Green Paper dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: l-istandards tal-prodotti, ir-rekwiżiti tal-biedja u l-iskemi dwar il-kwalità /* KUMM/2008/0641 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 15.10.2008 KUMM(2008) 641 finali GREEN PAPER dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: l-istandards tal-prodotti, ir-rekwiżiti tal-biedja u l-iskemi dwar il-kwalità GREEN PAPER dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli: l-istandards tal-prodotti, ir-rekwiżiti tal-biedja u l-iskemi dwar il-kwalità F’dan l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tfittex l-opinjonijiet tal-organizzazzjonijiet u taċ-ċittadini kollha interessati fil-kwalità tal-prodotti agrikoli. Il-bdiewa u l-produtturi tal-ikel, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, dawk li jipproċessaw, il-bejjiegħa bl-imnut, id-distributuri, in-negozjanti, il-konsumaturi u l-entitajiet pubbliċi huma mħeġġa jagħtu r-reazzjonijiet tagħhom. Dawk li se jirrispondu huma mistiedna jwieġbu għal parti jew għall-Green Paper kollha. Ir-risposti għandhom jintbagħtu sal-Erbgħa, 31 ta’ Diċembru 2008 lill-: AGRI-QUALITY@ec.europa.eu jew lill-: Green Paper ‘Quality’ Directorate General for Agriculture and Rural Development European Commission B-1049 Bruxelles/1049 Brussels Il-kontributi li jintlaqgħu se jiġu ppubblikati fuq l-internet, flimkien mal-identità tal-kontributur (isem, belt, pajjiż)[1]. Jekk inti toġġezzjona b’mod espliċitu għall-pubblikazzjoni tad-dejta personali tiegħek, il-kontribut tiegħek se jiġi ppubblikat f’forma anonima jew inkella ma jiġix ippubblikat. Għal iktar dettalji dwar il-ħarsien tad-dejta personali jekk jogħġbok irreferi għall-“Avviż ta’ Informazzjoni” li jikkonċerna l-websajt tal-Kummissjoni fuq il-websajt : http://www.ec.europa.eu/geninfo/legal_notices_mt.htm Tista' ssib aktar tagħrif fil-websajt tal-Green Paper: http://ec.europa.eu/agriculture/quality/policy/index_en.htm | WERREJ Daħla 4 Parti I: Rekwiżiti tal-Produzzjoni u Standards ta’ Kummerċjalizzazzjoni 6 1. Rekwiżiti tal-biedja fl-UE 6 2. Standards tal-kummerċjalizzazzjoni 7 2.1. Elementi obbligatorji tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni 7 2.2. Termini riżervati fi ħdan l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni 8 2.3. Simplifikazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni 9 Parti II: Skemi speċifiċi tal-UE dwar il-kwalità 11 3. L-indikazzjonijiet ġeografiċi 11 3.1. Protezzjoni u inforzar tal-indikazzjonijiet ġeografiċi 12 3.2. Kriterji għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi 13 3.3. Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE f’pajjiżi terzi 14 3.4. Indikazzjonijiet ġeografiċi użati għal ingredjenti fi prodotti pproċessati 14 3.5. L-oriġini tal- materja prima f’indikazzjoni ġeografika protetta 15 3.6. Il-koerenza u s-simplifikazzjoni tas-sistemi tal-indikazzjoni ġeografika 15 4. Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti 15 5. Il-Biedja organika 16 6. Politika dwar il-prodotti ta' kwalità għar-reġjuni l-iktar imbiegħda 17 7. Skemi oħra tal-UE 17 Parti III: Skemi ta’ Ċertifikazzjoni 18 8. Skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-ikel 18 8.1. L-effettività tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni fit-twassil tal-miri politiki. 19 8.2. Is-superviżjoni tal-UE 20 8.3. It-tnaqqis tal-piżijiet u l-ispejjeż 21 8.4. Id-dimensjoni internazzjonali 21 Konklużjoni: 22 D AħLA HEKK KIF IL-GLOBALIZZAZZJONI TINFIRE x, il-prodotti li jiġu minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li għandhom l-ispejjeż tal-produzzjoni baxxi qegħdin jagħmlu pressjoni akbar fuq il-bdiewa tal-UE. Hemm kompetizzjoni li qiegħda dejjem tikber kemm għall-prodotti agrikoli u kemm għall-prodotti li għandhom il-valur miżjud. Iffaċċjati minn dawn l-isfidi kummerċjali ġodda, l-aktar għodda b'saħħitha għall-bdiewa tal-UE hija l-“kwalità”. L-UE għandha vantaġġ fuq il-kwalità minħabba l-livell għoli ta’ sikurezza li hi assigurata min-naħa għall-oħra tal-katina tal-ikel permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE li l-bdiewa u l-produtturi fuq skala usa’, investew fiha. Madankollu, hemm iktar aspetti li jistgħu jirrinforzaw il-kwalità fis-sens usa’ tat-terminu. Il-kwalità hi dwar il-fatt li jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumatur. Il-kwalitajiet tal-prodott agrikolu indirizzati f’din il-Green Paper huma l-karatteristiċi tal-prodott, bħall-metodi tal-biedja, il-post użat għat-tkabbir, eċċ., li l-bidwi jrid li jkunu aktar magħrufa u l-konsumatur irid ikun jaf. Il-kwalità hija kwistjoni li tolqot lil kull bidwi u kull xerrej, sew jekk qegħdin jittrattaw prodotti li huma mkabbra skont l-istandards tal-bażi jew prodotti li huma ta’ kwalità għolja li l-Ewropa teċċella fihom. Din il-Green Paper ma tippreġudikax kwistjonijiet dwar il-kwalità relatata mas-sikurezza tal-ikel li huma diġà koperti minn azzjonijiet oħra tal-Kummissjoni bħall-ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni, il-benesseri tal-annimali, eċċ. Eżiġenzi tas-suq u tas-soċjetà Fi żminijiet meta jogħlew il-prezzijiet tal-prodotti, l-inċentiv biex jiżdied il-volum tal-produzzjoni m'għandux jintuża bħala skuża għal standards iktar baxxi. Il-konsumaturi jridu ikel bi prezz li jaffordjaw u ta’ valur tajjeb għall-flus. Imma minbarra l-prezz, il-konsumaturi u n-negozjanti għandhom ħafna eżiġenzi oħra dwar il-valur u l-kwalità tal-prodotti li jixtru. Hija sfida kbira għall-bdiewa li jintlaħqu dawn l-eżiġenzi. L-eżiġenzi tas-suq huma diversi u dejjem jitkattru. Il-kwistjonijiet l-aktar kruċjali fl-UE huma l-iġjene u s-sikurezza tal-ikel (fl-“obbligu li ma jkunx innegozjat”), is-saħħa u l-valur nutrittiv, u l-eżiġenzi tas-soċjetà. Barra minn hekk, il-konsumaturi qegħdin joqogħdu iktar attenti għall-kontribuzzjoni li tkun saret mill-biedja fuq is-sostenibbiltà, it-tibdil fil-klima, is-sikurezza u l-iżvilupp tal-ikel, il-bijodiversità, il-benesseri tal-annimali u l-iskarsezza tal-ilma. Minħabba li l-biedja hija s-settur li jiddomina l-użu tal-art, hija l-fattur ewlieni fl-iżvilupp territorjali tar-reġjuni, tal-pajsaġġi u taż-żoni ta’ valur ambjentali. L-aħħar u mhux l-inqas, il-konsumaturi li għandhom dħul disponibbli dejjem jikber – f’ħafna partijiet tad-dinja – qegħdin jeżiġu li jkollhom it-togħma, it-tradizzjoni u l-awtentiċità fl-ikel tagħhom kif ukoll l-applikazzjoni ta’ standards ogħla tal-benesseri tal-annimali. Minflok jaraw dawn l-eżiġenzi bħala piż, il-bdiewa tal-UE għandhom opportunità ta’ veru li jdawruhom fil-vantaġġ tagħhom - billi joffru eżatt dak li jridu l-konsumaturi, jiddistingwu b'mod ċar il-prodotti tagħhom fis-suq, u jagħmlu l-qligħ permezz ta’ dan. Il-politika tal-agrikoltura tal-UE għanda tappoġġja l-isforzi tal-bdiewa sabiex jegħlbu l-isfida tal-kwalità. L-iskemi u r-regolamenti tal-UE diġà qegħdin jippruvaw jagħmlu dan, l-aktar b'żewġ modi: il-miżuri tal-linja bażi u l-miżuri tal-kwalità. Miżuri tal-linja bażi Ir-regolamenti tal-UE jistipulaw xi ftit mir-rekwiżiti tal-linja bażi tal-produzzjoni mill-iktar iebsa fid-dinja li jkopru s-sikurezza u l-iġjene, l-identità u l-kompożizzjoni tal-prodott, il-ħarsien tal-ambjent, u s-saħħa tal-pjanti u l-annimali u l-benesseri tal-annimali, b’hekk jirriflettu x-xewqa demokratika espressa b'mod ċar tal-konsumaturi u ċ-ċittadini tal-UE. Miżuri u skemi dwar il-kwalità fuq livell tal-UE Ħafna mill-bdiewa tal-UE qegħdin dejjem iħufu għal modi moderni u oriġinali sabiex joħolqu opportunitajiet ġodda fis-suq u jżidu l-qligħ tagħhom. Dawn jinkludu: - li jipproduċu prodotti "ta’ “kwalità superjuri" li joffru lill-konsumatur xi ħaġa iktar u 'l fuq mir-rekwiżiti tal-linja bażi - sew jekk fil-forma ta' karatteristiċi speċjali, bħat-togħma, l-oriġini, eċċ, u sew fil-metodu tal-produzzjoni; - li jqiegħdu l-fiduċja fil-konsumaturi dwar l-iskemi dwar il-kwalità tal-UE u t-talbiet li l-produtturi jagħmlu għall-“prodotti ta’ kwalità superjuri” tagħhom; - li jgħinu lill-konsumaturi sabiex jagħżlu, u/jew jiddeċiedu jekk iħallsux iktar għal prodott partikolari; - li jipproteġu l-ismijiet tal-prodotti tal-ikel, inbejjed u spirti li jiddependu mill-post fejn jiġu pprodotti u l-għarfien tal-produtturi lokali fil-karatteristiċi speċjali jew fir-reputazzjoni tagħhom permezz tal- indikazzjonijiet ġeografiċi , bħal ‘Chablis’, ‘Prosciutto di Parma’, ‘Scotch whisky’, ‘Sitia Lasithiou Kritis’, ‘Szegedy salami’, ‘Queso Manchego’, u ‘Nürnberger Lebkuchen’; - li jirregolaw is-settur organiku billi jistipulaw rekwiżiti stretti, minħabba li iktar u iktar konsumaturi huma miġbudin lejn il-metodi ta' produzzjoni użati fil- biedja organika u jfittxu speċifikament ikel b’tikketta organika; - li jirreġistraw l-ismijiet tal-prodotti tradizzjonali fl-ambitu ta’ skema tal-UE immirata li tippromwovi ikel u xorb tradizzjonali; - li jippromwovu prodotti speċifiċi fir- reġjuni l-iktar imbiegħda tal-UE; - li jissettjaw standards ta’ kummerċjalizzazzjoni fl-UE f’ħafna setturi sabiex ifissru l-kwalitajiet speċifici ta’ prodott, (bħaż-żejt taż-żebbuġa ‘extra verġni’, ‘Klassi I’ għall-frott u l-ħxejjex u ‘trobbija tat-tiġieġ fil-beraħ’ għall-bajd); - li jinkoraġġixxu skemi ta’ ċertifikazzjoni mwaqqfa minn entitajiet pubbliċi u privati sabiex jinfurmaw aħjar lill-konsumaturi madwar l-UE dwar il-metodi tal-biedja u l-karatteristiċi tal-prodott. Green Paper F’dan l-isfond il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi riflessjoni dwar kif tassigura l-aktar qafas regolatorju ta' politika xieraq sabiex jipproteġi u jippromwovi l-kwalità tal-prodotti agrikoli, mingħajr ma jinħolqu spejjeż jew piżijiet oħra. Bħala l-ewwel pass għandha l-ħsieb li tniedi konsultazzjoni wiesgħa dwar jekk l-istrumenti eżistenti humiex biżżejjed, jew kif jistgħu jiġu mtejba u liema inizjattivi ġodda jistgħu jiġu mnedija. L-Ewwel Parti tagħti ħarsa lejn ir-rekwiżiti tal-linja bażi tal-biedja u l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti appoġġjati mill-UE, inkluż dawk li jistipulaw kwalitajiet speċifiċi tal-prodotti; It-Tieni Parti tagħti ħarsa lejn l-iskemi eżistenti dwar il-kwalità li jkopru l-indikazzjonijiet ġeografiċi, "speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (STG)", prodotti mir-reġjuni l-aktar imbiegħda, u t-tħaddim tas-suq uniku tal-prodotti agrikoli organiċi; It-Tielet Parti tħares lejn l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni, b’mod partikolari fis-settur privat, li jgħinu lill-produtturi jgħarrfu lix-xerrejja u lill-konsumaturi dwar il-prodotti tagħhom. Parti I: Rekwiżiti tal-Produzzjoni u Standards ta’ Kummerċjalizzazzjoni 1. REKWIżITI TAL-BIEDJA FL-UE Bdiewa fl-UE iħarsu sensiela ta’ rekwiżiti tal-biedja u l-ikel kollu mkabbar fl-UE qiegħed jitkabbar skont dawn ir-regoli. Huma mmirati mhux biss biex jiżguraw li l-istandards tal-iġjene u s-sikurezza jintlaħqu għall-prodotti aħħarija tal-ikel li jitpoġġew fis-suq, imma jinkludu wkoll tħassib dwar is-soċjetà (bħal ambjentali, dwar l-etika, soċjali…). Għall-bdiewa, dan ifisser li wieħed jagħti attenzjoni xierqa meta jagħżel jew japplika l-pestiċidi u l-fertilizzanti, jirrispetta r-regoli tal-iġjene, jevita l-mard tal-annimali u l-pjanti, jasigura li l-ħaddiema fil-farms huma mħarrġa u protetti b'mod xieraq, jipprovdi kundizzjonijiet diċenti dwar il-benesseri tal-annimali tal-farm, u jipproteġi l-ambjent. Għall-konsumaturi, dan ifisser li huma jkunu fiduċjużi li għall-prodotti kollha li tkabbru fl-UE, kienu segwiti rekwiżiti aċċettabbli ta’ produzzjoni, inkluż it-tħassib leġittimu tas-soċjetà msemmi hawn fuq. Dawn ir-rekwiżiti tat-tkabbir qegħdin dejjem jevolvu minħabba l-eżiġenzi tas-soċjetà. Dawn għandhom ikunu parti importanti tal-kwalità tal-ikel offrut għall-bejgħ u ta’ vantaġġ għall-bdiewa li jistgħu jippromwovuhom. Madankollu huwa ċar li hemm ċerta nuqqas ta’ informazzjoni fost il-konsumaturi li dawn ir-rekwiżiti tat-tkabbir jeżistu u qegħdin ikunu imħarsa fil-produzzjoni tal-ikel. Madankollu, ħafna minn dawn ir-rekwiżiti tat-tkabbir – dawk li ma jirreferux għall-iġjene u s-sikurezza tal-prodott – bħar-regoli dwar l-ambjent u l-benesseri tal-annimali, mhux neċessarjament japplikaw għall-prodotti impurtati tal-ikel. Għalfejn din id-diskrepanza? L-istandards tat-tkabbir, il-ħarsien tal-ambjent, il-benesseri tal-annimali, u s-sikurezza tal-ħaddiema huma kwistjonijiet regolati mill-gvernijiet tal-pajjiżi fejn isir it-tkabbir. Allura, filwaqt li l-UE tista’ tinsisti u tassew tinsisti li l-ikel impurtat jirrispetta l-istandards minimi tal-produzzjoni, speċjalment li għandhom x’jaqsmu mal-iġjene u s-sikurezza, l-iċċekkjar tal-metodi tal-biedja użati fil-produzzjoni tal-prodotti agrikoli u ikel li jiġu impurtati jiddependu mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li jipproduċi. Hemm bżonn li jkun hemm rabta aħjar bejn ir-rekwiżiti tal-biedja lil hinn mill-problemi relatati mal-iġjene u s-sikurezza tal-prodotti segwiti mill-bdiewa kollha tal-UE u l-prodott aħħari. Li kieku dawn ir-rekwiżiti tal-biedja kienu magħrufa u identifikati sew mill-konsumaturi, jistgħu jkunu ta' vantaġġ qawwi għall-kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, dan it-tħassib irid jintlaħaq mingħajr ma jinħolqu ostakli għat-tħaddim tas-suq uniku jew tfixkil fil-kompetizzjoni. Mistoqsija 1: Kif jistgħu r-rekwiżiti u l-istandards milħuqa mill-bdiewa li jmorru lil hinn mill-iġjene u s-sikurezza jsiru magħrufa aħjar? X’jistgħu jkunu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ li wieħed jiżviluppa skemi ġdida tal-UE b’simbolu jew lowgo wieħed jew aktar li jindikaw li huma konformi mar-rekwiżiti tat-tkabbir tal-UE, apparti dawk li għandhom x’jaqsmu mal-iġjene u s-sikurezza? Prodott li mhux ġej mill-UE li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-produzzjoni tal-UE għandu wkoll ikun eliġibbli li juża din l-iskema tal-UE dwar il-kwalità? li jkun hemm indikazzjoni obbligatorja tal-post tal-produzzjoni tal-prodotti bażiċi (fl-UE/mhux fl-UE)? | - 2. Standards tal-kummerċjalizzazzjoni L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE huma regolamenti li jistipulaw definizzjonijiet ta’ prodotti, standards minimi tal-produzzjoni, kategoriji ta’ prodotti, u rekwiżiti ta’ ittikkettjar li jinfurmaw lill-konsumaturi dwar għadd sinifikanti ta' prodotti agrikoli u xi ikel ipproċessat[2]. Għandhom joperaw biex jgħinu lill-bdiewa jwasslu l-kwalitajiet tal-prodotti li jixtiequ l-konsumaturi, jevitaw d-diżappunt tal-konsumaturi, u jiffaċilitaw il-paraguni fil-prezzijiet għall-kwalitajiet differenti ta’ prodott. Ġew adottati standards tal-kummerċjalizzazzjoni sabiex ibiddlu diversi standards nazzjonali, u għalhekk jiffaċilitaw in-negozju fis-suq uniku. Mhux l-ikel kollu huwa suġġett għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fuq il-livell tal-UE. Per eżempju, fis-settur tal-uċuħ li jinħartu (qamħ, qamħirrun, legumi, eċċ.) il-prodotti huma nnegozjati skont l-istandards uffiċjali tal-gradazzjoni u l-klassifikazzjoni internazzjonali, nazzjonali jew stabbiliti mill-privat. Għall-prodotti li m’humiex koperti mill-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE mibjugħa lill-konsumaturi, ir-regoli ġenerali dwar il-ħarsien tal-konsumatur u l-ittikkettjar japplikaw bl-iskop li jiżguraw li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati. Filwaqt li xi standards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE żviluppaw faċilment, oħrajn kienu kontroversjali. Il-proċess tar-reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ regolament tal-UE jista’ jfixkel wkoll. F’din il-Green Paper, il-Kummissjoni qiegħda tikkonsulta dwar tliet kwistjonijiet ġenerali li għandhom x’jaqsmu mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni: kif il-partijiet obbligatorji tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE għandhom ikunu żviluppati; jekk l-użu tat-termini ta’ għażla (imsejħa wkoll termini “riżervati”) jistax jitwessa’; u x’inhuma l-għażliet biex jiġi ssimplifikat il-proċess innifsu ta’ kif isiru r-regoli. 2.1. Elementi obbligatorji tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni Identitajiet tal-prodotti : Ħafna mill-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE jiddefinixxu l-prodotti agrikoli jew il-prodotti tal-ikel li jkopru b’tali mod li jistipulaw regoli ċari u komuni għad-deskrizzjoni tal-prodotti. Per eżempju, it-terminu “meraq” m’għandux jintuża jekk il-meraq tal-frott ikun miżjud bl-ilma. L-istess, it-terminu “ħalib” ma jistax jintuża biex jirreferi għax-xarbiet tas-sojja. Rekwiżiti tat-tkabbir: F’xi każijiet, bħal frott u ħxejjex friski jew laħam tat-tjur, l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jiffissaw ukoll rekwiżiti strinġenti ħafna għal kwalità “b’saħħitha, tajba u li tista’ titqiegħed fis-suq”, li hija kundizzjoni li tiġi qabel il-bejgħ lill-konsumaturi. Frott u ħxejjex friski m'għandhomx jinbiegħu lill-konsumaturi jekk ikunu marru jew tħassru, jew huma mtebbgħin, maħmuġin, milquta minn xi mard, mhux żviluppati jew, fil-każ tal-frott, mhumiex misjurin. Dawn ir-rekwiżiti jinkludu wkoll ir-rekwiżiti tad-daqs minimu (li jindikaw il-maturità). Dan jista’ jwassal biex frott u ħxejjex li jistgħu jittieklu (jiġifieri li huma sikuri biex jittieklu) ikunu esklużi mis-suq tal-prodotti friski u minflok ikunu wżati għall-ipproċessar jew jinqerdu. Klassifikazzjonijiet skont il-kwalità u d-daqs: Bosta standards tal-kummerċjalizzazzjoni jinkludu skemi obbligatorji ta' klassifikazzjoni. Oriġinarjament dawn kienu introdotti għal raġunijiet ta’ trasparenza tas-suq, sabiex iħallu lix-xerrejja jqabblu l-prezzijiet ta’ klassijiet u kategoriji ta’ prodotti magħrufa. Karkassi u qatgħat tal-laħam tat-tjur għandhom ikunu kklassifikati taħt Klassi A jew Klassi B skont il-kriterji tal-kwalità, bħalma hi d-deskrizzjoni teknika tas-sura u l-forma tal-karkassa u kwalunkwe ħsara li tkun saret lill-karkassa. Il-bajd irid ikun immarkat b’daqs ta’ waħda minn erba’ klassijiet - 'XL', 'L', 'M' u 'S' – u kklassifikat skont il-metodu tat-trobbija tat-tiġieġ: “fil-gaġġa”, “fil-maxtura”, “fil-beraħ” jew “organiku”. L-istess, xi frott u ħxejjex għandhom ikunu ggradati bħala “Extra”, “Klassi I” jew “Klassi II”. Dan ifisser li dan il-frott kollu għandu jkun gradat qabel ma jinħareġ għall-bejgħ. Għall-aspetti obbligatorji dwar l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, il-kwistjonijiet ewlenin huma jekk ir-regola hijiex meħtieġa sabiex jintlaħqu l-miri leġittimi tal-politika, jekk l-ispejjeż f’termini ta’ burokrazija humiex proporzjonali, u jekk l-applikazzjoni tagħha jkollhiex konsegwenzi mhux mixtieqa – bħal li tiskoraġġixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ġodda jew mhux komuni, jew il-qerda ta’ prodott kommestibbli. Mistoqsija 2: Kif l-istipular tal-identitajiet ta' prodotti imniżżla fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fil-leġiżlazzjoni tal-UE jaffettwaw lill-konsumaturi, in-negozjanti u l-produtturi? X’inhuma l-benefiċċji u l-iżvantaġġi? Għandhom prodotti li jilħqu r-rekwiżiti tal-iġjene u s-sikurezza, imma li ma jilħqux l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għar-raġunijiet tal-estetika jew raġunijiet simili jitħallew jinbiegħu bl-imnut? Jekk iva, dawn il-prodotti għandhom jirrikjedu informazzjoni speċifika għall-konsumatur? Il-klassifikazzjonijiet obbligatorji skont il-kwalità u d-daqs jistgħu jitħallew għall-għażla bħat-"termini riżervati għall-għażla" (kif stipulati fit-taqsima 2.2 hawn isfel)? | 2.2. Termini riżervati fi ħdan l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni Termini riżervati għall-għażla huma mfissra mil-liġi. Huma jinfurmaw lix-xerrejja li l-prodott li fuqu qiegħed jintuża t-terminu riżervat jikkorrespondi mal-metodu ta' tkabbir jew mal-karatteristika tal-prodott. Termini riżervati fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni huma maħsuba jipprovdu informazzjoni utli, eżatta u teknika lill-konsumatur. It-termini riżervati għandhom jgħinu lill-bdiewa wkoll billi jidentifikaw karatteristiċi ta’ valur addizzjonali jew metodi ta’ tkabbir u b’hekk jiżguraw dħul finanzjarju addizzjonali li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni. Termini riżervati għall-għażla huma wżati wkoll sabiex jidentifikaw kategoriji jew kwalitajiet tal-prodott. Madankollu, il-prodott jista' jinbiegħ mingħajr ma jintuża xi wieħed minn dawn it-termini tal-għażla, per eżempju: - skont l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għal-laħam tat-tjur, l-użu tat-termini tal-għażla, “mitmugħin ...”, “trobbija ġewwa – sistema estensiva”, “trobbija tat-tiġieġ fil-beraħ”, jew “trobbija li tipprovdi iktar spazju fil-beraħ għal kull tiġieġa" huma ristretti għall-prodott li tkabbar bl-użu tal-metodi definiti; - it-terminu “estrazzjoni fil-kesħa” jista’ jintuża biss għaż-żjut taż-żebbuġa verġni jew extra verġni li kienu suġġetti għall-proċess imfisser - imma l-użu tat-terminu mhuwiex obbligatorju. Termini riżervati li l-użu tagħhom jista' jintagħżel joffru l-possibbiltà li jipprovdu tifsiriet fissi fejn meħtieġ, li jippermettu lill-bdiewa jikkomunikaw attribwiti speċifiċi tal-prodotti u l-metodi tat-tkabbir. Min-naħa l-oħra, bdiewa u produtturi tal-ikel fl-ewwel fażi f’setturi agrikoli differenti li jridu jikkomunikaw l-użu tal-metodi partikolari tat-tkabbir lil konsumaturi normalment jużaw kliem bħal “razzett”, “muntanja”, “nieqes mill-karbonju”, ‘naturali’, eċċ. Dawn it-termini deskrittivi jistgħu jintużaw sakemm jikkorrespondu ma’ xi definizzjoni nazzjonali li tista' tapplika kif ukoll mal-istandard ġenerali li l-konsumaturi ma jkunux żgwidati. Dawn il-kliem u l-prattiki tat-tkabbir li hemm warajhom jagħmlu l-prodotti iktar attraenti. Għalhekk il-konsumaturi jistgħu jkunu żgwidati jekk per eżempju jintużaw kliem li jimplikaw l-użu tal-metodi estensivi tat-tkabbir fuq il-prodott ta' agrikoltura iktar intensiva. Id-diversi tikketti li tfaċċaw dan l-aħħar li juru l-użu tal-metodi tat-tkabbir li naqqsu l-impatt fuq it-tibdil fil-klima wasslu għal ċertu ammont ta' konfużjoni. Għalhekk, jista’ jkun hemm il-bżonn li jiddefinixxu dawn it-termini tat-tkabbir fuq livell tal-UE f'setturi partikolari. Mistoqsija 3: Safejn hu meħtieġ li jkunu stipulati tifsiriet ta’ “termini riżervati għall-għażla” fl-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fuq livell tal-UE? Definizzjonijiet għal termini riżervati ġenerali li jiddeskrivu metodi tat-tkabbir f'setturi partikolari, bħal "prodott tal-muntanji", "razzett" u "nieqes mill-karbonju”, għandhom ikunu stipulati mill-UE? | 2.3. Simplifikazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni Sabiex niżviluppaw l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE b'mod ġenerali, għandna bżonn nħarsu lejn modi kif nissimplifikaw t-tfassil tar-regoli, kemm fi ħdan il-Kummissjoni, kemm billi nittrasferixxu l-kompitu lil entitajiet oħra, jew billi nirreferu għall-istandards internazzjonali. Is-simplifikazzjoni għandha tikkunsidra wkoll il-piżijiet amministrattivi fuq l-awtoritajiet pubbliċi u fuq il-partijiet interessati. Per eżempju, il-gradazzjoni obbligatorja (e.ż. tad-daqs) tal-frott u l-ħxejjex timponi spejjeż fuq il-produtturi u titlob lill-awtoritajiet pubbliċi jikkontrollaw il-konformità. Ħafna mill-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni fl-UE huma msejsa fuq dawk miftehma fuq livell internazzjonali fil- Codex Alimentarius jew fil- United Nations Economic Commission for Europe (UN/ECE). Fejn ikunu rilevanti, dawn l-istandards internazzjonali huma wżati bħala bażi għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE. Fil-każ tal-uċuħ li jinħartu, li ma ġewx adottati standards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE għalihom, issir riferenza għall-istandards internazzjonali fl-istandards nazzjonali jew jintużaw direttament minn negozjanti privati għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri għall-istandards obbligatorji tal-UE li huma applikati għal xi frott u ħxejjex. L-UE tikkontribwixxi wkoll għall-iffissar tal-istandards internazzjonali u l-istandards tal-UE huma kultant użati bħala bażi għall-istandards internazzjonali. Kif l-esiġenzi tas-suq jinbidlu u t-teknoloġija tavvanza, l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni jistgħu jiskadu parzjalment, u jkollhom bżonn aġġustament u aġġornament. F’sens wiesa', hemm żewġ modi kif għandu jinżamm il-pass. Awtoregolamentazzjoni L-operaturi fis-settur konċernat jistgħu jiġu fdati jistabbilixxu u jimmonitorjaw l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-identitajiet tal-prodotti, il-klassifikazzjonijiet tal-prodotti u t-termini riżervati. Fejn jeżistu standards internazzjonali, dawn jistgħu sempliċiment jintużaw mill-produtturi u n-negozjanti fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. Negozjanti u nies midħla tal-kummerċ f’settur partikolari jistgħu jieħdu l-inizjattiva huma stess biex jiżviluppaw standards ta' referenzi jew kodiċi ta' prattika. Dan il-proċess huwa magħruf bħala awtoregolamentazzjoni. L-ispejjeż amministrattivi għall-infurzar pubbliku huma baxxi, minħabba li kwalunkwe tilwima hi riżolta bejn il-partijiet konċernati, e.ż. permezz tal-arbitraġġ. Min-naħa l-oħra, standards infurzati minn awtoritajiet pubbliċi iġibu magħhom spejjeż ta’ spezzjonijiet u kontrolli, imsaħħa permezz tal-kawżi tal-qorti fejn meħtieġ. L-awtoregolamentazzjoni għandha l-vantaġġ li l-politika titfassal, tkun implimentata u nfurzata minn dawk li jipprattikaw li huma qrib ta' dak li qiegħed verament jiġri fis-suq. Il-proċeduri għall-abbozz tal-istandards jistgħu jkunu iktar sempliċi u jippermettu iktar flessibbiltà u aġġustament iktar imgħaġġel fl-ambjent dinamiku tas-suq. Fl-istess ħin, ir-regolamenti tekniċi huma applikabbli biss għal dawk in-negozji li qablu li jirrispettawhom (magħrufa wkoll bħala arranġamenti “inter pares”, jew arranġamenti bejn il-partijiet firmatarji). Eżempji ta' awtoregolamentazzjoni jistgħu jinsabu fis-settur tan-negozju tal-patata u tal-meraq tal-frott. Regolamenti tal-UE simplifikati Mod ieħor kif jinżammu l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni aġġornati huwa billi jkunu simplifikati l-approvazzjoni tal-UE u r-reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, permezz ta’ koregolamentazzjoni, riferenza diretta għall-istandards internazzjonali u l-applikazzjoni ta’ skemi volontarji fejn applikabbli. - Il-koregolamentazzjoni hija proċess fejn att leġiżlattiv tal-Komunità jafda l-ksib tal-miri definiti b’mod ċar f’idejn il-partijiet interessati, li huma identifikati f’dan il-qasam. Għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, il-leġiżlatur jikkonċentra fuq l-aspetti importanti tal-att ġuridiku, fejn r-rappreżentanti tal-partijiet konċernati jkunu mitluba jtemmu l-leġiżlazzjoni u jistipulaw id-dejta u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi abbażi l-esperjenza tagħhom. - Il-liġijiet tal-UE jistgħu sempliċiment jirreferu għall-istandards miftehma fuq livell internazzjonali. Dan jevita l-proċess tat-tfassil tar-regoli tal-UE għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, l-istandards internazzjonali huma normalment adottati biss fi ftit ilsna, u żgur f’minoranza biss tal-ilsna uffiċjali tal-UE. - Fl-aħħar, is-sustanza tar-regoli eżistenti tista' tkun issimplifikata u mtejba, per eżempju permezz ta’ analiżi kritika (ara d-diskussjoni hawn fuq dwar l-aspetti differenti tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, b'mod partikolari "termini riżervati") u l-abbozz ta' qafas ġdid, armonizzat għall-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni, bħal ma inbeda issa fis-settur tal-frott u l-ħxejjex. Mistoqsija 4: Sakemm jistgħu l-abbozzar, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (jew partijiet minnhom) jitħallew għall-awtoregolamentazzjoni? Jekk l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni (jew partijiet minnhom) jibqgħu kkontrollati mil-liġi tal-UE, x’ikunu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi, inkluż fir-rigward tal-piż amministrattiv, ta': l-użu tal-koregolamentazzjoni? ir-riferenza għall-istandards internazzjonali? iż-żamma tal-approċċ leġiżlattiv ta' bħalissa (filwaqt li tkun issimplifikata s-sustanza kemm jista' jkun)? | - Parti II: Skemi speċifiċi tal-UE dwar il-kwalità KIENU INTRODOTTI ERBA’ SKEMI SPEċIFIċI TAL-UE DWAR IL-KWALITÀ BIEX JIżVILUPPAW INDIKAZZJONIJIET ġEOGRAFIċI, BIEDJA ORGANIKA, SPEċJALITAJIET TRADIZZJONALI, U PRODOTTI MIR-REġJUNI L-AKTAR IMBIEGħDA TAL-UE. DAWN L-ISKEMI JIKKORRESPONDU MAL-PRODOTTI TAL-KONSUMATURI LI GħANDHOM KWALITAJIET SPEċIFIċI LI JIġU MINN ORIġINI U/JEW METODU TA' TKABBIR PARTIKOLARI. SABIEX IL-KONSUMATURI JKUNU FIDUċJUżI LI DAK LI JGħIDU T-TIKKETTI HUWA ġġUSTIFIKAT, IL-KONFORMITÀ MAL-ISPEċIFIKAZZJONI HIJA MMONITORJATA MILL-AWTORITAJIET PUBBLIċI JEW MINN ENTITÀ PRIVATA LI TIċċERTIFIKA. BDIEWA LI JIPPRODUċU PRODOTTI ġENWINI HUMA MħARSA KONTRA L-FATT LI JKOLLHOM JAFFAċċJAW PREZZIJIET IKTAR BAXXI TA’ PRODOTTI MIBJUGħA TAħT L-ISMIJIET PROTETTI LI JIMITAW LILL-PRODOTTI TAGħHOM. GħANDHOM GħALHEKK IKUNU KAPAċI JIżGURAW LI JOħORġU PREZZ SODISFAċENTI GħALL-KURA U L-ISFORZI żEJDA LI JAGħMLU. L-erba’ skemi huma maħsuba biex jikkorrespondu mal-esiġenzi partikolari tas-suq għall-prodotti li jkollhom dawn il-kwalitajiet partikolari. L-iskop ta’ din il-Green Paper hu li l-aspetti differenti ta' dawn l-iskemi kif ukoll il-possibilità ta’ xi skema oħra tal-UE jkunu eżaminati bir-reqqa. 3. L-indikazzjonijiet ġeografiċi “Indikazzjoni ġeografika" huwa isem li jiddeskrivi prodott agrikolu jew prodott tal-ikel li l-karatteristiċi jew ir-reputazzjoni li għandu ġejjin minħabba ż-żona ġeografika minn fejn joriġina. Ħafna konsumaturi fl-UE, u iktar madwar id-dinja, li jħarsu lejn il-kwalità tal-prodotti jfittxu u jħallsu prezz għoli għal prodotti awtentiċi minn żona ġeografika partikolari. Għall-bdiewa u l-produtturi, l-indikazzjonijiet ġeografiċi jistgħu jipprovdu sors importanti għad-dħul u s-sigurtà kif ukoll li jkollhom is-sodisfazzjon u l-unur li jipproduċu prodotti ta’ kwalità li jiffurmaw parti mill-wirt Ewropew. Dan jispjega għalfejn l-UE ħolqot ir-reġistri tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u tal-ikel, inbejjed u spirti, ddisinnjati biex jiffaċilitaw il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali għall-ismijiet tal-prodotti li jikkwalifikaw. L-“indikazzjoni ġeografika” tinkludi kemm “Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini" (DPO) u l-"Indikazzjonijiet Protetti Ġeografiċi" (IPĠ). Għal isem biex jikkwalifika bħala DPO, l-istadji kollha tal-produzzjoni[3] jridu prinċiparjament isiru fiż-żona ġeografika u l-karatteristiċi tal-prodott għandhom ikunu esklussivament jew essenzjalment minħabba l-oriġini ġeografika. Għal isem biex jikkwalifika bħala IPĠ għallanqas wieħed mill-istadji tal-produzzjoni għandu jsir fiż-żona, u r-rabta maż-żona kkonċernata tista’ tkun ġġustifikata minħabba kwalità speċifika, reputazzjoni jew karatteristika oħra marbuta maż-żona ġeografika. Is-sistema UE IĠ hija naturalment miftuħa għall-produtturi tal-pajjiżi terzi. 3.1. Protezzjoni u inforzar tal-indikazzjonijiet ġeografiċi Il-protezzjoni Indikazzjoni ġeografika rreġistrata tipprovdi protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, u tintotola lill-produtturi u oħrajn li jinnegozjaw jew ibiegħu il-prodott oriġinali biex jużaw l-isem irreġistrat. L-isem irreġistrat m'għandux jintuża fuq prodotti simili, lanqas jekk ikun miżjud b'termini bħal "bħall-", "tip", "sura", jew jekk jevokaw l-isem jew jużawh fit-traduzzjoni tiegħu. Reġistrazzjoni u protezzjoni ta' indikazzjoni ġeografika jistgħu jwasslu għall-kunflitti ma' kwalunkwe utenti (jew utenti potenzjali) tal-isem, bħal detenturi ta’ trejdmarks jew utenti ta-ismijiet varji ta’ pjanti u ismijiet ta’ razez ta’ annimali li għandhom indikazzjoni ġeografika. Xi utenti jgħidu li isem huwa użat f’sens ġeneriku minħabba li isem li hu ġeneriku ma jistax ikun irreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika. Jeżistu regoli leġiżlattivi sabiex jippruvaw jirriżolvu dawn il-kwistjonijiet ta’ kunflitt u l-kwistjoni tal-istatus ġeneriku kienet iċċarata sewwa mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea. Sabiex tippermetti identifikazzjoni aħjar ta’ prodotti taħt IĠ protetta, l-UE ħolqot simboli li għandhom jintużaw fuq prodotti li jiddaħħlu fis-suq taħt ismijiet irreġistrati. L-infurzar Il-kontrolli li l-bdiewa rrispettaw l-ispeċifikazzjoni tal-prodott huma mmexxija minn awtoritajiet pubbliċi jew minn entitajiet privati li jiċċertifikaw. Barra minn hekk, l-Istati Membri jagħmlu kontrolli amministrattivi dwar l-użu ta’ ismijiet reġistrati fuq prodotti li hemm għad-distribuzzjoni u għall-bejgħ bl-imnut taħt leġiżlazzjoni speċifika dwar l-inbejjed u l-ispirti bħala parti mill-kontroll uffiċjali tal-liġi dwar l-ikel tal-UE għal prodotti oħra. Dawn il-kontrolli dwar indikazzjonijiet ġeografiċi minn awtoritajiet pubbliċi jagħmlu distinzjoni bejn l-istrument u l-protezzjoni tat-trejdmarks. It-trejdmarks huma strument tal-liġi privata. Is-sid għandu jiddefendi t-trejdmark, billi jieħu azzjoni legali privata fejn meħtieġ. Mistoqsija 5: Hemm il-ħtieġa li xi aspetti tar-regoli li jistipulaw id-drittijiet ta' dawk li jużaw l-indikazzjoni ġeografika jew utenti oħra (jew utenti potenzjali) ta' isem jkunu ċċarati jew aġġustati ? Liema kriterju li jiddetermina li isem huwa ġeneriku għandu jintuża ? Hemm bżonn ta’ xi tibdiliet fl-iskema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi fir-rigward tal-: limitu ta' protezzjoni? infurzar tal-protezzjoni? prodotti agrikoli u tal-ikel li huma koperti, Għandu jkun xprunat b’mod aktar attiv l-użu ta’ strumenti alternattivi, bħal protezzjoni tat-trejdmarks? | - 3.2. Kriterji għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi Huwa importanti li r-reġistrazzjonijiet jilħqu l-aspettattivi tal-konsumaturi għal prodotti ta’ kwalità sabiex iżommu l-fiduċja fis-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. B’kollox, madwar 3,000 indikazzjoni ġeografika għall-inbejjed, spirti u prodotti agrikoli u tal-ikel huma rreġistrati jew qegħdin jiġu eżaminati. Ħafna mill-applikazzjonijiet li ntefgħu issa huma għal prodotti li huma prinċiparjament mibjugħa fis-swieq lokali jew reġjonali. Għal xi ismijiet ta’ ikel ipproċessat, ir-rabta bejn il-post u l-produzzjoni taqa’ fuq l-ipproċessar aktar milli fuq it-tkabbir tal-ingredjenti u r-reputazzjoni li hi marbuta mal-prodott. Il-materja prima tista’ għalhekk tiġi minn barra ż-żona, u din għandha mnejn ma tkunx dak li qiegħed jistenna l-konsumatur. Għal ħafna prodotti l-kwalità u r-reputazzjoni ma tiddependix esklussivament fuq fatturi marbuta mal-oriġini u/jew mal-għarfien tal-produtturi lokali. Il-kriterju tas-sostenibbiltà jista' jkun ta' kontribut qawwi għall-kwalità tal-prodott u sabiex jintlaħqu l-aspettattivi tal-konsumatur bħal: - il-kontribut tal-prodott għall-ekonomija ta’ żona lokali, - is-sostennibbiltà ambjentali tal-metodi tat-tkabbir, - il-vijabbiltà ekonomika tal-prodott u l-possibbiltà li jiġi esportat, - fil-każ tal-prodotti tal-ikel ipproċessat, ir-rekwiżitu li l-materja prima kollha għandha tiġi wkoll minn parti li ddawwar iż-żona fejn jiġi pproċessat il-prodott. Mistoqsija 6: Għandhom jiġu introdotti kriterji oħra sabiex jirristrettaw l-applikazzjonijiet għal indikazzjonijiet ġeografiċi? B’mod partikolari, għandom il-kriterji għal indikazzjonijijiet ġeografiċi protetti, li huma differenti mid-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, ikunu iktar stretti sabiex jenfasizzaw ir-rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika? Sostennibbiltà speċifika u kriterji oħra għandhom ikunu nklużi bħala parti mill-ispeċifikazzjoni, kemm jekk huma jew mhumiex marbutin intrinsikament mal-oriġini? X’inhuma l-benefiċċji u l-iżvantaġġi? | 3.3. Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE f’pajjiżi terzi Xi indikazzjoni ġeografiċi għandhom potenzjal konsiderevoli li jespotaw lejn swieq ta' kwalità għolja. Fejn il-konsumaturi jfittxu prodotti ta’ kwalità, l-esportaturi tal-UE jistgħu jilagħbu b’kemm għandhom saħħa. Madankollu, indikazzjonijiet ġeografiċi li jirnexxu jagħmlu wkoll miri tentattivi sabiex jikkuppjaw u jużurpaw. Sabiex l-esportaturi tal-UE jitħeġġu jikkummerċjalizzaw prodotti ta' kwalità għolja barra mill-UE u sabiex iħarsu l-investiment tagħhom, hu importanti li tingħata protezzjoni legali lill-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE. Xi pajjiżi barra mill-UE għandhom sistemi speċifiċi kif jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi, filwaqt li oħrajn jużaw il-liġijiet tat-trejdmarks u tal-ittikkettjar, jew taħlita ta' strumenti legali għal dan il-għan. L-indikazzjonijiet ġeografiċi huma mħarsa fl-ambitu tal-ftehimiet varji multilaterali. L-UE kkonkludiet għadd ta’ ftehimiet bilaterali, b’mod partikolari fis-settur tal-inbid. L-UE qiegħda tfittex protezzjoni u reġistrazzjoni mtejba fuq livell multilaterali (WTO) u permezz ta' negozjati ta' għadd kbir ta' ftehimiet bilaterali għall-prodotti agrikoli kollha. Fil-ftehimiet bilaterali, l-approċċ kien li tkun imfittxija protezzjoni għal-lista kollha tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE. Madankollu, b’iktar minn 3,000 indikazzjoni ġeografika li hemm imħarsa llum fl-UE minħabba li huma prodotti mibjugħa prinċiparjament fuq livell lokali jew reġjonali, qamet il-mistoqsija dwar il-protezzjoni internazzjonali ta’ dawn l-ismijiet kollha. Mistoqsija 7: X’tip ta’ diffikultajiet jiffaċċjaw dawk li jużaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi meta jippruvaw jiżguraw il-protezzjoni f’pajjiżi li huma barra mill-UE? X’għandha tagħmel l-UE sabiex tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi bl-iktar mod effettiv fil-pajjiżi terzi? | 3.4. Indikazzjonijiet ġeografiċi użati għal ingredjenti fi prodotti pproċessati It-tikketti tal-prodotti pproċessati u mħejjija spiss jirreferu għal ingredjenti sinifikanti. Fejn ingredjent ikun kopert minn Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini (DPO) jew Indikazzjoni Ġeografika Protetta (IĠP), il-produttur tal-prodott ipproċessat għandu mnejn ikun irid jirreklama dan l-ingredjent li jinstab fih billi juża l-isem irreġistrat. Madankollu, produtturi tal-ingredjent jistgħu joġġezzjonaw għall-użu tal-isem irreġistrat sabiex jikkummerċjalizzaw prodott ipproċessat. Regoli ġenerali dwar it-tagħrif lill-konsumaturi jinkludu dispożizzjonijiet dwar kemm dawn l-ingredjenti jistgħu jkunu reklamati b’mod li jevitaw milli jiżgwidaw lill-konsumaturi. Per eżempju, jekk ingredjent jintuża fid-denominazzjoni tal-bejgħ, il-proporzjon tal-ingredjent irid jitniżżel fil-lista tal-ingredjenti. Mistoqsija 8: Qamu xi diffikultajiet mir-reklamar tal-ingredjenti IĠP/DPO użati fil-prodotti pproċessati/ikel ippreparat? | 3.5. L-oriġini tal- materja prima f’indikazzjoni ġeografika protetta Sabiex tkun rispettata d-definizzjoni tal-IĠP, irid isir pass wieħed biss fil-proċess tal-produzzjoni fiż-żona li tagħti l-isem lill-prodott. Għal ħafna IĠP (u xi DPO) tal-prodotti pproċessati, il-materja prima tiġi minn barra ż-żona konċernata. Xi konsumaturi jistennew li l-materja prima tiġi miż-żona filwaqt li oħrajn jistennew li l-produtturi speċjalizzati fiż-żona ġeografika jagħżlu materja prima tal-aħjar kwalità minn kwalunkwe oriġini. L-aspettattivi tal-konsumaturi jistgħu jvarjaw ukoll skont it-tip ta’ prodott. Mistoqsija 9: X’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li wieħed jidentifika l-oriġini tal-materja prima f’każijiet fejn il-materja prima tiġi minn post differenti mil-lokazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika? | 3.6. Il-koerenza u s-simplifikazzjoni tas-sistemi tal-indikazzjoni ġeografika Bħalissa hemm tliet sistemi ta’ reġistrazzjoni u protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika agrikola fl-UE: waħda għall-prodotti agrikoli u tal-ikel, waħda għax-xarbiet tal-ispirti u waħda għall-inbid. Minn banda dan huwa r-riżultat tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti konċernati u l-implimentazzjoni progressiva ta' sistema ta' protezzjoni għal kull tip ta' prodott. Filwaqt li s-sisien tat-tliet sistemi huma l-istess: it-tip ta' protezzjoni, id-definizzjonijiet, l-infurzar amministrattiv, ir-relazzjoni mat-trejdmarks, ir-regoli dwar il-koeżistenza ma' ismijiet li jinstemgħu l-istess, il-ħolqien ta' reġistru, ir-rwol tal-ispeċifikazzjoni tal-prodotti, hemm differenzi fil-proċedura u differenzi oħrajn imsejsa fuq ir-rekwiżiti speċifiċi għat-tipi tal-prodotti. Per eżempju, kemm l-istrumenti tad-DPO u kemm tal-IPĠ huma disponibbli għall-inbejjed u l-prodotti agrikoli u tal-ikel, imma l-IPĠ biss jista’ jkunu rreġistrati għax-xarbiet tal-ispirti. Mistoqsija 10: Għandhom it-tliet sistemi ta' protezzjoni tal-UE għall-indikazzjonijiet ġeografiċi ikunu ssimplifikati u armonizzati u, jekk iva, safejn? Min-naħa l-oħra, għandhom ikomplu jiżviluppaw bħala strumenti separati tar-reġistrazzjoni? | 4. Speċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti “Speċjalitajiet tradizzjonali garantiti” (STG) huma l-ismijiet tal-prodotti agrikoli jew tal-ikel li huma magħmula bl-użu tal-materja prima jew metodi tradizzjonali tal-produzzjoni, jew li għandhom kompożizzjoni tradizzjonali. L-iskema tkopri prodotti agrikoli li huma maħsuba għall-konsum tal-bniedem u varjetà ta' prodotti tal-ikel bħal birra, ħlewwiet, għaġin, ikliet imsajrin minn qabel, sopop, ġelati u graniti. Sa minn meta ġew introdotti fl-1992, ġew irreġistrati 20 isem STG biss. Xi 30 isem ta’ prodotti qegħdin jistennew biex jiġu rreġistrati. Anki jekk dawn kollha jiġu rreġistrati, l-għadd huwa baxx ħafna. Ftit mill-ismijiet irreġistrati huma sinifikanti f’termini ekonomiċi. F’ħafna mill-każijiet, ir-reġistrazzjoni sservi biss sabiex tidentifika l-forma tradizzjonali tal-prodott: prodotti mhux tradizzjonali jistgħu jibqgħu jużaw l-isem. Iktar minn żewġ terzi tal-applikanti għażlu din it-tip ta' reġistrazzjoni, mingħajr ma rriżervaw l-isem. Bħala għażla oħra, l-isem jista’ jkun irreġistrat b'mod esklussiv, b’hekk, ikun jista' jintuża biss biex jiddeskrivi l-prodott magħmul skont l-ispeċifikazzjoni, kemm jekk juri jew ma jurix l-indikazzjoni "speċjalità tradizzjonali garantita", l-akronomu “STG” jew il-lowgo tal-UE. Dan juri li ħafna mir-reġistrazzjonijiet STG iservu biss biex jidentifikaw il-prodott tradizzjonali, u mhux biex jipproteġu l-isem. Kull produttur li jippermetti li jsiru l-kontrolli meħtieġa jista’ jipproduċi u jikkummerċjalizza l-prodott tradizzjonali taħt l-iskema. Madankollu, jidher li ftit operaturi barra l-pajjiż li minnu ssir l-applikazzjoni tal-bidu ħadu l-vantaġġ minn din id-dispożizzjoni fir-regolament dwar l-STG. Mistoqsija 11: Minħabba l-fatt li ma tantx deher interess fl-iskema STG, hemm xi mod aħjar ta' identifikazzjoni u promozzjoni tal-prodotti ta' speċjalità tradizzjonali? | 5. Il-Biedja organika Id-domanda tal-konsumaturi għall-ikel prodott b’mod organiku rat żieda dejjem tikber fl-aħħar snin, bit-tkabbir fid-domanda li jaqbeż dak tal-provvista. Il-bdiewa u l-konsumaturi jistrieħu fuq l-integrità tas-sistema organika sabiex jiżguraw li l-prodott kien prodott skont ir-rekwiżiti. Sabiex tinżamm il-fiduċja fis-sistema u l-prezzijiet għolja jkunu ġġustifikati jeħtieġ li jkun hemm kontrolli immexxija minn awtoritajiet pubbliċi jew minn entitajiet li jiċċertifikaw. Is-suq tal-ikel organiku fil-pajjiżi tal-UE ikompli jinqasam skont il-linji nazzjonali. Supermarkits nazzjonali għandhom it-tendenza li jaħżnu prodotti ċċertifikati minn entitajiet li jiċċertifikaw fuq livell nazzjonali, minkejja li kollha joperaw taħt l-istandard organiku komuni tal-UE. Għalhekk l-isfida ta’ bħalissa għall-UE hija li toħloq suq intern li jħaddem prodotti li huma mkabbra b'mod organiku mingħajr ma jitilfu jew inaqqsu mir-reputazzjoni u l-kredibbiltà tat-tikketta organika. Sa mill-1991, l-UE applikat standard li jistipula r-regoli tal-biedja organika għall-produtturi u għall-proċessuri Ewropej, u għal dawk li jesportaw għall-pajjiżi terzi li jixtiequ jikkummerċjalizzaw prodotti organiċi fis-suq tal-UE. L-istandard tal-UE jsegwi mill-qrib ir-regoli tal-biedja organika stabbiliti fi standard internazzjonali adottat mill- Codex Alimentarius , li jiffaċilita l-għarfien ta’ prodotti organiċi tal-UE li huma esportati għal pajjiżi oħra. Kien intlaħaq qbil dwar il-miri strateġiċi u politiċi għas-settur tal-agrikoltura organika fl-2004 u kienu stabbiliti fil- Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Ikel u l-Agrikoltura Organiċi. L-iktar riżultat leġiżlattiv importanti kien ir-regolament ġdid dwar il-biedja organika, adottat f'Ġunju 2007. Minħabba l-adozzjoni riċenti ħafna ta’ din il-leġiżlazzjoni il-ġdida, il-Kummissjoni tixtieq tiffoka l-konsultazzjoni dwar kif jaħdem is-suq tal-prodotti organiċi, iktar milli fuq id-dettall tal-politika tal-leġiżlazzjoni. Mistoqsija 12: X’fatturi jistgħu jfixklu l-iżvilupp tas-suq waħdieni tal-UE tal-prodotti organiċi? Kif jista’ s-suq waħdieni tal-UE tal-prodotti organiċi jitħaddem aħjar? | 6. Politika dwar il-prodotti ta' kwalità għar-reġjuni l-iktar imbiegħda Il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-miżuri speċifiċi tal-agrikoltura fir-reġjuni l-iktar imbiegħda[4] tal-UE tipprovdi għall-introduzzjoni ta’ simbolu grafiku ddisinnjat sabiex jiżgura kuxjenza ikbar u konsinna ta' prodotti agrikoli ta’ kwalità, kemm naturali jew ipproċessati, speċifiċi għar-reġjuni l-iktar imbiegħda. L-użu tas-simbolu huwa mmonitorjat minn entitajiet maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali u l-kundizzjonijiet għall-użu tiegħu huma żviluppati minn organizzazzjonijiet tan-negozju konċernati. Il-prodotti agrikoli li għalihom jista’ jintuża s-simbolu jridu jilħqu rekwiżiti definiti permezz ta’ referenza għar-regoli tal-UE, jew fin-nuqqas ta’ dawn ir-regoli, għall-istandards internazzjonali. Fejn meħtieġ, fuq proposta mill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-kummerċ, jkunu adottati rekwiżiti speċifiċi addizzjonali fir-rigward tal-prodotti mir-reġjuni l-iktar imbiegħda. Sa issa, din il-possibbiltà intużat mill-produtturi fir-reġjuni Spanjoli u Franċiżi l-iktar imbiegħda (eż. għall-ananas, banana, bettieħ, u frott eżotiku ieħor mill-Gwadelup, il-Martinique u r-Réunion u għall-banana, tadam, ħjar u frott u ħxejjex oħra kif ukoll fjuri u inbejjed prodotti fil-Gżejjer Kanarji). Dawn l-inizjattivi huma maħsuba sabiex jimmotivaw lill-bdiewa sabiex jirrispettaw r-rekwiżiti tal-kwalità għall-prodotti tagħhom, u jżidu l-valur tal-produzzjoni lokali tar-reġjuni li huma żvantaġġjati minħabba li huma ’l bogħod mill-kontinent tal-UE u l-insularità, u l-kundizzjonijiet ġeografiċi u meteroloġiċi diffiċli tagħhom. B’dan il-mod, is-simbolu grafiku u r-rekwiżiti tal-produzzjoni assoċjati għandhom jikkontribwixxu sabiex jagħmlu s-settur agrikolu iktar kompetittiv kemm fis-suq lokali u dak barrani. Mistoqsija 13: Sa fejn l-użu tas-simboli grafiċi għar-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-UE ikkontribwew sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-prodotti mir-reġjuni l-iktar imbiegħda? Kif għandhom jiżviluppaw dawn l-inizjattivi sabiex jiżdied il-volum tal-prodotti agrikoli ta’ kwalità li joriġinaw mir-reġjuni l-iktar imbiegħda? | 7. Skemi oħra tal-UE L-iskemi attwali tal-UE dwar il-kwalità jittrattaw l-oriġini ġeografika, il-prodott tradizzjonali, il-prodott minn reġjun partikolari, u l-biedja organika u jirrappreżentaw il-qofol tal-politika tal-UE dwar il-kwalità. Hemm għadd ta' kandidati għal skemi oħra tal-UE, inkluż prodotti li għandhom valur naturali għoli jew li ġejjin minn ħdejn il-muntanji, kwalità tal-benesseri[5], li għandhom tikketta li turi oriġini mill-UE u estensjoni tal-iskema tal-Ekotikketti għall-prodotti agrikoli pproċessati. L-innovazzjoni tista' tkun imħeġġa wkoll. Kwalunkwe skema ġdida dwar il-kwalità fuq il-livell tal-EU għandha tikkorrespondi mal-ħtiġijiet tal-politika fuq il-livell tal-UE li ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed minn skema nazzjonali jew tas-settur privat jew minn xi strument ieħor. Fil-qafas tal- Eżami tas-Saħħa tal-politika agrikola komuni, l-isfidi tal-impatti minħabba t-tibdil fil-klima, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, u l-użu tal-ilma tqajmu fost l-ikbar prijoritajiet. Il-Kummissjoni se tevalwa il-possibbiltà ta’ skemi ġodda f’każ li tkun meħtieġa iktar leġiżlazzjoni jew jekk f’xi każijiet, l-abbozzar ta’ sett ta’ linji gwida jista’ jkun meqjus biżżejjed. Skemi obbligatorji jista’ jkollhom vantaġġi b’mod partikolari għal sfondi legalment u xjentifikament kumplessi (eż. il-benesseri tal-annimali). F’xi każijiet oħra, skemi volontarji jistgħu jkunu biżżejjed u ddisinnjati sabiex jgħinu sidien ta’ skemi biex jiżviluppaw u jtejbu dawn l-iskemi. Il-piż amministrattiv għall-bdiewa u l-partijiet interessati l-oħra, kif ukoll l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, iridu jitqiesu, flimkien mal-prinċipji ta' politika għal regolamentazzjoni aħjar. Mistoqsija 14: Hemm xi kwistjonijiet urġenti li għalihom l-iskemi u l-arranġamenti eżistenti mhumiex xierqa u li minħabba fihom hemm każ tajjeb sabiex tinħoloq skema fuq il-livell tal-UE? Il-Kummissjoni għandha tqis skemi obbligatorji f’ċerti każijiet, per eżempju, dawk li għandhom sfond legalment u xjentifikament kumpless jew dawk meħtieġa sabiex jiżguraw aċċettazzjoni għolja min-naħa tal-konsumatur? Jekk iva, kif jistgħu l-piżijiet amministrattivi fuq il-partijiet interessati u l-awtoritajiet pubbliċi jinżammu ħfief kemm jista’ jkun? | Parti III: Skemi ta’ Ċertifikazzjoni 8. SKEMI TA’ ċERTIFIKAZZJONI TAL-KWALITÀ TAL-IKEL L-iskemi privati u nazzjonali dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-ikel kibru b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar snin. Għall-bejjiegħa bl-imnut, dawn jipprovdu mezz għal kif għandhom jirreaġixxu għad-domanda tal-konsumatur li qiegħda tinbidel u biex joffru prodotti bi kwalitajiet speċifiċi lill-konsumaturi, kemm karatteristiċi tal-prodott jew metodi tal-produzzjoni. Għall-konsumaturi, il-fatt li l-iskemi jiddependu miċ-ċertifikazzjoni jipprovdi garanzija oħra li wieħed jista’ jistrieħ fuq dak li tgħid it-tikketta. Għall-bdiewa, dawn jirrappreżentaw kemm spiża kif ukoll opportunità sabiex iwasslu l-kwalitajiet tal-prodotti lill-konsumaturi. L-iskemi taċ-ċertifikazzjoni fl-UE jvarjaw minn konformità mal-istandards obbligatorji tal-produzzjoni sa rekwiżiti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ambjentali, il-benesseri tal-annimali, il-kwalitajiet organolettiċi, il-benesseri tal-ħaddiema, il-kummerċ ġust, il-kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima, il-konsiderazzjonijiet etiċi, reliġjużi jew kulturali, il-metodi tal-biedja, u l-oriġini. Fir-rigward tal-prodotti fornuti, l-industrija tal-ikel u l-bejjiegħa bl-imnut jistgħu joqogħdu fuq iċ-ċertifikazzjoni ta-kwalità għal iktar assikurazzjoni. Din tipprovdi sigurtà ġuridika li l-bdiewa kienu segwew l-istandards tajbin u għalhekk ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-bejjiegħa bl-imnut. Madankollu, fl-aħħar snin il-biċċa l-kbira tal-iskemi u tat-tikketti qajmu kwistjonijiet dwar it-trasparenza tar-rekwiżiti tal-iskemi, il-kredibbiltà ta’ dak li jgħidu u l-effetti possibbli tagħhom fuq ir-relazzjonijiet ġusti kummerċjali. F'din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tfittex opinjonijiet dwar it-tħaddim ta' dawn l-iskemi aktarx privati u dwar l-impatt tagħhom fuq il-bdiewa kemm ġewwa u kemm barra mill-UE, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. 8.1. L-effettività tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni fit-twassil tal-miri politiki Bejjiegħa bl-imnut kbar jistgħu jużaw l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni bħala mod ta’ kif jiżguraw jew jimponu konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet tal-produzzjoni u t-twassil. L-iżvilupp tal-iskemi tul is-snin hu riżultat tal-valutazzjonijiet tal-bejjiegħa bl-imnut dwar id-domandi tal-konsumatur sabiex ikunu jafu iktar dwar l-ikel li jixtru. Il-problemi prinċipali għal ħafna konsumaturi huma l-iġjene u s-sikurezza, u l-prezz. Għall-konsumaturi li jfittxu prodotti ta' kwalità b'karatteristiċi partikolari jew li jirriżultaw minn metodi partikolari tal-biedja, xi fatturi ewlenin tal-innovazzjoni jinkludu: - ix-xewqa li l-konsumaturi jerġgħu jingħaqdu mal-agrikoltura u tingħata l-preferenza lill-prodotti lokali u tal-istaġun fuq sistemi tal-biedja li jsostnu kemm lin-natura u lis-soċjetà, - il-kwistjonijiet ambjentali dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-immaniġjar tar-riżorsi naturali bħall-ilma u l-ħamrija b'mod iktar effiċjenti, u l-preżervazzjoni tal-bijodiversità, - il-promozzjoni tal-kwalitajiet nutrittivi tal-prodotti tal-ikel, - il-problemi tas-soċjetà: it-tikketta tal-Kummerċ Ġust huwa eżempju ta’ skema msejsa fuq l-intenzjoni strateġika li tgħin lill-produtturi u lill-ħaddiema (speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) jgħaddu minn sitwazzjoni ta' dgħjufija ekonomika u soċjali għal waħda ta' sigurtà u suffiċjenza ekonomika fiha nnifisha. - il-benesseri tal-annimali: skemi privati rreklamati minn gruppi li jiddefendu l-benesseri tal-annimali u bdiewa li jaħdmu mal-bejjiegħa bl-imnut u mill-komunità xjentifika. Dawn l-iskemi dwar il-benesseri tal-annimali ġeneralment jiċċertifikaw li iktar mir-rekwiżiti minimi huma milħuqa, għall-iskopijiet tal-kummerċjalizzazzjoni. Dawn il-fatturi politiċi ewlenin jistgħu jispjegaw, għallanqas parti minnhom, il-varjetà tremenda tal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni li tfaċċaw. Madankollu, il-ħolqien u l-użu ta' skema ta’ ċertifikazzjoni f’xi każijiet tiddependi milli jkun hemm domanda fis-suq. Skemi li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti legali eżistenti jirreferu għalihom bħala “skemi tal-linja bażi”. Minflok wieħed “iżid” rekwiżiti partikolari dwar il-kwalità, dawn l-iskemi jistabbilixxu rekwiżiti regolatorji tal-linja bażi, jiżviluppahom f’regoli dettaljati għall-operaturi (jirrikjedu per eżempju ż-żamma ta’ rekords oħra) u japplika kontrolli sabiex jiżgura li dawn huma segwiti. Din it-tip ta’ skema tintuża imbagħad sabiex tirreklama li l-produzzjoni "ċċertifikata” jew “assigurata” hi konformi mal-istandard rilevanti, kemm jekk hi dwar l-iġjene, eċċ. Ħafna drabi, dawn l-iskemi jitħaddmu fuq livell ta' negozju għal negozju, billi jiżguraw li l-istandards rilevanti u r-rekwiżiti tal-prodott fornut kienu segwiti. Dawn l-iskemi jistgħu jkunu ddisinnjati sabiex iħarsu r-reputazzjoni tan-negozji u jnaqqsu l-eventwalità u l-impatt ta' kwalunkwe azzjoni ta' responsabbiltà. Bħalissa, il-fatt li prodott jirrispetta dawn l-iskemi ta’ linja bażi mhuwiex ikkomunikat lill-konsumaturi aħħarin. Mistoqsija 15: Sa fejn jistgħu l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni għall-prodotti ta’ kwalità jilħqu d-domandi prinċipali tas-soċjetà li għandhom x’jaqsmu mal-karatteristiċi tal-prodott u l-metodi tal-biedja? Sa fejn hemm riskju li l-konsumaturi jistgħu jkunu żgwidati mill-iskemi taċ-ċertifikazzjoni li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti tal-linja bażi? X’inhuma l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-bdiewa u produtturi oħra tal-ikel (normalment negozji żgħar u ta' daqs medju) biex iżommu mal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni? Għandu jkun imħeġġeġ involviment iktar attiv mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi? | 8.2. Is-superviżjoni tal-UE Minħabba li l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni huma differenti, il-qafas ġuridiku li jikkontrolla l-użu tagħhom huwa kumpless u jinfirex f’diversi oqsma tal-politika. Skemi taċ-ċertifikazzjoni huma suġġetti għal xi restrizzjonijiet, li huma: - ir-regoli tas-suq intern. Is-servizzi taċ-ċertifikazzjoni għandhom ikunu disponibbli b'mod liberu min-naħa għall-oħra tal-fruntieri. L-iskemi m’għandhomx jirriżultaw f’ostakli de facto għal kummerċ fis-suq intern; - ir-regoli dwar il-kompetizzjoni; - it-tagħrif tal-konsumatur u r-rekwiżiti tal-ittikkettjar. Il-kosumaturi huma konxji ta’ x’hemm lil hinn minn dak li tgħid it-tikketta? - il-leġiżlazzjoni speċifika dwar is-suġġett kopert mill-iskema ta’ ċertifikazzjoni. Il-Kummissjoni bħal prinċipju ma tarax il-bżonn ta’ iżjed leġiżlazzjoni biex tindirizza b'mod speċifiku l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet, imma jista’ jitqies it-tfassil ta’ sett ta' linji gwida. Dawn għandhom ikunu ddisinnjati biex jgħinu lis-sidien tal-iskema fl-iżvilupp u t-titjib tal-iskemi. Mistoqsija 16: Jistgħu l-linji gwida tal-UE ikunu biżżejjed sabiex jikkontribwixxu għal żvilupp iktar koerenti tal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni? Xi kriterji hemm bżonn li jkunu nklużi f’din il-gwida jew il-linji gwida? | 8.3. It-tnaqqis tal-piżijiet u l-ispejjeż L-ispejjeż ewlenin għall-għaqda tal-iskemi taċ-ċertifikazzjoni jinqasmu f'żewġ gruppi: “diretti” u “indiretti”. Spejjeż diretti jirrelataw mal-miżati tas-sħubija, l-ispezzjonijiet tal-parti terza u ċ-ċertifikazzjoni. Spejjeż indiretti jirrelataw mal-konformità mal-istandards tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni (spejjeż tal-investiment sabiex il-faċilitajiet ikunu ,modernizzati) u l-ispejjeż rikorrenti tal-produzzjoni. Il-bżonn li wieħed jipparteċipa f’iktar minn skema waħda jidher li jinvolvi piż (finanzjarju u amministrattiv) sostanzjali, speċjalment għall-produtturi ta' skala żgħira. F'każ li bidwi ma jingħaqadx fi skema partikolari, il-prodott tiegħu jista' jkun eskluż minn ċerti opportunitajiet fis-suq. Ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni u tal-kontroll li japplikaw għall-iskemi privati jridu jiżdiedu mar-rekwiżiti uffiċjali tal-kontrolli. Mistoqsija 17: Kif jistgħu jonqsu l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi li tkun parti minn skema waħda jew iktar ta’ ċertifikazzjoni dwar il-kwalità? | 8.4. Id-dimensjoni internazzjonali Fil-kummerċ internazzjonali, l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jservu sabiex jppromwovu u jikkummerċjalizzaw prodotti b'ċerti karatteristiċi tal-kwalità. Minħabba li s-sidien ta’ ħafna mill-iskemi ta’ bħalissa huma privati, kemm bdiewa/produtturi, l-industrija tal-ikel jew il-bejjiegħa bl-imnut, l-involviment tal-Kummissjoni Ewropea hu minimu. Għall-bdiewa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jbiegħu l-prodotti tagħhom fis-suq tal-UE, l-iskemi privati ta’ ċertifikazzjoni jirrappreżentaw kemm spiża u kemm opportunità. Il-bdiewa jista’ jkollhom diffikultajiet biex ilaħħqu mar-rekwiżiti imposti fuqhom. Madankollu, jekk jistgħu jkunu ċċertifikati fl-ambitu ta’ skema użata minn bejjiegħ bl-imnut tal-UE, jistgħu jkunu f’sitwazzjoni aħjar biex ibiegħu fl-UE. F’dak li għandu x’jaqsam mal-benesseri tal-annimali, l-eżistenza tal-kundizzjonijiet estensivi tat-trobbija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jirrappreżentaw opportunità importanti għall-iżvilupp tal-kummerċ ta’ prodotti li huma favur il-benesseri tal-annimali minħabba li ċ-ċertifikazzjoni tal-metodu tal-produzzjoni tista’ tipprovdi garanziji xierqa dwar il-kundizzjonijiet tat-trobbija lill-konsumaturi tal-UE. Mistoqsija 18: Kif jistgħu l-iskemi privati ta’ ċertifikazzjoni jintużaw sabiex jgħinu l-esportazzjonijiet tal-UE u jippromwovu prodotti Ewropej ta’ kwalità fis-swieq tal-esportazzjoni? Kif tista’ l-UE tiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-produtturi ġejjin minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li għandhom bżonn jikkonformaw mal-iskemi privati ta’ ċertifikazzjoni sabiex ifornu lill-bejjiegħa bl-imnut partikolari? | Konklużjoni: DIN KIENET PREżENTAZZJONI ġENERALI TAL-POLITIKA DWAR IL-KWALITÀ TAL-PRODOTTI AGRIKOLI. L-ISKOP TAL-GREEN PAPER HUWA LI JQAJJEM DIBATTITU U KONTRIBUZZJONIJIET BIL-KITBA. IL-PARTIJIET INTERESSATI U DAWK KONċERNATI KOLLHA HUMA GħALHEKK MISTIEDNA JAGħTU R-REAZZJONIJIET TAGħHOM. KIF INTQAL FIL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI “REGOLAMENTAZZJONI AħJAR”, L-IżVILUPP FIL-POLITIKA GħANDU JKUN TRASPARENTI KEMM JISTA’ JKUN U L-PASSI GħANDHOM JITTIEħDU BISS WARA LI DAWK KONċERNATI JKUNU NSTEMGħU SEW. Il-Green Paper hija għalhekk l-ewwel pass fil-mogħdija tat-tfassil tal-politika. Il-kontribuzzjonijiet ta’ dawk li jirrispondu se jipprovdu s-sisien tar-riflessjonijiet tal-Kummissjoni fl-immudellar tal-paper għall-għażliet tal-politika, Komunikazzjoni, li skont il-pjanijiet ta’ issa għandha tkun ppubblikata f’Mejju 2009. Is-suċċess tal-konsultazzjoni ta’ din il-Green Paper jiddependi fuq ir-rieda ta’ firxa wiesgħa ta’ persuni konċernati li jaqsmu u jispjegaw it-tħassib, l-analiżi u l-ideat tagħhom f'dan il-proċess importanti pubbliku. Il-Kummissjoni se tippubblika u teżamina l-kontribuzzjonijiet u tippubblika r-reazzjonijiet tagħha. Mistoqsija 19: Dawk li se jwieġbu huma mistiedna jqajmu kwalunkwe kwistjoni oħra li għandha x'taqsam mal-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli li ma kinitx koperta. | [1] Id-dejta personali se tkun trattata mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ħarsien ta' individwi rigward l-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u entitajiet tal-Komunità u rigward il-moviment ħieles ta' din id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1). [2] Prodotti koperti mill-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni: ċanga u vitella, bajd, frott u ħxejjex friski u pproċessati, għasel, ħops, ħalib u prodotti magħmula mill-ħalib, żejt taż-żebbuġa, laħam tal-majjal, tjur u laħam tan-nagħaġ, zokkor, inbid, prodotti magħmula miċ-ċikkulata u l-kawkaw, essenza tal-kafe u tal-indivja, meraq tal-frott, ġamm tal-frott, ġeli u marmalejd, eċċ., spirti, u butir, marġarina u taħlitiet. [3] e.ż. tkun sors ta' materja prima; tindif u gradazzjoni; ipproċessar; maturazzjoni; preparazzjoni jew il-prodott aħħari, eċċ. [4] Id-Dipartimenti Franċiżi Barranin tal-Gujana, il-Martinique, il-Gwadelup u ir-Reunion, il-Gżejjer Kanarji Spanjoli u l-Ażores Portugiżi, u l-Madejra [5] http://www.welfarequality.net/everyone: Welfare Quality® huwa proġett iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa proġett integrat fis-sitt programm kwadru. Il-programm ta’ riċerka huwa ddisinnjat sabiex jiżviluppa l-istandards Ewropej għall-valutazzjoni dwar il-benesseri fil-farm u s-sistemi li jagħtu informazzjoni dwar il-prodotti kif ukoll strateġiji prattiċi li jtejbu l-benesseri tal-annimali.