REPORT FROM THE COMMISSION Annual Report on the European Union's Humanitarian Aid and Civil Protection Policies and their implementation in 2010 /* KUMM/2011/0343 final */
L-Unjoni Ewropea hija waħda mill-ikbar donaturi ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja, u attur ewlieni fil-provvediment ta' sokkors ta' emerġenza għall-vitmi ta' diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. L-Unjoni tippromwovi wkoll rispett għal, u aderenza lejn, id-dritt umanitarju internazzjonali. Il-Kummissjoni Ewropea, notevolment permezz tad-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (DĠ ECHO) għandha l-għan li ssalva u tippreserva l-ħajja iżda wkoll l-ambjent u l-propjetà, tipprevjeni u ttaffi s-sofferenza umana u tissalvagwardja l-integrità u d-dinjità tal-popolazzjonijiet milquta minn diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem li jseħħu fl-UE jew lil hinn minnha. Il-mandat tal-Kummissjoni jinkludi għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili, iż-żewġ strumenti prinċipali disponibbli għall-Unjoni Ewropea biex jiżguraw il-provvediment rapidu u effikaċi ta’ assistenza ta’ sokkors lil persuni affaċċati bil-konsegwenzi immedjati tad-diżastri. L-assistenza umanitarja ta-UE, li hija distinta mill-għajnuna għall-iżvilupp fuq perjodu twil jew mill-istrumenti għall-politika barranija, hija bbażata fuq il-prinċipji umanitarji ta’ umanità, imparzjalità, indipendenza u newtralità. Dan l-impenn għal għajnuna umanitarja bi prinċipji huwa msejjes fit-Trattat ta' Lisbona. Il-politiki dwar l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili tal-Unjoni Ewropea jippermettulha li turi f'termini prattiċi l-impenn tagħha sabiex tappoġġġja lil dawk li huma fl-Unjoni u lil dawk lil hinn minha u li għandhom bżonn l-għajnuna meta jkunu fil-mumenti l-aktar vulnerabbli tagħhom. Dan jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ wieħed mill-objettivi strateġiċi tal-azzjoni esterna tal-UE, kif spjegat fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea. L-importanza tal-politika dwar l-għajnuna umanitarja hija riflessa fil-ħatra ta’ Kummissarju ddedikat għall-għajnuna umanitarja u r-reazzjoni għall-kriżi fil-Kummissjoni l-ġdida. Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili, li tpoġġa flimkien mal-għajnuna umanitarja f’Direttorat Ġenerali wieħed minn Frar tal-2010, għandu l-għan li jiffaċilita l-koperazzjoni f’interventi ta’ għajnuna ta’ protezzjoni ċivili fil-każ ta’ emerġenzi maġġuri li jeħtieġu reazzjoni immedjata. Il-kuntest globali li fih l-assistenza qed tkun provduta Ħafna mill-kwistjonijiet globali llum għandhom impatt kemm fuq l-iskala kif ukoll fuq in-natura tal-isfidi umanitarji u ta’ protezzjoni ċivili. Theddid għas-sigurtà li qed jinbidel Waqt li kien hemm inqas kunflitt bejn il-pajjiżi minn tmiem il-Gwerra l-bierda, tipi oħra ta' kunflitti saru iktar mifruxa u iktar kumplessi biex wieħed jittrattahom. In-numru dejjem jikber ta’ Stati dgħajfa u li qed ifallu ħoloq kundizzjonijiet għal instabbiltà fit-tul, kriżijiet vjolenti, u konflitti ċivili mal-Asja t’Isfel u dik Ċentrali, il-Lvant Nofsani ul-kontinent Afrikan. Il-bidla fil-klima. L-attività umana qatt qabel ma kienet poġġiet l-ambjent u l-klima tal-pjaneta tagħna taħt tali ammont ta’ stress. Id-dinja qed tesperjenza xejriet tat-temp – nixfa, għargħar, maltempati – iktar minn qatt qabel. Il-bidla fil-klima fil-futur aktarx taffettwa l-frekwenza tad-diżastri naturali u l-iskala tal-konsegwenzi tagħhom, kif ukoll tbiddel id-distribuzzjoni ġeografika ta' tali emerġenzi. F’ħafna reġjuni tad-dinja, l-aċċess għar-riżorsi naturali bażiċi, ilma u art agrikola qed isir iktar diffiċli, u qed joħloq tensjoni ulterjuri u ‘immigrazzjoni kkawżata mill-klima’. Bidliet fl-ekonomija globali Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti huma issa dawk li qed jagħtu spinta lit-tkabbir globali. Huwa stmat li sal-2020-2025 il-PDG aggregat tat-tmien ekonomiji emerġenti se jkun ikbar minn dak tal-G-8 attwali. Waqt li miljuni ta’ nies qed jinħarġu mill-faqar grazzi għal dan it-tkabbir, l-iżvilupp jibqa’ inekwu ħafna, u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs) jibqgħu mhux aċċessibbli għal oqsma sħaħ tal-popolazzjoni Ir-rwol li qed jikber tal-atturi mhux Statali Madwar id-dinja l-NGO żviluppaw bħala forzi politiki u soċjali importanti; is-settur privat għandu setgħa dejjem tikber mhux biss fil-kummerċ u l-finanzi internazzjonali iżda wkoll fi kwistjonijiet soċjali; u l-midja globali jinfluwenzaw il-mod kif titmexxa d-diplomazija u l-politika permezz ta' impatt immedjat u emozzjonali tal-'aħbar tal-mument’. Il-kriżi finanzjarja jista' jkollha impatt fuq ir-riżorsi disponibbli għal reazzjoni għall-emerġenzi. Dan jista’ jwassal għal bżonn ikbar ta’ Solidarjetà Ewropea, u jenfasizza l-importanza ta’ valur għall-flus u effiċjenza fil-provvediment tal-għajnuna. Konsegwentament, l-implimentazzjoni tal-għajnuna umanitarja u tal-protezzjoni ċivili hija dejjem iktar kumplessa u diffiċli. Minħabba frekwenza u intensità ikbar tad-diżastri naturali hemm iktar kriżijiet umanitarji li qed jitfaċċaw f’daqqa waħda u b’mod partikolari l-mega-diżastri bħal dawk li seħħew fl-2010 fil-Ħaiti u fil-Pakistan. Madwar 373 diżastru naturali seħħ matul is-sena, li qatlu kważi 300 000 persuna u affetwaw 207 miljuni oħra madwar id-dinja[1]. L-Asja ċentrali kienet l-iktar reġjun affettwat b'89% tan-numru totali tal-vittmi. L-2010 kienet waħda mill-agħar snin irreġistrati fl-aħħar żewġ deċenni għad-diżastri naturali. Id-diżastri umanitarji kkaġunati mill-bniedem għadhom l-iktar ikkawżati minn kunflitti interni, bil-popolazzjoni ċivili dejjem iktar esposta għal vjolenza u sofferenza. Dan it-tip ta’ kunflitt huwa ħafna drabi kkaratterizzat mill-injorar tad-dritt u tal-prinċipji umanitarji internazzjonali minn ġellieda u t-tnaqqis fl-ispazju umanitarju. L-aċċess umanitarju għall-benefiċjarji u s-sigurtà u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili u tal-ħaddiema umanitarji saru iktar u iktar problematiċi. Element karatteristiku ieħor huwa l-multiplikazzjoni tal-atturi li qed jidhru fuq ix-xena tal-għajnuna umanitarja. Flimkien mal-NGOs umanitarji tradizzjonali u mal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali, il-fondazzjonijiet privati u l-kumpaniji qed ikollhom rwol dejjem jikber; f’xi pajjiżi huma l-forzi militari li qed iwettqu operazzjonijiet kważiumanitarji; u xi forzi għaż-żamma tal-paċi għandhom mandati ta’ protezzjoni li jistgħu f'ċerti każi jaffettwaw l-azzjonijiet umanitarji. F’xi reġjuni, l-assistenza minn gvern għall-ieħor jew l-użu ta’ assi militari qed ikollhom rwol dejjem jikber. Dan l-għadd kbir ta’ atturi jġib miegħu varjetà ta’ motivazzjonijiet u prattiċi. Qed isir dejjem aktar importanti li jkunu mtennija l-prinċipji umanitarji ta' newtralità u nondiskriminazzjoni. L-attivitajiet umanitarji u ta’ protezzjoni ċivili tal-UE fl-2010 Permezz tal-Kummissjoni (DĠ ECHO), l-UE pprovdiet assistenza umanitarja skont il-bżonn u ffaċilitat il-provvediment tal-assistenza in natura ta’ protezzjoni ċivili. DĠ ECHO jintervjeni meta u fejn iseħħu kriżijiet jew diżastri naturali , billi jgħin miljuni ta’ nies affettwati madwar id-dinja. Fl-2010, ir-reazzjoni tal-UE għal kriżijiet ġodda jew imtawla kienet tammonta għal EUR 115-il miljun u kienet tikkonsisti fi: - provvediment ta’ assistenza umanitarja lil madwar 151 miljun persuna[2] fi 80 pajjiż mhux tal-UE, li minnhom 39 pajjiż kienu mniżżla bħala li qegħdin f‘sitwazzjoni ta’ kriżi fl-ippjannar inizjali ta’ DĠ ECHO. - attivazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni ċivili għal 28 kriżi fl-UE u lil hinn minnha. Il-baġit inizjali tal-2010 ta’ EUR 835 miljun għall-għajnuna umanitarja kien miżjud bosta drabi sabiex jirrifletti l-kriżijiet u d-diżastri naturali l-ġodda li seħħew matul is-sena, partikolarment iż-żewġ megadiżastri fil-Ħaiti u fil-Pakistan. Il-baġit għall-għajnuna umanitarja kien miżjud billi: intużat ir-Riżerva għal Għajnuna ta' Emerġenza; intużaw il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp imwarrba għall-iskop ta' għajnuna umanitarja fil-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u tal-Paċifiku; u billi saru trasferimenti minn linji baġitarji għal strumenti oħra ta’ għajnuna esterna. Mill-assistenza totali pprovduta fl-2010, 44% hija stmata li kienet għal diżastri naturali, 41% għal kriżijiet imtawla, u 15% għal kriżijiet u interventi ad hoc. Id- diżastri naturali komplew jikkawżaw ħsara serja mad-dinja kollha. DĠ ECHO isegwi strateġija fuq żewġ binarji fl-ittrattar ta’ dan it-tip ta’ diżastru: - reazzjoni rapida , billi jipprovdi għajnuna umanitarja u billi jiffaċilita u jikkoordina l-assistenza tal-protezzjoni ċivili pprovduta mill-Istati Membri tal-UE u pajjiżi li jipparteċipaw fil-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili fuq bażi volontarja lil Stati oħra (tal-UE jew pajjiżi terzi) mal-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu; - t ħejjija għad-diżastri ; billi jkunu identifikati dawk iż-żoni ġeografiċi u popolazzjonijiet l-iktar suxxettibbli għad-diżastri naturali u li għalihom huma stabbiliti programmi speċifiċi dwar it-tħejjija għad-diżastri. DĠ ECHO pprovda assistenza umanitarja biex ikunu iffaċċati l-konsegwenzi tad-diżastri li ġejjin: - għargħar f'Benin, fil-Burkina Faso, fil-Bangladexx, fil-Kolombja u fil-Pakistan; - terrimoti fiċ-Ċili, fl-Indoneżja u fil-Ħaiti; - ċikluni fl-Asja t’Isfel, fl-Amerika Ċentrali u fil-Laos; - nixfa fil-Qarn tal-Afrika, fir-reġjun Saħel, fil-Bolivja u fil-Ġibuti; - epidemji fir-Repubblika tal-Kongo, fil-Ħaiti, fil-Malawi, fiż-Żimbabwe u fix-Xlokk tal-Asja. - Assistenza speċifika kienet provduta wkoll lill-Mongolja, affettwata mill-fenomenu Dzud[3], lill-Bangladexx (il-kriżi tal-gerriema), il-Filippini (El Niño), il-Gwatemala, affetwata b’serje ta’ diżastri naturali (eruzzjoni volkanika, maltempata tropikali, dipressjoni tropikali wara nixfa serja fl-2009) u t-Taġikistan, affettwat b’terrimot, għargħar u epidemija tal-poljo. F’termini ta’ ‘ kriżijiet ikkawżati mill-bniedem ’, il-ġlied interetniku fil- Kirgiżistan t ’ Isfel f’Ġunju 2010 wassal għal intervent ta’ emerġenza li jkopri firxa wiesgħa ta’ setturi inklużi l-kenn, l-ikel u l-assistenza medika, pariri legali u protezzjoni. Fil- Jemen , is-sitwazzjoni politika u umanitarja ddeterjorat, b’bosta kunflitti interni miftuħa mal-pajjiż kollu. L-instabbilità fil-Qarn tal-Afrika, partikolarment fis-Somalja, qed tiġġenera fluss dejjem jikber ta’ nies li jaslu fuq ix-xtut tal-Jemen u numru dejjem jiżdied ta’ refuġjati u nies li jfittxu l-ażil. L-operazzjoni militari li segwiet il-kriżi tan-nies imċaqalqa internament (IDPs) fl-2009 fil- Pakistan tat bidu għal ċaqliq ġdid li wassal sabiex DĠ ECHO indirizza l-ħtiġijiet ta’ tliet miljun persuna fi bżonn serju ta’ assistenza umanitarja. Fi tmiem is-sena, il-Côte d'Ivoire affaċċa kriżi wara l-elezzjoni, li affettwat ukoll il-pajjiżi tal-viċinat. Barra minn dawn il-kriżijiet, il-Kummissjoni kellha timmaniġġja bosta emerġenzi mtawla u kumplessi . Xi eżempji huma: - Fis- Sudan , fejn żieda fin-nuqqas ta’ sigurtà, inkluż ħtif immirat ta' persuni u intimidazzjoni ta' atturi umanitarji, u aċċess estremament limitat ikkontribwew sabiex jisparixxi kważi għal kollox l-ispazju umanitarju fid-Darfur. L-intervenzjonijiet huma fil-parti l-kbira tagħhom limitati għall-kampijiet, fejn l-imsieħba jaħdmu f’kundizzjonijiet estremament prekarji. - It-teritorju okkupat tal-Palestina , fejn l-effetti kkumbinati tal-imblokk, ir-restrizzjonijiet għall-aċċess u għall-movimenti u l-impatt tar-reġim ta’ okkupazzjoni f’Gaża, fiż-Żona Ċ tax-Xatt tal-Punent u fil-Lvant ta’ Ġerusalem, iħallu l-popolazzjoni fi stat ta' vulnerabilità għolja u ta' dipendenza fuq assistenza umanitarja esterna. - Fir- Repubblika Demokratika tal-Kongo , il-ġlied, il-vjolenza sesswali u ċ-ċaqliq ta’ popolazzjonijiet komplew matul is-sena minkejja li stabilizzazzjoni gradwali kienet innutata f’xi partijiet tal-pajjiż. Minkejja ż-żieda fid-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, u impatt ogħla tal-effetti li ħallew l-emerġenzi kumplessi li seħħew f'dawn l-aħħar ftit snin, u minkejja n-nuqqas ta' rispett lejn il-prinċipji umanitarji u s-sikurezza u s-sigurta' tal-ħaddiema umanitarji, hemm ukoll każijiet fejn is- sitwazzjoni umanitarja tjiebet . Hemm definittivament sinjali ta' inkoraġġament li interventi umanitarji qed jirnexxu fejn il-finanzjament ikun segwit mill-iżvilupp. Dan kien il-każ fis-Sri Lanka u fil-Filippini fl-2010. Fis- Sri Lanka , is-sitwazzjoni umanitarja evolviet b'mod sinifikanti. Sal-lum 75% mill-persuni mċaqalqa internament (IDPs) irritornaw fil-post ta’ oriġini tagħhom waqt li dawk li jifdal għadhom qed jgħixu ma' familji ospitanti jew fil-kampijiet. Permezz tal-baġit tagħha, l-UE għadha waħda mid-donaturi l-iktar involuti fl-għajnuna umanitarja. Hija ffinanzjat it-tneħħija umanitarja tal-mini, fejn l-azzjonijiet iffinanzjati ffaċilitaw ir-ritorn sikur ta’ IDPs ta’ qabel. Addizzjonalment, kien hemm enfasi kbira fuq interventi multisettorjali, inklużi komponenti ta’ assistenza għall-kenn, l-għixien u l-ikel. It-tħassib dwar il-protezzjoni kompla, peress li proporzjon kbir mill-familji li rritornaw huma mmexxija minn nisa. Fl-aħħar nett, is-sitwazzjoni tas-sigurtà baqgħet stabbli minn tmiem il-kunflitt u waqt li l-aċess għall-imsieħba tal-ECHO għadu ristrett, il-bixra ġenerali turi titjib. Fil- Filippini , is-sitwazzjoni tas-sigurtà bdiet titjieb flimkien ma’ progress fit-taħdidiet għall-paċi bejn il-partijiet, u bil-waqfien mill-ġlied issorveljat minn Kumitat Konġunt għall-Kordinazzjoni tal-Waqfien mill-Ostilitajiet u minn Tim Internazzjonali ta’ Monitoraġġ, taħt il-kmand tal-Malasja. Id-DĠ ECHO kompla jipprovdi assistenza lill-persuni imċaqalqa li għadhom jgħixu f’ċentri ta’ evakwazzjoni, u appoġġa l-proċess ta’ ritorn tal-IDP. Fl-aħħar tal-2010, in-numru ta’ persuni li kienu għadhom imċaqalqa ma kienx jaqbeż il-25 000, li kkonferma r-relevanza tat-tneħħja gradwali tal-għajnuna umanitarja favur strumenti fuq medda itwal ta’ żmien. Fir-rigward tal-protezzjoni ċivili, il- Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE kien attivat 28 darba matul is-sena (11-il darba fl-UE u 17-il darba barra minnha), biex joffri reazzjoni għal pereżempju għargħar fil-Pakistan, fl-Albanija, fil-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Benin, it-Taġikistan u l-Kolombja, terremot u epidemji tal-kolera fil-Ħaiti; terremot fiċ-Ċili; tixrid taż-żejt fil-Golf tal-Messiku; maltempata vjolenti tar-riħ (Xynthia) li affettwat l-Ewropa tal-Punent; nirien fil-foresti fi Franza, fil-Portugall u fl-Iżrael ; borra fir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi; uragani u maltempati tropikali fil-Gwatemala u l-Ħaiti; u fl-aħħar nett l-inċident kimiku fl-Ungerija fejn bosta villaġġi kienu mgħarrqa minn ħama ħamra minn impjant lokali tal-aluminju. Intbagħtu 48 espert fl-UE u lil hinn minnha bħala parti minn 12-il missjoni ta' valutazzjoni u ta’ kordinazzjoni. L-azzjoni ta’ tħejjija dwar il-kapaċità tal-UE għar-reazzjoni rapida fl-2010 (inizjattiva tal-Parlament Ewropew li bdiet fl-2008 u ġġeddet fl-2009 u għall-aħħar darba fl-2010) wasslet għal proġetti tajbin u sostniet żvilupp ulterjuri fil-qasam tal-moduli. Fl-2010, erba’ kapaċitajiet Ewropej għar-reazzjoni rapida żviluppati u lesti għal dak li jista' jinqala' f'dan il-programm intbagħtu għall-ewwel darba għal emerġenzi, prinċipalment post mediku avvanzata b'kirurġija u unità tal-purifikazzjoni tal-ilma fil-Ħaiti wara t-terremot, modulu b’kapaċità għolja għall-ippumpjar għall-għargħar fil-Polonja u l-Moldova u assistenza teknika u tim ta’ sostenn għall-Ħaiti għall-epidemji tal-kolera. In-numru ta’ operazzjonijiet tat-trasport żdied b'mod drammatiku fl-2010 (55, li minnhom 50 permezz ta’ għotjiet diretti u 5 skont il-kuntratt qafas ma' intermedjarju tat-trasport). Analiżi tal-politiki attwali tal-protezzjoni ċivili li bdiet fl-2010 għadha għaddejja. It-tabella ta’ hawn taħt turi kif ġie allokat l- iffinanzjar mill-UE għall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili skont ir-reġjun fl-2010, skont il-prinċipju abbażi tal-bżonnijiet (f’eluf ta’ euro). [pic]Għall-kuntrarju ta' dak li tagħmel il-protezzjoni ċivili, DĠ ECHO ġeneralment ma jipprovdix għajnuna umanitarja direttament iżda jimplimenta l-mandat tiegħu billi jipprovdi finanzjament lil xi 200 imsieħeb magħmula minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, organizzazzjonijiet oħra internazzjonali bħal pereżempju l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u s-Soċjetajiet tan-Nofs Qamar l-Aħmar u xi aġenziji speċjalizzati mill-Istati Membri tal-UE. Huwa importanti li d-DĠ ECHO jkollu firxa wiesgħa ta' msieħba, peress li dan jippermettilu jkopri lista li dejjem qed tikber ta' bżonnijiet f'partijiet differenti fid-dinja ħafna drabi f'sitwazzjonijiet li qed ikunu dejjem aktar kumplessi. L-għotja u kontribuzzjonijiet amministrati minn DĠ ECHO jsiru billi jintagħżlu l-aħjar proposti rċevuti li jkopru l-bżonnijiet tal-aktar vulnerabbli. Fl-2010, il-finanzjament tqassam fost l-imsieħba ta’ DĠ ECHO kif ġej: NGOs 50%, aġenziji tan-NU 39% u organizzazzjonijiet internazzjonali 11%. L-organizzazzjonijiet umanitarji jaffaċċaw aċċess dejjem aktar limitat għall-benefiċjarji fuq naħa waħda minħabba nuqqas ta' spazju umanitarju mill-gvernijiet u minn atturi mhux governattivi, li ma jagħtu każ lanqas tal-aktar protezzjoni bażika mogħtija mid-dritt internazzjonali umanitarju, u fuq in-naħa l-oħra minħabba limitazzjonijiet fuq is-sigurtà. Aktar u aktar gvernijiet qed jimponu restrizzjonijiet fuq l-għotja ta' għajnuna umanitarja (eż. is-Sri Lanka). F'bosta żoni ta' kunflitti (eż. id-DRC, is-Somalja, is-Sudan) il-ħaddiema umanitarji huma xhieda ta' metodi partikolarment brutali ta' kif issir il-gwerra, inkluż, attakki fuq persuni ċivili u frekwentement l-użu ta' vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra. L-inċidenza ta' attakki fuq ħaddiema għall-għajnuna umanitarja, inklużi espulsjonijiet u qtil, tidher li qed tiżdied. Id-donaturi jridu jaffaċċjaw il-fatt li mhux biss is-sigurtà tal-persunal umanitarju qiegħda f'riskju, iżda wkoll il-finanzjament u l-infrastruttura li dawn jipprovdu. Xi gvernijiet huma disposti li jmorru sal-estrem li jesproprjaw jew "jissellfu" fondi u proprjetà ffinanzjata mid-donaturi u/jew ikeċċu lill-organizzazzjoni għall-għajnuna umanitarja ladarba dawn tkun itteħditilhom kull proprjetà. Politika ta' assistenza umanitarja u ta' protezzjoni ċivili Fil-livell ta’ politika, ħafna mill-kwistjonijiet politiċi ġenerali rigward l-għajnuna umanitarja huma riflessi fil- Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007 u l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu. Analiżi ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsens tlestiet fil-ħarifa tal-2010[4] u kkonfermat il-progress sod fl-implimentazzjoni tal-oqsma ta' azzjoni kollha. Ir-riżultati tal-analiżi ta' nofs it-terminu huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/echo/policies/consensus_en.htm. Nuqqas serju fis-sigurtà tal-ikel u n-nutriment kompla jaffettwa numru kbir ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli, jiġfieri xi 10% mill-qrib il-biljun persuna fid-dinja li għandha nuqqas ta’ sigurtà alimentari. F’Marzu l-Kummissjoni addottat Komunikazzjoni dwar għajnuna umanitarja għall-ikel [5]. Hija tispjega l-qafas tal-politika tal-azzjoni umanitarja tal-UE biex issaħħaħ sforzi li jindirizzaw in-nuqqas ta' sigurtà alimentari fi kriżijiet umanitarji, waqt li tfittex l-aktar taħlita adatta ta' għodod ta' reazzjoni biex tipprovdi l-assistenza alimentari l-iktar effikaċi u effettiva f’kuntest umanitarju partikolari. Il-Kummissjoni tippreżenta wkoll proposti biex issaħħaħ il- kapaċità tal-UE biex tirreaġixxi għad-diżastri . Il-Komunikazzjoni[6] għandha l-għan li ttejjeb l-effikaċja, il-koerenza u l-viżibbiltà billi tibni fuq il-komponenti ewlenin tar-reazzjoni tagħha, jiġifieri l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili, kif ukoll sostenn militari fejn meħtieġ u xieraq, fl-UE u lil hinn minnha. Il-lezzjonijiet miksuba mill-Ħaiti u l-Pakistan, kif ukoll minn diżastri naturali riċenti fl-Ewropa, se jiffurmaw proposti għall-ġejjieni. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kummissjoni qed taħdem, b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u partijiet involuti oħrajn, fuq l-istabbiliment ta’ Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (EVHAC) [7] kif meħtieġ mill-Artikolu 214(5). F’Novembru kienet addottata Komunikazzjoni, bil-għan li ċ-ċittadini Ewropej jitħallew jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom biex jgħinu l-isforzi u li tenfasizza l-valuri Ewropej bħas- solidarjetà mal-persuni fil-bżonn. Il-Komunikazzjoni se tkun segwita minn azzjonijiet pilota fl-2011, is-Sena Ewropea dwar il-Volontarjat , u mill-preparazzjoni ta’ proposta leġiżlattiva biex jitwaqqaf l-EVHAC. Stħarriġ speċjali tal-Eurobarameter li sar fl-2010 fuq l-għajnuna umanitarja wera livell għoli ta’ solidarjetà fost iċ-ċittadini tal-UE ma’ vittmi ta’ kunflitti u ta' diżastri naturali barra mill-UE. Tmienja minn kull għaxar ċittadini jaħsbu li huwa importanti li l-UE tiffinanzja għajnuna umanitarja lil hinn mill-konfini tagħha. Il-Kummissjoni tappoġġa azzjonijiet ta’ tħejjija għad-diżastri f’reġjuni suxxettibbli għad-diżastri naturali, sabiex tgħin lill-komunitajiet lokali jirreaġixxu rapidament u b’mod effikaċi meta jseħħu d-diżastri, u b’hekk tkun tista' tiġi salvata l-ħajja ta' bosta nies. Il-Kummissjoni kompliet bl-appoġġ tagħha għall-programmi DIPECHO varati fl-2009 u programmi ġodda fl-Afrika ta’ Isfel, l-Asja Ċentrali, ix-Xlokk tal-Asja u l-Amerika Ċentrali. Il-kontribuzzjoni għat-tħejjija għad-diżastri tmur ferm lil hinn mill-pjanijiet ta’ azzjoni DIPECHO minħabba li bosta deċiżjonijiet ta’ ffinanzjar umanitarju jinkludu t-tħejjija għad-diżastri jew il-mitigazzjoni tal-impatti tad-diżastri bħala objettiv. L-integrazzjoni hija bbażata fuq attivitajiet relatati mal-appoġġ tal-infrastruttura, promozzjoni u kuxjenza pubblika, mitigazzjoni fuq skala żgħira, l-elenkar u l-komputerizzazzjoni tad-dejta, sistemi ta’ twissija bikrija, edukazzjoni, tisħiħ istituzzjonali u attivitajiet dwar it-tibdil fil-klima. Skont il-mandat ta’ protezzjoni ċivili tiegħu, DĠ ECHO jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-koperazzjoni bejn il-31 Stat[8] li jipparteċipa fil-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili (PĊ) u l-Istrument Finanzjarju. Billi jagħmel dan, huwa jfittex li jtejjeb l-effikaċja tas-sistemi għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra diżastri naturali, teknoloġiċi jew ikkawżati mill-bniedem fl-Ewropa. Pereżempju fl-2010 l-Kummissjoni ħarġet dokument ta’ gwida dwar il-valutazzjoni nazzjonali tar-riskju u deskrizzjoni tal-ġestjoni ta’ diżastri, li kien imfassal flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri. Huwa issa mistenni li l-Istati Membri jiżviluppaw ulterjorment il-proċessi nazzjonali tal-ġestjoni tar-riskju, li fil-kuntest tagħhom huma se jużaw dawk il-linji gwida. Dan se jkun pass importanti lejn it-titjib tal-kultura tal-ġestjoni tar-riskju tad-diżastri fl-UE. L-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-PĊ u tal-Istrument Finanzjarju tiżgura li n-nies, l-ambjent, il-propjetà u l-wirt kulturali jkunu protetti aħjar fil-każ ta’ diżastri. Fil-qasam tat-tħejjija l-appoġġ tal-UE jiffoka fuq sistemi ta’ twissija bikrija, moduli u l-programm ta’ taħriġ tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili (iktar minn 870 espert kienu mħarrġa fl-2010 u erba’ eżerċizzi fuq skala reali kienu sostnuti). Barra minn dan, il-Kummissjoni tat appoġġ finanzjarju lil numru ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni għat-tħejjija (pereżempju titjib tas-sistema ta’ twissija bikrija għal 30 pajjiż Ewropew, bl-estensjoni tal-perjodu ta’ previżjoni għal ħamest ijiem u bl-inklużjoni ta’ twissijiet ta’ xita u għargħar). L-assistenza bbażata fuq riżorsi li hija disponibbli mill-Istati Membri hija pprovduta fl-UE u fil-pajjiżi terzi milquta minn diżastri, wara talba mill-gvern tal-pajjiż ikkonċernat. [1] Sors: CRED (www.cred.be). [2] 151 miljun, li minnhom 101 miljun permezz ta’ għajnuna umanitarja, 22 miljun permezz ta’ għajnuna alimentari u 28 miljun permezz ta’ attivitajiet ta’ tħejjija għad-diżastri. [3] Fenomenu naturali li jirriżulta minn borra qawwija kontinwa flimkien ma' kesħa estrema, preċeduti minn sjuf nexfin. [4] COM(2010) 722, SEC(2010) 1505 [5] COM(2010) 126 (http://ec.europa.eu/echo/policies/food_assistance_en.htm). [6] COM(2010) 600 finali u SEC(2010) 1243/1242. http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/georgieva/hot_topics/european_disaster_response_capacity_en.htm). [7] COM(2010) 683http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/georgieva/hot_topics/voluntary_humanitarian_en.htm [8] Is-27 Stat Membru, in-Norveġja, l-Islanda, il-Liechtenstein u l-Kroazja.