52010DC0138




[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 9.4.2010

KUMM(2010)138 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport Annwali dwar il-Politika dwar l-Għajnuna Umanitarja u l-Implimentazzjoni tagħha fl-2009

SEG(2010)398

L-Unjoni Ewropea hi waħda mill-akbar donaturi dinjija fir-rigward tal-għajnuna umanitarja. L-Unjoni tippromuovi wkoll rispett għal, u aderenza lejn, id-dritt Umanitarju Internazzjonali.

L-għajnuna tagħha, unika fost il-finanzjament disponibbli mill-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-prinċipji umanitarji ta' Umanità, Imparzjalità, Indipendenza u Newtralità.

Il-politika dwar l-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea tippermettilha sabiex turi f'termini prattiċi l-impenn tagħha sabiex tappoġġġja dawk li huma 'l barra mill-Unjoni u li għandhom bżonn l-għajnuna meta huma fil-mument l-aktar vulnerabbli tagħhom. Dan jikkontribwixxi sabiex jitwettaq għan strateġiku fir-relazzjonijiet esterni, kif spejgati fit-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

L-attivitajiet tad-Dipartiment tal-Kummissjoni dwar l-Għajnuna Umanitarja (ECHO) fl-2009

Permezz tad-Dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja (ECHO), il-Kummissjoni pprovdiet għajnuna umanitarja tal-UE skont il-bżonn lill-vittmi ta' diżastri naturali u oħrajn magħmula mill-bniedem f'aktar minn 70 pajjiż fl-2009. L-għajnuna laħqet lil xi 115 miljun persuna, u kienet tiswa total ta' €930 miljun.

Il-baġit tal-bidu tal-2009 ta' €777 miljun issaħħaħ darbtejn mir-riżervi tal-għajnuna għall-emerġenzi:

- b' €65 miljun għall-Pakistan u s-Somalja; u

- b' €45 miljun għax-Xlokk tal-Ażja u l-Qarn tal-Afrika.

Il-baġit ġie wkoll raffurzat permezz tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp imwarrba għall-iskop ta' għajnuna umanitarja fil-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u tal-Paċifiku.

Il-bżonn ta' għajnuna umanitarja żdied f'dawn l-aħħar ftit snin minħabba għadd ta' fatturi diversi:

- żieda fin-numru ta' refuġjati u persuni li ma jistgħux jerġgħu jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom minħabba kunflitti (li damu aktar milli maħsub);

- żieda fin-numru ta' diżastri naturali li seħħu minħabba bidla fil-klima; u

- l-impatt tal-kriżi ekonomika, li qed twassal biex aktar nies jispiċċaw f'tiġrib.

Kien hemm żieda sostanzjali fin-numru ta' diżastri naturali reġistrati. Bosta minn dawn huma minħabba avvenimenti relatati mat-temp. ECHO addotta strateġija doppja lejn dawn:

- Reazzjoni rapida : ECHO jista' joffri għajnuna f'emerġenzi li huma aktar milli jiflaħ għalihom pajjiż; u

- Preparazzjoni għad-diżastri: ECHO għandha l-għan li tidentifika dawk iż-żoni u popolazzjonijiet ġeografiċi l-aktar vulnerabbli għad-diżastri naturali, u jpoġġi prijorità għolja sabiex jiġu implimentati proġetti dwar preparazzjoni għad-diżastri sabiex jiġu implimentati fejn hu xieraq.

Fl-2009, ECHO intervjena fit-tipi ta' diżastri naturali li ġejjin:

- Għargħar fl-Afganistan, l-Indja, it-Taġikistan u l-Afrika tal-Punent;

- Ċikluni, maltempati tropikali u uragani fil-Laos, fil-Vjetnam, fil-Kambodja, fil-Bangladexx, fl-Indja, fil-Filippini, f'El Salvador, fin-Nikaragwa, f'Kuba, fil-Fiġi u f'Papwa Ginea Ġdida;

- Dulluvji fil-Qarn tal-Afrika, ir-reġjun Sahel fl-Afrika tal-Punent, il-Madagaskar, it-territorji Palestinjani u r-Repubblika Għarbija tas-Sirja;

- Terremoti fl-Indonesja;

- Epidemiji fil-pajjiżi tal-Afrika tal-Punent, l-Afrika t'Isfel u f'Papwa Ginea Ġdida; u

- Fenomeni oħra : Għajnuna għall-emerġenzi kienet ukoll provduta fil-Laos u fil-Bangladexx, li ntlaqtu minn firxa ta' rodituri li affettwaw lis-sigurta' tal-ikel, u fl-Uganda wara falliment fil-ħsad fit-Tramuntana tal-pajjiż.

Fejn jidħlu kriżijiet "maħluqa mill-bniedem" , ECHO implimenta l-għajnuna umanitarja tal-UE fil-każijiet li ġejjin:

- Sri Lanka : il-kunflitt bejn il-forzi tal-gvern u il-"Liberation Tigers" ta' Tamil Eelam (LTTE) fit-Tramuntana ta' Sri Lanka żdied b'mod drammatiku fi Frar 2009. Ġiet mobilizzata l-għajnuna għall-emerġenza sabiex tgħin lill-persuni li ma jistgħux jerġgħu jiġu ripatrijati lura f'pajjiżhom (IDPs) u dawk li huma affettwati mod ieħor mill-kunflitt. Aktar tard matul is-sena, meta waqaf il-kunflitt, aktar minn 100,000 IDPs marru lura lejn darhom u 25,000 oħra ġew rilaxxati għand familji li qed jilqgħuhom għandhom.

- L-Istrixxa ta' Gaża : Il-Forzi tad-Difiża Iżraeljani (FDI) wettqu attakk fuq skala kbira fuq l- Istrixxa ta' Gaża fis-27 ta' Diċembru 2008. Il-popolazzjoni ċivili kienet, u għadha tiġi affettwata b'mod gravi u fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja. ECHO pprovda għajnuna għall-emerġenza għall-kura tas-saħħa, inkluż appoġġ psikoloġiku kif ukoll għal ikel u affarijiet oħra essenzjali, xelter u ilma/sanatizzazzjoni.

- Il-Pakistan : Minn Awwissu 2008, il-kunflitt bejn l-Armata Pakistana u diversi gruppi militanti fil-Provinċja tal-Fruntiera tal-Majjistral (NWFP) u l-Oqsma Tribali Amministrati b'mod Federali (FATA) intensifika ruħu b'mod sinifikanti. Wara l-waqfien mill-ġlied, it-Talibani mxew lejn in-Nofsinhar mill-Wied Swat fil-bidu ta' April. Din l-offensiva u l-kontro-offensiva tal-Armata Pakistana pprovokaw livell ta' spostament daqs qatt qabel fost il-popolazzjoni ċivili. Aktar operazzjonijiet militari maġġuri bdew f'nofs Ottubru fin-nofs-in-nhar ta' Waziristan, li kkawżaw l-ispostament ta' mill-anqas 260,000 familja. Operazzjonijiet militari komplew ukoll f'oqsma oħra fin-Nofsinhar ta' Waziristan, li kkawżaw aktar spostamenti. 'Il fuq minn 2.5 miljun persuna ġew affettwati b'kollox; ECHO implimenta azzjonijiet għall-għajnuna umanitarja ta' emerġenza sabiex jassisti lill-vittmi ta' kunflitt

- Afganistan: Is-sitwazzjoni ta' sigurta' iddeterjorat. Dan il-fatt u l-konsegwenzi ta' operazzjonijiet militari estensivi kienu aggravati minħabba snin ta' nuqqas ta' xita u diżastri fuq skala żgħira li kienu rikorrenti. It-taħlita ta' dawn il-fatturi kkawżat żieda f'daqqa fil-bżonnijiet umanitarji tul is-sena 2009, u dan jidher li se jkompli fl-2010. ECHO kkonċentra fuq il-bżonnijiet umanitarji ta' aktar minn 5 miljun persuna li ġew lura, prinċipalment mill-Pakistan u mill-Iran, persuni spostati internament (IDPs) u l-aktar komunitajiet vulnerabbli.

- Il-Jemen: Kunflitt fil-governorat tal-Jemen tat-Tramuntana ta' Sa'ada żdied fil-bidu tal-2009. L-ewwel ma faqqa' l-kunflitt kien fl-2004, u kien hemm sitt episodji separati ta' ġlied minn dak in-nhar. Il-ġlied li seħħ fl-2009 kienu l-aktar serju s'issa. L-għajnuna tal-UE għall-emerġenzi implimentata minn ECHO kellha l-għan, fost għanijiet oħra, sabiex tipprovdi assistenza integrata għas-solliev għal dawk li kienu spostati internament jew inkella affettwati mod ieħor minn dan il-kunflitt.

- Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC)/iż-żona tal-fruntiera mar-Repubblika tal-Kongo : Ir-reġjun tad-Dongo, qrib ix-xmara Ubangi, bejn id-DRC u r-Repubblika tal-Kongo, ra kunflitti vjolenti mill-aħħar ta' Ottubru 2009. Dan wassal għal movimenti kbar ta' refuġjati mid-DRC għar- Repubblika tal-Kongo.

- Is-Somalja: Il-kriżi umanitarja baqgħet kemm mifruxa kif ukoll kiefra tul l-2009, b'nofs il-populazzjoni, madwar 3.76 miljun, fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja. Dan jinkludi: dawk affettwati min-nuqqas ta' xita kiefra; dawk li joqogħdu fl-ibliet li qed jiġġieldu kontra prezzijiet għoljin ħafna tal-ikel u ta' affarijiet oħra essenzjali; u aktar minn 1.4 miljun persuna spostata minħabba fi ġlied.

Il-Kummisssjoni kienet ukoll involuta f'azzjonijiet sabiex tnaqqas mill-effetti tal- emerġenzi protratti u kumplessi . F'termini ta' fondi, is-Sudan u d-DRC baqgħu ż-żewġ pajjiżi li fihom l-UE allokat l-ogħla somom lis-sħabha.

- Fis- Sudan , l-UE kkontribwiet ħafna sabiex tagħmel disponibbli l-għajnuna umanitarja għal aktar minn 6,500,000 persuna li kienet internament spustata, refuġjati, persuni li ġew lura, komunitajiet li jospitaw u nomadi tul il-pajjiż. Din kienet ir-risposta għall-bżonnijiet li rriżultaw minn kriżi protratta fid-Darfur, u minn emerġenzi ġodda li nħalqu minnħabba kunflitti, vjolenza ta' bejn it-tribujiet, epidemija ta' kolera u għargħar. B'mod jew ieħor, dawn waslu għal spostamenti kbar fil-populazzjoni u affettwaw b'mod ħażin il-mezzi tal-għajxien tul il-pajjiż kollu. Fin-Nofsin-nhar u fiż-żoni transizzjonali, ECHO implimenta interventi u servizzi li jsalvaw il-ħajjiet għal dawk l-iktar vulnerabbli, f'żoni fejn persuni li ġew lura, persuni spostati u/jew komunitajiet kienu qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet kbar ħafna.

- Fir- Repubblika Demokratika tal-Kongo , ECHO implimenta azzjonijiet iffinanzjati mill-UE għal madwar 3 miljun persuna fil-provinċji tal-Grigal tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar ta' Kivu u Haut u Bas-Uele. ECHO baqa' jassisti lill-persuni internament spostati fit-Tramuntana u fin-Nofs-in-Nhar ta' Kivu, kif ukoll f'Haut u Bas-Uele, fejn is-sitwazzjoni ta' sigurta' marret lura ħafna wara attakki mill-Armata tal-"Lord's Resistance". Fuq nota aktar pożittiva, xi wħud minn dawk li kienu spostati setgħu jirritornaw lejn partijiet minn dawn ir-reġjuni fejn is-sigurta' kienet tjiebet, u ECHO setgħa jimplimenta programmi sabiex jgħin lil dawk li ġew lura. Il-programmi kollha ta' saħħa implimentati minn ECHO kellhom komponent li jindirizza l-kwistjoni dwar vjolenza sesswali, u klinika speċifikament għall-vittmi ta' vjolenza sesswali kienet implimentata fin-Nofs-in-Nhar ta' Kivu.

Minkejja ż-żieda fid-diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem, u ż-żieda fl-emerġenzi kumplessi li seħħew f'dawn l-aħħar snin, li fixklu l-ħajja ta' miljuni ta' ċivili u minkejja n-nuqqas ta' rispett lejn, u l-aderanza għal, prinċipji umanitarji u s-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema umanitarji, hemm ukoll każijiet fejn is- sitwazzjoni umanitarja tjiebet . Hemm definitivament sinjali ta' inkoraġġament li interventi umanitarji mhumiex dejjem bla tmiem, fejn il-finanzjament ma jkun qatt segwit mill-iżvilupp.

Fl-2009, dan kien il-każ fi- Tramuntana tal-Uganda fejn l-Armata tal-"Lord's Resistance" nżmmet barra. Dan ifisser li dawk li kienu ħarbu mill-vjolenza issa jistgħu jiġu lura. Pjan ta' Paċi, Irkupru u Żvilupp għat-Tramuntanta tal-Uganda, għalkemm waqa' lura ħafna, beda bl-iskossi fl-2009 iżda jekk kollox imur sew, jista' jkompli jħaffef il-pass tul l-2010.

Fiż- Żimbabwe , il-bżonn għas-servizzi bażiċi tas-saħħa u ilma/sanatizzazzjoni baqa', għalkemm is-sitwazzjoni ġenerali tjiebet wara l-liberalizzazzjoni tal-ekonomija fil-bidu tas-sena, u wara ħsad tajjeb. Dan wassal sabiex sħab l-ECHO jkunu jistgħu jagħtu attenzjoni għall-bidu ta' proġetti piloti għall-ħolqien tal-impjiegi.

Fl-aħħarnett, fis- Sri Lanka , fejn l-armamenti siktu, bosta Tamils għad għandhom bżonn tal-għajnuna umanitarja. Xi nies li kienu ġew spustati diġa' reġgħu bdew jiġu lura lejn il-positjiet tal-oriġini tagħhom u qed jiġi ttamat li jkun hemm oħrajn li jsegwuhom. Jekk tkompli din ix-xejra, ECHO se jkun jista' jikkonċentra fuq il-bżonnijiet f'terminu medju ta' dawk li jmorru lura lejn darhom, u fuq komunitajiet li jospitaw.

It-tabella hawn taħt turi kif ġie allokat l-iffinanzjar mill-UE għall-għajnuna umanitarja skont ir-reġjun fl-2009 b'applikazzjoni tal-prinċipji bbażati fuq il-bżonnijiet.

Għajnuna Umanitarja fl-2009 (f' € '000) |

Reġjun | Ammonti | % |

L-Afrika | 489,560 | 53% |

Is-Sudan u ċ-Ċad | 149,600 |

L-Afrika Ċentrali | 79,500 |

Il-Qarn tal-Afrika | 173,475 |

L-Afrika ta’ Isfel u l-Oċean Indjan | 35,535 |

l-Afrika tal-Punent | 51,450 |

Lvant Nofsani, il-Mediterran, il-Kawkasus u l-Ażja Ċentrali | 121,775 | 13% |

Il-Mediterran u l-Lvant Nofsani | 109,475 |

Il-Kawkasus u l-Ażja Ċentrali; | 12,300 |

L-Ażja u l-Amerika Latina, il-Karibew u reġjuni tal-Paċifiku | 248,175 | 27% |

L-Ażja tan-Nofsinhar | 157,500 |

L-Asja tax-Xlokk u tal-Lvant | 45,500 |

L-Amerika Latina | 28,325 |

Il-Karibew | 14,000 |

Il-Paċifiku | 2,850 |

Madwar id-Dinja kollha (tkabbir tal-abbilta', għajnuna u appoġġ tekniku) | 70,940 | 8% |

TOTAL | 930,450 | 100% |

ECHO ma jagħmlix interventi direttament iżda jimplimenta l-mandat tiegħu billi jipprovdi finanzjament lil xi 200 sħab magħmula minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, aġenziji tal-Nazzjonijiet Uniti, organizzazzjonijiet oħra internazzjonali bħal pereżempju l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u s-Soċjetajiet tan-Nofs Qamar l-Aħmar u xi aġenziji speċjalizzati mill-Istati Membri tal-UE.

Huwa importanti li ECHO ikollu firxa wiesa' ta' sħab, peress li dan jippermettilu jkopri lista li dejjem qed tikber ta' bżonnijiet f'partijiet differenti fid-dinja ħafna drabi f'sitwazzjoni li dejjem aktar qed ikunu kumplessi. L-għotja u kontribuzzjonijiet amministrati minn ECHO jsiru fuq il-bażi ta' selezzjoni tal-aħjar proposti rċevuti li jkopru l-bżonnijiet tal-aktar vulnerabbli. Fl-2009, il-finanzjament tqassam fost sħab l-ECHO kif ġej: NGOs 47%, aġenziji tal-NU 39% u Organizzazzazzjonijiet Internazzjonali 14%.

Organizzazzjonijiet umanitarji jaffaċċaw aċċess dejjem aktar limitat għall-benefiċjarji fuq naħa waħda minħabba nuqqas ta' spazju umanitarju mill-gvernijiet u minn atturi mhux governattivi, li ma jagħtux każ lanqas tal-aktar protezzjoni bażika mogħtija mid-dritt internazzjonali umanitarju, u fuq in-naħa l-oħra minħabba nuqqas ta' sigurta'. Aktar u aktar gvernijiet qed jimponu restrizzjonijiet fuq l-għotja ta' għajnuna umanitarja (e.ż. Sri Lanka). F'bosta żoni ta' kunflitti (e.ż. id-DRC, is-Somalja, is-Sudan) il-ħaddiema umanitarji huma xhieda ta' metodi partikolarment brutali ta' kif issir il-gwerra, inkluż, immirar lejn ċivili u frekwentement l-użu ta' vjolenza sesswali bħala arma ta' gwerra. L-inċidenza ta' attakki fuq ħaddiema għall-għajnuna umanitarja, inklużi espulsjonijiet u qtil, jidhru li qed jiżdiedu. Id-donaturi jridu jaffaċċjaw il-fatt li mhux biss is-sigurta' tal-persunal umanitarju jkun f'riskju, iżda wkoll il-finanzjament u l-infrastruttura li dawn jipprovdu. Xi gvernijiet huma disposti li jmorru sal-estrem li jesproprjaw jew "jissellfu" fondi u proprjeta' ffinanzjata mid-donaturi u/jew ikeċċu lill-organizzazzjoni għall-għajnuna umanitarja la darba dawn tkun ittieħditilhom kull proprjeta'.

Fuq livell ta' politika u istituzzjonali , is-sena 2009 kienet okkupata b'mod pożittiv minn attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni f'waqtha tal-pjan ta' azzjoni dwar il-Kunsensus Ewropew dwar Għajnuna Umanitarja, il-ko-Presidenza tal-Kummissjoni mal-Olanda tal-Inizzjattiva Tajba u Umanitarja tad-Donaturi u x-xogħol tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill il-ġdid dwar Għajnuna Umanitarja u Alimentari (COHAFA).

Il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill stabbilixxa ruħu malajr bħala forum utli għal skambji regolari fuq livell politiku u ffaċilita koordinazzjoni aktar mill-qrib fost esperti tal-UE dwar politika għall-għajnuna umanitarja u strateġiji operattivi. Dan kien ta' utilita' kbira sabiex jgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw analiżi maqsuma dwar kwistjonijiet tematiċi, inkluż għajnuna alimentari, kif ukoll kwistjonijiet ġeografiċi. Dan qajjem il-profil u rilevanza ta' kwistjonijiet umanitarji ma' korpi ta' ħidma oħra tal-Kunsill, partikolarment gruppi ta' ħidma ġeografiċi (e.ż. Sri Lanka), il-Kumitat Politiku u ta' Sigurta' (PSC) u l-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (COREPER), li min-naħa tagħhom se jagħtu l-kontribut tagħhom lill-Kunsill għall-Affarijiet Barranin. Maż-żmien, dan għandu jwassal għal aktar konsistenza u koerenza fl-applikazzjoni tal-prinċipji umanitarji u prattiki tajba kif mfassla fil-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja.

Fil-Parlament Ewropew, l-2009 kienet sena importanti bl-elezzjoni ta' assemblea ġdida u Kumitat ġdid dwar l-Iżvilupp (DEVE). Il-Kummissjoni, permezz ta' ECHO, malajr stabbiliet rabtiet ta' ħidma mill-qrib mal-membri tal-Kumitat, partikolarment mal-Presidenza tiegħu u mar-Rapporteur permanenti u ġdid dwar l-Għajnuna Umanitarja. Dan ipprovda imbuttatura ġdida lir-relazzjonijiet interistituzzjonali fil-qasam tal-affarijiet umanitarji li hu sinjal tajjeb għall-futur.


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet