-Kummissjoni proponiet li tikkjarifika u
tispeċifika ulterjorment standards relatati mal-ħamrija fil-kuntest tar-riforma
globali tal-PAK sal-2020[9].
B’mod partikolari, hija pproponiet KAAT ġodda għall-ħarsien ta’ materja
organika, inkluża projbizzjoni ta’ ħruq ta’ qasbija fir-raba’
tal-ħrit u obbligu li ma jinħartux artijiet mistagħdra u
ħamrija li jkollha ħafna karbonju. L-Istati Membri għandhom
marġni wiesgħa ta’ prudenza meta jiġu biex jiddeterminaw obbligi
nazzjonali ta’ KAAT għall-bdiewa bil-kondizzjoni li jkun irrispettat
il-qafas tal-UE[10].
Il-kundizzjonalità tipprovdi kundizzjonijiet minimi ta’ ħarsien tal-ħamrija
u, min-natura tagħha, ma tistax tindirizza l-proċessi kollha ta’ degradazzjoni
tal-ħamrija. L-Iżvilupp Rurali[11] jipprovdi għal skemi
agroambjentali li jistgħu speċifikatament jgħinu operazzjonijiet
protettivi għall-ħamrija (8.8 % tal-baġit minfuq fl-2007-2008[12]). Huwa mistenni li 21.4 %
tal-erja agrikola utilizzata tkun koperta minn miżuri mmirati lejn
il-kwalità tal-ħamrija fil-perjodu 2007-2013, kif imqabbel ma’ 30.7 %
ddedikati biex tkun evitata l-marġinalizzazzjoni u 33.0 % biex
titħares il-bijodiversità[13].
Hemm skop, għalhekk, li jittieħdu aktar miżuri biex titjieb
il-kwalità tal-ħamrija u biex tkun estiża l-erja tal-wiċċ
koperta. Barra minn dan, il-proposta l-ġdida tal-Iżvilupp Rurali tinkludi
l-objettivi ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u ta’
mitigazzjoni tal-klima u adattament għaliha, inkluż permezz ta’ ġestjoni
aħjar tal-ħamrija u sekwestru msaħħaħ tal-karbonju fl-agrikoltura
u l-forestrija. L-ewwel pilastru tal-PAK, magħmul aktar ekoloġiku,
kif propost mill-Kummissjoni, għandu jtejjeb aktar is-sitwazzjoni, l-aktar
b’rabta mal-erożjoni u l-materja organika tal-ħamrija. ·
Stallazzjonijiet industrijali. Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED)[14], adottata dan l-aħħar,
introduċiet dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li l-operazzjoni
ta’ stallazzjoni ma twassalx għal degradazzjoni fil-kwalità
tal-ħamrija (u tal-ilma ta’ taħt l-art). Dawn
id-dispożizzjonijiet jistabbilixxi tip ta’ politika ta’ "tolleranza
żero" għal tniġġis ġdid u jsaħħu l-prinċipju
ta’ ‘min iniġġes iħallas’. Madankollu, għadd kbir ta’
attivitajiet li potenzjalment jistgħu jniġġsu mhumiex fl-ambitu tal-IED,
li f’kull każ tkopri biss stallazzjonijiet attivi. Għodda li hija potenzjalment
importanti biex ikunu intraċċjati sustanzi industrijali li
jniġġsu hija r-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferimenti
ta’ Inkwinanti (E-PRTR)[15].
Madankollu, fl-2009 144 stallazzjoni biss irrapportaw rilaxx ta’ sustanzi
li jniġġsu fil-ħamrija, imqabbla ma’ madwar 3 000 fl-ilma u
aktar minn 11 000 fl-arja. ·
Politika ta’ Koeżjoni. Minkejja l-fatt li m’hemmx bażi legali speċifika tal-UE
għall-ħarsien tal-ħamrija, madwar EUR 3.1 biljun ġew
allokati għar-riabilitazzjoni ta’ siti industrijali u ta’ art kontaminata
bħala parti mill-Politika ta’ Koeżjoni fil-perjodu 2007-2013 minn
total ta’ madwar EUR 49.6 biljun ta’ investimenti ppjanati tal-UE skont
it-tema tal-Ambjent[16].
L-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja allokaw l-akbar
finanzjament (EUR 475, 371, u 332 miljun rispettivament). Sa tmiem l-2010,
l-Istati Membri kienu allokaw madwar 28 % tal-fondi għal
proġetti speċifiċi. B’hekk, riżorsi konsiderevoli huma
disponibbli biex ikun ittrattat il-wirt industrijali tal-UE f’reġjuni
eliġibbli (ara l-Figura 1).
Il-Kummissjoni pproponiet li l-Fondi ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali għandhom ikomplu jgħinu
r-riġenerazzjoni ta’ siti abbandunati fil-perjodu ta’ programmar li jmiss 2014-2020[17]. Barra minn dan, l-istrateġiji
makroreġjonali tal-UE jinkludu xi azzjonijiet speċifiċi dwar
ħarsien tal-ħamrija (partikolarment dwar skart solidu). ·
Għajnuniet mill-Istat għal rimedju
għall-kontaminazzjoni tal-ħamrija. L-Istati
Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat biex jesegwixxu
rimedju għall-ħamrija skont il-linji gwida ta’ għajnuna
Ambjentali[18]. Madanakollu, għajnuna bħal din tista’ tingħata biss
jekk il-prinċipju ‘min iniġġes iħallas’ ikun rispettat
b’mod sħiħ, jiġifieri min iniġġes u jkun responsabbli
għall-kontaminazzjoni ma jkunx magħruf jew ma jkunx f’qagħda li
jħallas l-ispejjeż. Fil-perjodu 2005-2010, il-Kummissjoni qieset
diversi skemi jew miżuri speċifiċi bil-għan li jkun hemm
rimedju għal siti kontaminati fl-Awstrija, fil-Belġju, fir-Repubblika
Ċeka, fl-Estonja, fil-Ġermanja, fl-Olanda, fis-Slovakkja u fir-Renju
Unit bħala kompatibbli mat-Trattat. Hija vverifikat li l-prinċipju ‘min
iniġġes iħallas’ kien applikat sewwa, partikolarment billi
żgurat li r-responsabbiltajiet ambjentali kienu jkunu ttrasferiti b’mod
korrett. L-għajnuna totali hekk approvata kienet ta’ aktar minn EUR 8 biljun[19]. Figura 1: Erjas eliġibbli skont il-Fondi Strutturali (2007-2013)[20] || Reġjuni ta’ Konverġenza || || Reġjuni ta’ Introduzzjoni Progressiva || Reġjuni ta’ Eliminazzjoni Gradwali || || Reġjuni ta’ Kompetittività u Impjiegi
2.4.
Leġiżlazzjoni
Abbażi tal-ħtieġa li jkunu
ttrattati l-produttività tal-ħamrija, ir-riskji għas-saħħa
tal-bniedem u għall-ambjent, u biex jiġu pprovduti opportunitajiet għal
mitigazzjoni tal-klima u adattament għaliha, kif ukoll biex ikunu
stimulati opportunitajiet ta’ negozju għal rimedju għall-ħamrija,
il-Kummissjoni pproponiet Direttiva Qafas għall-Ħamrija[21] fl-2006, li tindirizza wkoll
in-natura transkonfinali tad-degradazzjoni tal-ħamrija. Il-Parlament
Ewropew adotta l-ewwel qari tagħha dwar il-proposta f’Novembru 2007 b’maġġoranza
ta’ madwar żewġ terzi. Fil-Kunsill Ambjent ta’ Marzu 2010, minoranza
tal-Istati Membri bblukkaw milli jkun hemm aktar progress għal
raġunijiet ta’ sussidjarjetà, spiża eċċessiva u piż
amministrattiv. Ma sar l-ebda progress minn dak iż-żmien ’l hawn
mill-Kunsill. Il-proposta tibqa’ fuq l-aġenda tal-Kunsill.
3.
Id-degradazzjoni tal-ħamrija tkompli…
Id-degradation tal-artijiet fl-għamliet
varji tagħha hija problema fundamentali u persistenti. Il-qagħda fl-Ewropa
hija riflessa u mkabbra f’ħafna nħawi tad-dinja. Hija wkoll kwistjoni
ta’ żvilupp globali, billi d-degradazzjoni tal-ħamrija, il-faqar u
l-mitigazzjoni jirrinfurzaw lilhom infushom b’mod reċiproku, iżda
ġeneralment dan sikwit jiġi injorat, għaliex l-impatti osservati
huma gradwali.
3.1.
… globalment…
Id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-artijiet
u n-nixfa jaffettwaw aktar minn 1.5 biljun persuna f’aktar minn 110 pajjiż,
li 90 % minnhom jgħixu f’żoni ta’ dħul baxx. Skont UNEP[22], sa 50 000 km² jintilfu
kull sena minħabba d-degradazzjoni ta’ artijiet, l-aktar minħabba
l-erożjoni tal-ħamrija. Kull sena, il-pjaneta titlef 24 biljun
tunnellata mis-saff ta’ fuq tal-ħamrija. Tul dawn l-aħħar
żewġ għexieren ta’ snin, intilef biżżejjed biex ikopri
r-raba’ kollu tal-Istati Uniti. Id-deżertifikazzjoni tiswa lid-dinja aktar
minn $ 40 biljun fis-sena fi produttività mitlufa[23]. Id-degradazzjoni tal-ħamrija kkawżata
minn attivitajiet tal-bniedem tikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima. Kien
minħabba fiha li 20 % tal-karbonju ħareġ fl-atmosfera bejn
l-1850 u l-1998[24].
L-iskular u l-konverżjoni tal-artijiet tal-pit fid-dinja waħedhom jikkawżaw
emissjonijiet sa 0.8 biljun tunnellata ta’ karbonju fis-sena, li
ħafna minnu jista’ jkun evitat permezz tar-restawr[25]. Il-wirt ta’ siti kontaminati huwa komuni fil-partijiet
kollha antiki l-aktar importanti ta’ żoni industrijali, iżda
jaffettwa wkoll pajjiżi li qed jiżviluppaw u pajjiżi b’ekonomiji
fi tranżizzjoni. Rapport reċenti jistma
l-għadd ta’ siti kontaminati (l-aktar f’postijiet ta’ rimi ta’ skart) fl-Indja[26] għal
36 000; l-esperti jsostnu li hemm bejn 300 000 u 600 000 sit kontaminat fiċ-Ċina[27].
3.2.
… u fl-UE
L-Istatus tal-2010 tar-Rapport dwar l-Ambjent tal-Aġenzija
Ewropea għall-Ambjent juri li d-degradazzjoni tal-ħamrija qed
tiżdied[28],
kif juru l-eżempji li ġejjin: ·
Issiġillar tal-ħamrija (il-kopertura permanenti tal-ħamrija b’materjal impermeabbli) u t-teħid
assoċjat tal-artijiet iwasslu għat-telf ta’ funzjonijiet importanti
tal-ħamrija (bħall-filtrazzjoni u l-ħżin tal-ilma, u l-produzzjoni
tal-ikel). Bejn l-1990 u l-2000, mill-anqas 275 ettaru ta’ ħamrija ntilfu
kuljum fl-UE, li jammontaw għal 1 000 km² fis-sena. Bejn l-2000 u
l-2006, it-telf medju fl-UE żdied bi 3 %, iżda b’14 % fl-Irlanda
u f’Ċipru, u bi 15 % fi Spanja[29].
Fil-perjodu 1990-2006, 19-il Stat Membru tilfu kapaċità tal-produzzjoni
agrikola potenzjali ekwivalenti għal total ta’ 6.1 miljun tunnellata ta’
qamħ, b’varjazzjonijiet reġjonali kbar (ara l-Figura 2). Din
il-figura tmur lil hinn minn waħda insinifikanti, meta jitqies l-istabbilizzar
taż-żidiet fil-produttività agrikola li diġà nħassu u
l-fatt li, biex ikun hemm kumpens għat-telf ta’ ettaru wieħed ta’ art
fertili fl-Ewropa, ikun meħtieġ li tibda tintuża erja sa
għaxar darbiet akbar f’parti oħra tad-dinja[30]. Figura 2: Telfiet potenzjali ta’ rendiment ta’ qamħ (%) f’19-il
pajjiż tal-UE (1990-2006). ·
Mudell ġdid reċenti ta’ erożjoni
tal-ħamrija mill-ilma kostruwit mill-JRC stima l-erja
tal-wiċċ affettwata fl-UE-27 għal 1.3 miljun km² (ara
l-Figura 3). Kważi 20 % tagħha
tbati minn telf ta’ ħamrija ta’ aktar minn 10 t/ha/y. L-erożjoni
mhux biss hija problema serja għall-funzjonijiet tal-ħamrija (stmata
li tiswa EUR 53 miljun fis-sena fir-Renju Unit biss[31]); iżda tħalli wkoll
impatt fuq il-kwalità tal-ilma frisk, minħabba li tittrasferixxi nutrijenti
u pestiċidi lill-korpi tal-ilma. Pereżempju, it-telfiet agrikoli tal-fosfru
jaqbżu 0.1 kg/ha/y f'ħafna mill-Ewropa, iżda jilħqu
livelli ta’ aktar minn 1.0 kg/ha/y f’postijiet magħrufa[32]. L-indirizzar tal-erożjoni,
għalhekk, se jkun kontribuzzjoni ewlenija għall-kisba ta’ objettivi
tal-UE dwar l-ilma. L-erożjoni tal-ħamrija hija partikolarment
intensiva fiż-żoni tan-nirien tal-foresti, stmati għal 500 000 ha/y
mis-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni dwar in-Nirien Forestali (EFFIS)[33]. Figura 3: Erożjoni tal-ħamrija mill-ilma fl-UE (t/ha/y). ·
Bħala għamla estrema ta’ degradazzjoni
ta’ artijiet, id-deżertifikazzjoni ġġib magħha taħsir
serju tal-funzjonijiet kollha tal-ħamrija. Waqt li m’hemmx valutazzjoni
soda xjentifikament f’livell Ewropew, fattur wieħed li jikkontribwixxi
għad-deżertifikazzjoni huwa xejra sfavorevoli fil-kapaċità
produttiva. Il-Figura 4, prodotta mill-JRC fit-tħejjija tal-Atlas
Dinji ta’ Deżertifikazzjoni[34],
turi ż-żoni fejn il-kapaċità produttiva kienet qed tonqos b’mod kostanti
fl-aħħar ftit għexieren ta’ snin. Jekk dan ikun ikkonfermat minn
fatturi oħra, dan jista’ jindika deżertifikazzjoni li qed
tiżdied fl-Ewropa kollha. Figura 4: Evoluzzjoni tal-produttività primarja netta (1982-2006). || Sfavorevoli || || Favorevoli || Titla’ u tinżel (negattiva) || || Titla’ u tinżel (pożittiva) || Erjas mikxufin || ·
Waqt li l-ħamrija li jkun fiha l-melħ
b'mod naturali teżisti f’ċerti partijiet tal-Ewropa, l-ilma
għat-tisqija – anke jekk ikun ta’ kwalità għolja – jinkludi l-minerali
u l-melħ li jinġabru bil-mod fil-ħamrija, u jikkawżaw is-salinizzazzjoni.
L-espansjoni kontinwa tat-tisqija – bi problemi relatati ta’ skarsezza tal-ilma
u ż-żieda fl-użu tal-ilma ta’ taħt l-art ta’ kwalità
marġinali – tħaffef is-salinizzazzjoni, biex b’hekk tintlaqat
il-produttività tal-ħamrija. Madanakollu, m’hemmx dejta sistematika
disponibbli dwar ix-xejriet fl-Ewropa kollha. ·
Id-depożizzjoni ta’ sustanzi ta’
aċidifikazzjoni li jniġġsu l-arja (eż. ammonja, diossidu
tal-kubrit u ossidi tan-nitroġenu) tikkontribwixxi għall-aċidifikazzjoni
tal-ħamrija, li tnaqqas il-pH tal-ħamrija, u b’hekk timmodifika
l-ekosistema tal-ħamrija, timmobilizza l-metalli tqal u tnaqqas ir-rendiment
tal-għelejjel. Filwaqt li l-mudelli tad-depożizzjoni tal-arja
jipprevedu titjib sinifikanti fil-perjodu 1990-2010, mill-anqas kwart
tal-kampjuni mkejla f’valutazzjoni reċenti ta’ ħbula ta’
monitoraġġ tal-foresti wera li l-limiti kritiċi għal
sustanzi ta’ aċidifikazzjoni kienu qed jinqabżu fi gradi sustanzjali.
Is-sitwazzjoni għal tipi oħra ta’ kopertura tal-ħamrija mhix
magħrufa, minħabba li m’hemmx monitoraġġ sistematiku tal-aċidifikazzjoni
tal-ħamrija fl-Ewropa kollha għal ħamrija mhux tal-foresti[35]. ·
Il-bijodiversità tal-ħamrija tipprovdi bosta servizzi essenzjali, inklużi r-rilaxx ta’
nutrijenti f’għamliet li jistgħu jintużaw minn pjanti u
organiżmi oħra, it-tisfija tal-ilma bit-tneħħija ta’
kontaminanti u patoġeni, il-kontribuzzjoni għall-kompożizzjoni
tal-atmosfera billi tipparteċipa fiċ-ċiklu tal-karbonju, u
l-provvediment ta’ sors maġġuri ta’ riżorsi ġenetiċi u
kimiċi (eż. l-antibijotiċi). Mappa abbażi tal-indikaturi
mħejjija mill-JRC[36]
(ara l-Figura 5) turi valutazzjoni preliminari ta’ fejn il-bijodiversità tal-ħamrija
hija mhedda. Din tinkludi żoni ta’ densità għolja ta’ popolazzjoni u/jew
attività agrikola intensa (eż. iċ-ċereali u l-għelejjel
industrijali, it-trobbija tal-annimali, is-serer, il-ġonna tas-siġar
tal-frott, il-vinji u l-ortikultura). ·
L-uqigħ tal-art (landslides) huwa theddida kbira f’żoni muntanjużi u bl-għoljiet fl-Ewropa
kollha (l-abbandun tal-artijiet ikun fattur li jaggrava l-qagħda), li
sikwit ikollu impatti serji fuq il-popolazzjoni, il-propjetà u l-infrastruttura.
Bħalissa aktar minn 630 000 uqigħ tal-art huma reġistrati f’bażijiet
tad-dejta nazzjonali. Iż-żoni fejn hemm it-tendenza tal-uqigħ
tal-art huma murija fil-Figura 6. ·
Huwa diffiċli li jkun ikkwantifikat b’mod komplet
kemm tkun il-kontaminazzjoni tal-ħamrija lokalment, minħabba
li l-maġġoranza vasta tal-Istati Membri ma għandhomx inventarji
komprensivi, għalkemm dan huwa kopert mid-Direttiva Qafas
għall-Ħamrija proposta. Fl-2006, l-Aġenzija Ewropea
għall-Ambjent stmat li kien hemm total ta’ tliet miljun sit potenzjalment
kontaminati fl-UE, li minnhom 250 000 kienu fil-fatt kontaminati. Ir-rimedju
qed jagħmel progress, għalkemm jeżistu varjazzjonijiet kbar bejn
l-Istati Membri, li jirriflettu l-preżenza jew in-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni
nazzjonali. Kien stmat li, fl-2004, il-fatturat tal-industrija tar-rimedju
għall-ħamrija fl-UE-27 kien jammonta għal EUR 5.2 biljun,
li minnhom 21.6 % ntefqu fil-Ġermanja, 20.5 % fil-Pajjiżi
l-Bazzi, u 5.9 % fi Franza u fir-Renju Unit kull wieħed[37]. Figura 5: Theddidiet potenzjali għall-bijodiversità
tal-ħamrija. || Baxxi wisq || || Għoljin || Baxxi ħafna || || Għoljin ħafna || Baxxi || || Għoljin wisq || Intermedji / moderati || Figura 6: Suxxettibbiltà għall-uqigħ tal-art fl-UE u f’pajjiżi
ġirien (mappa preliminari)[38]. || Baxxa ħafna || || Għolja moderatament || Baxxa || || Għolja għal għolja ħafna || Baxxa moderatament ||
4.
Sfidi attwali u imminenti
Kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja kollha, id-degradazzjoni
tal-ħamrija żdiedet fl-aħħar għaxar snin. Din ix-xejra
x’aktarx tissokta jekk diversi fatturi ma jkunux indirizzati: ·
L-użu tal-art. It-tkabbir
fil-popolazzjoni tad-dinja, iż-żieda fil-konsum ta’ prodotti
tal-laħam u tal-ħalib fl-ekonomiji emerġenti, u aktar użu
tal-bijomassa għall-enerġija u għall-finijiet industrijali
oħra, għandhom ilkoll iwasslu għal żieda fl-użu
globali tal-artijiet u għad-degradazzjoni potenzjali tal-ħamrija. Fl-istess
waqt, dak li jiġri fit-temp b’rabta mat-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni
u t-teħid tal-art għall-bini tal-bliet u għall-infrastruttura
għandhom iħarrxu din ix-xejra. L-Ewropa jimpurtaha minn dan
għaliex il-kompetizzjoni għar-riżorsi tal-art u l-ilma toħloq
riskji serji ta’ żbilanċi ġeopolitiċi. Barra minn dan, id-degradazzjoni
tal-artijiet twassal għal nuqqas globali fl-ammont tal-art multifunzjonali.
L-UE b’hekk tkun ukoll aktar dipendenti għall-ġejjieni fuq
ir-riżorsi finiti tagħha tal-art – li jinkludu tipi ta’ ħamrija
l-aktar fertili fid-dinja – u fuq l-użu sostenibbli tagħhom. ·
Il-preservazzjoni tal-materja organika
tal-ħamrija. Il-ħamrija tal-UE fiha aktar
minn 70 biljun tunnellata ta’ karbonju organiku, li huma ekwivalenti
għal kważi 50 darba iktar mill-emissjonijiet tagħna tal-gass
b’effett ta’ serra kull sena. Iżda l-produzzjoni intensiva u kontinwa tar-raba’
li jinħadem tista’ twassal għal tnaqqis ta’ materja organika fil-ħamrija.
Fl-2009, l-emissjonijiet minn raba’ Ewropew kienu medja ta’ 0.45 tunnellata
ta’ CO2 għal kull ettaru (li ħafna minnhom ġew mill-konverżjoni
tal-artijiet)[39].
Il-konverżjoni tal-artijiet tal-pit u l-użu tagħhom jagħtu
partikolarment lok għat-tħassib. Pereżempju, għalkemm 8 %
biss tal-art agrikola fil-Ġermanja tinsab f’art tal-pit, hija taħti
għal madwar 30 % tat-total tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’
serra mis-settur kollu tagħha tal-biedja[40].
Madankollu, bi prattiki ta’ ġestjoni xierqa, il-materja organika fil-ħamrija
tista’ tinżamm u wkoll tiżdied. Minbarra għall-artijiet tal-pit,
għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-preservazzjoni tal-mergħat
permanenti u għall-ġestjoni tal-ħamrija forestali, minħabba
li ż-żmien li jkollu l-karbonju f’din
tal-aħħar jista’ jkun ħafna, sa 400-1 000 sena[41].
Għalhekk, huwa, essenzjali li l-istokkijiet tal-karbonju jinżammu biex
jitħarsu l-impenji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għall-preżent
u għall-ġejjieni. ·
Użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. L-agrikoltura tiddependi ħafna fuq ħamrija fertili u fuq
id-disponibbiltà tan-nutrijenti. Pereżempju, tul dawn l-aħħar
tletin sena hija użat 20-30 miljun tunnellata ta’ fosfru fis-sena, li
ħafna minnu ġie minn barra l-UE. Filfatt, il-fertilizzanti tal-fosfat
użati fl-UE għandhom impuritajiet tal-kadmju, li jinġabru fil-ħamrija.
Fl-istess waqt, kull sena jkunu prodotti ammonti kbar ta’ demel, bijoskart u
ħama tal-iskular, u kultant jintremew minkejja l-fatt li jkun fihom in-nutrijenti
u l-materja organika. Mod biex jiġu indirizzati s-sigurtà tal-provvista, jitjiebu
l-kondizzjonijiet tal-ħamrija u jkun limitat it-tniġġis
mill-kadmju huwa li jkunu żgurati ġbir, trattament u użu sewwa
ta’ dan l-iskart u r-residwi.
5.
Attivitajiet kontinwi
L-isfidi msemmijin fil-qosor hawn fuq u l-fatt
li d-degradazzjoni tal-ħamrija fl-Ewropa tkompli, jagħmluha importanti
li l-UE ttejjeb il-mod li bih tittratta kwistjonijiet relatati mal-ħamrija,
partikolarment fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Filwaqt li l-Istrateġija
Tematika dwar il-Ħamrija għenet biex tkabbar il-profil ta’ dawn
il-kwistjonijiet, ħames snin wara l-adozzjoni tagħha għad
m’hemmx monitoraġġ u ħarsien b’mod sistematiku tal-kwalità tal-ħamrija
fl-Ewropa kollha. Dan ifisser li t-tagħrif dwar l-istat u l-kwalità
tal-ħamrija jibqa’ frammentat u l-ħarsien tal-ħamrija ma jsirx
b’mod effikaċi u koerenti fl-Istati Membri kollha. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni qed
tkompli bl-attivitajiet li ġejjin b'konformità mal-Istrateġija: ·
Inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni (eż.
konferenzi, pubblikazzjonijiet, kampanji pubbliċi), taħriġ
għar-riċerkaturi żgħażagħ, integrazzjoni tal-ħamrija
u aspetti ta’ ħarsien tal-ħamrija f’avvenimenti ta’ informazzjoni u
taħriġ iffinanzjati mill-UE, u kompiti li għandhom jitwettqu
għall-Presidenzi ta’ rotazzjoni tal-Kunsill (eż. materjal ta’
informazzjoni dwar tipi nazzjonali ta’ ħamrija). ·
Appoġġ għal proġetti ta’ riċerka,
partikolarment fl-oqsma tal-uqigħ tal-art, l-issiġillar tal-ħamrija,
il-funzjonijiet tal-ħamrija u r-rabta tagħhom mal-bijodiversità, iċ-ċikli
tal-karbonju u tan-nitroġenu fil-ħamrija (b’konċentrazzjoni fuq
ir-restawr tal-artijiet tal-pit), il-fertilità tal-ħamrija, u r-riċiklaġġ
tan-nutrijenti fl-agrikoltura. Għandhom jitkomplew jespandu l-attivitajiet
taċ-Ċentru Ewropew tad-Dejta dwar il-Ħamrija li jżomm id-dejta
u l-informazzjoni dwar il-ħamrija f’livell Ewropew. ·
Biex ikun ikkonsolidat il-monitoraġġ
armonizzat tal-ħamrija għal varjetà ta’ finijiet, inklużi s-sigurtà
u s-sigurezza tal-ikel, il-kontaminazzjoni mifruxa, u l-adattament għat-tibdil
fil-klima u l-mitigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qed tqis li ttenni
l-investigazzjonijiet dwar il-ħamrija f’intervalli regolari (kull ħames
sa għaxar snin), ukoll billi tuża tekniki ta’ telerilevament. Dan
il-monitoraġġ armonizzat għandu jkun implimentat
f’sinerġija mad-Deċiżjoni li tikkonċerna l-Mekkaniżmu
għall-Monitoraġġ[42]
li attwalment qed tkun riveduta. Il-programm ta’ Monitoraġġ Globali
tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES)[43]
għandu wkoll ikun għajn ta’ informazzjoni, partikolarment dwar l-issiġillar
tal-ħamrija. ·
L-integrazzjoni ulterjuri
tal-ħarsien tal-ħamrija f’politiki differenti. Il-Kummissjoni qed
tiżviluppa Sħubija Ewropea ta’ Innovazzjoni dwar is-Sostenibbiltà
u l-Produttività fl-Agrikoltura b’konċentrazzjoni partikolari fuq
il-ġestjoni tal-artijiet, inklużi l-użu effiċjenti tar-riżorsi
u l-użu sostenibbli tal-ħamrija agrikola. Għandha taħdem
fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020[44] biex ittejjeb it-tagħrif
u s-sensibilizzazzjoni dwar il-bijodiversità tal-ħamrija. Il-Kummissjoni
hija involuta b'mod attiv mal-Istati Membri fid-diskussjoni dwar il-miżuri
relatati mal-ħamrija fil-Pjan Direzzjonali b’Użu Effiċjenti
tar-Riżorsi[45],
fil-PAK u fil-Politika Reġjonali. Fl-aħħar nett, hija
għandha tiffinalizza linji gwida dwar kif għandu jiġi llimitat,
immitigat u kkumpensat l-issiġillar tal-ħamrija, li għandhom
ikunu ta’ għajnuna għall-iżvilupp tal-Programm Ġenerali għas-Salvagwardja
tal-Ilma tal-Ewropa[46]
u għandhom jintużaw fl-implimentazzjoni tal-Politika ta’
Koeżjoni. ·
Dwar il-leġiżlazzjoni, fl-2012 il-Kummissjoni
għandha terġa’ teżamina d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni
tal-Impatt Ambjentali[47],
li għandha tagħti opportunità għal integrazzjoni aħjar ta’
tħassib dwar il-ħamrija fi stadju bikri tal-ippjanar tal-proġetti.
Barra minn dan, hija għandha tqis kif toħloq inċentivi biex
jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u tinżamm il-materja organika fil-ħamrija
billi jittieħed kont tas-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil
fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) bħala parti mill-impenn tal-UE
għat-tibdil fil-klima għall-2020. ·
Barra mill-azzjoni domestika, il-Kummissjoni ser
taħdem fil-livell internazzjonali biex tippromwovi t-twaqqif ta’ bord
intergovernattiv dwar il-ħamrija fil-kuntest tas-Sħubija Globali dwar
il-Ħamrija sponsorjata mill-FAO[48].
Flimkien mal-Ġermanja u s-Segretarjat tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet
Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD), il-Kummissjoni
qed tappoġġja attivament inizjattiva dwar l-ekonomiji tad-degradazzjoni
tal-artijiet[49]
biex tibda inċentivi għall-investiment f’politiki ta’ ġestjoni
sostenibbli tal-artijiet. Barra minn dan, hija għandha tivvaluta x-xewqa
li l-UE tkun iddikjarata parti affettwata skont dik il-Konvenzjoni[50]. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni huma mistiedna
jibagħtu l-fehmiet tagħhom dwar dan ir-rapport biex titħares
il-ħamrija Ewropea, waqt li fl-istess ħin ikun żgurat l-użu
sostenibbli tagħha. [1] COM(2006)
231. [2] Pereżempju Dirt (USA), Humus (l-Awstrija),
Solutions locales pour un désastre global (Franza), u Il suolo minacciato (l-Italja). [3] Aktar
informazzjoni fis-sit elettroniku http://ec.europa.eu/environment/soil/index_en.htm. [4] http://eusoils.jrc.ec.europa.eu/esbn/Esbn_overview.html. [5] http://cordis.europa.eu/fp7/projects_en.html. [6] Id-Deċiżjoni Nru 1578/2007/KE. [7] http://esdac.jrc.ec.europa.eu/. [8] Ir-Regolament (KE) Nru 2152/2003. [9] http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/legal-proposals/index_en.htm. [10] http://ec.europa.eu/environment/soil/study1_en.htm. [11] Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005. [12] Sistema ta’ Informazzjoni għall-Iżvilupp
Rurali-Monitoraġġ ta’ Informazzjoni ta’ Bażi tad-Dejta
tal-Indikaturi. [13] COM(2011) 450. [14] Id-Direttiva 2010/75/UE. [15] http://prtr.ec.europa.eu/. [16] SEC(2010) 360. [17] COM(2011) 612 u COM(2011) 614. [18] ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1–33. [19] Għajnuna ’l fuq mil-limitu de minimis (attwalment
iffissata għal EUR 200 000 fuq tliet snin) ipprovduta
bir-Regolament (KE) Nru 1998/2006. [20] http://ec.europa.eu/regional_policy/atlas2007/index_mt.htm. [21] COM(2006) 232. [22] http://www.unep.org/geo/GEO4/report/GEO-4_Report_Full_en.pdf. [23] http://www.nyo.unep.org/action/15f.htm. [24] R. Lal (2004), Soil Carbon Sequestration Impacts on Global
Climate Change and Food Security, Science (Impatti ta’ Sekwestru ta’ Karbonju
fil-Ħamrija fuq it-Tibdil Globali fil-Klima u s-Sigurtà fl-Ikel, Xjenza) 304,
1623-1627. [25] http://ec.europa.eu/environment/soil/pdf/report_conf.pdf. [26] Remediation of contaminated sites. Sharing experiences and
international practice feasible for India, APSF (Rimedju għal Siti
Kontaminati, Qsim ta’ esperjenzi u prattika internazzjonali adatta
għall-Indja, APSF), 2011 (http://apsfenvironment.in/). [27] http://www.chinadaily.com.cn/2011-03/10/content_12146168_2.htm. [28] http://www.eea.europa.eu/soer. [29] http://ec.europa.eu/environment/soil/sealing.htm. [30] C. Gardi, P. Panagos, C. Bosco and D. de Brogniez, Soil
Sealing, Land Take and Food Security: Impact assessment of land take in the
production of the agricultural sector in Europe (Issiġillar
tal-Ħamrija, Teħid tal-Artijiet u Sigurtà fl-Ikel: Valutazzjoni
tal-impatt ta’ teħid ta’ artijiet fil-produzzjoni tas-settur agrikolu
fl-Ewropa), JRC, 2011 (reviżjoni mill-esperti). [31] Safeguarding our Soils. A Strategy for England (Insalvaw
il-Ħamrija tagħna. Strateġija għall-Ingilterra), DEFRA, 2009,
p. 11. [32] http://www.eea.europa.eu/soer/europe/freshwater-quality. [33] http://effis.jrc.ec.europa.eu. [34] http://wad.jrc.ec.europa.eu.
L-Atlas għandu joħroġ fl-aħħar tal-2012. [35] http://www.eea.europa.eu/soer/europe/soil,
p. 16. [36] http://eusoils.jrc.ec.europa.eu/library/maps/biodiversity_atlas/index.html,
p. 62-63. [37] http://ec.europa.eu/environment/enveco/eco_industry/pdf/ecoindustry2006.pdf
(It-Tabella 3, p. 30). [38] A. Günther, M. Van Den Eeckhaut,
P. Reichenbach, J. Hervás, J.P. Malet, C. Foster, F. Guzzetti, (Żviluppi
ġodda fl-immappjar armonizzat tas-suxxettibbiltà għall-uqigħ
tal-art fl-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija Tematika Ewropea
għall-Ħamrija. Proc. It-Tieni Forum Dinji dwar l-Uqigħ tal-Art,
Ruma, 3-7 ta’ Ottubru 2011) (qed jiġi stampat). [39] http://www.eea.europa.eu/publications/european-union-greenhouse-gas-inventory-2011. [40] http://ec.europa.eu/environment/soil/pdf/report_conf.pdf,
p. 17. [41] Ibid., p. 13. [42] Id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE. [43] Ir-Regolament (UE) Nru 911/2010. [44] COM(2011) 244. [45] COM(2011) 571. [46] http://ec.europa.eu/environment/water/blueprint/index_en.htm. [47] Id-Direttiva 85/337/KEE. [48] http://www.fao.org/news/story/en/item/89277/icode/. [49] http://www.ifpri.org/blog/economics-land-degradation. [50] Il-Bulgarija, Ċipru, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja,
il-Latvja, Malta, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja
ddikjaraw li huma affettwati minn deżertifikazzjoni skont il-UNCCD.