52008DC0773

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi Ambjentali tal-Komunità Ewropea {SEG(2008) 2851} {SEG(2008) 2852} {SEG(2008) 2876} /* KUMM/2008/0773 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.11.2008

KUMM(2008) 773 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi Ambjentali tal-Komunità Ewropea

{SEG(2008) 2851}{SEG(2008) 2852}{SEG(2008) 2876}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW , IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-implimentazzjoni tal-Liġi Ambjentali tal-Komunità Ewropea

1. Introduzzjoni

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa biex jintwera kif l-approċċi ppreżentati fil-Komunikazzjoni “Ewropa li tikseb ir-Riżultati – L-Applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja” se jiġu applikati fil-qasam tal-ambjent.

Turi kif il-liġi ambjental tal-KE tista' tiġi implimentata aħjar permezz ta' taħlita ta':

- ħidma leġiżlattiva u postleġiżlattiva mmirata għall- prevenzjoni ta' ksur ,

- reazzjoni għat-tħassib speċifiku tal- pubbliku Ewropew ,

- trattament aktar immedjat u intensiv tal- ksur l-aktar gravi ,

- djalogu mtejjeb mal-Parlament Ewropew,

- tisħiħ tat-trasparenza, il-komunikazzjoni u d- djalogu mal-pubbliku u mal-partijiet interessati.

Din ir-reviżjoni hija f'waqtha b'mod partikolari fid-dawl tat-tkabbir tal-UE fil-perjodu 2004-2007, iż-żieda fit-tħassib dwar l-ambjent, acquis ambjentali li kulma jmur qed jikber, żviluppi importanti fil-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) u l-evoluzzjoni ta' prattiki ġodda li jippromwovu konformità. Il-Komunikazzjoni tirrifletti prijorità akbar marbuta mal-implimentazzjoni, speċjalment kif espressa fis-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali[1] u r-reviżjoni tan-nofs il-perjodu tiegħu[2] u twieġeb għall-interess, li ilu għal ħafna żmien, tal-Parlament Ewropew.

Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-ewwel l-isfidi li ġġib magħha l-applikazzjoni tal-liġi ambjentali fl-UE. Imbagħad hemm il-preżentazzjoni tal-mezzi speċifiċi għall-promozzjoni u l-ksib, li jinqasmu bejn: il-prevenzjoni kontra l-ksur permezz tat-titjib fil-kwalità tal-leġiżlazzjoni ambjentali ġdida tal-KE u l-iżgurar ta' implimentazzjoni ta' kwalità tajba fil-livell nazzjonali; reazzjoni għat-tħassib speċifiku tal-pubbliku Ewropew, flimkien ma' mekkaniżmu mtejjeb għas-soluzzjoni ta' problemi u preżenza msaħħa tal-Kummissjoni fl-Istati Membri; kriterji għall-identifikazzjoni tal-ksur li jirrikjedi livell ta' attenzjoni speċjalmenti għoli; u proposti għal djalogu mtejjeb mal-Parlament Ewropew, mal-pubbliku u mal-partijiet interessati. Il-Komunikazzjoni qed tiġi kkomplementata b'żewġ dokumenti separati tal-Kummissjoni, wieħed minnhom deskrizzjoni ta' sfidi settorjali u ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ta' prevenzjoni għall-promozzjoni tal-konformità u l-ieħor sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt[3].

2. L-ISFIDI INVOLUTI FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-LIġI AMBJENTALI TAL-KE

2.1. Sfidi ġenerali

L- acquis ambjentali huwa wiesa u ambizzjuż, u jkopri kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, il-kwalità tal-arja, il-ġestjoni tal-iskart, il-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma u l-bijodiversità, kontrolli fuq il-kimiċi, u l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali. Juża varjetà sħiħa ta' tekniki, bħal standards tal-prodotti, għanijiet dwar il-qagħda tal-ambjent, projbizzjonijiet u restrizzjonijiet, strumenti ekonomiċi, deżinjazzjonijiet ta' żoni sensittivi, pjanijiet u programmi, u parteċipazzjoni pubblika u dispożizzjonijiet tal-informazzjoni. L- acquis jeħtieġ li jiġi applikat għal firxa sħiħa ta' kondizzjonijiet naturali, skont arranġamenti nazzjonali u reġjonali li jvarjaw ħafna, u f'sitwazzjonijiet li ħafna drabi jkollhom dimensjoni transkonfinali. Hemm ukoll livell għoli ta' interess pubbliku, li jirrifletti fl-eżerċitar tad-drittijiet ambjentali, inklużi lmenti u petizzjonijiet.

Ma' dawn wieħed irid iżid l-isfidi li jitfaċċaw minħabba:

- ma tingħatax biżżejjed attenzjoni għad-dati tal-iskadenza u l-kompletezza matul l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali,

- nuqqasijiet ta' għarfien u konoxxenza fl-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali,

- nuqqasijiet fil-kapaċitajiet amministrattivi ,

- politiki u prattiki nazzjonali u reġjonali ta' infurzar dgħajfa,

- nuqqas ta' investiment u investiment imdewwem fl-infrastruttura meħtieġa għat-tnaqqis tat-tniġġis.

Ta' min wieħed isemmi wkoll l-isfidi li nqalgħu minħabba t-tkabbir ta' dan l-aħħar. L-applikazzjoni tal- acquis fl-UE-12 tirrikjedi sforzi sinifikanti f'termini ta' titjib fl-infrastruttura, arranġamenti amministrattivi u l-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Il-pajjiżi kandidati jesperjenzaw sfidi simili.

2.2. Sfidi Speċifiċi

Nuqqas ta' komunikazzjoni dwar, u difetti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali jaffettwaw il-taqsimiet kollha tal- acquis ambjentali. L-isfidi speċifiċi li ġejjin japplikaw:

- Skart – il-ħtieġa f'ċerti Stati Membri li jwaqqfu l-attività ta' miżbliet illegali, idaħħlu netwerks adegwati ta' faċilitajiet tal-iskart regolati, jipprevjenu trasportazzjonijiet ta' skart illegali u jintensifikaw il-konoxxenza tal-pubbliku dwar l-għanijiet ta' prevenzjoni, użu mill-ġdid u reċiklaġġ ta' skart. Jeħtieġ taħlita ta' investiment u azzjoni ta' infurzar nazzjonali u reġjonali strutturata b'mod tajjeb u attivitiajiet li jżidu l-għarfien.

- Ilma – il-ħtieġa f'ċerti Stati Membri li jinvestu aktar fil-ġbir u t-trattament tal-ilma ta' skart urban. Dan jirrikjedi ppjanar fit-tul u impenji finanzjarji.

- Natura – għalkemm issa netwerk ewlieni ta' siti Ewropej tan-natura ikopri firxa sostanzjali ħafna għad hemm nuqqasijiet. Aktar sforz huw meħtieġ ukoll biex is-siti jiġu ġestiti f'linja mal-għanijiet tal-preżervazzjoni tan-natura.

- Stallazzjonijiet industrijali – għadd sinifikanti ta' stallazzjonijiet industrijali għad għandhom pendenti l-permess tal-KE u rekwiżiti oħra.

- Valutazzjoni tal-impatt ambjentali – il-kwistjoni dwar il-konformità mar-regoli tal-KE dwar il-valutazzjoni tal-impatt ta' sikwit tiġi appellata fl-oġġezzjonijiet għal proġetti kbar. L-isfida hija li jkun hemm żvilupp b'mod ordnat li jqis it-tħassib ambjentali leġittimu.

- Kwalità tal-arja – nuqqas, f'ħafna bliet Ewropej, ta' konformità mal-istandards tal_KE tal-kwalità tal-arja jirrikjedi azzjoni konċertata biex jitbaxxew il-konċentrazzjonijiet ta' sustanzi tat-tniġġis.

- Tibdil fil-klima – hemm ħtieġa kontinwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jagħtu l-informazzjoni meħtieġa biex jingħata segwitu xieraq lill-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima[4].

Dokument ta' akkumpanjament jistipula aktar dettalji.

3. Is-soluzzjonijiet: lejn implimentazzjoni mtejba tal-liġi ambjentali tal-KE

L-implimentazzjoni mtejba tal-liġi ambjentali tal-KE tirrikjedi azzjoni ta' natura preventiva u korrettiva f'oqsma ewlenin. Jeżisti wkoll element strateġiku.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent stabbilixxa task forces interni għall-konservazzjoni tan-natura, l-ilma, l-arja, it-tibdil fil-klima, l-iskart u l-valutazzjoni tal-impatt fl-interess tal- koerenza mill-bidu sal-implimentazzjoni tal-politiki u tal-użu kkoordinat tal-firxa wiesgħa tal-għodod deskritti hawn taħt.

Dan kien jinvolvi approċċ strateġiku, settorjali, jiġifieri l-identifikazzjoni u t-trattament ta' problemi li jeżistu fuq iskala sinifikanti u fl-Istati Membri. Biex jingħata eżempju, permezz ta' dan il-Kummissjoni setgħet tittratta n-nuqqas ta' faċilitajiet għat-trattament tal-ilma ta' skart f'ħafna aktar bliet, u l-preżenza ta' miżbliet illegali f'ħafna aktar postijiet milli kien ikun possibbli likieku l-Kummissjoni kienet iffokat biss fuq problemi individwali. Fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura, għen biex tinkiseb id-deżinjazzjoni ta' eluf ta' siti madwar l-UE kollha: l-approċċ qed jiġi estiż għall-ġestjoni tas-siti, pereżempju permezz tal-promozzjoni tad-djalogu u tal-aħjar prassi f'setturi ekonomiċi speċifiċi, bħal portijiet u l-industrija li ma tiġbidx l-enerġija. Rapport mistenni mill-Kummissjoni dwar l-ewwel kontroll tas-saħħa tal-ħabitats u l-ispeċji protetti taħt il-leġiżlazzjoni dwar in-natura tal-KE se jindika kemm hi effettiva l-politika tal-preżent.

3.1. Prevenzjoni ta' ksur

Il-firxa u l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ambjentali, flimkien mal-għadd kbir ta' ksur jisħqu l-importanza li l-ewwel nett ikun hemm strateġija żviluppata b'mod tajjeb għall-prevenzjoni tal-ksur. Miżuri ta' prevenzjoni, kif deskritti hawn taħt, fil-fatt jintużaw sistematikament mill-Kummissjoni. Id-dokument mehmuż jagħti deskrizzjoni aktar sħiħa.

Jeħtieġ li sforzi għall-prevenzjoni tal-ksur jirriflettu approċċ leġiżlattiv tul iċ-ċiklu kollu. Jeħtieġ li jibdew bit-tfassil u l-abbozzar tal-leġiżlazzjoni, biex ladarba l-leġiżlazzjoni tiġi adottata tkun tinvolvi firxa ta' azzjonijiet u attivitajiet, u biex jiddaħħlu analiżi u reviżjoni leġiżlatttiva. Il-valutazzjonijiet tal-impatt, il-kwalità tal-arja u l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart jipprovdu eżempji ta' aġġornar leġiżlattiv li jqis l-esperjenza miksuba permezz tal-implimentazzjoni u tal-ħidma ta' infurzar.

L-użu ta' tekniki u strumenti bħal strateġiji tematiċi, konsultazzjoni u valutazzjoni tal-impatt jistgħu jgħinu biex jiżguraw li leġiżlazzjoni u politiki ġodda — u analiżi u reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki eżistenti — huma koerenti, effikaċi u effettivi.

Ladarba jkunu fis-seħħ il-leġiżlazzjoni u l-politiki, hemm disponibbli firxa ta' għodod preventivi li jgħinu biex jiżguraw li l-ħidmiet stipulati bil-leġiżlazzjoni jitlestew b'suċċess. Dawn jinkludu:

- Ġbir ta' informazzjoni effettiva li jikkontrolla safejn il-leġiżlazzjoni u l-politiki qed jaħdmu. Pereżempju r-rapporti annwali tal-Kummisjoni dwar l-ilma għall-għawm jagħtu stampa mifruxa ħafna tal-kwalità tal-ilma għall-għawm madwar il-Komunità kollha.

- Tabelli tal-prestazzjoni , li jipermettu lill-Istati Membri u l-pubbliku jqabblu l-prestazzjonijiet relattivi tal-Istati Membri fil-ksib ta' miri speċifiċi. Tabella partikolari taċċenna l-progress tal-Istat Membru fl-istabbiliment ta' netwerk Komunitarju ta' siti protetti tan-natura[5].

- L-użu xieraq ta' fondi Komunitarji . Pereżempju, l-infiq fuq l-agroambjent jappoġġja s-sistemi tal-biedja li jmantnu l-abitati seminaturali fraġli. Fondi Komunitarji jappoġġjaw investimenti kbar fil-ġbir u t-trattament tal-ilma tal-iskart. Il-Fondi għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Koeżjoni jagħmlu referenza espliċita għat-trasport nadif.

- Appoġġ ta' qabel l-adeżjoni fil-pajjiżi tat-tkabbir biex jiġi żgurat li, sa mid-data tal-adeżjoni, l-Istati Membri l-ġodda jkunu jistgħu jikkonformaw aktar mal- acquis.

- Żvilupp ta' dokumenti ta' gwida tal-Kummissjoni li jgħinu fl-evitar ta' tilwim interpretattiv u żbalji ta' ftehim. Biex nagħtu eżempju, il-Kummissjoni pproduċiet erbgħa u għoxrin dokument ta' gwida li jkopru l-aspetti ewlenin tal-leġiżlazzjoni ta' qafas dwar l-ilma. Dan jirrifletti l-implikazzjonijiet wiesgħin ta', u l-interess ħerqan tal-persuni interessati fil-leġiżlazzjoni konċernata.

- Tipi oħra ta' appoġġ, u djalogu strutturat mal-awtoritajiet nazzjonali, fost l-oħrajn permezz tan-netwerks stabbiliti ta' esperti, IMPEL[6] u GreenForce[7], u persuni interessati oħrajn. Pereżempju, il-Kummissjoni qed tmexxi djalogu dwar il-problemi li jikkonċernaw is-siti tal-iskart illegali u ġestiti b'mod ħażin kif ukoll trasportazzjonijiet ta' skart illegali.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tghin ukoll fil-finanzjament ta' programm għat-taħriġ ġudizzjarju fil-leġiżlazzjoni ambjentali u se tpartat informazzjoni u tikkoopera ma' netwerks ta' imħallfin bħall-Forum Ewropew tal-Imħallfin għall-Ambjent u l-Assoċjazzjoni ta' Imħallfin Amministrattivi Ewropej. Dan għandu jirrifletti r-rwol ewlieni li l-qrati nazzjonali għandhom: huma jaġġudikaw f'ħafna kawżi individwali u, f'oqsma bħal mhuma l-iskart u l-konservazzjoni tan-natura, il-każistika interpretattiva tal-ECJ li tirriżulta minn azzjonijiet diretti tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 226 tat-Trattat tal-KE ġiet issupplementata b'mod sinifikanti bil-każistika li tirriżulta mill-użu mill-imħallfin nazzjonali tal-Artikolu 234 tat-Trattat.

Wara l-adozzjoni ta' direttivi ambjentali ġodda u kbar, il-Kummissjoni se tistabbilixxi netwerks permanenti li jinvolvu uffiċjali mill-Kummissjoni u punti ta' kuntatt fl-Istati Membri. Dawn se jimmiraw biex jużaw skambji ta' konsulenza u esperjenza għall-ksib ta' implimentazzjoni sħiħ u f'waqtha. Biex wieħed jagħti eżempju, netwerks bħal dawn diġà jeżistu għal-leġiżlazzjoni tal-KE dwar in-natura.

3.2. Soluzzjoni ta' Problemi — nirrispondu għat-tħassib speċifiku tal-pubbliku Ewropew

Biex ikun hemm rispett uniformi għal-liġi ambjentali tal-KE, huwa importanti li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jiksbu tagħrif preċiż dwarha fil-lingwi uffiċjali kollha, ikunu jistgħu jsejħu lil entitajiet responsabbli biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħha u, f'ċerti ċirkostanzi, ikunu jistgħu jirreferu għal mekkaniżmi nazzjonali għas-soluzzjoni ta' tilwim li joħorġu mil-liġi tal-KE. Għandu jkun hemm ukoll relazzjoni koerenti u effiċjenti bejn l-entitajiet responsabbli varji sabiex, safejn ikun possibbli, tiġi evitata repetizzjoni tal-isforzi.

Peress li l-implimentazzjoni hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-mira ewlenija għandha tkun fuq l-effettività tar-reazzjonijiet u l-kontabbiltà fil-livell nazzjonali u reġjonali.

Reazzjonijiet effettivi fil-livell nazzjonali u reġjonali, inklużi l-mekkaniżmi għal reviżjoni amministrattiva u ġudizzjarja

It-talbiet taċ-ċittadini lill-awtoritajiet responsabbli biex dawn iħarsu l-liġi li toħroġ mill-KE f'sitwazzjonijiet ta' tħassib.

Ħafna drabi se jkunu ċ-ċittadini l-ewwel li se jintebħu bl-attivitajiet ta' ksur tar-regoli ambjentali derivanti mill-KE, bħal miżbliet illegali jew tnixxijat li jniġġsu l-ilma. Indikatur importanti ta' implimentazzjoni serja jikkonsisti fil-ħeffa u fl-effikaċja tal-intervent uffiċjali ladarba n-nies ikunu avżaw lill-awtoritajiet. L-Istati Membri jistgħu jrawmu relazzjoni tajba permezz ta' linji tat-telefown kunfidenzjali, proċeduri għat-trattament tal-ilmenti, korpi ta' sorveljanza għall-infurzar u ombudsmen.

Sitwazzjonijiet li jinvolvu tilwim: mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta' tilwim fil-livell nazzjonali u reġjonali li joħorġu mil-liġi tal-KE, ir-rwol tal-Konvenzjoni ta' Aarhus

Se jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadini fuq naħa u l-awtoritajiet responsabbli fuq l-oħra ma jiftehmux bejniethom dwar jekk hemmx konformità mal-liġi ambjentali tal-KE.

Fil-Konvenzjoni ta' Aarhus[8], li l-Komunità hija parti kontraenti[9] għaliha, hemm provvediment sostanzjali għall-aċċess għall-ġustizzja. Fl-2003 l-Kummissjoni adottat proposta għal direttiva ta' implimentazzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja f'kwistjonijiet ambjentali[10] li qed tiġi eżaminata bħalissa mill-koleġiżlaturi. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll studju dwar kif Stati Membri qed jagħtu saħħa lill-Konvenzjoni[11] u organizzat diskussjoni pubblika fid-dawl tar-riżultati[12]. Il-Kummissjoni tibqa' tal-opinjoni li l-liġi ambjentali tal-Komunità tkun infurzata aħjar u b'mod aktar konsistenti fil-każ li d-direttiva proposta kellha tiġi adottata. Li tkun ħaġa aktar faċli li l-kawżi jitressqu quddiem imħallef nazzjonali għandu jippermetti li s-soluzzjonijiet tal-problemi isiru aktar qrib iċ-ċittadin. Għandu wkoll inaqqas mill-ħtieġa ta' intervent mill-Kummissjoni.

Il-liġi ambjentali tal-KE diġà tipprovdi għal mekkaniżmi ta' reviżjoni fejn it-tilwim jikkonċerna rifjuti ta' għoti ta' informazzjoni ambjentali jew ta' konsultazzjoni pubblika relatati ma' valutazzjonijiet tal-impatt u deċiżjonijiet dwar permessi għal prevenzjoni u kontroll integrat tat-tniġġis. Billi tikkontrolla l-kwalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura li dawn il-mekkaniżmi ta' reviżjoni jkunu effettivi fl-Istati Membri kollha. Meta tkun qed tirrevedi leġiżlazzjoni eżistenti jew inkella tipproponi leġiżlazzjoni ġdida, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tipproponi mekkaniżmi ta' reviżjoni simili.

Ir-rwol tal-Kummissjoni fit-trattament ta' talbiet għal informazzjoni, ilmenti u petizzjonijiet

Filwaqt li l-enfasi primarja għandha tkun fuq l-iżgurar li ċ-ċittadini u l-partijiet interessati jiksbu risposti sodisfaċenti fil-livell nazzjonali u reġjonali, il-Kummissjoni qed tintalab ukoll tinvestiga ilmenti u petizzjonijiet u tipprovdi informazzjoni dwar l-ambjent.

Il-Kummissjoni stabbiliet mekkaniżmu pilota għas-soluzzjoni ta' problemi ma' 15-il Stat Membru biex teżamina kif tista' tirrispondi aħjar għat-talbiet taċ-ċittadini dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-KE. Kawżi ambjentali jiġu trażmessi mill-ewwel lill-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-proġett pilota. L-Istati Membri se jkunu mħeġġa japplikaw l-aħjar prassi li joħorġu mit-trattament ta' każijiet individwali fuq skala aktar wiesgħa.

Fuq bażi ta' prova, il-Kummissjoni qed tinkariga uffiċjali għall-ambjent fl-uffiċċji tar-rappreżentazzjoni tagħha f'ebgħa Stati Membri[13] biex tavviċina l-għarfien espert fil-liġi ambjentali lejn iċ-ċittadini u partijiet interessati oħra, u dawn jipprovdu informazzjoni legali u ta' natura oħra, iqajmu konoxxenza, jidentifikaw u jivvalutaw problemi u soluzzjonijiet u jikkomunikaw mal-awtoritajiet u l-entitajiet nazzjonali li għandhom funzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni. L-attivitajiet tagħhom se jiġu kkoordinati mill-qrib ma' inizjattivi oħra tal-implimentazzjoni tal-Kummissjoni, inkluż il-mekkaniżmu mtejjeb għas-soluzzjoni ta' problemi. L-indikazzjonijiet inizjali huma li l-inizjattiva qed tgħin biex jiġu identifikati problemi u soluzzjonijiet fi stadju aktar bikri.

Il-firxa ta' mezzi għall-promozzjoni u l-kisib tal-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali kollha se tinżamm taħt reviżjoni u tiġi vvalutata mal-għanijiet tal-implimentazzjoni kompluta u f'waqtha kif ukoll mar-reazzjoni għat-tħassib tal-pubbliku.

3.3. Trattament aktar immedjat u aktar intensiv tal-ksur importanti

Is-sentenzi tal-ECJ kellhom rwol importanti biex tittejjeb l-applikazzjoni tal-liġi ambjentali tal-KE. Pereżempju, kawżi dwar in-nuqqas li jiġu ddeżinjati biżżejjed artijiet mistgħadra u żoni oħra bħala żoni ta' protezzjoni speċjali għall-għasafar selvaġġi fl-Olanda[14] kif ukoll biżżejjed ħabitats fil-Ġermanja[15] u fi Franza[16] f'netwerk ta' siti tan-natura importanti madwar l-Ewropa kollha, għenu biex jiżguraw li issa hemm żoni estensivi ta' protezzjoni għall-ħajja selvaġġa Ewropea li qiegħda f'riskju f'dawn il-pajjiżi. Kawżi dwar ksur mifrux tar-regoli Komunitarji dwar l-iskart fl-Irlanda[17] u t-tolleranza ta' għadd kbir ta' miżbliet illegali fil-Greċja[18] ffurmaw il-bażi għal riformi importanti fil-ġestjoni tal-iskart f'dawn l-Istati Membri.

Huwa importanti li l-proċedura ta' ksur tintuża b'mod effettiv sabiex jiġu ttrattati l-problemi l-aktar importanti. Filwaqt li se jiġu ttrattati l-ilmenti u l-ksur kollha, "Ewropa li tikseb ir-Riżultati" tirreferi għal tliet kategoriji ta' ksur li se jiġu ttrattati b'mod aktar immedjat u intensiv.

1. L-ewwel kategorija, li tinkludi nuqqas ta' komunikazzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni tad-direttivi, hija ta' importanza partikolari għall-ambjent għaliex id-direttivi jiddominaw l- acquis ambjentali .

2. It-tieni kategorija hija n-nuqqas ta' konformità mas-sentenzi tal-ECJ fi ħdan firxa ta' riferiment b'medja ta' bejn 12 u 24 xahar soġġet għal ċirkostanzi speċifiċi ta' każijiet eċċezzjonali. Għadd sinifikanti ta' sentenzi marbuta mal-ambjent huma relatati mal-obbligi bbażati fuq ir-riżultati, bħall-ksib ta' standard ta' kwalità ambjentali jew il-forniment ta' trattament ta' ilma ta' skart. Meta tapplika din il-firxa ta' riferiment, il-Kummissjoni se tqis il-każistika rilevanti tal-ECJ[19].

3. It tielet kategorija hija l-ksur tal-liġi Komunitarja, inklużi l-kawżi dwar in-nuqqas ta ’ konformità, li jqajmu kwistjonijiet ta' prinċipju jew li jħallu effett negattiv u b'implikazzjonijiet wiesgħin fuq iċ-ċittadini, bħal mhuma dawk marbutin mal-applikazzjoni tal-prinċipji tat-Trattat u l-elementi ewlenin tar-regolamenti u d-direttivi ta' qafas. Kriterji għal kawżi bħal dawn ta' nuqqas ta' konformità jeħtieġ li jiġu stabbiliti settur b'settur.

F'termini tal-politika ambjentali, il-ksur li għandu impatt partikolarment negattiv u qawwi fuq iċ-ċittadini jinvolvi sitwazzjonijiet fejn, fuq skala sinifikanti jew b'mod ripetut, in-nies ikunu esposti jew jistgħu fil-futur jiġu esposti għal ħsara diretta jew inkella għad-detriment serju għall-kwalità tal-ħajja tagħhom bħala riżultat tan-nuqqas ta' konformità mal-istandards tal-kwalità ambjentali jew mar-rekwiżiti li jirregolaw l-attivitajiet ta' tniġġis. In-natura irriversabbli tal-ħsara hija fattur ta' prijoritizzazzjoni.

Kwistjonijiet ta' prinċipju jistgħu jinqalgħu f'diversi modi, pereżempju Stat Membru jista' jdgħajjef fundamentalment l-effettività kumplessiva tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-KE billi jadotta miżuri ta' traspożizzjoni li b'mod sinfikanti ma jikkonformawx mad-Direttiva konċernata jew inkella billi ma jieħux miżuri li jikkontribwixxu għal azzjoni speċifika u miftiehma li tinvolvi l-Komunità kollha bħall-iskema tal-iskambju tal-emissjonijiet.

F'dan l-isfond, il-kriterji li ġejjin se jkunu applikati fis-settur ambjentali:

a) In-nuqqas ta' konformità ma' leġiżlazzjoni prinċipali meqjusa bħala li tippreżenta riskju sinifikanti għall-implimentazzjoni korretta tar-regoli ambjentali u għalhekk l-effettività kumplessiva tagħhom . Dan il-kriterju huwa intenzjonat li jkun ristrett għal dawk id-direttivi u d-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jistabbilixxu l-qafas prinċipali għall-ħarsien ambjentali. Dan ikopri leġiżlazzjoni nazzjonali difettiva jew mhux kompluta li b'mod sinifikanti tillimita l-ambitu tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta' direttiva jew inkella li tikkomprometti b'mod sinifikanti r-riżultati li għandhom jinkisbu. Pereżempju, fir-rigward tal-konservazzjoni tan-natura u l-valutazzjoni tal-impatt, diġà hemm għaddejja azzjoni ġuridika relatata mal-konformità mad-Direttiva tal-Għasafar,[20] id-Direttiva tal-Ħabitats[21], u d-Direttiva dwar l-Istima tal-Effetti [il-Valutazzjoni tal-Impatt][22]. Progressivvament diġà qed tittieħdet azzjoni simili għad-direttivi l-aktar importanti fl-oqsma tal-ġestjoni tal-iskart, tal-ilma u tal-protezzjoni tal-arja.

b) Ksur sistematiku ta' kwalità ambjentali jew ta' rekwiżiti oħra ta' protezzjoni ambjentali li jippreżentaw konsegwenzi serji avversi jew inkella riskji għas-saħħa u l-benessri umana jew għal aspetti tan-natura li għandhom valur ekoloġiku għoli. Dan il-kriterju jkopri sitwazzjonijiet fejn issir kontravvenzjoni ripetuta jew ta' skala sinifikanti, l-ewwel nett fir-rigward tal-obbligi importanti dwar il-qagħda tal-ambjent, bħal mhuma dawk li jirrikjedu li jiġu rispettati livelli ta' tniġġis fl-arja jew fl-ilma jew inkella li jiġi evitat deterjorament ta' ħabitats naturali, jew, it-tieni nett, ta' obbligi proċedurali ewlenija jew relatati ma' attività bħal mhuma dawk li jirrikjedu li miżbliet joperaw taħt permess ta' skart, li ċerti industriji joperaw taħt il-permess tal-IPCC[23] u li l-ilma ta' skart urban irid jinġabar u jiġi ttratat. Filwaqt li ftuħ ta' kawżi individwali jista' jkun effettiv, l-esperjenza tindika li ġeneralment huwa aktar effiċjenti u ġust meta wieħed jipprova jsib soluzzjoni tal-problemi mifruxa fuq skala wiesgħa permezz ta' approċċ aktar sistematiku. Eżempji ta' ksur sistematiku li l-Kummissjoni indirizzat jew li qed tindirizza jinkludu, għall-ilma, ksur tal-istandards għall-ilma tal-għawm u għall-ilma tax-xorb u n-nuqqas tal-ġbir u t-trattament ta' ilma tal-iskart urban, għall-iskart, tolleranza ta' attivitajiet illegali marbuta mal-iskart u, għan-natura, nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar il-kaċċa jew mal-kondizzjonijiet ta' deroga. Il-Kummissjoni biħsiebha tibni fuq dawn l-eżempji u, abbażi tal-evidenza disponibbli, se tiffoka fuq ksur sistematiku tad-dispożizzjonijiet ewlenin fid-direttivi ambjentali, bħar-rekwiżiti għall-protezzjoni tas-siti fid-Direttiva tal-Ħabitats.

c) Ksur tal-obbligi ċentrali, strateġiċi li s-soddisfar ta' obbligi oħra jiddependi fuqhom. Dan il-kriterju jkopri nuqqasijiet fis-soddisfazzjon tad-deżinjazzjoni, l-ippjanar u l-ipprogrammar, ir-rappurtar u l-obbligi simili li huma l-qofol ta' liġijiet ambjentali partikolari u li huma maħsuba biex jistabbilixxu qafas strateġiku għal obbligi oħra. Eżempji ta' dawn jinsabu fl-azzjonijiet ġuridiċi tal-Kummissjoni biex fl-isfera tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura jinkisbu deżinjazzjonijiet jew nominazzjonijiet ta' netwerks ta' siti importanti għall-ħajja selvaġġa; fl-isfera tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma, programmi ta' azzjoni ta' konformità sabiex it-tniġġis tal-ilma minħabba l-użu ta' fertilizzanti agrikoli jitnaqqas; fl-isfera tal-iskambju tal-emissjonijiet, l-adozzjoni ta' pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni; u fl-isfera tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, pjanijiet għall-ġestjoni tal-iskart.

d) Ksur li jikkonċernaw proġetti ta' infrastruttura jew intervenzjonijiet kbar li jinvolvu finanzjament tal-UE jew impatti avversi sinifikanti . Fid-dawl tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, il-livell l-aktar xieraq biex jiġu indirizzati ħafna minn dan it-tip ta' ksur jista' jkun dak tal-qrati nazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni jista' ukoll tkun teħtieġ taġixxi, e.ż. meta jkun hemm involut il-kofinanzament Komunitarju. Il-Kummissjoni se tqis tali kunsiderazzjonijiet bħala ħsara ekoloġika irriversibbli u, fejn xieraq, tfittex miżuri interim mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Filwaqt li x'aktarx li l-miżuri interim ser jintużaw eċċezzjonalment biss, dawn potenzjalment jikkostitwixxu protezzjoni importanti li tħares li l-ksur ma jirriżultax fi faits accomplis ta' ħsara serja.

Aktar dettalji dwar proċeduri tal-ksur tal-Kummissjoni jinsabu fid-dokument komplementarju. Il-Kummissjoni tinsab lesta tiddiskuti dawn il-kriterji msemmija mal-Parlament Ewropew u ma' partijiet interessati, inkluż kif għandhom jiġu applikati għal oqsma ta' temi speċifiċi bħall-konservazzjoni tan-natura, l-ilma u l-iskart, u hija lesta wkoll tirranġhom jew tirrevedihom permezz tar-rapporti annwali dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni ser tqis b'interess ukoll kwalunkwe opinjoni li l-Kunsill ikun jixtieq iressaq.

Fis-sorveljanza tal-progress, attenzjoni partikolari se tingħata għall-progress fir-rigward tal-kawżi msemmija. Biex jiġi żgurat li l-kriterji ġenerali u settorjali jkunu serji, se jkunu indirizzati kawżi oħra f'ritmu u f'manjiera li ma jikkompromettux it-trattament effiċjenti u effikaċi tal-kawżi importanti. Se jsir sforz massimu biex jiġi żgurat li l-fajls l-oħra jiġu riżolti bil-mezzi msemmija fit-Taqsimiet 3.1 u 3.2.

3.4. Djalogu mal-Parlament Ewropew

Fir-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur, il-Parlament Ewropew għandu interess ċar fl-implimentazzjoni effikaċi. L-ambjent jikkostitwixxi 10 % tal-mistoqsijiet parlamentari kollha li jsiru lill-Kummissjoni. Il-Kumitat dwar l-Ambjent ilaqqa' sessjonijiet perjodiċi dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-KE u l-ambjent bħalissa huwa t-tema prinċipali f'35 % tal-petizzjonijiet li qed jiġu ttrattati mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet.

Il-ħidma ta' dawn il-Kumitati tista' tiffaċilita djalogu dwar l-aspetti strateġiċi tal-implimentazzjoni, bħal dawk relatati mal-valutazzjonijiet li għandhom isiru fir-Rapporti Annwali tal-Kummissjoni fil-futur fir-rigward tal-Applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Pereżempju, is-sessjonijiet tal-implimentazzjoni tal-Kumitat dwar l-Ambjent joffru l-opportunità biex tiġi diskussa l-qagħda f'setturi partikolari, bħall-ilma, tal-iskart u l-konservazzjoni tan-natura. Il-mekkaniżmu mtejjeb għas-soluzzjoni tal-problemi għandu jgħin biex il-Kumitat tal-Petizzjonijiet jindirizza l-ilmenti taċ-ċittadini. Wieħed jistenna li l-Parlament ser interaġixxi mal-parlamenti nazzjonali, jekk xejn minħabba r-rwol li dawn għandhom fit-traspożizzjoni tad-direttivi li l-Parlament huwa l-koleġiżlatur għalihom. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tgħin f'dawn l-interazzjonijiet.

3.5. It-trasparenza, il-komunikazzjoni u d-djalogu mal-pubbliku u mal-partijiet interessati

It-trasparenza u l-komunikazzjoni għandhom importanza speċjali f'qasam fejn il-valur li l-pubbliku jkun attiv u infurmat tajjeb dwar l-ambjent huwa rikonoxxut f'għadd sinifikanti ta' dispożizzjonijiet leġiżlattivi. L-informazzjoni u l-istatistika ewlenija, li juru b'mod partikolari kif inhu għaddej il-progress fil-ħidma fuq kawżi importanti se jsiru disponibbli permezz tar-Rapporti Annwali tal-Kummissjoni. Tabelli tal-prestazzjoni li jiġu aġġornati regolarment se jintużaw għal għanijiet ta' profil għoli bħal mhuma d-deżinjazzjonijiet għall-konservazzjoni tan-natura. Se jkun hemm ukoll attivitajiet li jżidu l-konoxxenza, avvenimenti u pubblikazzjonjiet tal-midja mmirati lejn il-qarrej ġenerali u dak speċjalizzat. L-istrateġiji tal-komunikazzjoni se jkunu soġġetti għal analiżi minn qabel u mqabbla ma' rekwiżiti operattivi, bl-użu tal-internet fejn dan ikun xieraq.

Organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni tajba u tal-konoxxenza tal-pubbliku. Qed jiġi propost li jkun hemm djalogu regolari magħhom, fi Brussell u fil-kapitali nazzjonali permezz tal-uffiċċji tar-rappreżentazzjoni. Permezz ta' djalogu, il-Kummissjoni se tfittex biex tikseb informazzjoni dwar il-problemi u t-tħassib ewlieni dwar l-implimentazzjoni, tħeġġeġ analiżi strateġika, u tiżgura li jsir l-aqwa użu tad-diversi mezzi għas-soluzzjoni tal-problemi, inkluż fil-livell nazzjonali.

Se jiġi mfittex id-djalogu ma' partijiet interessati oħrajn biex titqies firxa wiesgħa kemm jista' jkun possibbli ta' opinjonijiet meta jiġu fformulati pożizzjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal- acquis ambjentali.

4. Konklużjoni

L-implimentazzjoni effettiva tal-liġi ambjentali tal-KE se tuża taħlita ta' mezzi. Bl-użu tal-għodod tal-valutazzjoni tal-impatt u tal-konsultazzjoni, it-tħejjija tal-leġiżlazzjoni se tiffoka fuq il-mezzi l-aktar effikaċi kif jistgħu jinkisbu l-miri ambjentali Il-ħidma sussegwenti se tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-ksur billi l-Istati Membri jiġu megħjuna jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali u miżuri oħra li jkunu fil-ħin, kompluti u korretti. B'mod parallel, il-Kummissjoni se tfittex tindirizza t-tħassib speċifiku tal-pubbliku Ewropew billi tippromwovi reazzjonijiet fil-livell nazzjonali u reġjonali, billi tapplika l-mekkaniżmu mtejjeb għas-soluzzjoni tal-problemi u billi tagħmel disponibbli fl-Istati Membri l-għarfien espert fil-liġi ambjentali, inizjalment fuq bażi ta' proġett pilota. Se tintuża ġabra ta' kriterji biex jiġi identifikat dak il-ksur li jirrikjedi livell partikolarment għoli ta' attenzjoni, inkluż fejn xieraq talbiet lill-ECJ għal miżuri interim. Huwa maħsub ukoll li jkun hemm djalogu msaħħaħ mal-Parlament Ewropew, mal-pubbliku u mal-partijiet interessati u li, fejn xieraq, jiġi rfinat l-approċċ tal-Kummissjoni fid-dawl ta' dan kollu.

Bl-użu ta' taħlita ta' strumenti, din l-istrateġija, għandha tgħin lill-Kummissjoni tikseb aktar effiċjenza u biex il-ħidma tagħha tal-promozzjoni tal-konformità u tal-infurzar tkun immirata aħjar, tirrispondi aħjar għaċ-ċittadini u l-partijiet interessati u biex tkun tilqa' aktar l-isfidi fl-Istati Membri tal-adeżjoni ta' dan l-aħħar kif ukoll fil-pajjiżi tat-tkabbir. L-effikaċja tal-istrateġija se tinżamm taħt reviżjoni u, fejn meħtieġ, il-Kummissjoni se tipproponi aktar miżuri biex tiżgura implimentazzjoni mtejba tal-liġi ambjentali tal-KE.

ABBREVJAZZJONIJIET U SPJEGI

ke = Komunità Ewropea

ECJ = Qorti tal-Ġustizzja Ewropea

UE = Unjoni Ewropea

UE12 = dawk l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ssieħbu fil-perjodu 2004-2007

Acquis = il-korp sħiħ tal-liġijiet applikabbli

[1] Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE.

[2] Il-Komunikazzjoin tal-Kummissjoni KUMM(2007) 225.

[3] SEC(2008) 2851 u SEC(2008) 2852.

[4] Id-Deċiżjoni 280/2004.

[5] It-tabella tal-prestazzjoni hija magħrufa bħala l-barometru Natura 2000. Għal aktar tagħrif arahttp://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/barometer/index_en.htm.

[6] In-netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi ambjentali. Dan in-netwerk ta' spetturi nazzjonali ġie ffurmat fl-1992. Għal aktar tagħrif arahttp://ec.europa.eu/environment/impel/index.htm.

[7] In-netwerk tal-Unjoni Ewropea tal-prattikanti fl-Istati Membri kemm fil-konservazzjoni tan-natura kif ukoll fil-forestrija. Għal aktar tagħrif ara http://ec.europa.eu/environment/greenforce/index_en.htm.

[8] Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja f’kwistjonijiet ambjentali.

[9] Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, ĠUL 124, 17.5.2005

[10] COM(2003) 624.

[11] L-istudju huwa intitolat "Miżuri dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (l-Artikolu 9(3))". Huwa disponibbli fuq http://ec.europa.eu/environment/aarhus/study_access.htm

[12] Ara l-footnote ta' qabel. L-istudju jindika li hemm lok sinifikanti għal titjib fl-aċċess għall-ġustizzja madwar il-Komunità kollha.

[13] Spanja, il-Portugall, l-Italja u l-Polonja.

[14] C-3/96 Il-Kummissjoni v l-Olanda [1998] ECR I-3031

[15] Kawża C-71/99 il-Kummissjoni v il-Ġermanja [2001] ECR I-5811 .

[16] Kawża C-220/99 il-Kummissjoni v Franza [2001] ECR I-5831 .

[17] Kawża C-494/01 Il-Kummissjoni v l-Irlanda [2005] ECR I-3331 .

[18] Kawża C-502/03, il-Kummissjoni vs il-Greċja

[19] Kawża C-278/01 il-Kummissjoni v Spanja [2003] ECR I-14141, paragrafi 26-30

[20] Id-Direttiva 79/409/KEE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi ( ĠU L 103, 25.4.1979).

[21] Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992).

[22] Id-Direttiva 85/337/KE dwar l-istima tal-effetti [il-valutazzjoni tal-impatt] ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, 05.07.1985).

[23] Il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis.


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet