52010DC0747




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 14.12.2010

KUMM(2010) 747 finali

GREEN PAPER

Inqas proċeduri amministrattivi għaċ-ċittadini:Il-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi ur-rikonoxximent tal-effetti ta’ atti ta’ stat ċivili

1. Introduzzjoni

Il-mobilità taċ-ċittadini Ewropej hija realtà konkreta, li hija ċċertifikata b’mod partikolari bil-fatt li madwar 12-il miljun persuna jistudjaw, jaħdmu, jgħixu fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu[1]. Din il-mobilità hija ffaċilitata bid-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni: id-dritt għaċ-ċirkolazzjoni libera b’mod partkolari u, b’mod iktar ġenerali, id-dritt ta’ trattament ta’ ċittadin fl-Istat Membru ta’ residenza. Dawn id-drittijiet huma mnaqqxa fil-liġi primarja tal-Unjoni u żviluppati fil-liġi sekondarja.

Madankollu, kif enfasizzat mir-Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni adottat mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Ottubru 2010[2], iċ-ċittadini Ewropej għadhom jiffaċċjaw kuljum bosta ostakli fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom.

Waħda mir-raġunijiet ta’ dawn id-diffikultajiet tinsab fl-obbligu għaċ-ċittadini li jippreżentaw lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor dokumenti pubbliċi li jagħtu l-prova meħtieġa biex jibbenefikaw minn dritt jew biex ikunu konformi ma’ obbligu.

Dawn id-dokumenti jistgħu jkunu ta’ natura diversa ħafna. Jistgħu jkunu dokumenti amministrattivi, atti notarili, bħal kuntratti ta’ proprjetà, dokumenti ta’ stat ċivili, bħal ċertifikat tat-twelid jew taż-żwieġ, kuntratti diversi, sentenzi tal-qorti.

Bosta drabi, dawn id-dokumenti mhumiex aċċettati mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru, ħlief permezz ta' twettiq ta’ proċeduri amministrattivi kkumplikati għaċ-ċittadini.

Minħabba dan, iċ-ċittadini jħabbtu wiċċhom ma' kwistjonijiet tassew konkreti li r-risposti tagħhom spiss jibqgħu inċerti. Liema huma l-awtoritajiet kompetenti li lilhom trid tiġi indirizzata t-talba għat-twettiq tal-proċeduri? Kemm jistgħu jiswew dawn il-proċeduri? Huwa meħtieġ li wieħed jidher personalment? Il-proċeduri mitluba jkunu lesti fi żmien raġunevoli? Tkun meħtieġa t-traduzzjoni tad-dokumenti?

L-inċertezza tar-risposti għal dawn id-domandi, li hija sors ta’ frustrazzjoni u irritazzjoni, ma tmurx id f’id mal-għan li tinħoloq Ewropa għaċ-ċittadini.

Barra minn hekk, id-dokumenti ta’ stat ċivili jippreżentaw problema ta’ dimensjoni oħra li hija marbuta mhux mad-dokumenti nnfushom, iżda mal-effetti tagħhom.

Id-dokumenti ta’ stat ċivili li permezz tagħhom l-awtorità pubblika ta' Stat Membru tiddikjara l-avvenimenti ewlenin li fuqhom jiddependu l-istat tal-persuni (twelid, żwieġ, mewt) m'għandhomx neċessarjament effett fi Stat Membru ieħor. Kull Stat Membru japplika r-regoli speċifiċi tiegħu dwar il-kwistjoni u dawn ivarjaw tassew minn Stat għal ieħor. Pereżempju, relazzjoni paterna stabbilita fi Stat Membru fir-rigward ta’ tifel/tifla li twieled fih ma tkunx neċessarjament rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor minħabba d-diverġenza fir-regoli nazzjonali applikabbli għal din il-kwistjoni.

Biex twieġeb għal dan it-tħassib, il-Kummissjoni qed tniedi, permezz ta’ din il-Green Paper, konsultazzjoni wiesgħa dwar il-kwistjonijiet li jkopru ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi (It-Tielet Parti) u r-rikonoxxenza tal-effetti tad-dokumenti ta’ stat ċivili (Ir-Raba’ Parti). Il-konsultazzjoni għandha l-għan li tiġbor il-kontribut mill-entitajiet interessati u mill-pubbliku ġenerali, sabiex tiġi żviluppata politika tal-Unjoni f’dawn l-oqsma u l-proposti leġiżlattivi relatati.

2. Kuntest

Mill-2004, il-Kummissjoni kienet qed tenfasizza l-importanza li tiġi ffaċilitata r-rikonoxxenza tat-tipi differenti ta’ dokumenti u r-rikonoxxenza reċiproka tal-istat ċivili tal-persuni[3].

F’din il-perspettiva, ġew ippubblikati żewġ studji mill-Kummissjoni[4] fl-2007 u fl-2008 dwar id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini fl-obbligu tagħhom li jillegalizzaw dawn id-dokumenti bejn l-Istati Membri, kif ukoll id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fil-qasam tal-istat ċivili.

Fil-qafas tal-Programm ta’ Stokkolma[5], il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-ħidmiet fuq is-segwitu ta’ dawn l-istudji, sabiex jiġi żgurat l-isfruttar sħiħ tad-dritt għaċ-ċirkolazzjoni libera.

B’dan il-għan, żewġ proposti leġiżlattivi huma previsti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma.

Ippjanati għall-2013, dawn l-inizjattivi se jirrigwardaw

- iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti permezz tal-eliminazzjoni tal-legalizzazzjoni tad-dokumenti bejn l-Istati Membri u

- ir-rikonoxximent tal-effetti ta’ ċerti dokumenti ta’ stat ċivili (pereżempju dawk li jirrigwardaw ir-relazzjoni, l-adozzjoni, l-ismijiet), sabiex statut legali mogħti fi Stat Membru jkun jista’ jiġi rikonoxxut bl-istess konsegwenzi ġuridiċi fi Stat Membru ieħor.

Il-Parlament Ewropew diġà ta l-opinjoni bosta drabi[6], għar-rikonoxximent tad-dokumenti pubbliċi u l-effetti tad-dokumentazzjoni tal-istat ċivili, l-aħħar f'Novembru 2010[7].

3. Iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi

3.1. Il-Kwistjoni

Ir-riżultati tal-Eurobarometer dwar il-ġustizzja ċivili f’Ottubru 2010 juru li tliet kwarti taċ-ċittadini tal-Unjoni (73 %) iqisu li għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti pubbliċi bejn l-Istati Membri.

Iċ-ċittadini Ewropej li jistabilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor li mhuwiex l-Istat ta’ oriġini tagħhom jiffaċċjaw bosta proċeduri amministrattivi, li kollha jirrekjedu l-preżentazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi, pereżempju ċ-ċertifikat ta’ twelid ta’ tarbija, prova ta’ ċittadinanza jew rabta ta’ parentela jew l-eżistenza ta’ relazzjoni familjari.

L-istess għaċ-ċittadini Ewropej li jirritornaw fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom wara żmien jgħixu fi Stat Membru ospitanti. Huma jinsabu dejjem esposti għall-istess tip ta’ diffikultajiet meta jiġu biex jipprovdu l-prova ta’ avvenimenti li jikkonċernawhom li jkunu saru fl-Istat Membru ospitanti.

Il-Kummissjoni tixtieq tniedi riflessjoni dwar id-dokumenti pubbliċi kollha li jeħtieġu proċeduri amministrattivi biex jiġu użati barra l-Istat Membru fejn ikunu nħarġu. Dawn il-proċeduri jkopru l-prova tal-awtentiċità jew il-produzzjoni ta’ traduzzjoni ċċertifikata.

Id-dokumenti pubbliċi huma diversi ħafna u jkopru l-atti uffiċjali kollha stabbiliti minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru. Eżempji huma d-dokumenti amministrattivi bħal diploma jew liċenzja, kuntratti notarili bħal kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà, kuntratt ta’ żwieġ; atti ta’ stat ċivili bħal ċertifikat tat-twelid, taż-żwieġ, ta’ mewt; jew inkella atti ġudizzjarji, bħal sentenza jew dokument maħruġ minn tribunal.

Il-funzjoni komuni għall-dawn id-dokumenti kollha hija li jistabilixxu l-prova tal-atti ċċertifikati minn awtorità pubblika. Il-preżentazzjoni tagħhom hija fil-parti l-kbira kundizzjoni neċessarja, b’mod partikolari, biex jinkiseb dritt, l-għoti ta’ servizz soċjali, jew ir-rispett ta’ obbligu fiskali.

Sabiex id-dokumenti pubbliċi jkunu jistgħu jiġu użati barra l-Istat fejn ikunu nħarġu, ikunu meħtieġa proċeduri amministrattivi li jkunu mmirati biex jawtentikawhom. Dawn il-proċeduri huma mezz ta’ prevenzjoni kontra l-frodi. Dawn jirrigwardaw pereżempju l-awtentiċità tal-firma jew il-kariga u l-kapaċità tal-persuna li tkun iffirmat id-dokument.

Il-metodu tradizzjonali ta’ awtentifikazzjoni tad-dokumenti pubbliċi destinati għal użu barra mill-pajjiż jissejjaħ legalizzazzjoni. Il-legalizzazzjoni tikkonsisti f’katina ta’ awtentifikazzjonijiet individwali ta’ dokument. Fil-fatt, skont il-proċedura ta’ legalizzazzjoni ordinarja, dokumenti jeħtieġ legalizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li joħroġ id-dokumenti u mbagħad mill-ambaxxata jew il-konsulat tal-Istat fejn ikun se jintuża. Minħabba n-numru ta’ awtoritajiet involuti, il-proċess ta’ legalizzazzjoni spiss jieħu t-tul u jiswa l-flus[8].

Proċedura oħra, li tissimplifika l-proċess ta’ awtentifikazzjoni klassiku ta’ legalizzazzjoni, huwa l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ awtentiċità mill-Istat li jagħti d-dokument. Dan jissejjaħ apostille. L-apostille għandha l-istess għan tal-legalizzazzjoni iżda hija proċedura simplifikata. Il-ħruġ tal-apostille jsir biss mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li jagħti d-dokument u l-intervenzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat li fih id-dokument jiġi ppreżentat ma jibqax neċessarju.

Madankollu, anke jekk meta mqabbel mal-proċedura ta’ legalizzazzjoni, l-apostille tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti pubbliċi, din il-proċedura tirrekjedi wkoll proċeduri amministrattivi u tirrappreżenta telf ta’ ħin u ta’ ċerti spejjeż, li mhuwiex insinifikanti u li jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għal ieħor[9].

Matul l-istħarriġ ta’ Eurobarometer dwar il-ġustizzja ċivili msemmi hawn fuq, iċ-ċittadini ġew interrogati dwar il-proċeduri possibbli kollha li kellhom jagħmlu meta ppreżentaw dokumenti fi Stat Membri ieħor minn dak li ħareġ id-dokument. Sitt persuni interrogati minn għaxra spjegaw li huma kellhom iwettqu bosta proċeduri meta ppreżentaw id-dokument tagħhom fl-Istat Membru ta’ residenza. Dawn kienu t-traduzzjoni (26 %), il-legalizzazzjoni (24 %), l-apostille (16 %) u ċ-ċertifikazzjoni tal-kopja (19 %).

Diffikultà oħra tirriżulta mill-fatt li uħud mill-Istati Membri jistgħu jeżiġu l-preżentazzjoni ta’ dokumenti li mhumiex dejjem magħrufa fl-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin. Eżempju tajjeb ta' dan huwa ċ-ċertifikat ta’ non impediment għaż-żwieġ.

Ċittadin Ċiprijott li jgħix fil-Finlandja u li jixtieq jiżżewweġ lil ċittadina Finlandiża, huwa obbligat li jipprovdi ċertifikat ta’ kapaċità ta’ żwieġ li ma jeżistix fil-leġiżlazzjoni Ċiprijotta. Dan iċ-ċittadin jinsab ukoll fl-impossibbiltà li jipproduċi dan id-dokument fl-Istat ta’ residenza tiegħu u deċiżjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta' residenza tidher l-unika soluzzjoni.

Iżda din it-tip ta’ soluzzjoni hija sodisfaċenti għaċ-ċittadin? Li wieħed jirrikorri għat-tribunali m’hijiex faċli u tfisser ħafna ħin u flus, filwaqt li żwieġ fi Stat Membru ieħor li mhuwiex l-Istat Membru ta' oriġini għandhu jkun faċli u mhux sors ta’ inkwiet għall-koppja li tkun se tiżżewweġ.

Dawn id-diversi proċeduri kollha jrendu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa għaċ-ċittadini Ewropej inqas attraenti u jistgħu saħansitra jfixkluhom milli jgawdu d-drittijiet tagħhom bi sħiħ.

3.2. Il-qafas legali

Bħalissa, il-proċeduri amministrattivi bħal-legalizzazzjoni u l-apostille tad-dokumenti pubbliċi fl-Istati Membri tal-Unjoni huma kkaratterizzati minn qafas legali frammentat bejn bosta sorsi: il-liġijiet nazzjonali differenti ħafna; bosta konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali jew bilaterali, li ġew irratifikati minn numru kemm varju kif ukoll limitat ta’ pajjiżi u li mhumiex adattati biex joffru s-soluzzjonijiet meħtieġa għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa taċ-ċittadini Ewropej; liġi tal-Unjoni li hija frammentata u li ma tittrattax ċerti aspetti limitati ta’ kwistjonijiet li jippreżentaw ruħhom.

Dan jirriżulta f’nuqqas ta’ ċarezza u regolamentazzjoni li ma toffrix is-sigurtà legali li ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jilħqu fil-konfront ta’ kwistjonijiet li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Il-prinċipju skont liema d-dokumenti pubbliċi għandhom ikunu legalizzati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih id-dokument jinħareġ jew jingħata apostille mill-Istat Membru ta' origini, huwa akkumpanjat minn eċċezzjonijiet maħluqa mill-konvenzjonijiet internazzjonali jew mil-liġi tal-Unjoni.

Huwa diffiċli għaċ-ċittadini biex jidentifikaw l-eċċezzjonijiet li huma eventwalment applikabbli għas-sitwazzjoni personali tagħhom.

Biex tintwera l-multipliċità tar-regoli internazzjonali eżistenti, jistgħu jissemmew bosta konvenzjonijiet. Uħud minn dawn it-testi huma mmirati għad-dokumenti pubbliċi b'mod ġenerali, oħrajn jirrigwardaw tip partikolari ta’ dokumenti, bħaċ-ċertifikati ta' stat ċivili jew iċ-ċertifikati maħruġa mill-aġenti diplomatiċi jew konsulari.

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961 telimina l-eżiġenza tal-legalizzazzjoni għaċ-ċertifikati pubbliċi barranin imsemmijin fl-Artikolu 1 tagħha u tissostitwixxiha bl-apostille[10]. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni jiffurmaw parti minn din il-konvenzjoni, kif ukoll bosta Stati terzi. Din tapplika għaċ-ċertifikati pubbliċi, jiġifieri għad-dokumenti amministrattivi, kuntratti notarili, dikjarazzjonijiet uffiċjali u dokumenti maħruġa minn awtorità legali, ħlief ċertifikati stabbiliti mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari.

Jekk iċ-ċittadin huwa kkonfrontat b’dokument maħruġ minn awtorità diplomatika jew konsulari, jista’ jingħata applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1968. Din il-konvenzjoni telimina l-legalizzazzjoni taċ-ċertifikati stabbiliti mill-aġenti diplomatiċi jew konsulari. Madankollu, iċ-ċittadini Ewropej kollha ma jistgħux jibbenefikaw minn din il-konvenzjoni, minħabba li ħmistax-il Stat Membru biss huma partijiet kontraenti.

Għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-istat ċivili u għat-titjib tal-funzjonament tal-awtoritajiet tal-istat ċivili, organizzazzjoni intergovernattiva, il-Kummissjoni Internazzjonali tal-Istat Ċivili (minn hawn 'il quddiem "CIEC” ġiet maħluqa fl-1949 minn ħames Stati fondaturi[11]. Illum, 12-il Stat Membru tal-Unjoni huma membri ta’ din l-organizzazzjoni[12]. Din l-organizzazzjoni għandha rwol importanti, b'mod partikolari, permezz tal-iżvilupp ta' konvenzjonijiet internazzjonali miftuħa għar-ratifika tal-Istati. Bosta konvenzjonijiet jirrigwardaw il-legalizzazzjoni tal-atti ta’ stat ċivili: il-Konvenzjoni tal-1957 dwar l-għoti b’xejn u d-dispensa tal-legalizzazzjoni tal-ħruġ taċ-ċertifikati tal-istat ċivili, il-Konvenzjoni tal-1976 dwar il-ħruġ ta' estratti plurilingwi ta' atti tal-istat ċivili u l-Konvenzjoni tal-1977 li jirrigwardaw dispensa ta' legalizzazzjoni għal ċerti atti u dokumenti[13].

Min-naħa tagħha, il-liġi tal-Unjoni fiha wkoll diversi dispożizzjonijiet li jeliminaw kompletament il-legalizzazzjoni bejn l-Istati Membri.

Il-Konvenzjoni tal-1987[14] telimina totalment il-legalizzazzjoni għal bosta kategoriji ta’ dokumenti. Din tirrigwarda dokumenti mogħtija minn awtorità jew uffiċjal, inkluż dawk minn ministeru pubbliku, reġistratur ta' qorti jew uffiċjal ġudizzjarju, dokumenti amministrattivi, kuntratti notarili, dikjarazzjonijiet uffiċjali u b'mod partikolari ċertifikati uffiċjali li jitpoġġew fuq dokument taħt firma privata u atti stabbiliti mill-aġenti diplomatiċi jew konsulari. Din il-konvenzjoni madankollu ġiet irratifikata biss minn numru limitat ħafna ta’ Stati Membri, u għalhekk għada ma daħlitx fis-seħħ, ħlief bejn dawk is-sitt pajjiżi bejniethom[15] li ddeċidew li japplikawha b'mod proviżorju fir-rapporti reċiproki tagħhom.

Ċerti strumenti adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili, u b’mod partikolari, ir-Regolamenti (KE) Nri 44/2001 u (KE) 2201/2003, jipprevedu wkoll l-eliminazzjoni tal-legalizzazzjoni għad-dokumenti li jaqgħu fl-ambitu ta’ applikazzjoni tagħhom[16].

3.3. Soluzzjonijiet possibbli għall-iffaċilitar taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi bejn l-Istati Membri

a) L-eliminazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għall-awtentifikazzjoni tad-dokumenti pubbliċi

Il-formalitajiet amministrattivi marbuta mal-preżentazzjoni tad-dokumenti pubbliċi, il-prattiċi ta’ oriġini konsulari u intergovernattivi, jibqgħu sors ta’ diffikultà għaċ-ċittadini Ewropej u ma jwieġbux għall-eżiġenzi u għall-iżvilupp tas-soċjetà attwali, b'mod partikolari fi spażju ġudizzjarju komuni.

Huwa wkoll leġittimu li wieħed jistaqsi dwar in-neċessità ta’ dawn il-proċeduri li mhumiex adattati la għar-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bbażati fuq il-fiduċja reċiproka, u lanqas fuq il-mobilità intensifikata taċ-ċittadini.

Mill-1997, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet turi d-direzzjoni li għandha tiġi segwita. B'hekk, fil-Każ Dafeki [17] bejn ċittadin Grieg li kien qed jaħdem fil-Ġermanja u l-Fond tal-Pensjoni ta' dan l-Istat Membru, ir-rikonoxximent tad-dokumenti maħruġa fi Stat Membru u ppreżentati fi Stat Membru ieħor f'kuntest professjonali ġiet affermata mill-Qorti. F'din is-sentenza, il-Qorti tqis li l-awtoritajiet ta' Stat Membru għandhom jirrispettaw iċ-ċertifikat u l-atti simili li jirrigwardaw l-istat ta' persuni li maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra; ħlief jekk l-eżattezza tagħhom tkun serjament imminata minn provi konkreti dwar il-każ individwali kkonċernat.

Wasal iż-żmien li tiġi kkunsidrata l-eliminazzjoni tal-legalizzazzjoni u tal-apostille għad-dokumenti pubbliċi kollha, sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tagħhom fl-Unjoni.

Din l-eliminazzjoni tista’ tkopri d-dokumenti pubbliċi kollha; strateġija settorjali ma tagħtix riżultati effiċjenti biżżejjed. Mhux biss il-legalizzazzjoni iżda wkoll l-apostille jkunu jistgħu jiġu eliminati.

Fil-prattika, l-eliminazzjoni ta’ dawn il-proċeduri tfisser li ċ-ċittadin ikun jista’ jippreżenta dokument oriġinali maħruġ minn awtorità pubblika ta' Stat Membru, mingħajr proċeduri addizzjonali, daqs li kieku jkun fl-istess Stat Membru.

Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi riflessjoni dwar l-eliminazzjoni ta’ dawn il-proċeduri kollha mhux neċessarji u li jitwaqqaf qafas leġiżlattif Ewropew, uniformi u modern, li jqis ir-realtà tas-sitwazzjonijiet transkonfinali.

Domanda 1 L-eliminazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, bħal-legalizzazzjoni jew l-apostille, fl-opinjoni tiegħek twieġeb għad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini ?

b) Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali

L-eliminazzjoni tal-proċeduri amministrattivi tista’ tiġi akkumpanjata minn kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

B’dan il-għan, tkun tista’ tiġi żviluppata l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-uffiċjali tal-istat ċivili li hemm bħalissa bejn ċerti Stati Membri fuq bażi informali u fuq il-bażi tal-konvenzjonijiet tas-CIEC[18].

F’każ ta’ dubji sostanzjali dwar l-awtentiċità ta’ dokument jew meta dokument ma jeżistix fi Stat Membru, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni neċessarja u jsibu soluzzjonijiet adegwati.

Dan l-iskambju għandu jippermetti wkoll li r-reġistru tal-istat ċivili tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ persuna jkun infurmat bil-fatt li ċertifikat li jikkonċerna lill-istess persuna jinħareġ fi Stat Membru ieħor. Ikun utli wkoll għall-aġġornar taċ-ċertifikati tal-istat ċivili. Post ta’ reġistrazzjoni ċentrali jkun jista’ wkoll jiġi previst għar-reġistrar ta’ avventimenti ta’ stat ċivili li jsiru fi Stati Membri oħra minbarra l-Istat ta’ oriġini taċ-ċittadin. Dan ir-raggruppament għandu jiffaċilita l-ħruġ taċ-ċertifikati, kif ukoll l-aġġornament tagħhom.

Dawn l-applikazzjonijiet jkunu jistgħu jiġu implimentati permezz tal-mezzi elettroniċi adattati[19].

Il-proġetti u r-riżultati li saru fil-qafas tal-ġustizzja onlajn (l-e-ġustizzja) jistgħu jikkontribwixxu għal dan l-iskambju ta' informazzjoni. Il-portal tal-Ġustizzja elettronika tista' tinforma liċ-ċittadini dwar l-eżistenza ta' atti ta' stat ċivili u l-implikazzjonijiet ġuridiċi tagħhom (pereżempju, in-neċessità li jinkiseb ċertifikat tal-mewt mill-awtorità amministrattiva kompetenti qabel ma jiġi indirizzat it-tribunal biex jinkiseb ċertifikat ta' wirt). Tista’ tkun prevista wkoll il-possibilità għaċ-ċittadin li jkun jista’ jitlob u jirċievi att ta’ stat ċivili onlajn permezz ta’ sistema sikura.

Barra minn hekk, minħabba d-diversità kbira tal-istrutturi amministrattivi fl-Istati membri, jkun utli li ċ-ċittadini jiġu informati b’mod iktar sistematiku dwar l-awtoritajiet kompetenti għall-iskrizzjonijiet fir-reġistri ta’ stat ċivili u l-ħruġ taċ-ċertifikati. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħabbret[20] it-trasformazzjoni tal-portal "L-Ewropa tiegħek” f'punt uniku ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-impriżi fi ħdan l-Unjoni, sit li jintuża faċilment fuq l-internet[21].

Domanda 2 Għandha tiġi prevista kooperazzjoni iktar diretta lejn l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, b’mod partikolari, f'dak li jirrigwarda l-atti ta' stat ċivili, u taħt liema forma elettronika?

Domanda 3 X’taħseb dwar ir-reġistrar tal-avvenimenti ta’ stat ċivili ta’ persuna f’post wieħed biss, u fi Stat wieħed biss? Liema taħseb li jkun il-post l-aktar relevanti: il-post tat-twelid, l-Istat ta’ ċittadinanza, l-Istat ta’ residenza?

Domanda 4 Taħseb li l-pubblikazzjoni tal-lista tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-istat ċivili jew id-dettalji ta’ punt ta’ informazzjoni skont l-Istat Membru huma utli?

c) Limitar tat-traduzzjonijiet għad-dokumenti pubbliċi

B’mod parallel mal-proċeduri amministrattivi bħal-legalizzazzjoni u l-apostille, it-traduzzjoni ta’ dokument pubbliku maħruġ minn Stat Membru ieħor hija proċedura oħra li ċ-ċittadin jista' jiffaċċja. Bħall-proċeduri amministrattivi msemmija qabel, it-traduzzjoni wkoll hija telf ta’ ħin u tiswa l-flus[22].

L-istabbiliment ta’ formoli standard fakultattivi, mill-inqas għad-dokument pubbliċi li jintużaw l-iktar (pereżempju, dikjarazzjoni ta’ telf jew ta’ serq ta’ dokumenti tal-identità, ta’ portafoll), jista' jsir f'bosta setturi amministrattivi, sabiex iwieġeb id-domanda ta' traduzzjoni u jiġu evitati l-ispejjeż.

Il-formoli standard jistgħu jkunu bbażati fuq formoli plurilingwi żviluppati mis-CIEC. Dawn il-formoli għandhom suċċess kbir minħabba li għandhom il-vantaġġ li jevitaw it-traduzzjoni taċ-ċertifikat fl-Istat ta’ destinazzjoni[23].

Domanda 5 Liema soluzzjonijiet taħseb li huma l-aħjar biex jiġu evitati jew mill-inqas limitati t-traduzzjonijiet?

d) Iċ-ċertifikat Ewropew tal-Istat ċivili

Mudelli Ewropej tal-liċenzja tas-sewqan u tal-passaport jeżistu diġà. Ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni ġie propost mill-Kummissjoni. Jista’ jiġi previst il-ħolqien ta' ċertifikat Ewropew ta' stat ċivili.

Dan iċ-ċertifikat Ewropew jista’ jikkoeżisti mal-atti ta’ stat ċivili nazzjonali tal-Istati Membri. Ma jkunx obbligatorju għaċ-ċittadini, iżda fakultattiv. Iċ-ċittadini jkunu jistgħu jkomplu jitolbu li jingħatalhom att ta’ stat ċivili nazzjonali. B’dan il-mod, iċ-ċertifikat Ewropew ma jissostitwix iċ-ċertifikati ta' stat ċivili eżistenti fl-Istati Membri.

Koppja mħallta li l-imsieħba tagħha huma ta’ ċittadinanza Ġermaniza u Spanjola jmorru jgħixu fi Spanja bit-tifel/tifla tagħhom. Il-ġenituri għandhom bżonn taċ-ċertifikat tat-twelid ta’ dan it-tifel/tifla biex japplikaw għall-benefiċċji tal-familja jew biex jirreġistrawh fi skola Spanjola. Il-ġenituri jkunu jistgħu jitolbu lill-uffiċjal tal-istat ċivili Ġermaniż, tal-Istat Membru tat-twelid, li joħroġ ċertifikat Ewropew tat-twelid biex jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet kompetenti fi Spanja. Dan iċ-ċertifikat ikun jista’ jinħareġ bl-Ispanjol. Meta jiġi ppreżentat quddiem l-awtoritajiet Spanjoli, iċ-ċertifikat ma jkollux bżonn jiġi tradott, li jevita l-ispejjeż li tirrekjedi t-traduzzjoni. Il-ġenituri jistgħu wkoll jitolbu ċertifikat tat-twelid nazzjonali, jiġifieri ċertifikat Ġermaniż. F’dan il-każ, l-awtoritajiet Spanjoli bla dubju jitolbu traduzzjoni.

Għandu jkun possibbli li ċ-ċertifikat jintuża wkoll fl-Istat Membru fejn ikun inħareġ.

Il-ġenituri jistgħu wkoll, meta jkollhom bżonn jagħmlu proċedura amministrativa, jużaw iċ-ċertifikat Ewropew ta’ stat ċivili, li jevita proċeduri ġodda mal-uffiċjal tal-istat ċivili.

Illum, il-kontenut tal-atti tal-istat ċivili jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Pereżempju, fuq ċertifikat tat-twelid jista’ jkun hemm iktar minn 40 informazzjoni differenti għall-Istati Membri kollha u din l-informazzjoni mhijiex magħrufa kullimkien. Differenzi joħolqu diffikultajiet lill-uffiċjali tal-istat ċivili li jiltaqgħu ma' informazzjoni mhux magħrufa fis-sistema legali tagħhom. L-eżistenza ta’ dawn id-differenzi spiss tirrekjedi talbiet ta’ informazzjoni addizzjonali min-naħa tal-uffiċjali tal-istat ċivili u diffikultajiet għaċ-ċittadini, bħal telf ta' ħin.

Minbarra l-kontenut, il-forma hija wkoll differenti minn Stat għal ieħor. Id-diversità tal-forom toħloq diffikultajiet ta’ komprensjoni u identifikazzjoni tad-dokumenti, kemm għall-awtoritajiet kif ukoll għaċ-ċittadini, b’mod partikolari meta wieħed ma jkunx jaf il-lingwa.

Il-format u l-informazzjoni taċ-ċertifikat għandhom ikunu uniformi permezz ta’ struttura unika, iċ-ċertifikat Ewropew. Dan għandu jiffaċilita ħafna l-komprensjoni tad-dejta ta' stat ċivili mniżżla u jevita l-interrogazzjonijiet li wieħed jiltaqa' magħhom fir-rigward ta' atti nazzjonali dwar l-informazzjoni li jkun fihom l-atti ta' Stat Membru, iżda li ma jkunux magħrufa fl-Istat Membru fejn l-att jiġi ppreżentat.

Domanda 6 Liema huma l-atti ta’ stat ċivili li jkunu jistgħu jkollhom ċertifikat Ewropew ta’ stat ċiviili? Liema informazzjoni għandha tidher f’dan it-tip ta’ ċertifikat?

4. IR-RIKONOXXIMENT REċIPROKU TAL-EFFETTI TAL-ATTI TAL-ISTAT ċIVILI

4.1. Il-Kwistjoni

Fost id-dokumenti pubbliċi, l-atti ta’ stat ċivili huma problema partikolari, marbuta mal-effetti tagħhom.

L-istat ċivili, li għalih kull Stat Membru ħoloq il-format tiegħu, marbut b'mod partikolari mal-istorja, il-kultura jew is-sistema ġudizzjarja tiegħu, jippermetti l-identifikazzjoni tal-istat ta' persuna u jiddetermina l-pożizzjoni tagħha fis-soċjetà. Dan jifforma l-bażi tal-istat legali tiegħu jew tagħha. L-atti tal-istat ċivili huma l-kitbiet stabbiliti minn awtorità, sabiex tistabbilixxi l-avvenimenti tal-ħajja ta' kull ċittadin, bħal pereżempju t-twelid, ir-relazzjoni, l-adozzjoni, iż-żwieġ, ir-rikonoxximent tal-paternità, il-mewt ta' persuna jew saħansitra l-għoti jew it-tibdil ta' isem wara żwieġ, divorzju, sħubija rreġistrata (bħala koppja), rikonoxximent, tibdil ta’ sess, adozzjoni.

F’sitwazzjoni transkonfinali, l-ewwel domanda li wieħed jistaqsi hi li jkun jaf jekk sitwazzjoni legali ċċertifikata minn att ta' stat ċivili fi Stat Membru hijiex se tiġi rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor.

Koppja Franċiża li ilhom miżżewġin tliet snin imorru jgħixu fid-Danimarka Huma jmorru jgħixu d-Danimarka għal raġunijiet professjonali għall-erba' snin. Wara ċerti snin jgħixu flimkien, titwieled l-ewwel tarbija tagħhom. Għall-għoti tal-kunjom lit-tifel, l-awtoritajiet Daniżi japplikaw il-liġi Daniża, l-Istat Membru ta' residenza tat-tifel kif ukoll dak tal-ġenituri tiegħu. Meta l-familja terġa tirritorna Franza, l-awtoritajiet Franċiżi jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-kunjom mogħti lit-tifel skont ir-regoli stabbiliti fil-liġi Daniża. Din is-sitwazzjoni se toħloq nuqqas ta’ sigurtà ġudizzjarja għat-tifel, minħabba li mhux se jkun identifikat bl-istess mod fid-Danimarka jew fi Franza. u dan se jkollu effet fuq l-eżerċitar tad-dritt tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa.

L-għoti tal-kunjom huwa element fundamentali tal-identifikazzjoni ta’ persuna, li r-regoli tiegħu, influwenzati minn fatturi storiċi, reliġjużi, lingwistiċi u kulturali, jvarjaw b'mod sostanzjali bejn l-Istati Membri. Ir-realtà tal-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini minħabba d-differenzi fir-regoli nazzjonali fil-qasam tal-għoti tal-kunjom jintwera bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[24], li tiddeskrivi l-inkonvenjenti serji li differenza fl-għoti tal-kunjomijiet tal-familja jistgħu joħolqu għall-individwi kemm fil-qasam professjonali kif ukoll fil-ħajja privata[25].

Għandhom ikunu garantiti l-kontinwità u l-permanenza tas-sitwazzjoni tal-istat ċivili ta’ kull ċittadin Ewropew li jeżerċita d-dritt tiegħu taċ-ċirkolazzjoni ħielsa. Meta jiddeċiedi li jaqsam il-fruntiera ta’ Stat Membru biex jgħix, jaħdem, jistudja fi Stat Membru ieħor, is-sitwazzjoni ġuridika miksuba miċ-ċittadin fl-ewwel Stat Membru (pereżempju t-tibdil ta' isem għal mara miżżewġa li tadotta legalment il-kunjom tar-raġel tagħha) m'għandhiex tiġi diskussa mill-awtoritajiet tat-tieni Stat Membru minħabba li dan ikun ostaklu u sors ta’ diffikultajiet oġġettivi għall-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadin.

It-tieni kwistjoni hija din – f'każ transkonfinali – is-sitwazzjoni ġuridika ddikjarata minn att ta’ stat ċivili jista' jkollha l-effetti ċivili marbuta ma' din is-sitwazzjoni.

Żewġ ċittadini ta’ nazzjonalità Svediża u Ġermaniża jgħixu flimkien fil-Finlandja mingħajr ma huma miżżewġin. Wara ċerti snin jgħixu flimkien, titwieled l-ewwel tarbija tagħhom. B’liema mod l-awtoritajiet Finlandiżi tal-Istat Membru ta’ residenza se jistabbilixxu r-relazzjoni parentela ta' din it-tarbija, jiġifieri r-rapport tal-familja li se torbot lil din it-tarbija mal-persuni li kellhom din it-tarbija? Liema huma r-regoli li l-awtoritajiet Finlandiżi se japplikaw biex jistabbilixxu r-relazzjoni parentali? Se tkun il-liġi Svediża, l-Istat ta’ oriġini tal-missier; il-liġi Ġermaniża, l-Istat ta’ oriġini tal-omm jew inkella l-liġi Finlandiża, l-Istat ta’ residenza tal-ġenituri u l-Istat Membru fejn sar l-avveniment? Fl-ipoteżi li l-Finlandja tapplika l-liġi tagħha ta’ relazzjoni parentali, din ir-relazzjoni se tkun rikonoxxuta fl-Istati Membri ta’ oriġini taż-żewġ ġenituri, f’dan il-każ l-Isvezja u l-Ġermanja, u fil-bqija tal-Unjoni? Minħabba li kull Stat Membru japplika r-regoli tiegħu, m'huwiex eskluż li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jirrikonoxxux ir-relazzjoni parentali ddeterminata abbażi tar-regoli Finlandiżi.

Kull Stat Membru jiddetermina l-liġi applikabbli għal sitwazzjoni transkonfinali abbażi tal-fattur ta’ relazzjoni stabbilit mil-liġi internazzjonali privata tiegħu. Dan il-fattur ta’ relazzjoni jista’ jkun, l-iktar, in-nazzjonalità jew ir-residenza habitwali. Il-liġi applikabbli, iddeterminata b’dan il-mod, tvarja b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor. Il-konsegwenza inevitabbli ta’ din id-diversità hija li sitwazzjoni ta’ stat ċivili maħluqa fi Stat Membru mhijiex awtomatikament rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor minħabba li r-riżultat tal-liġi applikabbli jvarja skont l-Istat Membru in kwistjoni.

Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm azzjoni mill-Unjoni mmirata biex toffri sigurtà ġuridika ikbar liċ-ċittadini Ewropej fil-qasam tal-istat ċivili u li telimina l-ostakli li jiffaċċjaw meta jitolbu rikonoxximent ta’ sitwazzjoni ġuridika maħluqa fi Stat Membru differenti minn dak fejn ikunu qed jagħmlu t-talba. Dan ir-rikonoxximent huwa mitlub sabiex ikun possibbli l-benefiċċju tad-drittijiet ċivili marbuta ma’ din is-sitwazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza.

4.2. Il-qafas legali

Il-kwistjonijiet ta’ stat ċivili mhumiex ġodda għal-leġiżlatur Ewropew, li ddedika serje ta’ drittijiet liċ-ċittadini Ewropej fil-liġi primarja u sekondarja. L-Unjoni diġà indirizzat kwistjonijiet rigward stat ċivili, b’mod partikolari fil-qasam matrimonjali. Fil-fatt, ir-Regolament imsemmi qabel (KE) Nru 2201/2003 fl-Artikolu tiegħu 21(2) jistipula li “l-ebda proċedura ma tista’ tintalab għall-aġġornament ta’ att ċivili fi Stat Membru abbażi ta' deċiżjoni relatata ma' divorzju, ma' separazzjoni tal-beni jew annullament ta' żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor”. Madankollu, l-intervent tal-Unjoni li sar fil-liġi sekondarja s'issa baqa' immirat ħafna u sal-lum m'hemm l-ebda regoli dwar ir-rikonoxximent fi Stat Membru tas-sitwazzjonijiet marbuta mal-Istat Ċivili u maħluqa fi Stat Membru ieħor.

Fil-livell internazzjonali, jeżistu konvenzjonijiet li jippermettu soluzzjoni għall-kwistjonijiet ta’ stat ċivili f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Dan jirrigwarda l-iktar il-Konvenzjonijiet tas-CIEC, li l-għan tagħhom hu li jitwaqqfu regoli uniformi ta’ kunflitt tal-liġijiet fil-qasam tal-liġi tal-persuni[26]. Sadanittant, dawn il-konvenzjonijiet ġeneralment mhumiex ratifikati ħlief minn numru limitat ta’ Stati, ġeneralment mhux iktar minn għaxra. Dan jikkontribwixxi għall-frammentazzjoni ġuridika tar-regoli applikabbli f’każ ta’ sitwazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, l-Istati Membri tal-Unjoni li huma wkoll membri tas-CIEC mhumiex kollha parteċipanti tal-konvenzjonijiet ta’ din l-organizzazzjoni. Ma ġiet irratifikata l-ebda konvenzjoni tas-CIEC mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma wkoll membri tas-CIEC.

4.3. Soluzzjonijiet possibbli għar-rikonoxximent tal-effetti tal-atti ta’ stat ċivili

Ċerti soluzzjonijiet jistgħu jiġu maħsuba biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent tal-effetti ta’ att ta’ stat ċivili jew ta’ sitwazzjoni ġuridika marbuta ma’ stat ċivili maħluqa fi Stat Membru ieħor minbarra dak fejn tkun qed tiġi in kwistjoni.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi enfasiżżat li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex kompetenzi biex tintervjenti fil-liġi materjali tal-familja tal-Istati Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni la għandha s-setgħa u lanqas l-intenzjoni li tipproponi l-elaborazzjoni tar-regoli Ewropej materjali fir-rigward ta’, pereżempju, l-għoti tal-kunjom, l-adozzjoni, iż-żwieġ jew il-modifika tad-definizzjoni taż-żwieġ fil-livell nazzjonali. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma jagħti l-ebda bażi legali għall-implimentazzjoni ta’ din it-tip ta' soluzzjoni.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ċerti problemi prattiċi li jidhru fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini f'sitwazzjonijiet transkonfinali jistgħu jkunu risolti billi jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-effetti tad-dokumenti ta’ stat ċivili legalment miskuba fi Stat Membru ieħor. Biex jiġu risolti dawn il-problemi, l-Unjoni Ewropea għandha tliet possibilitajiet politiċi. l-għoti tal-għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi, ir-rikonoxximent awtomatiku u r-rikonoxximent ibbażat fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet.

a) L-għoti tal-għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi

Jista’ jiġi enfasizzat li l-problemi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini fil-ħajja ta’ kuljum f’dak li jirrigwarda l-istat ċivili tagħhom fis-sitwazzjonijiet transkonfinali huma kwistjonijiet li l-aħjar jiġu risolti fil-livell tal-Istati Membri, minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jsibu soluzzjonijiet prattiċi fil-kuntest tal-liġi nazzjonali. Pereżempju, sakemm ssir armonizzazzjoni iktar wiesgħa tar-regoli fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-istat ċivili, jew konverġenza usa’ tal-liġi materjali tal-familja fl-Istati Membri, ir-rwol ewlieni tal-Unjoni Ewropea se jkun li tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jikkooperaw b’mod iktar effiċjenti.

Domanda 7: Taħseb li l-kwistjonijiet ta’ stat ċivili għaċ-ċittadini f’sitwazzjonijiet transkonfinali jistgħu jiġu risolti b’mod effettiv biss mill-awtoritajiet nazzjonali? F’dan il-każ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea m’għandhomx jagħtu mill-inqas xi linji gwida lill-awtoritajiet nazzjonali, (eventwalment permezz ta’ rakkomandazzjonijiet tal-UE) biex jiġi żgurat il-minimu ta’ koerenza tal-istrateġiji mmirati biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini?

b) Rikonoxximent awtomatiku

Għażla oħra tista’ tkun ir-rikonoxximent awtomatiku, fi Stat Membru, ta’ sitwazzjonijiet ta’ stat ċivili stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra. Dan ir-rikonoxximent isir mingħajr armonizzazzjoni tar-regoli eżistenti u ma jaffettwax is-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri.

Din is-soluzzjoni tfisser li kull Stat Membru, fir-rispett tal-fiduċja reċiproka, jaċċetta u jirrikonoxxi l-effetti ta’ sitwazzjoni ġuridika maħluqa fi Stat Membru ieħor. Fl-eżempji msemmija hawn fuq, l-isem tat-tarbija u r-relazzjoni parentali għandhom ikunu rikonoxxuti mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dawn it-tfal, anke jekk l-applikazzjoni tal-liġi ta’ dan l-Istat Membru jwassal għal soluzzjoni oħra.

L-iżgurar fl-Unjoni kollha, ta' rikonoxximent awtomatiku ta' sitwazzjoni ġuridika maħluqa fi Stat Membru, jista' jkollha ħafna vantaġġi għaċ-ċittadini Ewropew.

Din is-soluzzjoni jkollha l-vantaġġ tas-sempliċità u t-trasparenza fir-rigward ta’ kull ċittadin li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ ċirkolazzjoni ħielsa fit-territorju tal-Unjoni. Kull ċittadin li l-istat ċivili tiegħu jinbidel jew li jkun affettwat minn sitwazzjoni ta’ stat ċivili maħluqa fi Stat Membru jkun jaf minn qabel li l-istat ċivili tiegħu ma jkunx ikkontestat jekk jaqsam il-fruntiera u jiddeċiedi li jmur iqatta’ ammont ta’ snin fi Stat Membru ieħor minbarra dak tal-oriġini tiegħu. Iż-żamma tal-istat ċivili tiegħu għandha tkun garantita u s-sitwazzjoni li nħolqot fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu tiġi rikonoxxuta awtomatikament fl-Istati Membri l-oħra abbażi tat-Trattat.

Bl-iżgurar ta’ rikonoxximent awtomatiku ta' sitwazzjoni ġuridika maħluqa fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru ta' akkoljenza (jiġifieri dak li fih iċ-ċittadin ikun mar jgħix jew jaħdem) ma jkollux ibiddel id-dritt sostanzjali tiegħu jew ibiddel is-sistema legali tiegħu.

Dan ir-rikonoxximent jippreżenta wkoll il-vantaġġ li joffri s-sigurtà ġuridika li għaliha ċ-ċittadin jista’ jkollu dritt meta jeżerċita d-dritt għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa. In-nuqqas ta’ sigurtà ġuridika u d-diffikultajiet varji li jista’ eventwalment jiltaqa’ magħhom fir-rigward tar-rikonoxximent tas-sitwazzjoni ġuridika stabbilita fl-Istat Membru li jħalli, ma jkollux effett disważiv u lanqas ma jkun ta' ostaklu li jfixklu milli jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta' ċittadin Ewropew.

F'dan il-każ din il-possibilità għandha madankollu tkun akkumpanjata minn serje ta' miżuri kumpensatorji sabiex jiġu evitati każijiet eventwali ta' frodi u abbuż u biex titqies bis-sħiħ l-ordni pubblika tal-Istati Membri. Barra minn hekk, ir-rikonoxximent awtomatiku jista’ jkun l-aktar adattat għal ċerti sitwazzjonijiet ta’ stat ċivili bħall-għoti jew it-tibdil tal-kunjom. Fl-istess ħin, il-kwistjoni tista’ tkun iktar ikkomplikata fil-każ ta' sitwazzjonijiet oħra ta’ stat ċivili bħaż-żwieġ.

Domanda 8 X'taħseb dwar ir-rikonoxximent awtomatiku? F’liema sitwazzjonijiet ta’ stat ċivili tista' tapplika din is-soluzzjoni? F’liema sitwazzjonijiet ta’ stat ċivili tista' tkun mhux adattata?

c) Rikonoxximent ibbażat fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitti tal-liġi

Armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitti tista’ tkun possibbiltà oħra li tippermetti liċ-ċittadini jgawdu bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom ta' ċirkolazzjoni ħielsa, filwaqt li toffrilhom sigurtà ġuridika ikbar fis-sitwazzjonijiet ta' stat ċivili li jinħolqu fi Stat Membru ieħor.

Korp ta’ regoli komuni żviluppati fil-livell tal-Unjoni jipprevedi d-dritt applikabbli għal sitwazzjoni transkonfinali meta avveniment ta' stat ċivili huwa kkonċernat.

Dan id-dritt jkun definit permezz ta’ wieħed jew iktar fatturi ta' rikollegament li jqis il-mobilità taċ-ċittadini. B’dan il-mod, ir-regoli jkunu prevedibbli u magħrufa bil-quddiem. Pereżempju, iċ-ċittadini residenti fi Stat Membru ieħor minbarra l-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jkunu jistgħu jibbenefikaw mil-liġi ta' dan l-Istat li miegħu żviluppaw rabtiet, minflok il-liġi tal-Istat Membru ta' oriġini li minnu jkunu telqu ħafna snin qabel.

Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk il-fattur ta’ rikollegament magħżul għandux ikun l-istess għal bosta sitwazzjonijiet marbuta mal-istat ċivili jew jekk ikunx hemm fatturi differenti iktar adattati fir-rigward ta' kull sitwazzjoni kkunsidrata.

Domanda 9 X’taħseb dwar ir-rikonoxximent ibbażat fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet? F’liema sitwazzjonijiet ta’ stat ċivili tista' tapplika din is-soluzzjoni?

Il-liġi applikabbli ddeterminata abbażi tal-fatturi ta’ rikollegament stabbiliti mill-istandard Ewropew jista’ jkun applikabbli f'nuqqas ta’ għażla fuq talba taċ-ċittadin. Bħala prinċipju, tista’ tingħata l-possibbiltà liċ-ċittadin f’sitwazzjoni transkonfinali, li jagħżel il-liġi applikabbli għal avveniment marbut ma’ stat ċivili. Din il-possibbiltà tista’ tissodisfa l-interessi leġittimi taċ-ċittadin li, permezz ta' din l-għażla, jesprimi r-rabta tiegħu mal-kultura u l-Istat ta' oriġini tiegħu, jew ma' Stat Membru ieħor. Din l-għażla tippermetti wkoll li titqies il-libertà individwali fil-qasam tal-istat ċivili, mingħajr preġudizzju għal partijiet terzi u mingħajr ksur ta’ ordni pubblika. Din l-awtonomija ta' għażla ssir madankollu f’qafas speċifiku u ma tkunx tista’ twassal ħlief għall-applikazzjoni ta’ liġi li magħha ċ-ċittadin għandu rabtiet stretti.

Domanda 10 X’taħseb dwar il-possibbiltà ta' għażla tal-liġi applikabbli miċ-ċittadini? F’liema sitwazzjonijiet ta’ stat ċivili jkunu jistgħu japplikaw dawn l-għażliet?

Domanda 11 Minbarra r-rikonoxximent tad-dritt sħiħ u r-rikonoxximent ibbażat fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitti tal-liġi, taħseb li soluzzjonijiet oħra jkunu jistgħu joffru soluzzjoni għall-effetti transkonfinali tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi marbuta mal-istat ċivili?

5. KONKLUżJONI

Din il-Green Paper għandha l-għan li tniedi konsultazzjoni pubblika sabiex tiġbor it-tendenzi u l-opinjonijiet tal-atturi kkonċernati dwar id-direzzjonijiet maħsuba sabiex titjib il-ħajja taċ-ċittadini fil-qasam taċ-ċirkolazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fil-qasam tal-istat civili.

Hi għandha tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

Il-konsultazzjoni se ssir bejn l-14 ta’ Diċembru 2010 u t-30 ta' April 2011. Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex jibagħtu l-kontributi tagħhom fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni EwropeaDirettorat Ġenerali tal-ĠustizzjaUnità A1 - Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet ĊiviliB – 1049 BruxellesFaks: + 32-2/299.64.57

Posta elettronika : JUST-COOP-JUDICIAIRE-CIVILE@ec.europa.eu

Il-kontributi kollha kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku jiġu ppublikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni, ħlief jekk l-awturi tagħhom joġġezzjonaw b’mod speċifiku għall-pubblikazzjoni tad-dejta persunali tagħhom minħabba li din il-pubblikazzjoni tista’ tippreġudika l-interessi leġittimi tagħhom.

Il-Kummissjoni tista' torganizza smigħ pubbliku dwar is-suġġetti koperti mill-Green Paper.

[1] Prova oħra ta’ din ir-realtà hija pprovduta min-numru ta’ żwiġijiet u divorzji rreġistrati fl-Unjoni: bejn wieħed u ieħor, fuq madwar 122 miljun żwieġ, madwar 16-il miljun (13 %) għandhom dimensjoni transkonfinali.

[2] COM(2010) 603 - Rapport 2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni – L-eliminazzjoni tal-ostakli għall-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni.

[3] COM(2004) 401 - Kommunikazzjoni "Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja: evalwazzjoni tal-programm ta’ Tampere u direzzjonijiet futuri”, paġna 11.

[4] L-istudji huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/civiljustice/publications/publications_en.htm#5

[5] Il-Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sikura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, (ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1);

[6] Riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-Att Awtentiku Ewropew, Diċembru 2008.

[7] Rapport dwar l-elementi kompożanti tal-liġi ċivili, il-liġi dwar in-negozji, il-liġi tal-familja u l-liġi internazzjonali privata tal-pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-programm ta' Stokkolma tat-22 ta' Novembru 2010.

[8] It-taxxa tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor kemm fl-ammont kif ukoll fil-livell (l-istess jew inqas minn 20€ f’ċerti Stati Membri, varjabbli fi Stati Membri oħra, skont id-dokument u jistgħu jkunu sa 50€).

[9] L-apostille tirrappreżenta wkoll kost: f’bosta Stati, trid titħallas taxxa. Din tvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri. F’uħud, l-apostille tingħata b’xejn jew b’taxxa inqas minn EUR5, filwaqt li fi Stati oħra, l-ammont jista’ jilħaq il-EUR50.

[10] Konvenzjoni tal-5 ta’ Ottubru 1961 li telimina l-eżiġenza tal-legalizzazzjoni ta' atti pubbliċi barranin: http://www.hcch.net/index_en.php?act=conventions.text&cid=41. Din ma tapplikax għad-dokumenti stabbiliti minn aġenti diplomatiċi jew konsulari u għad-dokumenti amministrativi li jirrigwardaw operazzjoni kummerċjali jew doganali. L-apostille hija definita fl-Artikoli 4 u 5 tal-Konvenzjoni.

[11] Il-ħames Stati fondaturi huma l-Belġju, Franza, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvizzera.

[12] Il-websajt tas-CIEC: http://www.ciec1.org/. Minbarra l-erba’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea fondaturi tas-CIEC imsemmija qabel, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Portugal, Spanja, il-Polonja, ir-Renju Unit u l-Ungerija.

[13] Dawn huma l-konvenzjonijiet Nri 2, 16 u 17.

[14] Il-Konvenzjoni tal-25 ta’ Mejju 1987 dwar l-eliminazzjoni tal-legalizzazzjoni tal-atti fl-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej.

[15] Dawn l-Istati Membri huma l-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Italja, l-Irlanda u l-Latvja.

[16] Dawn jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-kompetenza ġudizzjarja, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-materja ċivili u kummerċjali u l-Artikolu 52 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) n° 2201/2003 . tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-kompetenza, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabilità parentali li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1347/2000.

[17] Il-Każ C-336/94 Eftalia Dafeki v Landesversicherungsanstalt, Ġabra 1997 paġna I-06761, punt 19.

[18] Ara b’mod partikolari l-konvenzjonijiet Nri 3, 8 u 26. Skont il-konvenzjoni Nru 3, meta l-uffiċjal tal-istat ċivili jħejji ċertifikat ta’ żwieġ, huwa javża lill-uffiċjal tal-istat ċivili tal-post ta' twelid ta' kull wieħed mill-konjuġi futuri permezz ta' formola standard. Din il-konvenzjoni hija fis-seħħ bejn ħdax-il Stat kontraenti, li minnhom għaxra huma Stati Membri tal-Unjoni. Dawn huma l-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Italja, il-Portugal, Spanja u l-Polonja.

[19] Is-sistema ta’ informazzjoni dwar is-suq intern - is-sistema IMI -, li bħalissa qed tiġi użata għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-qasam tal-kwalifiki professjonali u tas-servizzi, tista’ tkun mezz elettroniku adattat għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll biex jiġu evitati t-talbiet ta’ traduzzjonijiet tad-dokumenti, ara http://ec.europa.eu/imi-net. B’żieda ma' dan, il-proġett “Pjattaforma CIEC” ikkofinanzjata mill-Kummissjoni, jista’ jkun bażi ta’ ħidma utli ħafna għall-futur. Fil-fatt, jikkonkretizza l-iżvilupp u l-użu tal-mezzi elettroniċi fil-qasam tal-ġustizzja u, b’mod partikolari, it-tqegħid fin-netwerk tal-uffiċjali tal-istat ċivili għall-vantaġġ wiesa’ taċ-ċittadini. Il- Pjattaforma CIEC tappoġġja wkoll l-aħjar prattiċi żviluppati fil-qafas tal-kooperazzjoni intergovernattiva.

[20] COM(2010) 603 finali, imsemmi qabel u COM(2010) 608 finali, Komunikazzjoni, "Lejn patt għas-suq uniku - Għall-ekonomija soċjali tas-suq".

[21] Voir http://ec.europa.eu/youreurope.

[22] Il-prezz medju tat-traduzzjoni għal dokument sempliċi jista' jvarja minn EUR 30 għal EUR 150.

[23] Il-Konvention Nru 16 hija fis-seħħ bejn 20 Stat li minnhom 12 huma Stati Membri tal-Unjoni.

[24] Il-Każ C-168/91 Christos Konstantinidis, Ġabra 1993, paġna I-01191; Il-Każ C-148/02, Carlos Garcia Avello , Ġabra 2003, paġna I-16613; Il-Każ C-353/06, Grunkin-Paul , Ġabra 2008, paġna I - 07639 ; il-Każ C-208/09, Ilonka Sayn-Wittgenstein , pendenti quddiem il-QEĠ.

[25] Il-Każ C-353/06 imsemmi qabel, punti 22, 23, 25 u 27 u l-Każ C-148/02 imsemmi qabel, punt 36.

[26] Ara l-Konvenzjoni Nru 12 dwar il-leġittimazzjoni tat-tfal naturali permezz taż-żwieġ, il-Konvenzjoni Nru 18 dwar ir-rikonoxximent volontarju tat-tfal li twieldu barra miż-żwieġ u l-Konvenzjoni Nru 19 dwar il-liġi applikabbli għall-kunjomijiet u l-ismijiet. Il-Konvenzjoni Nru 7 li tiffaċilita ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ f'pajjiż ieħor tipprevedi wkoll regola ta' kunflitt tal-liġi fir-rigward tat-tnedija taż-żwieġ.