Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Superviżjoni finanzjarja Ewropea {SEG(2009) 715} {SEG(2009) 716} /* KUMM/2009/0252 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 27.5.2009 KUMM(2009) 252 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Superviżjoni finanzjarja Ewropea {SEG(2009) 715}{SEG(2009) 716} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI Superviżjoni finanzjarja Ewropea (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) 1. DAħLA L-esperjenza tal-kriżi finanzjarja kixfet fallimenti importanti tas-superviżjoni finanzjarja, kemm f'każijiet partikolari kif ukoll b'rabta mas-sistema finanzjarja kollha kemm hi. L-arranġamenti superviżorji attwali wrew li ma kinux kapaċi jipprevjenu, jimmaniġġjaw u jsolvu l-kriżi. Mudelli superviżorji bażati nazzjonalment baqgħu lura fil-kuntest tar-realtà integrata u interkonnessa tas-swieq finanzjarji Ewropej tal-lum, li fihom joperaw transkonfinalment bosta ditti finanzjarji. Il-kriżi kixfet fallimenti serji fil-kooperazzjoni, koordinazzjoni, konsistenza u fiduċja bejn is-superviżuri nazzjonali. Il-Kummissjoni kienet involuta mill-qrib fil-koordinazzjoni tal-interventi sostanzjali mill-Istati Membri biex ireġġgħu lura l-kunfidenza fl-istituzzjonijiet finanzjarji permezz ta' skemi ta' garanziji, filwaqt li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet benefiċjarji jieħdu l-passi meħtieġa lura lejn il-vijabbiltà. Dan l-isforz għandu jiġi akkumpanjat minn passi biex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-superviżjoni li nkixfu mill-kriżi. F'Novembru 2008, il-Kummissjoni kkommissjonat Grupp ta' Livell Għoli ppresedut mis-Sur Jacques de Larosière biex jipproponi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar kif jissaħħu l-arranġamenti superviżorji Ewropej biex iċ-ċittadini jiġu protetti aħjar u tinbena mill-ġdid il-fiduċja fis-sistema finanzjarja. Bħala wieħed mill-akbar swieq finanzjarji fid-dinja, l-UE wkoll għandha responsabbiltà ċara li tippromwovi stabbiltà u sigurtà finanzjarjia globlali - rwol li tista' twettaq biss jekk hi stess ikollha qafas superviżorju u regolatorju b'saħħtu. Ir-rapport finali li ġie ppreżentat mill-Grupp de Larosière fil-25 ta’ Frar 2009 fassal viżjoni bilanċjata u pragmatika għal sistema ġdida ta' superviżjoni finanzjarja Ewropea. Fil-qofol ta' din il-viżjoni hemm proposti biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost is-superviżuri nazzjonali, permezz tal-ħolqien ta' Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda, u għall-ewwel darba, korp fuq livell Ewropew inkarigat mill-monitoraġġ tar-riskju fis-sistema finanzjarja sħiħa. Fil-Komunikazzjoni " Nixprunaw l-Irkupru Ewropew " tal-4 ta’ Marzu 2009[1], il-Kummissjoni laqgħet bi pjaċir u appoġġat id-direzzjoni prinċipali ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet[2]. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport de Larosière, il-Komunikazzjoni tfassal pjan ta' azzjoni għar-riforma tal-mod kif is-swieq finanzjarji jiġu regolati u supervizzati. Il-Kummissjoni diġà ħadet għadd ta' miżuri biex timplimenta r-riforma regolatorja inklużi inizjattivi importanti dwar fondi ta' investiment alternattiv, inklużi l-hedge funds, u r-remunerazzjoni tal-eżekuttivi. F'Ġunju ser ikun hemm miżuri oħra dwar ir-rekwiżiti kapitali għall-banek. Fid-dawl tal-ħtieġa urġenti ta' azzjoni parallela, il-Kummissjoni pproponiet skeda ta' żmien aċċellerata għall-azzjonijiet dwar ir-riforma tas-superviżjoni finanzjarja Ewropea. Id-diskussjonijiet fil-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, kif ukoll konsultazzjoni pubblika, urew kunsens wiesa' dwar il-ħtieġa ta' riforma u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu f’konformità mar-rapport de Larosière u l-proposti tal-Kummissjoni għas-segwitu tiegħu. Din il-Kummissjoni hija punt kruċjali u tistabbilixxi l-arkitettura bażika għal qafas superviżorju finanzjarju Ewropew ġdid. Il-Kummissjoni tistieden il-Kunsill Ewropew biex japprova din l-arkitettura, kif jingħad fil-konklużjonijiet. Huwa maħsub li l-bidliet leġiżlattivi msemmija f'dan id-dokument li jdaħħlu fis-seħħ il-qafas għas-superviżjoni fl-UE ser isegwi fil-ħarifa ta' din is-sena, wara aktar konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati, u għandhom jiġu adottati fil-ħin biex il-qafas superviżorju ġdid ikun fis-seħħ u operattiv matul l-2010. Il-Kummissjoni tilqa' bi pjaċir ir-reazzjonijiet mill-partijiet interessati għall-din il-Komunikazzjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju 2009. 2. QAFAS SUPERVIżORJU ġDID GħALL-UE Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-4 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni se tipproponi li qafas superviżorju finanzjarju Ewropew imtejjeb għandu jkun magħmul minn żewġ pilastri ġodda (ara l-grafika fl-Anness): - Kunsill Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku () li jimmonitorja u jivvaluta theddidiet potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja li toriġina mill-iżviluppi makroekonomiċi u mill-iżviluppi fis-sistema finanzjarja sħiħa ("superviżjoni makroprudenzjali"). Għal dan il-għan, l-ESRC ikun jipprovdi twissija bikrija ta' riskji għas-sistema kollha li jistgħu jkunu qed jakkumulaw u, fejn meħtieġ, joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni biex tindirizza dawn ir-riskji. Il-ħolqien tal-ESRC se jindirizza waħda mid-dgħufijiet fundamentali mikxufa mill-kriżi, li hija l-vulnerabbiltà tas-sistema finanzjarja għar-riskji sistemiċi interkonnessi, kumplessi, settorjali u transsettorjali; u - Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (ESFS) magħmula minn netwerk b'saħħtu ta' superviżuri finanzjarji nazzjonali li jaħdmu id f'id mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda biex iħarsu l-korrettezza finanzjarja fil-livell tad-ditti finanzjarji individwali u jipproteġu lill-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji ("superviżjoni mikroprudenzjali"). In-netwerk ġdid Ewropew se jinbena fuq responsabbiltajiet kondiviżi u reċiproċi, li jikkombinaw superviżjoni tad-ditti fuq bażi nazzjonali ma' ċentralizzazzjoni ta' kompiti speċifiċi fil-livell Ewropew sabiex jisseddqu regoli armonizzati kif ukoll prattiċi u infurzar superviżorji koerenti. Dan in-netwerk għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji ta' parternarjat, flessibbiltà u sussidjarjetà. Jimmira li jtejjeb il-fiduċja fost is-superviżuri nazzjonali billi jiżgura, fost l-oħrajn, li s-superviżuri ospitanti jkollhom vuċi adegwata fit-tfassil tal-politiki dwar l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumatur, b'hekk ikun possibbli li jiġu indirizzati b'mod aktar effikaċi r-riskji transkonfinali. Huwa essenzjali li jiġu mplimentati ż-żewġ pilastri tas-sistema superviżorja ġdida : għall-ksib ta' sinerġiji siewja; għat-tisħiħ reċiproku tal-impatt tal-istabbiltà finanzjarja; biex jiġi żgurat qafas superviżorju makro u mikro totalment konness. Ikun ineffiċjenti li tissaħħaħ ir-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji tal-UE, filwaqt li titħalla sistema superviżorja li ssarrfet f'għadd ta' defiċjenzi f'din il-kriżi. Bl-istess mod, differenzi fit-traspożizzjoni nazzjonali tal-liġi Komunitarja li joħorġu mill-eċċezzjonijiet, derogi, żidiet jew ambigwitajiet fid-direttivi attwali jeħtieġ li jiġu identifikati u mneħħija, sabiex tkun tista' tiġi ddefinita u applikata madwar l-UE mis-superviżuri kolla ġabra waħda ċentrali armonizzata ta' standards (kodiċi uniku). Dan il-proċess jista' jissaħħaħ bl-introduzzjoni ta' aktar regoli applikabbli direttament fil-livell tal-UE, fejn ikun possibbli. Il-qafas superviżorju finanzjarju Ewropew ġdid jeħtieġlu jkun totalment responsabbli lejn l-awtoritajiet politiċi fl-UE. Jeħtieġlu jiżviluppa kultura superviżorja komuni; ikun sensittiv għall-interessi tal-Istati Membri kollha - u l-ħtieġa għal bilanċ, relazzjoni msaħħa ta' bini ta' kunfidenza bejn l-awtoritajiet ta' domiċilju u dawk ospitanti. Trid tkun sistema li tkun ibbażata fuq standards superviżorji għolja, applikati b'mod ekwivalenti, ġust u konsistenti għall-parteċipanti kollha tas-suq, filwaqt li titħares l-indipendenza tas-superviżuri biex iwettqu ħidmiethom. Permezz ta' din l-inizjattiva, l-UE mhux biss miexja fuq is-sejħiet tagħha fil-qafas tal-G20 għal azzjoni internazzjonali biex tinbena sistema superviżorja aqwa, aktar konsistenti globalment, regolatorja u superviżorja għas-settur finanzjarju futur[3], imma wkoll tfassal qafas reġjonali modern u komprensiv, li l-prinċipji tiegħu għandhom jitħaddnu fil-livell internazzjonali. 3. IL-KUNSILL EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU (ESRC) 3.1. L-argument għar-riforma tas-superviżjoni makroprudenzjali Id-dgħufijiet tal-arranġamenti preżenti tas-superviżjoni makroprudenzjali kellhom konsegwenzi drammatiċi għas-sistema finanzjarja globali kollha. Bosta min-nuqqasijiet ta' bilanċ li akkumulaw fis-sistema finanzjarja globali qabel il-kriżi jistgħu jiġu attribwiti għall-espansjoni eċċessiva tal-kreditu u l-inflazzjoni rampanti fil-prezzijiet tal-assi, fl-istess waqt ta' pprezzar baxx ġeneralizzat tar-riskju finanzjarju f'perjodu ta' tkabbir ekonomiku konsistenti li ma kienx inflazzjonarju. F'dan l-isfond, il-G20 iddeċieda li jsaħħaħ l-arranġamenti globali għall-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja fil-livell globali, bil-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Board, FSB)[4] li għadu kemm twaqqaf mistenni jikkolabora mill-qrib mal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) biex jipprovdi twissijiet bikrin ta' riskji makroprudenzjali fil-livell globali. Fl-istess waqt, il-gvern tal-US qed jippjana li jwaqqaf korp b'saħħtu bir-responsabbiltà tas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja domestika tiegħu. Bl-istess mod, l-UE teħtieġ korp speċifiku responsabbli għas-superviżjoni makroprudenzjali fis-sistema finanzjarja kollha tal-UE, li jidentifika r-riskji għall-istabbiltà finanazjarja u, fejn ikun neċessarju, joħroġ twissijiet dwar riskji u/jew rakkomandazzjonijiet għal azzjoni biex tindirizza tali riskji. L-arranġamenti preżenti tal-UE ma tantx jisħqu fuq il-livell makroprudenzjali. L-analiżi makroprudenzjali hija frammentata, titwettaq minn awtoritajiet differenti f'livelli differenti bl-ebda mekkaniżmu biex jiġi żgurat li t-twissijiet dwar riskji makroprudenzjali u/jew ir-rakkomandazzjonijiet jiġu segwiti u msarrfa f'azzjonijiet. Fit-tgerbiba lejn din il-kriżi, ir-riskji kumplessi interkonnessi tas-suq ma kienux analizzati kif xieraq, wisq anqas ma nsiltu l-konsegwenzi għall-politika regolatorja u superviżorja. Dawn l-arranġamenti frammentati jridu jitbiddlu għaliex, kif ħareġ minn din il-kriżi, il-kosti ekonomiċi tal-falliment fis-superviżjoni makroprudenzjali jistgħu jkunu kbar. 3.2. Ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-ESRC Il-Kummissjoni ser tipproponi li l-ESRC għandu jitwaqqaf bħala korp indipendenti ġdid, responsabbli mill-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja billi jwettaq superviżjoni makroprudenzjali fil-livell Ewropew. Sabiex iwettaq dan ir-rwol, l-ESRC għandu: Ir-rwol tal-ESRC jiġbor u janalizza l-informazzjoni rilevanti kollha għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tat-theddidiet potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja li toriġina mill-iżviluppi makroekonomiċi u mill-iżviluppi fis-sistema finanzjarja sħiħa; jidentifika tali riskji u jipprijoratizzahom; joħroġ twissijiet dwar riskji fejn ir-riskji jidhru li jkunu sinifikanti; fejn ikun neċessarju joħroġ rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu b'reazzjoni għar-riskji identifikati; jimmonitorja s-segwitu meħtieġ għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet, u jikkollega b'mod effikaċi mal-IMF, l-FSB u l-kontropartijiet minn pajjiżi terzi. | - Il-kompitu ewlinieni tal-ESRC ikun il-valutazzjonijiet tal-istabbiltà madwar is-sistema finanzjarja tal-UE fil-kuntest tal-iżviluppi makroekonomiċi u x-xejriet ġenerali fis-swieq finanzjarji. Fejn ikunu previsti riskji sinifikanti għall-istabbiltà, l-ESRC jipprovdi twissijiet bikrin u, fejn ikun xieraq, joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni rimedjali. It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-ESRC jistgħu jkunu ta' natura ġenerali jew jistgħu jikkonċernaw l-Istati Membri individwali u jkun hemm perjodu speċifikat għar-reazzjoni rilevanti ta' politika. Dawn it-twissijiet u/jew rakkomandazzjonijiet jitwasslu permezz tal-Kunsill ECOFIN u/jew l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda. L-ESRC ikun ukoll responsabbli mill-monitoraġġ tal-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, abbażi ta' rapporti mid-destinatarji. L-ESRC ma jkollux setgħat vinkolanti. Madankollu, l-ESRC ikun mistenni li jeżerċita influwenza kbira fuq id-destinatarji tat-twissijiet/rakkomandazzjonijiet permezz tal-analiżi tiegħu ta' kwalità għolja of l-parteċipazzjoni f'ħidmietu tal-gvernaturi u s-superviżuri tal-banek ċentrali tal-UE u l-Kummissjoni. Id-destinatarji tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet għalhekk ikunu mistennija li jieħdu azzjoni fir-rigward tagħhom sakemm in-nuqqas ta' azzjoni jkun adegwatament ġustifikat. Fi ftit kliem, is-segwitu tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet ikun żgurat b' mekkaniżmu ta' "aġixxi inkella spjega". L-ESRCjiddeċiedi f'kull każ jekk rakkomandazzjoni għandhiex tinżamm kunfidenzjali jew tkunx pubblika, abbażi tal-ġudizzju tiegħu stess. Madankollu, filwaqt li ma jintnesiex li r-rakkomandazzjonijiet tal-ESRC ma jkunux vinkolanti, l-iżvelar pubbliku jkun mistenni li jżid l-effikaċja tagħhom. L-ESRC ikun totalment responsabbli lejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Ir-responsabbiltà tieħu bixra ta' rappurtar regolari (jiġifieri, tal-anqas darbtejn fis-sena) lill-dawn l-istituzzjonijiet. Fil-każ ta' taqlib finanzjarju mifrux jista' jkun hemm rappurtar aktar spiss, minkejja li għandu jiġi nnutat li l-ESRC ma jkollhiex responsabbiltajiet ta' mmaniġġjar dirett tal-kriżijiet. 3.3. Il-kompożizzjoni u l-operat tal-ESRC Il-banek ċentrali għandu jkollhom rwol mexxej fis-superviżjoni makroprudenzjali. Ir-responsabbiltajiet ewlenin tal-banek ċentrali jirrigwardaw iż-żamma tal-istabbiltà monetarja u finanzjarja. Tassew, l-analiżi neċessarja għat-twettiq tal-kompiti makroprudenzjali tista' tissejjes parzjalment fuq l-analiżijiet ekonomiċi u monetarji mwettqa mill-banek ċentrali għall-formulazzzjoni tal-politika monetarja, minkejja li jinħtieġu wkoll informazzjoni u analiżi addizzjonali dwar il-vulnerabbiltajiet fis-sistema finanzjarja. Barra minn hekk, il-banek ċentrali għandhom funzjoni kruċjali ta' protezzjoni finanzjarja permezz tar-rwol tagħhom bħala selliefa f'każ li ma jkunx hemm triq oħra. Billi l-ħarsien tal-istabbiltà finanzjarja hija responsabbiltà fundamentali tal-banek ċentrali, il-Kummissjoni ser tipproponi li l-ESRC jinkludi l-gvernaturi tal-banek ċentrali tas-27 Stat Membru u l-President tal-BĊE. Il-parteċipazzjoni fl-ESRC mhux se tippreġudika r-responsabbiltajiet eżistenti ta' stabbiltà finanzjarja. Il-parteċipazzjoni tas-superviżuri mikroprudenzjali fil-ħidma tal-ESRC hija indispensabbli wkoll. Ir-rabtiet fost l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji bla dubbju timplika li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskji sistemiċi potenzjali għandhom ikunu bbażati fuq ġabra wiesgħa ta' dejta u indikaturi makroekonomiċi u mikrofinanzjarji rilevanti. Is-superviżuri mikroprudenzjali għandhom għarfien dettaljat tal-iżviluppi fis-swieq finanzjarji u f'ditti ewlenin u ser ikollhom informazzjoni kruċjali biex jivvalutaw ir-riskji għall-istabbiltà. Għal dawn ir-raġunijiet, il-presidenti tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej tal-ESFS kif ukoll ir-rappreżentanti anzjani tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom ikunu involuti. Biex jiġi żgurat li l-ESRC jkun jista' jaħdem b'mod effiċjenti, is-sħubija tas-superviżuri fl-ESRC tkun limitata għat-tliet presidenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Madankollu, kull gvernatur ta' bank ċentrali għandu jkun akkumpanjat minn rappreżentant anzjan wieħed tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali bħala osservatur (jiġifieri, formula 1+1). Ir-rappreżentant li jakkumpanja l-gvernatur tal-bank ċentrali jkun ivarja minn laqgħa għall-oħra, skont is-suġġetti li jkunu ser jiġu diskussi mill-ESRC, partikolarment f'dawk l-Istati Membri fejn ikun hemm bosta awtoritajiet superviżorji. Membru tal-Kummissjoni jkun ukoll membru tal-ESRC, notevolment minħabba r-responsabbiltà tal-Kummissjoni stipulata fit-Trattat għas-sorveljanza makroekonomika. il-Kummissjoni regolarment timmonitorja u tanalizza l-iżviluppi u l-politiki makroekonomiċi u tidentifika riskji makrofinanzjarji. Għandha kemm l-għarfien espert speċifiku għal kull pajjiż kif ukoll perspettiva fuq l-UE kollha kemm hi, u għalhekk tkun fil-qagħda li tikkontribwixxi għall-ħidma tal-ESRC. Il-parteċipazzjoni tal-Ministri tal-Finanzi fl-ESRC tista' toħloq dubbji dwar ir-rwol tiegħu li jipprovdi analiżi teknika indipendenti tar-riskji makroprudenzjali. Madankollu, billi l-politiki baġitarji u/jew fiskali jistgħu jikkontribwixxu jew itaffu r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, il-president tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (EFC) ikun jirrappreżenta l-ministri tal-finanzi billi jipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat tal-ESRC. Dan ikun jirrifletti r-rwol tal-ministeri tal-finanzi fl-immaniġġjar tal-kriżijiet u l-ħruġ minnhom, u jiżgura fluss tajjeb ta' informazzjoni bejn l-ESRC u l-awtoritajiet politiċi. Il-laqgħat tal-ESRC jissejħu tal-anqas kull triet xhur, b'laqgħat aktar spissi fi żminijiet ta' pressjoni fis-sistema finanzjarja. Il-membri u l-osservaturi kollha tal-ESRC ikollhom id-dritt jattendu u jitkellmu f'dawn il-laqgħat. Madankollu, sabiex jiġi rrazzjonalizzat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, biss il-membri tal-ESRC ikollhom id-dritt tal-vot, jiġifieri l-President tal-BĊE, il-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, il-president tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-membru tal-Kummissjoni biss. Il-voti ma jkunux peżati u d-deċiżjonijiet jittieħdu b'maġġoranza sempliċi. Bi qbil mar-rakkomandazzjoni tar-rapport de Larosière, il-president tal-ESRC ikun il-President tal-BĊE (u għaldaqstant, billi l-president tal-ESRC ikun indipendenti, il-Viċi President tal-BĊE għandu jkun membru wkoll). Billi l-president ikun ġej minn bank ċentrali fl-Ewrosistema, ikun xieraq li l-viċi president jkun elett minn fost dawk l-Istati Membri barra ż-żona tal-euro. Kumitat żgħir ta' tmexxija - magħmul mill-president tal-ESRC u l-viċi president, ħames membri addizzjonali tal-ESRC mill-banek ċentrali, il-presidenti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda u l-membru tal-Kummissjoni - għandu jitwaqqaf biex iħejji u jiżgura laqgħat effiċjenti tal-ESRC. Barra minn hekk, kumitat konsultattiv tekniku għandu jitwaqqaf biex jappoġġa lill-ESRC, inkluża t-tħejjija ta' analiżi teknika dettaljata ta' kwistjonijiet dwar l-istabbiltà finanzjarja. Fit-twettiq ta' dmirijietu, ikun rakkomandabbli li l-ESRC jfittex ukoll il-parir tal-partijiet interessati mis-settur privat, inklużi r-rappreżentanti tal-konsumaturi. Il-BĊE ser jipprovdi s-Segretarjat lill-ESRC kif ukoll appoġġ analitiku, amministrattiv u loġistiku. L-ESRC jikkollabora mill-qrib mal-IMF, l-FSB u kontropartijiet minn pajjiżi terzi fil-kuntest ta' sistema ta' twissija bikrija fil-livell globali, pereżempju billi jiġbed l-attenzjoni għal riskji potenzjali fis-sistema finanzjarja globali barra l-UE. B'dan il-mod, l-ESRC ikun mistenni li jżid l-influwenza tal-UE fi kwalunkwe sistema globali ta' twissija bikrija. Il-Kompożizzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ESRC) Il-membri: President: il-President tal-BĊE; il-Viċi President (elett mill-membri tal-ESRC); il-Gvernaturi tas-27 bank ċentrali nazzjonali; il-Viċi President tal-BĊE; il-Presidenti tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej; Membru tal-Kummissjoni Ewropea. L-osservaturi: Rappreżentant tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, li jakkumpanja lill-Gvernatur ta' bank ċentrali skont il-formula 1+1; il-President tal-EFC. | - 3.4. Bażi legali għall-ESRC Il-partijiet interessati, bħall-istituzzjonijiet finanzjarji, l-investituri u l-konsumaturi, jista' biss ikollhom biżżejjed kunfidenza biex jidħlu f'attivitajiet finanzjarji transkonfinali jekk ikun hemm fis-seħħ arranġamenti li jirrikonoxxu kif xieraq l-interdependenza bejn ir-riskji mikroprudenzjali u makroprudenzjali. Spiss fl-imgħoddi, l-attenzjoni tas-superviżjoni prudenzjali kienet esklussivament fuq il-livell mikro, fejn is-superviżuri kienu jivvalutaw il-karti tal-bilanċ ta' istituzzjonijiet finanzjarji individwali mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għall-interazzjonijiet fost l-istituzzjonijiet u bejn l-istituzzjonijiet u s-sistema finanzjarja kollha. Huwa fir-responsabbiltà tas-superviżuri makroprudenzjali li tiġi pprovduta din il-perspettiva usa'. Dawn is-superviżuri għandhom jimmonitorjaw u jivvalutaw riskji potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja li joriġinaw mill-iżviluppi li jistgħu jħallu impatt fuq livell settorjali jew fil-livell tas-sistema finanzjarja sħiħa. Meta jindirizza tali riskji, l-ESRC ikun qed jagħti kontribut essenzjali favur il-bini ta' struttura superviżorja integrata tal-UE neċessarja għall-promozzjoni ta' reazzjonijiet xierqa u konsistenti ta' politika fost l-Istati Membri u b'hekk jiġu pprevenuti approċċi diverġenti u jittejjeb l-operat tas-Suq Intern. Barra minn hekk, bħala parti integrali mill-qafas legali u istituzzjonali, l-ESRC se jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti, koerenti u effikaċi tar-regoli Komunitarji għas-servizzi finanzjarji transkonfinali. Wara li kkunsidrat firxa ta' alternattivi possibbli, il-Kummissjoni tqisu xieraq li l-ESRC għandu jiġi stabbilit, abbażi tal-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE, bħala korp mingħajr personalità ġuridika. Din il-bażi legali tippermetti li l-ESRC jkollu l-karatteristiċi ewlenin spjegati hawn fuq u jkollu mandat li jkopri s-settur finanzjarju kollu mingħajr eċċezzjonijiet, inkluża l-assigurazzjoni. Barra minn hekk, tippermetti li l-ESRC, flimkien mal-ESFS, jifforma qafas innovattiv komuni għas-superviżjoni finanzjarja, filwaqt li tinżamm distinzjoni ċara tar-responsabbiltajiet bejn l-ESRC u l-istituzzjonijiet l-oħra. Din l-għażla tal-bażi legali ma ċċaħħadx milli jiġu konferiti responsabbiltajiet lill-BĊE fir-rigward tal-kompiti fir-rigward tal-ESRC permezz ta' att adottat abbażi tal-Artikolu 105(6) tat-Trattat KE. 4. IS-SISTEMA EWROPEA TAS-SUPERVIżURI FINANZJARJI (ESFS) 4.1. L-argument għar-riforma mikroprudenzjali Dwar is-superviżjoni mikroprudenzjali, l-UE laħqet il-limiti ta' x'jista' jsir permezz tal-istat preżenti tal-Kumitati tas-Superviżuri Ewropej[5] (Il-Kumitati tal-Livell 3) - li jibqgħu korpi konsultattivi għall-Kummissjoni. Minkejja għadd ta' titjibiet f'dawn il-Kumitati, l-UE ma tistax tibqa' f'sitwazzjoni fejn ma jeżisti l-ebda mekkaniżmu li jiżgura li s-superviżuri nazzjonali jaslu għall-aqwa deċiżjoni superviżorja possibli dwar istituzzjonijiet transkonfinali; fejn hemm kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni insuffiċjenti fost l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali; fejn azzjoni konġunta mill-awtoritajiet nazzjonali tkun teħtieġ imbuttatura biex titqies il-frammentazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji u superviżorji; fejn ikun hemm interpretazzjonijiet differenti għall-istess test legali f'każijiet fejn soluzzjonijiet nazzjonali jkunu spiss l-unika alternattiva fattibbli b'reazzjoni għal problemi Ewropej. L-ESFS ġdida ser tkun imfassla biex tegħleb dawn id-defiċjenzi u tipprovdi sistema li tkun bi qbil mal-għan ta' suq finanzjarju stabbli u uniku tal-UE għas-servizzi finanzjarji - bit-tgħaqqid tas-superviżuri nazzjonali f'netwerk Komunitarju f'saħħtu. 4.2. Ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-ESFS L-ESFS għandha għalhekk tkun netwerk Ewropew operattiv b'responsabbiltajiet kondiviżi u li jsaħħu ‘l xulxin reċiprokement. Fil-livell tal-UE, it-tliet Kumitati tas-Superviżuri eżistenti jistgħu jinbidlu bi tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda, jiġifieri, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli (), li kull waħda jkollha l-personalità ġuridika tagħha. Dawn l-Awtoritajiet Superviżuri Ewropej ser jieħdu fuqhom il-kompiti kollha li l-Kumitati tas-Superviżuri attwali[6], iżda jkollhom ukoll aktar responsabbiltajiet, setgħat legali definiti u awtorità akbar (ara hawn taħt). Jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp ta' ġabra unika ta' regoli armonizzati, itejbu s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet transkonfinali permezz tal-iżvilupp ta' rekwiżiti u approċċi superviżorji komuni u jgħinu biex jissolva tilwim possibbli bejn is-superviżuri nazzjonali. Il-punt ta' attenzjoni għas-superviżjoni ordinarja tibqa' fil-livell nazzjonali, fejn is-superviżuri nazzjonali jibqgħu responsabbli għas-superviżjoni tal-entitajiet individwali, pereżempju fir-rigward tal-adegwatezza kapitali. Dan juri, għalissa, li l-mezz finanzjarju għas-salvament tal-istituzzjonijiet finanzjarji jibqa' fil-livell tal-Istati Membri u l-kontribwenti nazzjonali, kif uriet il-kriżi finanzjarja attwali. Għal istituzzjonijiet transkonfinali, il-kulleġġi tas-superviżuri li qed jitwaqqfu[7] ser ikunu l-qofol tas-sistema superviżorja u għandu jkollhom rwol importanti fl-iżgurar ta' fluss bilanċjat ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' domiċilju u dawk ospitanti. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kulleġġi tas-superviżuri, bħala osservaturi, sabiex jikkontribwixxu favur it-trawwim ta' kultura superviżorja komuni u prattiki superviżorji konsistenti. Stabbilita b'dan il-mod, l-ESFS se tikkombina l-vantaġġi ta' qafas Ewropew komprensiv għas-superviżjoni finanzjarja mal-kompetenza tal-korpi superviżorji lokali li jkunu l-eqreb għall-istituzzjonijiet li joperaw fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom. Sabiex l-ESFS topera effikaċement ser jinħtieġu miżuri sustantivi u bidliet għall-leġiżlazzjoni settorjali biex jiġi żgurat li jkun hemm ġabra aktar armonizzata ta' regolamenti finanzjarji. Il-mira ser tkun li jkun hemm aktar armonizzazzjoni fir-regoli li jkunu jridu jiġu applikati mis-superviżuri kif ukoll konsistenza akbar fis-setgħat u s-sanzjonijiet nazzjonali disponibbli għalihom. Dwar dan tal-aħħar, il-Kummissjoni se tressaq proposti fil-ħarifa. Biex jintlaħqu l-għanijiet, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ser jeħtieġu li jiġu mgħamra biex jaqdu l-funzjonijiet li ġejjin: 1. Jiġi żgurat li jkun hemm ġabra waħra ta' regoli armonizzati L-Awtoritajiet sejrin: - jiżviluppaw standards tekniċi f'oqsma speċifiċi u abbażi ta' kriterji li ser ikunu speċifikati fil-leġiżlazzjoni Komunitarja (eż., standards superviżorji għall-kulleġġi tas-superviżuri u standards tekniċi għall-validazzjoni fuq mudell intern). Tali standards għandhom japplikaw f'perjodu fiss, sakemm il-Kummissjoni tadottahom mingħajr ebda oppożizzjoni, u - ifasslu linji gwida interpretattivi, li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali japplikaw meta jieħdu deċiżjonijiet individwali, notevolment fir-rigward tal-liċenzjar u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. - Tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-UE Anki b'ġabra unika ta' regoli armonizzati, l-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli tista', xi kultant, twassal għal differenzi fl-opinjoni dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom għalhekk ikollhom, f'każijiet speċifikati b'mod ċar fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, il-mezzi biex jiżguraw l-applikazzjoni koerenti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. - Nuqqas ta’ qbil bejn superviżuri nazzjonali Fil-każ ta' opinjonijiet diverġenti bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jiffaċilitaw djalogu u jgħinu lis-superviżuri fl-ilħiq ta' ftehim konġunt. Jekk, wara fażi ta' konċiljazzjoni, dawn tal-aħħar ma jkunux laħqu ftehim, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom, permezz ta' deċiżjoni, jillikwidaw il-kwistjoni. Madankollu, dan bla dubbju jseħħ fejn ma jkunx hemm għażla oħra, minħabba li f'bosta każijiet l-awtoritajiet nazzjonali rispettivi għandhom ikunu kapaċi li jilħqu ftehim matul il-proċedura preċedenti ta' konċiljazzjoni. - Ksur evidenti tal-Liġi Komunitarja Għandu jidħol fis-seħħ ukoll mekkaniżmu biex jindirizza komportament minn awtorità superviżorja nazzjonali li jitqies bħala evidentement diverġenti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, minn rajhom jew fuq talba minn superviżur jew superviżuri nazzjonali jew mill-Kummissjoni, jistgħu jinvestigaw il-kwistjoni u, fejn neċessarju, jadottaw rakkomandazzjoni għall-azzjoni indirizzata lis-superviżuri nazzjonali rilevanti. Fl-ambitu tal-obbligu ġenerali tal-konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-awtorità nazzjonali tintalab tikkonforma mar-rakkomandazzjoni fi żmien fiss. Meta rarament is-sitwazzjoni tippersisti, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-każ partikolari. Il-Kummissjoni tista', ftit wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, tieħu deċiżjoni, li lill-awtorità superviżorja nazzjonali tobbligaha tieħu azzjoni speċifika jew li toqgħod lura milli tieħu azzjoni sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-acquis communautaire fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Sabiex tingħeleb l-inattività b'rabta mal-implimentazzjoni tal-Liġi Komunitarja jew it-tidwim tal-azzjoni minn superviżuri nazzjonali jew fil-każ tal-ħtieġa ta' azzjoni urġenti, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jistgħu ukoll jingħataw is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet direttament applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji b'rabta mar-rekwiżiti li joriġinaw mir-Regolamenti tal-UE dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji kif ukoll dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Dawn id-deċiżjonijiet ikunu bla ħsara għall-ftuħ ta' proċeduri ta' ksur mill-Kummissjoni kontra l-Istati Membri. 2. L-iżgurar li jkun hemm kultura superviżorja komuni u prattiki superviżorji konsistenti L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda se jibnu kultura superviżorja Ewropea komuni u prattiki superviżorji konsistenti, pereżempju permezz tal-iżvilupp ta' programmi komuni ta' taħriġ u parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-kulleġġi tas-superviżuri bħala osservaturi. Jistgħu wkoll jippromwovu l-użu ta' delegazzjoni ta' kompiti u responsabbiltajiet minn awtorità superviżorja nazzjonali għal oħra. 3. Setgħat superviżorji sħaħ għal xi entitajiet speċifiċi L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jingħataw ir-responsabbiltà għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta' ċerti entitajiet b'kopertura pan-Ewropea, pereżempju, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u stabbilimenti ċentrali tar-rilaxx tal-UE għall-kontropartijiet. Dawn ir-responsabbiltajiet jistgħu jinkludu setgħat bħalma huma tal-investigazzjoni, l-ispezzjonijiet fuq il-post u d-deċiżjonijiet superviżorji. Dawn ir-responsabbiltajiet ikunu ddefiniti minn leġiżlazzjoni settorjali (eż. ir-Regolament dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu). Barra mit-tisħiħ tal-effikaċja tas-superviżjoni, dan jista' jtejjeb l-effiċjenza bil-ħolqien ta' 'uffiċċju uniku' għall-qadi ta’ dawn l-istituzzjonijiet supervizzati. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jistgħu ukoll jiġu involuti fil-valutazzjoni prudenzjali tal-fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet Ewropej madwar is-settur finanzjarju[8]. 4. L-iżgurar ta' reazzjoni koordinata f'sitwazzjonijiet ta' kriżi L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandu jkollhom rwol qawwi ta' koordinazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi: għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti, jaġixxu bħala medjaturi meta meħtieġ, jivverifikaw l-affidabbiltà tal-informazzjoni li għandha tkun disponibbli għall-partijiet kollha u jgħinu lill-awtoritajiet rilevanti biex jiddefenixxu u jimplimentaw id-deċiżjonijiet tajba. Fir-rigward tal-aħħar, l-introduzzjoni ta' mandat Ewropew sa nofs l-2009 ser jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jikkunsidraw il-preokkupazzjonijiet dwar l-istabbiltà finanzjarja fi Stati Membri oħra meta jwettqu dmirijiethom. F'dan ir-rigward il-progress dwar il-qsim tal-piżijiet u l-mekkaniżmi tas-sejbien ta' soluzzjonijiet huwa kruċjali għat-tisħiħ tal-fiduċja fost l-awtoritajiet nazzjonali u t-tisħiħ tal-operat tal-ESFS, xogħol li jrid jimxi 'l quddiem mill-aktar fis possibbli. F'sitwazzjonijiet speċifiċi ta' kriżi, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ikun jista' jkollhom is-setgħa li jadottaw xi deċiżjonijiet ta' emerġenza (eż. dwar bejgħ skopert) - l-ambitu ta' dawn il-proċeduri ta' emerġenza għandu jiġi ddefinit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. 5. Il-ġbir ta' informazzjoni mikroprudenzjali L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom ikunu responsabbli mill-ġbir tal-informazzjoni mikroprudenzjali rilevanti kollha li toriġina mis-superviżuri nazzjonali. Għal dan il-għan bażi ċentrali Ewropea tad-dejta għanda tiġi stabbilita u mmaniġġjata mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. L-informazzjoni tkun disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti f'kulleġġi tas-superviżuri u tista' tintbagħat f'format aggregat u/jew anonimu lill-ESRC (ara t-taqsima 5). Għal dan il-għan, jista' jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni settorjali eżistenti tiġi emendata. 6. L-assunzjoni ta' rwol internazzjonali Bla ħsara għall-kompetenzi istituzzjonali tal-Istituzzjonijiet Ewropej, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jistgħu jingħataw ċertu rwol fir-rigward tal-attivitajiet internazzjonali, inklużi l-arranġamenti tekniċi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi fil-livell tagħhom. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jistgħu wkoll jgħinu lill-Kummissjoni fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza pertinenti għar-reġimi superviżorji f'pajjiżi terzi. 7. Salvagwardji Il-qafas għall-eżerċitar tal-kompetenzi msemmija hawn fuq ser ikunu speċifikati b'mod eżawrijenti u fid-dettall preċiż fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti. Il-konferiment ta' dawn il-kompetenzi ser ikun b'konformità sħiħa mal-Artikoli 226 u 228 tat-Trattat. Bla ħsara għall-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, u r-rikonoxximent tal-obbligazzjonijiet potenzjali li jistgħu jkunu involutu għall-Istati Membri, id-deċiżjonijiet skont il-mekkaniżmi msemmija hawn fuq ma għandhomx jaffettwaw direttament ir-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, kwalunkwe deċiżjoni mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej jew il-Kummissjoni trid tkun soġġetta għall-kontroll ġudizzjarju mill-Qrati Komunitarji. 4.3. Il-kompożizzjoni u l-istruttura operattiva tal-ESFS L-approċċ tan-netwerk għas-superviżjoni deskritt hawn fuq, bl-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda jaħdmu id f'id mas-superviżuri finanzjarji nazzjonali, qed jiġi propost f’konformità mar-rapport de Larosière, għall-kuntrarju tas-soluzzjonijiet bħal ċentralizzazzjoni tas-superviżjoni fil-livell tal-UE, li dwaru mhemmx kunsens. Madankollu, minħabba l-urġenza li tittejjeb il-kwalità u l-koerenza tas-superviżjoni fl-Ewropa, il-Kummissjoni tqis neċessarja l-aċċellezzjoni tal-ħidma preparatorja proposta mill-Grupp de Larosière, sabiex it-tisħiħ tal-qafas ikun daħal fis-seħħ u operattiv fl-2010. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li għaddej dibattitu mqanqal - minkejja li għadu mhux konklussiv - f'bosta pajjiżi fid-dinja dwar l-aqwa struttura superviżorja xierqa, b'alternattivi li jinkludu: (i) superviżur uniku għas-setturi kollha, (ii) superviżuri differenti għas-superviżjoni prudenzjali u dwar it-treġija tan-negozju għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha f'daqqa (dik imsejħa mudell "twin peaks"), u (iii) approċċ settorjali (jiġifieri, superviżuri differenti għall-attivitajiet bankarji, ta' kumpaniji tal-assigurazzjoni u ta' titoli). Madankollu, il-Kummissjoni taħseb li, f'dan l-istadju jkun aħjar li fil-livell Ewropew insostnu l-approċċ tal-aħħar, fejn wieħed jibni fuq l-istrutturi eżistenti billi mhemm l-ebda evidenza konvinċenti li turi li strutturi oħra jkunu aktar effiċjenti għall-kompetenzi speċifiki li huma proposti għall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Dawn il-kompetenzi mhumiex magħmula prinċipalment minn superviżjoni diretta, u għalhekk l-argumenti u l-evidenzi inċitati fid-dibattiti nazzjonali dwar l-istruttura superviżorja mhux neċessarjament japplikaw għalihom. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ser tipproponi li tibni fuq l-istruttura eżistenti u, fejn ikun neċessarju, li titħalla tevolvi biż-żmien, b'reviżjoni wara għadd fiss ta' snin. Bl-istruttura proposta, il-kooperazzjoni transsettorjali madankollu ser tkun fundamentali biex jiġu riflessi x-xejriet u r-realtajiet rilevanti tas-suq. Sakemm il-livell ta' konverġenza bejn is-setturi tkompli, it-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u rappreżentant tal-Kummissjoni jkun dejjem aktar jeħtiġilhom jevalwaw ir-reġimi settorjali rispettivi biex jiġu identifikati prinċipji komuni u jinftehmu d-differenzi possibbli. Għandu formalment jiddaħħal kumitat ta' tmexxija kumplessiv fl-istruttura biex jiżgura l-fehim reċiproku, il-kooperazzjoni u approċċi superviżorji konsistenti fost it-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda fl-indirizzar tal-isfidi transsettorjali, inklużi l-konglomerati finanzjarji, u l-iżgurar ta' kuntest ekwu. Barra minn hekk, kull Awtorità Superviżorja Ewropea għandu jkollha l-possibbiltà li tipparteċipa fil-laqgħat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra bħala osservatur. Kull Awtorità ġdida jkollha Bord tas-Superviżuri magħmul minn rappreżentant tal-ogħla livell mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali xierqa u tkun ippreseduta mill-president tal-Awtorità Superviżorja Ewropea rispettiva. Rappreżentant mill-Kummissjoni, l-ESRC u l-awtoritajiet superviżorji rilevanti mill-pajjiżi tal-EFTA-ŻEE għandhom jipparteċipaw fil-Bord tas-Superviżuri bħala osservaturi. Madankollu, ma jkunux jistgħu jattendu għal xi diskussjoni li tikkonċerna istituzzjonijiet individwali. F’konformità mal-prassi attwali, għandu jitwaqqaf ukoll Bord Maniġerjali biex jittratta kwistjonijiet operazzjonali ġenerali (baġit, eċċ) u jkun jinkludi wkoll il-Kummissjoni. Il-presidenti u s-segretarji ġenerali tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom ikunu professjonisti indipendenti b'impjieg sħiħ. Il-president ser ikun innominat wara kompetizzjoni miftuħa. Il-ħatra tiġi kkonfermata mill-Parlament Ewropew u għandha tkun valida għal perjodu ta' 5 snin. Il-kompożizzjoni tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji I. Kumitat ta' Tmexxija: - ir-rappreżentanti tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Kummissjoni. II. It-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej [l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea dwar l-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli (ESA)]:] Bord tas-Superviżuri għal kull Awtorità Superviżorja Ewropea; - il-President tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej; u - il-presidenti mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali xierqa. L-osservaturi: - rappreżentant tal-Kummissjoni; - rappreżentant tal-ESRC; u - rappreżentant tal-awtorità superviżorja nazzjonali xierqa ta' kull pajjiż EFTA-ŻEE. Bord Maniġerjali ta' kull Awtorità Superviżorja Ewropea: - ir-rappreżentanti mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali xierqa u l-Kummissjoni. III. Awtoritajiet superviżorji nazzjonali Il-Bord tas-Superviżuri għandu jiltaqa' fuq bażi regolari, b'laqgħat addizzjonali fi żminijiet ta' pressjoni. Id-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej dwar ir-regoli tekniċi jittieħdu, permezz tal-istruttura tal-bord, b'maġġoranza kkwalifikata abbażi tal-voti peżati fit-Trattat għall-Istati Membri. Arranġamenti separati għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġu indirizzati l-funzjonijiet l-oħra tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. Pereżempju, id-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet eżistenti għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi abbażi ta' vot għal kull persuna. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ikollhom il-baġit tagħhom individwalment, soġġett għall-kwittanza mill-Parlament Ewropew. Ir-riżorsi tagħhom jistgħu joriġinaw mill-baġit tal-UE kif ukoll minn sorsi bħal kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali. Kwalunkwe baġits ikollhom jikkommensuraw mar-responsabbiltajiet tagħhom, u jiggarantixxu l-indipendenza. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandhom jikkollegaw b'mod strutturat mal-partijiet interessati kollha rilevanti, inklużi l-konsumaturi. L-iżgurar tal-indipendenza ta' dawn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej se tkun kruċjali. Ikunu jeħtieġu l-ogħla livell ta' indipendenza fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali għajr is-superviżuri u fil-konfront tal-Istituzzjonijiet Ewropej, li ma għandhomx jindaħlu fid-deċiżjonijiet tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ikollhom madankollu jkunu totalment responsabbli lejn il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. It-trasparenza tkun strument ewlieni biex dan jiffunzjona u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ikollhom jirrapportaw formalment lill-Istituzzjonijiet Ewropej fuq bażi frekwenti (eż. tal-anqas darbtejn fis-sena). 4.4. Bażi legali għall-ESFS Il-bażi legali għall-istabbilment tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej għandha tkun id-dispożizzjoni fit-Trattat KE li tikkostitwixxi l-bażi legali speċifika għall-politika li jkunu mitluba jimplimentaw. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika ħolqot riskji għall-istabbiltà tas-suq intern. It-treġġigħ lura u ż-żamma ta' sistema finanzjarja stabbli u affidabbli hija prerekwiżit assolut il-fiduċja u l-koerenza fis-suq intern jinżammu sħaħ, u għaldaqstant għall-preservazzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-istabbilment ta' suq intern totalment integrat u operattiv fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, swieq finanzjarji integrati aktar u fil-fond joffru opportunitajiet aħjar għall-iffinanzjar u d-diversifikazzjoni tar-riskji, u għalhekk jgħinu biex tittejjeb il-kapaċità tal-ekonomiji biex jassorbu x-xokkijiet. L-integrazzjoni u l-istabbiltà finanzjarja għalhekk isaħħu lil xulxin. L-istabbilment tal-ESFS, u t-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, se jkunu akkumpanjati mill-iżvilupp ta' ġabra unika tar-regoli li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli fl-UE u għalhekk tikkontribwixxi għall-operat tas-suq intern. Il-kompitu tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ser ikun li jgħinu l-awtoritajiet nazzjonali fl-interpretazzjoni konsistenti u l-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet[9] li l-Artikolu 95 tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni ta' miżuri għall-approssimizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni għall-istabbilment u l-operat tas-suq intern jipprovdi bażi legali xierqa għat-twaqqif ta' " korp Komunitarju li huwa responsabbli li jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta ’ proċess ta ’ armonizzazzjoni ", fejn il-kompiti konferiti lil tali korp ikunu marbuta mill-qrib mas-suġġett tal-atti li japprossimizzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-kompiti li jiġu kkonferiti lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej billi huma tant marbuta mill-qrib mal-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u dawk imħabbra fil-Komunikazzjoni " Nixprunaw l-Irkupru Ewropew ", jistgħu għalhekk, f’konformità mal-każistika tal-Qorti, ikunu stabbiliti abbażi tal-Artikolu 95 tat-Trattat KE. 5. KOOPERAZZJONI BEJN L-ESFS U L-ESRC Il-qafas propost għas-superviżjoni fl-UE jista' jiffunzjona biss jekk l-ESRC u l-ESFS jikkooperaw effiċjentement. Tassew, l-għan tar-riforma huwa li tiġi żgurata interazzjoni bla intoppi tas-superviżjoni fil-livelli makroprudenzjali u mikroprudenzjali. Fl-issodisfar tar-rwol tiegħu bħala superviżur makroprudenzjali, l-ESRC ikun jeħtieġ fluss f'waqtu ta' dejta armonizzata fuq livell mikro, filwaqt li s-superviżjoni mikroprudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali tgawdi mill-għarfien tal-ESRC dwar l-ambjent makroprudenzjali. Kooperazzjoni u proċeduri vinkolanti għall-qsim ta' informazzjoni bejn il-livelli "mikro" u "makro" jkunu ta' importanza fundamentali, jekk jiġu evitati n-nuqqasijiet tal-imgħoddi. Sabiex jiġu identifikati u prijoritizzati r-riskji għall-istabbiltà tas- sistema finanzjarja tal-UE , l-ESRC ikun jeħtieġ: (i) jirċievi d-dejta mikroprudenzjali rilevanti - speċjalment dwar gruppi kbar u kumplessi transkonfinali - mill-ESFS, u (ii) jkollu l-possibbiltà jvara stħarriġiet ad hoc dwar kwistjonijiet speċifiċi li jkunu jeħtieġu l-kontribut dirett tas-superviżuri nazzjonali u/jew tal-operaturi tas-suq. Il-Kummissjoni se tipproponi li l-informazzjoni neċessarja tintbagħat lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali skont l-applikazzjoni tar-regoli li jwaqqfu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda. Is-setgħat li tiġi rċevuta l-informazzjoni kollha rilevanti għall-istabbiltà finanzjarja jistgħu jingħataw lill-ESRC permezz ta' taħlita tal-istrument legali li jwaqqaf l-ESRC u l-istrumenti legali li jwaqqfu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda. Fl-istess waqt, ir-Regolamenti li jwaqqfu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda ikun jeħtiġilhom li perjodikament (eż. kull xahar) jipprovdu lill-ESRC id-dejta anonima aggregata u rilevanti dwar l-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji kollha, imma speċjalment dwar gruppi transkonfinali kbar u kumplessi. Minħabba s-sensitività tad-dejta u l-informazjoni, l-iżgurar il-kunfidenzjalità neċessarja fil-kooperazzjoni bejn l-ESRC u l-ESFS tkun kruċjali u għandu jkun hemm fis-seħħ salvagwardji legali adegwati. Barra minn hekk, għall-kulleġġi biex jirċievu informazzjoni aġġornata dwar l-ambjent makroprudenzjali li fih joperaw l-istituzzjonijiet individwarli , tista' tkun prevista l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-ESRC bħala osservaturi. 6. KONKLUżJONI Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew biex: - jadotta l-ħolqien ta' Kunsill Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ESRC), ippresedut mill-President tal-BĊE u jinkludi l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali, il-president tat-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u membru tal-Kummissjoni Ewropea. Għandu jkun hemm involviment mill-qrib tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u l-president tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fil-ħidma tal-ESRC; - jaqbel li l-ESRC jkun inkarigat bil-valutazzjoni kontinwa tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja sħiħa u li jingħata l-awtorità neċessarja biex joħroġ twissijiet/rakkomandazzjonijeit f'waqthom għal azzjoni rimedjali u li jimmonitorja r-reazzjonijiet; - jaqbel li titwaqqaf Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (ESFS) ġdida magħmula minn 3 Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda li jaħdmu f'netwerk mal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali biex jiżviluppaw approċċi superviżorji komuni għas-superviżjoni tad-ditti finanzjarji kollha, biex jitħarsu l-konsumaturi u s-servizzi finanzjarji u jingħata kontribut favur l-iżvilupp ta' ġabra unika ta' regoli armonizzati. Fost l-oħrajn, l-ESFS għandha tfassal standards tekniċi, tgħin fl-iżgurar tal-applikazzjoni konsistenti tal-liġi Komunitarja u tillikwida t-tilwim bejn is-superviżuri; - jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ tassew integrat għas-superviżjoni finanzjarja Ewropea: il-ħtieġa ta' interazzjoni b'saħħitha bejn l-ESRC u l-ESFS inkluż l-iskambju ta' informazzjoni mikroprudenzjali rilevanti għall-analiżi makroprudenzjali; ir-rieda tal-partijiet rilevanti biex jieħdu azzjoni dwar twissijiet u/jew rakkomandazzjonijiet dwar riskji; u l-ħtieġa li l-ESRC jieħu azzjoni bħala interkonnessjoni mal-istituzzjonijiet internazzjonali speċjalment l-FSB u l-IMF; - jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq, mill-aktar fis possibbli, l-bidliet leġiżlattivi li jdaħħlu fis-seħħ il-qafas ġdid għas-superviżjoni fl-UE, abbażi tal-orjentazzjonijiet stipulati f'din il-Komunikazzjoni u wara aktar konsultazzjoni mal-partijiet interessati, sabiex il-miżuri neċessarji jkunu adottati fil-ħin biex il-qafas superviżorju mġedded ikun fis-seħħ u operattiv matul l-2010; - barra minn hekk, jappoġġa l-aċċellerazzjoni tal-ħidma biex jinbena qafas transkonfinali komprensiv biex isaħħaħ is-sistemi tal-immaniġġjar u s-soluzzjoni tal-kriżijiet finanzjarji fl-Unjoni Ewropea, inklużi skemi ta' garanziji u qsim tal-piżijiet. Anness: Qafas Ewropew ġdid għall-Ħarsien tal-Istabbiltà Finanzjarja[pic] [1] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2009 lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, "Nixprunaw l-Irkupru Ewropew", COM(2009) 114 finali. [2] Ara r-Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli għas-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE, ippublikat fil-25 ta’ Frar 2009. Il-Grupp kien ippresedut mis-Sur Jacques de Larosière. [3] Ara l-Istqarrija tas-Samit ta' Londra tat-2 ta’ April 2009. [4] Is-suċċessur tal-Forum tal-Istabbiltà Finanzjarja (Financial Stability Forum, FSF). [5] Il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (CEBS), il-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (CEIOPS) u l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (), ukoll spiss magħrufa bħala "l-Kumitati tal-Livell 3 Lamfalussy". [6] Eż. l-għoti ta' pariri tekniċi lill-Kummissjoni Ewropea. [7] Fir-rigward tal-gruppi finanzjarji ewlenin fl-UE, il-kulleġġi diġà jeżistu jew qed jitwaqqfu fl-2009. [8] Il-Kummissjoni tibqa' esklussivament kompetenti għall-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuniet mill-Istat u, għad-dimensjoni Komunitarja tal-fużjonijiet, biex tivvaluta l-aspetti tal-kompetizzjoni ta' tali tanżazzjoni b'konformità mar-Regolament KE tal-Fużjonijiet. [9] Ara QĠKE, C-217/04, punt 44.