52008DC0449

Rapport mill-Kummissjoni - Direttorat-Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja (ECHO): Rapport Annwali 2007 {SEC(2008) 2236} /* KUMM/2008/0449 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 9.7.2008

KUMM(2008) 449 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Direttorat-Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja – (ECHO) Rapport Annwali 2007

{SEC(2008) 2236}

WERREJ

1. INTRODUZZJONI 3

2. ASPETTI POLITIċI ĠENERALI 4

3. ĦARSA ĠENERALI LEJN L-OPERAZZJONIJIET UMANITARJI TAD-DG ECHO FL-2007 6

3.1. Ġeneralitajiet 6

3.2. L-Intervenzjonijiet ewlenin fl-2007 skond ir-reġjun u l-allokazzjoni tal-fondi 8

3.3. Analiżi komparattiva 10

3.4 Finanzjament tematiku 10

3.5. Attivitajiet ta’ tħejjija għad-Diżastri 11

3.6. Ir-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD) 12

3.7. L-Imsieħba ewlenin fit-tħaddim umanitarju 12

4. IR-RELAZZJONIJIET MA’ L-ISTITUZZJONIJIET L-OħRA TA’ L-UE, MA’ L-ISTATI MEMBRI, MA’ L-IMSIEħBA UMANITARJI EWLENIN U MAD-DONATURI MHUX TA’ L-UE 12

5. ATTIVITAJIET OħRA 13

6. IL-KONKLUżJONI 13

Anness:

Ħarsa ġenerali dettaljata lejn il-ħidmiet umanitarji, skond il-pajjiż, lejn ir-relazzjonijiet ma’ l-imsieħba, lejn ir-riżultati tal-valutazzjonijiet u lejn it-tabelli finanzjarji u l-istatistika

1. INTRODUZZJONI

Id-DĠ ECHO huwa s-servizz tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli li jipprovdi għajnuna umanitarja lill-persuni milquta minn kunflitti jew diżastri, kemm jekk naturali sew jekk magħmula mill-bniedem, f’pajjiżi terzi. Dan l-għan ġenerali jikkontribwixxi għall-għanijiet strateġiċi tal-Kummissjoni "l-Ewropa bħala msieħba dinjija" inkluż fl-għanijiet ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni[1], stabbiliti fit-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea (UE). Il-mandat tad-DĠ ECHO huwa li jsalva u li jippreserva l-ħajja, li jnaqqas jew li jevita t-tbatija u li jissalvagwardja l-integrità u d-dinjità tal- popolazzjonijiet affettwati bi kriżijiet umanitarji kif deskritt fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1257/96.

Fl-2007, permezz tal-baġit għall-għajnuna umanitarja, l-UE pprovdiet għajnuna umanitarja għal madwar 127 miljun benefiċjarju f'pajjiżi terzi[2]. Barra minn hekk, 19.5 miljun persuna bbenefikaw minn azzjonijiet fir-rigward ta’ tħejjija għad-diżastri u kapaċitajiet imtejba ta’ rispons għal riskji potenzjali.

B’dawn iċ-ċifri, l-Unjoni Ewropea tibqa' l- akbar donatur wieħed ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja.

Id-DĠ ECHO jappoġġja l-operazzjonijiet umanitarji b’mod konformi mal- prinċipji umanitarji miftiehma internazzjonalment b’mod newtrali, imparzjali u non-diskriminatorju , fir-rigward tal-Liġi Umanitarja Internazzjonali ("IHL[3]") u jiddefendi ż-żoni u l-prinċipji umanitarji li qed ikunu dejjem aktar taħt theddida. Għad-DĠ ECHO, l-aħjar mod ta’ kif għandu jiġi ppreżervat dan l-ispazju umanitarju huwa li jinżamm livell għoli ta’ impenn fil-prinċipji ta’ Donaturi Tajbin Umanitarji (GHD[4]), sabiex dan jibqa’ jforni għajnuna ta’ kwalità għolja u jżomm djalogu trasparenti ma’ l- atturi ewlenin l-oħra.

Id-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet meħuda mis-servizz jiġu ddeterminati biss bil-valutazzjoni tal-ħtiġiet umanitarji, u la jiġu ggwidati minn u lanqas ma jkunu soġġetti għal xi kunsiderazzjonijiet politiċi ħlief għall-affermazzjoni tas- solidarjetà ta’ l-Unjoni Ewropea man-nies fil-bżonn. L-għajnuna hija maħsuba li tmur direttament għand dawk li jinstabu fil-periklu, tkun xi tkun ir-razza, ir-reliġjon jew il-konvinzjoni politika.

Id-DĠ ECHO ma jimplimentax huwa stess il-programmi ta’ għajnuna. Huwa donatur li jimplimenta l-missjoni tiegħu billi jiffinanzja azzjonijiet umanitarji tal-Komunità permezz ta’ l -imsieħba li jkunu ffirmaw il-Qafas ta’ Ftehim ta’ Sħubija (FPA), bħalma huma l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali Ewropej (il-familja tas-Salib l-Aħmar) jew il-Ftehim ta’ Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (Financial and Administrative Framework Agreement (FAFA) għall-Aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (fl-2007 dawn kienu prinċipalment l-UNICEF[5], il-UNHCR[6] u l-WFP[7]).

L-impenn tad-DĠ ECHO huwa li jiżgura li l-oġġetti u s-servizzi jilħqu ż-żoni ta’ kriżi kemm jista’ jkun malajr permezz ta’ dawn l-imsieħba. Ir-rapidità tat-twettiq ta' l-għajnuna hija ffaċilitata minn dispożizzjonijiet speċjali fir-Regolament Finanzjarju u mid-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni. Dawn l-arranġament strutturali jippermettu wkoll lil DĠ ECHO juża assistenti tekniċi (esperti ECHO) fil-qasam biex b'hekk tkun żgurata l-identifikazzjoni ta' setturi vulnerabbli tas-soċjetà, valutazzjoni akkurata tal-ħtiġijiet, l-identifikazzjoni rapida ta’ msieħba xierqa u proġetti li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet. Dan huwa segwit minn monitoraġġ fuq il-post tal-progress ta' l-imsieħba u l-proġetti sabiex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja soda bħala appoġġ għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li r-riżorsi jkunu ntużaw għall-iskop li kienu maħsuba.

L-għajnuna tad-DĠ ECHO għandha wkoll l-għan li tiffaċilita, flimkien ma’ strumenti ta’ għajnuna oħrajn, ir-ritorn ta’ popolazzjonijiet lejn l-awto-suffiċjenza kulfejn u kulmeta jkun possibbli, u li jippermetti t-tneħħija gradwali tal-fondi tad-DĠ ECHO f’kundizzjonijiet tajba. F’dik il-perspettiva, id-DĠ ECHO huwa impenjat b’mod attiv sabiex jimplimenta strateġija ta’ rabta bejn l-għajuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp “LRRD”, u li jiżviluppa kooperazzjoni aktar b’saħħitha mas-servizzi l-oħra tal-Kummissjoni jew ma’ donaturi oħra.

Waqt li jibbaża ruħu fuq l-esperjenza tiegħu sabiex jindirizza każijiet ta’ diżastri, id-DĠ ECHO jaħdem ukoll sabiex jippromwovi t-tħejjija għad-diżastri ħalli jitnaqqsu kemm il-vulnerabilità kif ukoll il-periklu ta’ persuni għal riskji u diżastri, kif ukoll sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ekonomiċi marbuta ma’ dawn id-diżastri. Fl-aħħarnett, bil-ħsieb li jwettaq il-mandat tiegħu b’mod effettiv, id-DĠ ECHO jista’ jappoġġja – fejn ikun xieraq u neċessarju – il-miżuri tal-bini ta’ kapaċità ta’ l-imsieħba tiegħu fl-implimentazzjoni.

Ir-rapport jiġbor l-attivitajiet ewlenin tad-DĠ ECHO fl-2007. L-anness jipprovdi ħarsa ġenerali ta’ l-operazzjonijiet li ġew iffinanzjati f’bosta pajjiżi u reġjuni fejn DĠ ECHO pprovda għajnuna permezz ta’ l-imsieħba tiegħu u l-istatistika li ttieħdet mir-rapport finanzjarju ta’ l-2007[8].

Dan ir-rapport qed jiġi maħruġ sabiex ikun konformi mar-rekwiżit ta' Artikolu 19 tar-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja:

“Fit-tmiem ta' kull sena' finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'sommarju ta' operazzjonijiet iffinanzjati tul dik is-sena. Is-sommarju għandu jkollu fih informazzjoni dwar l-aġenziji li magħhom ikunu ġew implimentati l-ħidmiet. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll reviżjoni ta’ eżerċizzji ta’ valutazzjoni barranin li setgħu saru fuq operazzjonijiet speċifiċi”.

2. ASPETTI POLITIċI ġENERALI

B’mod ġenerali, matul l-aħħar għexieren ta’ snin, l-ammont, is-saħħa u l-għadd ta' diżastri naturali żdiedu. In-numru ta’ persuni li ġew affettwati żdied ukoll u n-nies l-iktar foqra ġew affettwati b'mod disproporzjonali. Skond it-tbassir, fil-futur din it-tendenza x’aktarx li se tiżdied.

B’mod parallel, in-numru ta’ kunflitti ma nbidilx b’mod sinjifikanti iżda l-kunflitti preżenti għandhom it-tendenza li jdumu iżjed u qed ikunu distruttivi ferm aktar, minkejja li n-numru ta’ refuġjati naqas f’dawn l-aħħar snin.

Il-kuntest internazzjonali li fih tingħata l-għajnuna umanitarja nbidel b’mod konsiderevoli u daħlu fix-xena atturi ġodda. F’dan il-kuntest, it-tliet Istituzzjonijiet (il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni) iffirmaw Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja[9] f'Diċembru 2007 li jgħaraf l-ambjent dejjem iktar diffiċli għal rispons umanitarju u l-isforzi għal strateġija iktar effiċjenti u koordinata ta' l-UE. Fl-2008 dan il-Konsensus ser ikompli bi Pjan ta' Azzjoni li jirrappreżenta t-trasferiment u t-twettiq konkret u operattiv ta’ l-għadd kbir ta’ impenji politiki li jinsabu fil-Konsensus dwar l-Għajnuna Umanitarja .

Sabiex titjieb l-għajnuna tal-Kummissjoni kontra d-diżastri u fi ħdan il-qafas ta’ l-istrateġija ta’ l-UE sabiex issaħħaħ l-għajnuna tagħha għad-diżastri u għall-kriżijiet f’pajjiżi terzi[10], id-DĠ ECHO ippropona li jżid in-numru ta’ esperti tiegħu f’dawn iż-żoni, sabiex issir valutazzjoni malajr tal-ħtiġiet u jkunu jistgħu jiġu impjegati malajr kemm jista’ jkun f’każ ta’ xi diżastru. It-tisħiħ tal-proċeduri operazzjonali u kuntrattwali tad-DĠ ECHO applikabbli għall-imsieħba li jimplimentaw (l-ONG Ewropej, l-Aġenziji tan-NU u Organizzazzjonijiet Internazzjonali) kif ukoll il-kapaċità miżjuda fil-qasam[11] tejjbu l-ħin ta’ rispons ta’ l-għoti ta’ l-għajnuna umanitarja. Dan it-titjib fis-servizz jipprovdi kontribut sinifikanti għall-iżvilupp tal-kapaċità ta' l-UE li tindirizza kriżijiet u diżastri, li dejjem qed issir prijorità politika kif jidher mill-komunikazzjonijiet ta' wara t-tsunami, ir-Rapport Barnier[12] u l-konklużjonijiet relevanti tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussel ta’ Diċembru 2007.

Il-prinċipju ta’ “ strument wieħed għal kull qasam ta’ politika” stabbilit mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni[13] għat-titjieb ta' l-effiċjenza ta' l-azzjoni tal-Komunità, flimkien mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-persettivi finanzjarji 2007-2013, ittrasferiet ir-responsabbiltà għall-ġestjoni ta’ l- għajnuna umanitarja fl-ikel mid-DĠ AIDCO għad-DĠ ECHO b'effett mill-1 ta' Janar 2007. Id-DĠ ECHO ffoka fuq il-baġit ta’ l-għajnuna fl-ikel, fi ħdan il-qafas tal-mandat tiegħu, biex isalva u jippreserva l-ħajja matul emerġenzi u l-perjodu direttament wara li jseħħu, u bl-istess prinċipju ta’ valutazzjoni ta’ ħtiġijiet li tapplika għall-intervenzjonijiet kollha tiegħu.

Minħabba l-integrazzjoni ta’ għajnuna fl-ikel u għajnuna għal persuni spustjati fi ħdan id-DĠ ECHO, il-baġit umanitarju inizjali li kien disponibbli għall-2007 żdied għal €722 miljjun b’żieda annwali indikativa prevista ta’ 3% (2% għall-inflazzjoni u 1% żieda netta).

3. ĦARSA ġENERALI LEJN L-OPERAZZJONIJIET UMANITARJI TAD-DG ECHO FL-2007

3.1. Ġeneralitajiet

Meta mqabbla mas-snin ta’ qabel, fl-2007 ma kien hemm l- ebda kriżijiet ġodda ewlenin fil-qasam ta’ l-għajnuna umanitarja, kemm jekk diżastri naturali, kemm jekk emerġenzi kumplessi. Madankollu, diżastri naturali, aggravati mit-tibdil fil-klima, ikomplu jiżdiedu kemm fil-frekwenza kif ukoll fl-intensità, u diġà qed jaffettwaw persuni vulnerabbli iktar spiss u b'mod iktar qawwi. Mill-1975 lil hawn, in-numru ta’ diżastri naturali żdied minn madwar 75 għal iktar minn 400[14] fis-sena. B’mod partikolari, in-numru medju ta’ diżastri idrometereoloġiċi rrappurtati kien ta’ 195 għall-perjodu bejn l-1987-1998 u dan żdied b’187% għal medja ta’ 365 għall-perjodu bejn l-2000-2006[15].

Fl-2007 xi diżastri naturali kkawżaw danni serji: terremoti ta’ skala medja fil-Perù u l-Gżejjer Solomon; għargħar fl-Afrika, fl-Indja, fl-Indoneżja, fil-Korea ta’ Fuq, fil-Vjetnam u fl-Amerika Latina; ċikluni fin-Nikaragwa (Felix), il-Możambik (Favio) u l-Bangladesh (Sidr); L- Uragan Dean fil-Karibew; maltempata tropikali f’Haiti u r-Repubblika Dominikana (Noel) u nixfa fil-Moldova, fil-Paragwaj, fil-Kenja u r-reġjun ta’ Sahel. Id-DĠ ECHO kellu jirreaġixxi malajr biex jgħin lil eluf ta’ nies li kienu qed ibatu, uħud minnhom li kienu diġà milquta minn kriżijiet oħra.

Minkejja li bosta sitwazzjonijiet kumplessi ta' emerġenzi, u d-danni kkawżati minnhom, baqgħu għaddejjin,, in-nuqqas ta’ kriżijiet ewlenin fuq skala kbira fisser li d-DĠ ECHO baqa' fil-limitu tal-fondi disponibbli mill-Awtorità Baġitarja, flimkien ma' żidiet minn riżorsi EDF u fondi impenjati mill-ġdid. Għalhekk, meta mqabbel mas-snin preċedenti, id-DĠ ECHO ma kellux jirrikorri għar-Riserva ta' Emerġenza għall-Għajnuna (EAR) tal-Kummissjoni.

L-għajnuna tad-DĠ ECHO għall-kriżijiet umanitarji fl-2007 ġiet indirizzata permezz ta’ 85 deċiżjoni ta’ finanzjament. L-implimentazzjoni ta’ l-approprijazzjonijiet ta’ impenn kienet ta’ 100%. Il-pajjiżi ta’ l-AKP kienu l-iktar pajjiżi li rċevew għajnuna (EUR 422.7 miljun (jiġifieri 55% tat-total tal-baġit finali), segwiti mill-Ażja u l-Amerika Latina (EUR 157.4 miljun - 20.5%) u l-Ewropa tal-Lvant, l-Istati Indipendenti l-Ġodda, Il-Lvant Nofsani u l-pajjiżi tal-Mediterran (EUR 124.9 miljun – 16.2%).

L-applikazzjoni ta’ prinċipji bbażati fuq il-ħtiġijiet wasslu għal din is- simplifikazzjoni ġeografika[16] tal-fondi impenjati għall-għajnuna umanitarja fl-2007. Ta’ min jinnota li ċ-ċifri ta’ l-2006 ma jinkludux għajnuna għall-ikel minħabba li din kienet għadha taħt ir-responsabbiltà ta’ DĠ AIDCO f’dik is-sena (fl-‘000):

Għajnuna Umanitarja fl-2007 (inkluż għajnuna għall-Ikel) | Imqabbla ma’ l-2006 |

Il-Qarn ta’ l-Afrika | 217.950 | 161.050 |

Il-Lagi l-Kbar | 89.500 | 84.050 |

L-Afrika tal-Punent | 46.600 | 56.150 |

Il-Karibew u l-Paċifiku | 16.310 | 1.610 |

L-Afrika ta’ Isfel u l-Oċean Indjan | 50.400 | 19.200 |

Il-Lvant Nofsani, il-Mediterran | 99.090 | 144.900 |

L-Amerika Latina | 40.065 | 24.600 |

Strumenti mhux ġeografiċi |

Finanzjament Tematiku + għotjiet | 28.900 | 3.8% | 20.500 | 3.1% |

Għajnuna Teknika (esperti & uffiċji lokali) | 25.400 | 3.3% | 19.000 | 2.8% |

Użu ta' dħul assenjat mill-ġdid | 307 | 817 |

Nefqa ta’ Appoġġ (verifika, evalwazzjoni, informazzjoni, eċċ.) | 8.900 | 1.2% | 6.189 | 1.0% |

TOTAL |768.530 |100% |671.006 |100% | |

[pic]

Id-DĠ ECHO jagħti għajnuna finanzjarja lill-vittmi ta’ kunflitti jew diżastri naturali f’pajjiżi terzi, fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet umanitarji . Il-metodoloġija[17] applikata tikklassifika pajjiżi terzi skond il-vulnerabbiltà ġenerali tagħhom (= indiċi ta' vulnerabbiltà[18]) u jekk ikunux għaddejjin minn kriżi umanitarja (= indiċi ta' kriżi[19]). Bħala riżultat ta’ dan l-eżerċizzju, ġew identifikati 50 pajjiż/territorju li għaddejjin minn kriżi, 23 minnhom kienu identifikati bħala l-aktar vulnerabbli, u 18 minnhom kienu fl-Afrika 'l isfel mis-Saħara. Dawn ir-riżultati mbagħad jiġu mqabbla ma' l-evalwazzjoni li ssir fuq il-post mill-esperti tad-DĠ ECHO u l-unitajiet ġeografiċi tad-DĠ ECHO sabiex tiġi definita strateġija għall-pajjiżi/reġjuni kkonċernati.

Konformi mal-metodoloġija użata, fl-2007 d-DĠ ECHO impenja 94.6% tal-baġit iniżjali ppjanat fuq il-linji prinċipali għall-għajnuna umanitarja (23.02.01) f’oqsma ta’ prijorità ta’ ħtiġijiet umanitarji għoljin.

Sabiex tiġi pprogrammata l-azzjoni tiegħu favur il-popolazzjonijiet li l-aktar jinsabu fi bżonnijiet umanitarji, l-istrateġija ta' għajnuna tad-DĠ ECHO kompliet tiffoka fuq il-kriżijiet minsija (sitwazzjonijiet fejn il-ħtiġijiet umanitarji jingħataw ftit attenzjoni mid-donaturi - riflessi bil-livell baxx ta' għajnuna li jirċievu - u mill-medja). L-analiżi u l-metodoloġija tad-DĠ ECHO sabiex jiġu identifikati l-kriżijiet minsija huma bbażati kemm fuq data kwantitattiva (in-nuqqas ta’ kopertura permezz tal-midja jew l-appoġġ baxx mid-donaturi flimkien mal-ħtiġiet għolja) kif ukoll fuq fatturi kwalitattivi (valutazzjoni fuq il-post mill-esperti u mill-uffiċjali tad-DĠ ECHO).

Il-kriżijiet minsija li ġew identifikati fl-2007 kienu: Refuġjati Sahrawi fl-Alġerija, iċ-Ċeċnija u r-repubbliki affettwati ta' l-inħawi, il-popolazzjoni ta’ l-Indja affettwata minn inkwiet fil-Ġammu u l-Kaxmir, il-kriżi persistenti tar-refuġjati Bhutaniżi kif ukoll l-insurrezzjoni Maoista fin-Nepal, il-popolazzjoni affettwata mill-kunflitt fil-Burma/Mijammar kemm fil-pajjiż stess kif ukoll fil-pajjiżi viċin u l-popolazzjoni affettwata mill-kriżi fil-Kolumbja kif ukoll fil-pajjiżi ta' madwar. Minbarra l-Kolumbja, dawn il-kriżijiet kienu diġà identifikati bħala “kriżijiet minsija” fl-2006.

Fl-2007, l-appoġġ finanzjarju ta’ €60.7 miljun ingħata għal dawn il-kriżijiet, li jirrappreżenta 13% tal-baġit operazzjonali inizjali[20].

Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-Ħtiġijiet Globali u tal-Valutazzjonijiet tal-Kriżijiet Minsija huma disponibbli fuq il-websajt Europa http://ec.europa.eu/echo/policies/strategy_en.htm

3.2. L-Intervenzjonijiet ewlenin fl-2007 skond ir-reġjun u l-allokazzjoni tal-fondi

F'termini ta’ kriżijiet, ma kien hemm l-ebda kriżi ġdida emerġenti fl-2007 imma l-Kummissjoni kellha tindirizza sitwazzjonijiet umanitarji aggravanti, kultant imtawwla, emerġenzi kumpless li diġà kienu jeżistu fis-snin ta’ qabel. Xi eżempji huma s- Sudan , fejn is-sitwazzjoni għadha waħda ta’ tħassib kbir. il-vjolenza u l-estorsjoni fuq il-popolazzjoni ċivili għadha għaddejja u dan reġa' ġiegħel bosta nies jaħarbu u jmorru x'imkien ieħor jew fi ħdan il-pajjiż stess jew inkella jmorru bħala refuġjati fil-pajjiżi tal-madwar. Għargħar li jaffettwa t-Tramuntana tas-Sudan, inkluż id-Darfur, f’Lulju 2007 aggravaw is-sitwazzjoni.

Fir- Repubblika Demokratika tal-Kongo , il-ġlied u t-tensjonijiet fil-Lvant tal-pajjiż reġgħu bdew fis-sajf ta’ l-2007, b’mod partikolari fit-Tramuntana u l-parti tan-Nofsinhar ta’ Kivu, li kkawżaw bosta ċaqliq tal-popolazzjoni u ħtiġijiet umanitarji ġodda. Is- Somalja wkoll kellha tiffaċċja ż-żewp diżastri naturali (nixfa) u vjolenza, li wassal sabiex bosta nies jitilqu minn darhom.

L-intervenzjonijiet elenkati fis-sezzjonijiet li ġejjin jinsabu f'iktar dettal fl-anness - Taqsima I.

3.2.1. L-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (il-pajjiżi ta’ l-AKP)

Fl-2007, id-DĠ ECHO alloka total ta’ €422 miljun (jiġifier 55% tal-baġit totali finali) lill- pajjiżi AKP , bl-akbar finanzjament lis- Sudan b’total ta’ €110.45 miljun, u r- Repubblika Demokratika tal-Kongo (€50 miljun). L-interventi ewlenin l-oħra fl-Afrika li kienu jeħtieġu finanzjament ta’ iktar minn €20 miljun kienu ċ-Ċad (€30.5 miljun), iż-Żimbabwe (€30.2 miljun), is-Sahel (€25.5 miljun), l-Uganda (€24 miljun) u l-Etijopja (€20 miljun).

3.2.2. Il-Lvant Nofsani u l-NIS

Fil- Lvant Nofsani , is-siwtazzjonijiet kompliet tiddeterjora fl-2007. Id-DĠ ECHO kompla r-rispons tiegħu billi pprovda iktar minn €88 miljun f’għajnuna li kopriet il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli fix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża u tar-refuġjati Palestinjani fil-Libanu, fil-Ġordan u fis-Sirja. Dan l-ammont intuża wkoll biex tingħata għajnuna għall-kriżi interna fl-Iraq, inkuż refuġjati fil-pajjiżi ta' madwar.

Fil- Kawkażu ta' Fuq , il-Kummissjoni kompliet tiffinanzja l-vittmi tal-kunflitt taċ-Ċeċnija billi approvat total ta’ €20.8 miljun.

3.2.3. L-Ażja

Fil- pajjiżi Ażjatiċi ġew indirizzati €27 miljun għal persun vulnerabbli affettwati mill-kriżi Afghana u d-diżastri naturali fl-Afghanistan, fl-Iran u l-Pakistan u ġew allokati €19 miljun għall-għajnuna għall-popolazzjonijiet vulnerabbli tar-refuġjati tal-Mijammar u l-Burma fuq il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Mijammar kif ukoll €19.5 miljun għall-pajjiżi ta’ l-Ażja tan-Nofsinhar, mingħajr ma ġie kkunsidrat il-finanzjament tat-tħejjija għad-diżastri, għall-irkupru ta’ komunitajiet affettwati minn għargħar.

3.2.4. L-Amerika Latina

Fl-aħħarnett, fl- Amerika Latina , il-finanzjament kompla jipprovdi għajnuna lill-vittmi tal-kunflitt fil-Kolumbja (€12-il miljun). Madankollu, serje ta’ diżastri naturali affettwaw kemm l-Amerika t'Isfel kif ukoll l-Amerika Ċentrali (terremot fil-Perù, uragan fin-Nikaragwa, għargħar fil-Bolivja u l-Kolumbja, temp kiesaħ fil-Perù u nixfa u nirien f'art mhux ikkultivata fil-Paragwaj) u dawn kienu jeħtieġu intervenzjoni mhux ipprogrammata ta' €19-il miljun minn ECHO.

3.3. Analiżi komparattiva

Fil-grafika ta’ hawn taħt, l-analiżi komparattiva dwar id-distribuzzjoni ġeografika tad-deċiżjonijiet ta’ finanzjament għas-snin 2003-2007 turi li waqt li fis-snin ta’ qabel is-sehem relattiv tal-fondi lill-pajjiżi ta’ l-AKP kien kontinwament qed jiżdied, din ix-xejra marret lura fl-2005 fejn is-sehem ewlieni tal-fondi ġie indirizzat lejn l-Ażja minħabba ż-żewġ kriżijiet ewlenin f’dik il-parti tad-dinja: it-tsunami u t-terremot fil-Kaxmir. Jekk wieħed iħares lejn il-perspettiva ta’ ħames snin ta’ min isemmi li l-fondi għad-diversi reġjuni u partijiet tad-dinja ivarja ħafna, li jikkonferma li l-intervent tad-DĠ ECHO huwa orjentat lejn perjodu qasir. Irid jiġi nnutat ukoll li aktar minn 96% tal-baġit għall-għajnuna umanitarja huwa għall-fondi tat-tħaddim umanitarju, waqt li inqas minn 4% huwa sabiex jappoġġja n-nefqa (l-informazzjoni, il-verifiki, il-valutazzjonijiet, il-persunal, eċċ.). Ara l-anness, taqsima VI.

[pic]

3.4. Finanzjament tematiku

Minħabba r-rwol ċentrali li għandhom l-organizzazzjonijiet internazzjonali ewlenin b’mandat umanitarju (In-Nazzjonijiet Uniti, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u s-Soċjetajiet tal-Nofs Qamar l-Aħmar (IFRX), eċċ) fil-prestazzjoni effettiva ta’ l-għajnuna umanitarja, id-DĠ ECHO fl-2007 kompla jappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali tagħhom permezz ta’ programmi ta’ fondi tematiċi.

Fl-2007, id-DĠ ECHO appoġġja aġenziji tan-NU u organizzazzjonijiet tal-moviment tas-Salib l-Aħmar bħala aġenziji ewlenin b'ammont totali ta' €27.5 miljun.

Saret enfażi fuq dawn in-nuqqasijiet li huma mmirati biex joħolqu kapaċità ta' rispons effettiv. il-valutazzjoni ta’ kapaċità ta’ settur, tisħiħ ta’ intervent, il-bini ta’ kapaċità, żieda fid-disponibbiltà ta’ oġġetti għall-għajnuna fil-bidu ta’ emerġenzi ġodda, l-iżvilupp ta’ proċeduri operattivi standard, l-applikazzjoni ta’ kriterji għall-kejl tal-prestazzjoni u t-titjib ta’ koordinazzjoni u appoġġ għall-istrateġija ta’ grupp immexxija min-NU biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq.

3.5. Attivitajiet ta’ tħejjija għad-diżastri

B’mod konformi mar-Regolament tal-Kunsill 1257/96, id-DĠ ECHO flimkien ma’ l-għajnuna umanitarja tiegħu jippromwovi t-tħejjija għad-diżastri permezz ta’ appoġġ, koordinazzjoni u l-programm speċifiku DIPECHO. Il-konsegwenzi tad-diżastri kif ukoll l-għarfien aktar miftuħ dwar il-bidla fil-klima globali u l-impatt tagħha juru li dan l-impenn huwa rilevanti ħafna u xieraq.

Fuq livell strateġiku, id-DĠ ECHO saħħaħ ir-riżorsi istituzzjonali tiegħu rigward it-tħejjija għad-diżastri, liema riżorsi huma mistennija li jiffaċilitaw metodu aktar koerenti u komprensiv sabiex jintegra t-tħejjija għad-diżastri fil-programmi ta’ għajnuna umanitarja u ta’ riabilitazzjoni. Dan huwa kompletament skond l-attenzjoni globali tad-donaturi umanitarji u ta’ l-iżvilupp għall-attivitajiet li jikkonċernaw it-tnaqqis fir-riskju ta’ diżastri kif ukoll skond l-issuktar previst fil- Qafas ta’ Azzjoni ta’ Hyogo 2005-2015 .

Fl-2007, id-DĠ ECHO kompla bl-impenn tiegħu f’attivitajiet ta’ appoġġ sabiex jiżgura li fix-xogħol tagħhom id-donaturi għall-iżvilupp jinkludu elementi ta’ tnaqqis fir-riskju mid-diżastri f’dawk ir-reġjuni li huma f’riskju minn diżastri naturali bħalma huma t-terremoti, l-għargħar, iċ-ċikluni, eċċ, u sabiex jappoġġjaw miżuri prattiċi li jnaqqsu dawn ir-riskji. Id-DĠ ECHO huwa wkoll konsulent b’saħħtu fejn jikkonċerna metodi bbażati fuq il-komunità rigward tnaqqis fir-riskju mid-diżastri, liema metodi jżidu l-kapaċità tal-komunitajiet vulnerabbli li jkampaw.

Minħabba d-dgħufija sinifikanti sew fil-ħiliet ta' reazzjonijiet nazzjonali u kif ukoll fil-kapaċità tal-komunitajiet lokali li jkollhom jaffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ diżastri, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma partikolarment f’riskju mill-perikli. Il-proġetti tad-DIPECHO huma proġetti ta’ tħejjija għad-diżastri bbażati fuq il-komunità li jiffokaw fuq il-komunitajiet li jistgħu jintlaqtu l-aktar minn diżastri naturali u li għandhom kapaċità baxxa sabiex jilqgħu għal dawn. Il-proġetti għandhom skop dimostrattiv u jistgħu jiġu mtennija, bl-għan li dawn jiġu integrati fi strateġiji ta’ żvilupp fit-tul u f’oħrajn nazzjonali. Minbarra operazzjonijiet ibbażati fuq il-pajjiż, il-Pjanijiet ta’ Azzjoni DIPECHO għandhom ukoll proġetti reġjonali. Ir-raġuni għal din hija waħda sempliċi: diżastri naturali m’humiex limitati għall-fruntieri ta’ stat partikolari. Fl-2007, id-DĠ ECHO alloka total ta’ EUR 19.5 miljun għall-Pjani ta’ Azzjoni DIPECHO fl-Amerika Ċentrali, fl-Ażja tax-Xlokk u fil-Karibew.

Barra minn hekk, id-DĠ ECHO jintegra, fejn possibbli u xieraq, l-elementi tat-tħejjija għad-diżastri fir-rispons umanitarju għad-diżastri naturali. Fl-2007, dan kien il-każ fi 18-il deċiżjoni ta' finanzjament imnedija bħala tweġiba għal diżastri naturali fi 17-il pajjiż (il-Gżejjer Solomon, Ħaiti, il-Ġamajka, ir-Repubblika Dominikana, il-Beliże, id-Dominikana, Santa Luċija, l-Indja, in-Nepal, il-Bangladexx, is-Sri Lanka, l-Afganistan, il-Vjetnam, in-Nikaragwa, il-Paragwaj, il-Perù u l-Kolumbja) b’kuntratti relatati li jammontaw għal madwar €2.135 miljun. B'żieda ma' dan, id-DĠ ECHO alloka €4 miljun għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet IFRC fi tweġiba għad-diżastri naturali f'reġjuni magħżula ta’ riskju elevat.

Fil-livell internazzjonali, id-DG ECHO taħdem flimkien ma’ l-atturi ewlenin fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. L-għan huwa li jiġi integrat b’mod aħjar it-tnaqqis ta’ riskju għad-diżastri f’attivitajiet għall-iżvilupp u tiġi żgurata rabta iktar soda ma’ l-isforzi li saru f'rabta ma’ l-adattamenti għat-tibdil fil-klima f’pajjiżi b’livell għoli ta’ riskju.

3.6. Ir-Rabta bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD)

Id-DĠ ECHO huwa impenjat li jiżviluppa tranżizzjoni u strateġiji ta’ ħruġ xierqa għall-għajnuna umanitarja (ir- rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp “LRRD” ). Fl-2007, strumenti esterni ġodda (l-Istrument għall-Kopperazzjoni fl-Iżvilupp (DCI), l-Istrument għall-Istabbiltà b’mod partikolari) daħlu fix-xena, u ppreżentaw ambjent ġdid għall-implimentazzjoni ta’ l-LRRD. Sar sforz partikolari mis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata artikolazzjoni mtejba bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Ġiet imħejjija lista ta’ "pajjiżi pilota" fejn l-istrateġija LRRD ingħatat attenzjoni partikolari, Din il-lista mhux eżawrijenti tinkludi lill-Kenja, il-Liberja, il-Mawritanja, is-Sudan u l-Uganda. Id-DĠ ECHO kkontribwixxa wkoll għall-ħidma mmexxija minn DĠ Żvilupp fuq pajjiżi f’sitwazzjonijiet fraġli.

3.7. L-Imsieħba ewlenin fit-tħaddim umanitarju

L-għajnuna umanitarja fornuta mid-DĠ ECHO tiġi implementata permezz ta’ l-imsieħba. Id-DĠ ECHO jaħdem ma’ madwar 200 organizzazzjoni mhux governattiva, ma’ l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali bħalma huma l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Federazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Għaqdiet tas-Salib l-Aħmar (Red Crescent Societies).

Li jkun hemm skala differenti ta’ imsieħba huwa importanti għad-DĠ ECHO. Dan jippermetti t-trattament effiċjenti tal-lista ta’ ħtiġiet fid-dinja kollha li qed dejjem tikber. Id-DĠ ECHO żviluppa relazzjonijiet ta’ ħidma mill-qrib ma’ l-imsieħba tiegħu kemm fuq livell ta’ politika kif ukoll fejn jikkonċerna l-ġestjoni tat-tħaddim umanitarju.

Fl-2007, id-DĠ ECHO implementa l-ħidmiet tiegħu l-aktar permezz ta’ l-NGOs (47%), l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (42%) u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali (11%). Għal aktar dettalji dwar it-tqassim annwali bejn il-familji ta’ l-imsieħba, ara l-anness - is-sezzjoni VI.6.

4. IR-RELAZZJONIJIET MA’ L-ISTITUZZJONIJIET L-OħRA TA’ L-UE, MA’ L-ISTATI MEMBRI, MA’ L-IMSIEħBA UMANITARJI EWLENIN U MAD-DONATURI MHUX TA’ L-UE

Bħalma ġara fis-snin ta’ qabel, id-DĠ ECHO kompla r-relazzjoni attiva tiegħu ma’ Istituzzjonijiet, Stati Membri u Organizzazzjonijiet Internazzjonali oħra u kompla jippromwovi r-rispett għal-liġi umanitarja internazzjonali u l-prinċipji umanitarji (l-umanità, l-imparzjalità, in-nondiskriminazzjoni u n-newtralità), b'mod partikolari fir-relazzjoni ma' żviluppi li saru fil-Politika Esterna u ta' Sigurtà Komuni, bħall EUFOR Ċad.

Huwa żgura wkoll li jkun rispettat l-obbligu fir-rispett ta' l-ispazju umanitarju matul emerġenzi ġie kkunsidrat fid-dibattitu Ewropew u internazzjonali. Id-DĠ ECHO żviluppa wkoll relazzjoni ta’ ħidma solida mar-Rapporteur Umanitarju tal-Parlament Ewropew li nħatar reċentement.

Fil-qafas tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ donaturi li mhumiex ta’ l-UE, id-DĠ ECHO żamm kuntatti ma’ l-Istati Uniti (USAID)[21] u mal-PRM[22]), b’mod partikolari permezz ta’ vidjokonferenzi regolari, billi ġew indirizzati kwistjonijiet ta’ politika ġenerali u operazzjonijiet umanitarji f’pajjiżi speċifiċi bil-għan li jiġi żgurat rispons koerenti u kumplimentari.

Fl-aħħarnett, sabiex jiġi żgurat djalogu strateġiku u affidabbli bejn id-DĠ ECHO u l-imsieħba tiegħu, id-DĠ ECHO jorganizza Djalogi ta’ Sħubija Strateġika annwali ta’ livell għoli (SPD) ma’ kull organizzazzjoni (aġenziji tan-NU, ONG u l-Moviment tas-Salib l-Aħmar (ICRC u IFRC).

Aktar dettalji dwar dawn l-imsieħba jinsabu fl-anness – it-Taqsima VI.6.

5. ATTIVITAJIET OħRA

Fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet, id-DĠ ECHO għandu x’jaqsam ukoll ma’ kwistjonijiet oħra sabiex jappoġġja l-prestazzjoni u l-kwalità ta’ l-Għajnuna Umanitarja:

1. L-iżvilupp ta’ politika dwar is-sigurtà u s-sikurezza tad-DĠ ECHO għall-impjegati li huma involuti fil-prestazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja;

2. It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons rapidu fuq il-post bl-organizzazzjoni ta’ timijiet multi-settorjali;

3. Strateġija ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni

4. Dwar l-inizjattivi ta’ taħriġ, id-DĠ ECHO jappoġġja n-Netwerk dwar l-Għajnuna Umanitarja (NOHA) li qed joffri kors ta’ diploma post-graduate multi-dixxiplinari.

Dettalji dwar dawn l-attivitajiet qed jidhru fl-Anness – Taqsima IV

L-implimentazzjoni xierqa ta' l-operazzjonijiet iffinanzjati mid-DĠ ECHO hi żgurata permezz ta’ diversi saffi ta’ verifiki u kontrolli fi stadji differenti taċ-ċiklu tal-proġett ta’ l-operazzjonijiet umanitarji. Dawn l-aspetti ta’ l-istrateġija ta’ kontroll żviluppati mid-DĠ ECHO, il-proċeduri tas-sorveljanza u l-monitoraġġ tagħha huma deskritti fl-Anness – Taqsima V.

6. IL-KONKLUżJONI

Ma kien hemm l-ebda kriżi umanitarja ewlenija ġdida fl-2007. Madankollu, xi diżastri naturali kkawżaw danni serji ħafna u huwa probabbli li l-intensità, is-saħħa u l-frekwenza tagħhom ser ikomplu jiżdiedu fil-futur, aggravati mil-bidla fil-klima. B’mod parallel, l-għadd ta’ kunflitti ma nbidilx, iżda hemm it-tendenza li dawn idumu iktar u li jkunu dejjem iktar distruttivi, u jaffetwaw il-popolazzjonijiet li spiss huma diġà vulnerabbli.

[1] Artikolu ġdid 10c – para.2 tat-Trattat ta’ l-UE

[2] Minn din iċ-ċifra, id-DĠ ECHO għen lil 12-il miljun refuġjat u ammont stabbli ta' 25 miljun persuna spustjata (fil-pajjiż tagħhom stess) f’iktar minn 50 pajjiż – www.internal-displacement.org (IDMC, iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ għall-Persuni Spustjati, Ħarsa ġenerali lejn ix-Xejriet u l-Iżviluppi fl-20006).

[3] http://www.icrc.org/Web/Eng/siteeng0.nsf/htmlall/section_ihl_in_brief?OpenDocument

[4] http://www.goodhumanitariandonorship.org/

[5] Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal

[6] Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati

[7] Programm Dinji ta’ l-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti

[8] Disponibbli fuq http://ec.europa.eu/echo/funding/key_figures/echo_en.htm

[9] Ibbażat fuq il-Kommunikazzjoni “ Lejn Konsensus Ewropew dwar l-Għajuna Umanitarja” adottata fit-13/6/07 (COM(2007)317 finali)

[10] COM(2005)153

[11] L-ammont ta’ esperti żdiedu minn 89 sa 96 bejn l-2005 u l-2007.

[12] Għal forza Ewropea ta' protezzjoni ċivili: Europe aid http://ec.europa.eu/commission_barroso/president/pdf/rapport_barnier_en.pdf

[13] COM(2004)101

[14] Sors: Iċ-Ċentru għar-Riċerka dwar l-Epidemoloġija tad-Diżastri (CRED), 2006 diżastri f’numri http://www.unisdr.org/eng/media-room/press-release/2007/2006-Disaster-in-number-CRED-ISDR.pdf

[15] Sors: id. Annual Disaster Statistical Review, Numbers and Trends, 2006 http://www.em-dat.net/documents/Annual%20Disaster%20Statistical%20Review%202006.pdf

[16] Simnplifikazzjoni skond il-linja tal-baġit, inkluż l-EDF, tat-total impenjat fl-2007 huwa disponibbli fil-parti VI

[17] http://ec.europa.eu/echo/policies/strategy_en.htm

[18] L-indiċi tal-vulnerabbiltà huwa maħsub biex ikejjel il-kapaċità nazzjonali ta' assorbenza u tnaqqis ta' l-effett ta' kriżi. Huwa magħmul minn kejl differenti, li jvarjaw mill-Indiċi ta' Żvilupp Uman (HDI) sar-rata ta’ mortalità ta’ tfal taħt il-5 snin. http://ec.europa.eu/echo/files/policies/strategy/strategy_2008_en.pdf

[19] L-indiċi tal-kriżi jevalwa kemm huwa viċin fiż-żmien inċident - gwerra jew diżastru naturali - jew il-piż ta' popolazzjoni ta' refuġjati jew persuni spustjati f'pajjiż fuq il-popolazzjoni totali tal-pajjiż involut.

[20] Linji tal-Baġit Għajnuna Umanitarja

[21] L-Aġenzija ta’ l-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali (USAID)

[22] L-Uffiċju għall-Popolazzjoni, Refuġjati, u Migrazzjoni - US (PRM)


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet