52008DC0135




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.3.2008

KUMM(2008) 135 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-aġenziji Ewropej – Il-mixja ’l quddiem {SEG(2008) 323}

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-aġenziji Ewropej – Il-mixja ’l quddiem(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

INTRODUZZJONI

Fl-aħħar snin, il-kontribut ta’ l-aġenziji għall-implimentazzjoni ta’ ħidmiet ewlenin stabbilixxa ruħu bħala parti mill-metodu ta’ ħidma ta’ l-Unjoni Ewropea. Huma saru parti mix-xenarju istituzzjonali ta’ l-Unjoni. Il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri għażlu l-istess triq li jużaw l-aġenziji bħala strateġija differenti għall-ħidmiet imfissra b’mod preċiż.

Hemm diversi raġunijiet għall-użu ta’ l-aġenziji, li kull ma jmur dejjem qiegħed jiżdied. Huma jgħinu lill-Kummissjoni tiffoka fuq ħidmiet bażiċi, u b’hekk pemezz tagħhom ċerti funzjonijiet operattivi jgħaddu f’idejn l-entitajiet esterni. Huma ta’ appoġġ għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi jiġbru u jgħaqqdu l-għarfien tekniku u speċjalizzat kemm fuq il-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali. Barra minn hekk, il-firxa ta' aġenziji lil hinn minn Brussell u l-Lussemburgu tagħti aktar viżibbiltà lill-Unjoni.

Biż-żieda fl-għadd ta’ aġenziji, dawn iwettqu sensiela ta’ ħidmiet importanti fuq medda ta’ oqsma ta’ politika. Illum il-ġurnata, l-aġenziji qed jiġu allokati b’riżorsi sinjifikanti. B’riżultat ta’ dan, iċ-ċarezza dwar ir-rwol tagħhom, u dwar il-mekkaniżmi li jiżguraw ir-responsabbiltà ta' dawn l-entitajiet pubbliċi saret aktar importanti.

L-importanza ta’ l-aġenziji fil-qafas amministrattiv ta’ l-UE tappella li l-istituzzjonijiet ta' l-UE jkunu miftiehma dwar l-għan u r-rwol ta' l-aġenziji. Fil-preżent, dan il-ftehim komuni huwa nieqes. Il-ħolqien ta’ aġenziji każ b’każ - fuq proposta tal-Kummissjoni, iżda b’deċiżjoni meħuda mill-Parlament Ewropew u/jew il-Kunsill tal-Ministri – ma kellux viżjoni globali dwar x’post għandhom l-aġenziji fl-Unjoni. In-nuqqas ta’ din il-viżjoni globali qed tagħmilha diffiċli li l-aġenziji jaħdmu b’mod effettiv u biex jiksbu r-riżultati għall-UE kollha kemm hi.

Il-Kummissjoni tqis li wasal iż-żmien biex jitnieda dibattitu mill-ġdid dwar ir-rwol ta' l-aġenziji u l-funzjoni tagħhom fit-tmexxija ta’ l-UE. It-trattament politiku konsistenti ta’ l-istrateġija għall-aġenziji jippromwovi t-trasparenza u l-effettività ta’ parti importanti mill-makkinarju istituzzjonali ta’ l-UE.

*****

Jeżistu żewġ tipi wiesa’ ta’ aġenziji, kull waħda b’karatteristiċi differenti u li jittrattaw kwistjonijiet differenti. L-aġenziji "regolatorji" jew "tradizzjonali" għandhom diversi rwoli speċifiċi, stipulati fil-bażi ġuridika tagħhom stess, skond kif jagħti l-każ[1]. L-aġenziji eżekuttivi huma stabbiliti taħt regolament tal-Kunsill adottat fl-2002 b’responsabbiltajiet ferm aktar definiti li jgħinu fil-ġestjoni tal-programmi Komunitarji[2].

Dawn iż-żewġ tipi ta’ aġenziji huma ferm differenti. Dawn għandhom rwoli differenti, f’termini tal-kompiti li jingħatawlhom, l-indipendenza tagħhom u l-governabilità tagħhom. Il-fatt li l-aġenziji regolatorji huma mifruxa madwar l-UE kollha, filwaqt li l-aġenziji eżekuttivi huma bbażati fi Brussell jew fil-Lussemburgu, hu l-aktar simbolu ovvju tar-relazzjoni differenti li għandhom mal-Kummissjoni. Għaldaqstant, mhux sorpriża, li ż-żewġ tipi ta’ aġenziji jagħtu lok għal kwistjonijiet differenti u jeħtieġ li jiġu ttrattati b’mod differenti.

Din il-komunikazzjoni se tikkonċentra fuq l- aġenziji regolatorji billi huwa f’dan l-ambitu li teżisti l-ħtieġa għal ċarezza u strateġija komuni.

Ir-rwol ta’ l- aġenziji eżekuttivi huwa ħafna aktar ċar fil-qafas istituzzjonali ta' l-Unjoni, u huwa rregolat minn bażi ġuridika unika.[3]Dan l-aħħar intlaħaq ftehim mal-Kumitat dwar il-Baġits tal-Parlament Ewropew fir-rigward ta’ arranġamenti ta' ħidma li jirregolaw l-aġenziji eżekuttivi[4]. Il-kompiti tagħhom għandhom ikunu marbuta mal-programmi tal-Komunità, huma stabbiliti għal perjodu limitat, u jkunu dejjem jinsabu qrib il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni. Ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-aġenziji eżekuttivi hija ċara: il-Kummissjoni toħloqhom, iżżomm "kontroll reali" ta’ l-attività tagħhom, u taħtar il-persunal ewlieni. Ir-rapporti ta’ l-attività annwali tagħhom huma annessi mar-rapport tad-Direttorat Ġenerali li jaqgħu taħtu. Regolament finanzjarju standard adottat mill-Kummissjoni, li jirregola l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit, japplika għall-aġenziji eżekuttivi kollha.

Għadu kmieni wisq biex issir valutazzjoni ġenerali tas-suċċess ta’ l-aġenziji eżekuttivi. Dawn m’ilhomx li ġew iffurmati u għad trid issirilhom evalwazzjoni sħiħa tal-prestazzjoni tagħhom[5]. Fl-istess ħin, l-analiżi reċenti tar-riżorsi tal-Kummissjoni tat ħjiel li bħalissa m'hemm l-ebda raġuni partikolari għaliex għandha tinħoloq aġenzija eżekuttiva ġdida[6]. Jekk titfaċċa din il-ħtieġa, il-Kummissjoni tibda billi tesplora l-għażla li testendi l-ambitu ta’ aġenzija eżekuttiva eżistenti sabiex din tibda tkopri programm ġdid. Fiċ-ċirkostanzi attwali, x’aktarx li l-ebda aġenzija eżekuttva ġdida mhi se tkun meħtieġa matul il-perjodu tal-qafas finanzjarju attwali sa l-2013.

Minbarra l-aġenziji, ir-responsabbiltà ta' l-UE li tistimola r-riċerka u l-iżvilupp ekonomiku wasslet għall-ħolqien ta’ entitajiet ta’ sħubija speċjali. Intgħaraf il-fatt li biex jinkisbu r-riżultati, jeħtieġ li s-settur pubbliku jaħdem fi sħubija mas-settur privat, jipprovdi fondi u jibqa' jsemma' leħnu iżda jżomm id-distanza fid-deċiżjonijiet strateġiċi dwar id-direzzjoni. Dan wassal għal entitajiet innovattivi bħal intrapriżi konġunti bħall-ITER għall-fużjoni nukleari u SESAR għall-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru, Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija taħt is-7 Programm Qafas, u l-Istitut Ewropew ta’ l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija.

L-arranġamenti għat-tmexxija finanzjarja u amministrattiva ta’ dawn l-entitajiet huma rregolati minn regoli speċjali taħt ir-Regolament Finanzjarju, u huma direttament responsabbli lejn l-awtorità ta’ kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit. L-għan fundamentali tagħhom huwa li b’mod espliċitu jiffunzjonaw b’mod differenti minn entità tas-"settur pubbliku": għalkemm iffinanzjati minn fondi pubbliċi, huma għandhom jieħdu deċizjonijiet mill-perspettiva ta’ natura kummerċjali jew ta’ għarfien. Għalhekk dawn m’humiex aġenziji, u ma jintlaqtux minn din il-komunikazzjoni.

L-AġENZIJI REGOLATORJI ILLUM

Kull aġenzija regolatorji għandha r-regolament settorjali bażiku, ħafna drabi adottat permezz tal-kodeċiżjoni[7]. Xi drabi jissejħu “aġenziji tradizzjonali”, minħabba l-fatt li ilhom stabbiliti, u xi kultant “aġenziji deċentralizzati”, minħabba li huma mifruxa madwar l-Ewropa. Dawn huma entitajiet indipendenti, u kull waħda minnhom għandha personalità ġuridika partikolari tagħha. Il-biċċa l-kbira tagħhom huma ffinanzjatji mill-baġit ta' l-UE[8] – kif ukoll, f'ċerti każi, minn dħul dirett ta' miżati u ħlasijiet. Ir-Regolament Finanzjarju ġenerali jiġbor fih ċerti regoli essenzjali partikolarment b’rabta mal-pjan ta’ stabbiliment ta’ l-aġenziji, l-applikazzjoni tar-regolament finanzjarju qafas għall-aġenziji, il-konsolidazzjoni tal-kontijiet tagħhom ma’ dawk tal-Kummissjoni, u l-kwittanza mill-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, ir-regolament qafas finanzjarju jistabbilixxi r-regoli komuni li jirregolaw l-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħhom, kif ukoll aspetti ta’ kontroll. L-20 aġenzija ffinanzjata mill-baġit ta’ l-UE jirċievu l-kwittanza tal-baġit direttament mill-Parlament. Fir-rigward tar-riżorsi umani, ir-Regolamenti dwar il-Persunal jiddefinixxi l-prinċipji li jippermettu l-istabbiliment ta’ politika dwar il-persunal għall-aġenziji. Meta r-Regolament jitlob li l-aġenziji jadottaw dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Persunal fi qbil mal-Kummissjoni, l-għan tiegħu jkun li jiżgura politika konsistenti tal-persunal u li jevita differenzi mhux meħtieġa fost l-aġenziji dwar il-proċessi ta’ reklutaġġ u l-prospetti tal-karriera. Madankollu, m’hemm l-ebda regola ġenerali li tirregola l-ħolqien u l-kontroll ta’ l-aġenziji.

L-ewwel aġenziji regolatorju, is-CEDEFOP (Taħriġ vokazzjonali) u l-EUROFOUND (L-iżvilupp tal-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien u tax-xogħol), ġew stabbiliti fl-1975. Matul is-snin 90, l-estensjoni tas-suq intern wasslet għal sensiela ta' aġenziji ġodda bi rwoli aktar iffokati fuq kompiti ta' natura teknika u/jew xjentifika, bħall-awtorizzazzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti u l-mediċini. Responsabbiltajiet oħrajn wasslu għal aktar aġenziji, li tat l-opportunità lill-Istati Membri li jospitaw aġenziji differenti.

Attwalment hemm 29 aġenzija regolatorja, filwaqt li tressqu proposti għal tnejn oħra (ara l-anness). Tlieta minn dawn l-aġenziji jaqgħu taħt il-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, u tliet aġenziji li jittrattaw kwistjonijiet taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta’ l-UE dwar il-Kooperazzjoni tal-Pulizija u dik Ġudizzjarja f'Materji Kriminali L-aġenziji regolatorji jimpjegaw madwar 3800 ruħ f'persunal, u għandhom baġit annwali ta’ madwar € 1,100 miljun, kif ukoll kontribuzzjoni Komunitarja ta’ madwar €559 miljun[9]. L-aġenżiji jvarjaw fid-daqs, minn taħt il-50 ruħ li jagħmlu monitoraġġ tal-varjetajiet tal-pjanti għal aktar minn 600 fl-aġenzija responsabbli mill-monitoraġġ tat- trademarks .

Ir-rwoli ta’ l-aġenziji regolatorju huma diversi. Biċċiet minnhom jadottaw deċiżjonijiet individwali b’effett dirett, bl-applikazzjoni ta’ standards ta’ l-UE. oħrajn jipprovdu għarfien tekniku espert li fuqu l-Kummissjoni tista' tibbaża deċiżjoni filwaqt li ċerti aġenziji jiffokaw aktar fuq in-netwerking bejn l-awtoritajiet nazzjonali.

L-aġenziji wrew ruħhom partikolarment relevanti fil-qasam tal-kompetenzi maqsuma, meta l-implimentazzjoni ta’ politiki ġodda fil-livell Komunitarju tkun teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-UE. Il-ħolqien ta’ aġenziji jippermetti l- pooling ta’ setgħat fil-livell ta’ l-UE, li diffiċilment jingħata li kieku kien aktar iċċentrat fuq l-istituzzjonijiet infushom.

Fl-aħħarnett, dawn l-aġenziji għamlu l-parti tagħhom fl-għajnuna li ngħatat biex ċerti pajjiżi terzi jsiru aktar familjari ma' l- acquis u l-aħjar prassi tal-KE. Il-pajjiżi kandidati ilhom jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji sa mis-sena 2000[10], u minn dak iż-żmien din il-possibbiltà ġiet estiża lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u l-pajjiżi msieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Hemm limiti ċari u stretti fir-rigward tas-setgħa awtonoma ta’ l-aġenziji regolatorji fl-ordni ġuridiku kurrenti tal-Komunità. L-aġenzji ma jistgħux jingħataw is-setgħa li jadottaw miżuri regolatorji ġenerali. Huma limitati li jieħdu deċiżjonijiet individwali f’oqsma speċifiċi fejn hu meħtieġ għarfien tekniku definit, taħt kundizzjonijiet definiti b’mod ċar u bir-reqqa u mingħajr setgħa diskrezzjonali ġenwina. Barra minn hekk, l-aġenziji ma jistgħux jiġu fdati b’setgħat li jistgħu jaffettwaw r-risponsabbiltajiet li ngħataw lill-Kummissjoni permezz tat-Trattati (pereżempju, li jaġixxu bħala gwardaj tal-liġi Komunitarja).

Għal dawk l-aġenziji li jipparteċipaw fit-tħejjija jew it-teħid tad-deċiżjonijiet, wieħed mill-għanijiet kien li dawk id-deċiżjonijiet tingħatalhom aktar kredibbiltà u awtorità: b’aġenziji li jgħinu biex juru li ċerti deċiżjonijiet huma bbażati fuq pedamenti tekniċi/xjentifiċi. B’hekk huwa meħtieġ li l-aġenziji jieħdu deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni u għarfien affidabbli, u t-trasparenza u l-kompetenza xjentifika huma rekwiżit essenzjali. Barra minn hekk, dan l-għan joħloq sfida, bil-ħtieġa li din id-dimesjoni teknika ta' l-aġenziji tkun ibbilanċjata mill-ħtieġa li l-entitajiet pubbliċi kollha jkunu tassew responsabbli għal xogħolhom.

Normalment l-aġenziji regolatorji huma rregolati minn Bord ta’ Ġestjoni responsabbli mill-iżgurar li l-aġenzija twettaq il-kompiti stipulati fl-att bażiku, b’Direttur maħtur biex jiżgura l-ħidma operattiva ta’ l-aġenzija. Il-Bord ta’ Ġestjoni normalment jaħtar lid-Direttur u għandu awtorità fuq il-programm ta’ ħidma, il-baġit u r-rapport annwali ta’ l-aġenzija.

Wieħed isib regoli differenti dwar id-daqs u l-għamla tal-Bord ta' Ġestjoni, iżda għalkemm normalment il-Kummissjoni tkun rappreżentata, hija tkun dejjem f’minoranza, u xi drabi r-rappreżentant tagħha anqas biss ikollu d-dritt jivvota. Dan iqajjem kwistjonijiet dwar safejn il-Kummissjon tista’ tinżamm responsabbli mid-deċiżjonijiet meħuda mill-aġenziji. Il-kwistjoni tar-responsabbiltà tikkomplika ruħha minħabba l-involviment tal-Kummissjoni f’aspetti oħra tal-ħidma ta’ l-aġenziji - li jistgħu jinkludu t-tħejjija ta’ lista ta’ kandidati għall-kariga ta’ Direttur ta’ aġenzija, li tiġi kkonsultata dwar il-programmi ta’ ħidma, u t-twettiq ta’ evalwazzjonijiet. Barra minn hekk, l-awditur intern tal-Kummissjoni jwettaq fir-rigward ta’ l-aġenziji l-istess ħidma li jwettaq fid-dipartimenti tal-Kummissjoni[11].

Il-ħtieġa għal linji ċari ta’ responsabbiltà li jirregolaw l-azzjonijiet ta’ l-aġenziji tinsab fil-qalba tad-dibattitu dwar l-aġenziji. Taqjmu wkoll mistoqsijiet dwar l-aspetti partikolari tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenziji, inkluż ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-ħatra tad-Diretturi u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-membri tal-Bord ta' Ġestjoni maħtura biex jirrapreżentaw interessi partikolari.

L-aġenziji regolatorji taw kontribut sinjifikanti u utli għall-ħidma effettiva ta' l-UE. F’bosta każi huma bnew għarfien xjentifiku jew tekniku li huwa tassew stmat u għalhekk għenu l-istituzzjonijiet biex jieħdu deċiżjonijiet effettivi. F’ċirkostanzi oħrajn, huma wrew il-ħila tagħhom biex janalizzaw u jistimolaw id-dibattitu pubbliku kemm fuq il-livell Ewropew kif ukoll fuq dak internazzjonali. B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkonċentra fuq kompiti ewlenin.

QAFAS KOMUNI GħAL AġENZIJI REGOLATORJI

Billi l-għadd u d-diversità ta’ l-aġenziji regolatorji żdied, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-eżistenza ta’ qafas komuni tgħin biex il-funzjonijiet u l-metodi ta' ħidma jiġu ċċarati u standardizzati. Fl-2005, hija pproponiet ftehim interistituzzjonali dwar il-qafas operattiv għall-aġenziji regolatorji Ewropej[12]. L-għan kien li jintlaħaq ftehim dwar kundizzjonijiet marbuta mal-ħolqien, il-ħidma u l-kontroll ta' l-aġenziji li jaqgħu taħt l-ewwel pilastru. Għalkemm immirati lejn aġenziji ġodda, dawn ir-regoli bażiċi jistgħu jintużaw ukoll għal analiżi, b'mod formali jew informali, dwar kif l-aġenziji eżistenti kienu qegħdin jiffunzjonaw. Sfortunatament, minkejja appoġġ ġenerali mill-Parlament Ewropew, in-negozjati dwar dan l-abbozz ta’ ftehim waqfu matul l-2006, il-Kunsill ma kienx lest li jagħti attenzjoni għal din il-kwistjoni filwaqt li tqajmu dubji dwar l-użu ta’ ftehim interistituzzjonali bħala strument biex jintlaħaq dan il-għan.

Madankollu, il-kwistjonijiet li kellhom jiġu indirizzati permezz ta’ ftehim interistituzzjonali għadhom pendenti. Ir-rwol, l-istruttura u l-profil varjati ta’ l-aġenziji regolatorji jċajpru s-sistema, u jqajmu dubji dwar ir-responsabbiltà u l-leġittimità tagħhom. Ir-rwoli differenti ta’ l-aġenziji jagħtu lok għal tħassib li jista’ jinfirex f’oqsma li aktar jaqgħu taħt il-kompetenza tal-fergħat ta’ l-UE li jfasslu l-politika. Ir-responsabbiltajiet ta’ l-istituzzjonijiet l-oħrajn lejn l-aġenziji, u partikolarment tal-Kummissjoni, jintlaqtu ħażin min-nuqqas ta' qafas ċar u linji definiti tar-responsabbiltajiet.

Kwistjoni li għandhom jiġu inklużi fi strateġija komuni

Tkun ta’ liema sura tkun, il-Kummissjoni tqis li għandha tiġi stabbilita strateġija komuni għat-tmexxija ta' l-aġenziji regolatorji. L-aġenziji dejjem se jkun varjazzjonijiet bejniethom: il-funzjonijiet, il-metodi ta’ ħidma u d-daqsijiet differenti tagħhom ma żviluppawx b'kumbinazzjoni, iżda jirreflettu tentattiv biex jiġi definit l-aħjar mod li permezz tiegħu kull aġenzija tkun tista' twettaq dmirijietha b’mod effettiv. Hemm bżonn jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtieġa ta’ strateġija standardizzata biżżejjed sabiex l-aġenziji jkollhom rwol koerenti fit-tmexxija Ewropea – u biex il-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-aġenziji jiġu rispettati. Bħala entitajiet pubbliċi ta’ l-UE, jeħtieġ li l-aġenziji kollha jkunu organizzati b'mod xieraq li jirrispetta l-prinċipji ta' responsabbiltà u l-ġestjoni finanzjarja tajba. Filwaqt li l-regolament Finanzjarju u dak tal-Persunal jibqgħu applikabbli għall-aġenziji, id-daqs relattivament daqs tagħhom, meta mqabbla ma’ istituzzjoniet oħra ta’ l-UE, jidher li jiġġustifika adattamenti xierqa.

L-elementi għal strateġija komuni għall-aġenziji għandhom jinkludu l-oqsma li ġejjin:

- Il-kompiti ta’ l-aġenziji regolatorji Id-diversi rwoli li ta’ l-aġenziji llum juru biċ-ċar li qatt ma se jkun hemm mudell wieħed dwar x’għandhom ikunu l-kompiti ta’ l-aġenziji. Iżda l-aġenziji jaqgħu taħt kategoriji differenti. Spjegazzjoni ċara ta’ dawn it-tipi differenti ta’ funzjonijiet tagħmel l-affarijiet aktar ċari u tispjega aħjar ir-rwol tagħhom.

Tipi differenti ta’ aġenziji regolatorji L-aġenziji jistgħu jiġu klassifikati f’diversi manjieri. Metodu utli huwa li tingħata titwila lejn il-funzjonijiet ewlenin li jwettqu. Għalkemm fil-maġġoranza tal-każi l-aġenziji jwettqu rwoli differenti, analiżi taċ-ċentru ta’ gravità ta’ l-attivitajiet ta’ l-aġenziji tagħti ħjiel tal-kategoriji li ġejjin[13]: Aġenziji li jadottaw deċiżjonijiet individwali li jorbot legalment fuq partijiet terzi. CVPO, OHIM, EASA[14] u ECHA[15] L-aġenziji jipprovdu għajnuna diretta lill-Kummissjoni, u fejn meħtieġ, lill-Istati Membri, fis-sura ta’ konsulenza teknika jew xjentifika u/jew rapporti ta’ spezzjoni: EMSA[16], EFSA, ERA and EMEA Aġenziji responsabbli minn attivitajiet operattivi: EAR, GSA, CFCA, FRONTEX, EUROJUST, EUROPOL u CEPOL Aġenziji responsabbli mill-ġbir, l-analiżi u l-għoti ta’ informazzjoni/netwerking oġġettiv, affidabbli u li jkun faċilment mifhum. CEDEFOP, EUROFOUND, EEA, ETF, EMCCDA, EU-OSHA, ENISA, ECDC, FRA u l-Istitut Ewropew dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi Servizzi li aġenziji u istituzzjonijiet oħrajn: CDT |

- L-istruttura u l-ħidma ta' l-aġenziji Strateġija aktar standardizzata fir-rigward tat-tmexxija ta’ l-aġenziji twassal biex ċerti regoli standard ikunu applikabbli għall-Bord ta’ Ġestjoni, id-Direttur u għall-ħidma ta’ programmar u rappurtaġġ ta’ l-aġenzija. Barra minn hekk tgħin biex tiġi ċċarata r-relazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u ma’ l-Istati Membri.

- Ir-responsabbiltà u r relazzjoni li l-aġenziji regolatorji għandhom ma' istituzzjonijiet oħra Il-mekkaniżmu li huwa fis-seħħ biex jiżgura r-responsabbiltà mill-azzjonijiet ta’ l-aġenziji regolatorji għandhom ikunu ċari kemm għall-aġenziji kif ukoll għall-Istituzzjonijiet. Dan għandu jinkludi r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ u verifika, ir-relazzjonijiet mal-partijiet interessati, u t-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari. Il-ġestjoni ta’ l-aġenziji għandha wkoll tirrispetta l-istandards bażiċi ta' ġestjoni tajba biex jittaffa kwalunkwe riskju li jkun possibbli. Barra minn hekk hemm il-ħtieġa ta’ regoli koerenti għall-evalwazzjoni ta’ l-aġenziji.B’mod partikolari, il-grad ta’ responsabbiltà tal-Kummissjoni ma jistax jaqbeż il-grad ta' influwenza tal-Kummissjoni fuq l-attivitajiet ta’ l-aġenzija. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tanalizza l-organizzazzjoni interna tagħha stess biex tiżgura li r-rabta ma’ l-aġenziji u r-rwol tas-servizzi tagħha jkunu fuq pedament sod. Hemm ukoll mistoqsijiet b’rabta mar-relazzjoni bejn l-aġenziji u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, lil hinn, l-ewwelnett, mir-rwol li jaqblu dwar bażi ġuridika għal aġenzija, u l-proċess tal-baġit, bħas-sehem tal-Parlament Ewropew fil-ħatriet tal-Bord u tad-Direttur.

- Regolamentazzjoni aħjar u l-ħidma ta’ l-aġenziji Bħala parti mill-istrutturi ta’ tmexxija ta’ l-Unjoni, huwa importanti li l-aġenziji japplikaw prinċipji moderni ta’ regolamentazzjoni aħjar. Dan jinkludi l-konċentrazzjoni fuq il-ħidma ewlenija tagħhom; titqies il-ħtieġa għal konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati filwaqt li jingħatalhom feedback ; u l-organizzazzjoni tal-ħidma tagħhom b’tali mod li tiġi żgurata t-trasparenza u li l-prestazzjoni tkun tista’ tiġi sorveljata b’mod effettiv kemm mill-istituzzjonijiet kif ukoll mill-partijiet interessati.

- Il-proċess għal-ħolqien u t-tmiem ta’ l-aġenziji regolatorji Il-proċess biex jitwaqqfu aġenziji jista’ jiġi stabbilit b’mod utli – biex jinkludi l-ħtieġa għal valutazzjoni ta’ l-impatt li titwettaq qabel ma titressaq proposta mill-Kummissjoni, kif ukoll kjarifika tar-rwol tal-pajjiż li jospita l-aġenzija, inkluża l-ħtieġa li l-pajjiż li jospita jiżgura faċilitajiet ta' skejjel xierqa għal ulied il-persunal[17]. Barra minn hekk jistgħu jiġu stabbiliti kriterji sabiex issir valutazzjoni dwar meta aġenzija tkun laħqet l-għan tagħha u b’hekk tkun tista’ titwaqqaf il-ħidma tagħha.

- Strateġija ta' komunikazzjoni Regoli bażi għall-istrateġija ta’ komunikazzjoni li għandha tiġi applikata mill-aġenziji tgħin biex il-pubbliku jifhem aħjar ir-rwol tagħhom, u jiżguraw li l-politiki ta’ komunikazzjoni ta’ l-aġenziji huma konsistenti fil-metodu ġenerali ta’ l-Unjoni.

Il-progress lejn qafas komuni

Dan il-ftehim interistituzzjonali li qed jiġi propost ma seta’ jagħmel l-ebda progress. Għalhekk il-Kummissjoni fi ħsiebha tirtira l-proposta tagħha għal ftehim interistituzzjonali, u tibdilha ma' stedina għal diskussjoni interistituzzjonali li għandha twassal għal strateġija komuni.

- B’dan il-għan f’moħħna, il-pass li jmiss għandu jkun forum fejn it-tliet istituzzjonijeit jkunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni politika effettiva ta’ l-esperjenza ta’ l-aġenziji u r-rwol tagħhom fl-Unjoni. Din tkun opportunità biex jiġi żviluppat ftehim komuni ta' x'għandha tkun is-sura ta' l-aġenzji regolatorji u biex jiġu definiti b'mod ċar ir-responsabbiltajiet ta' kull istituzzjoni fir-rigward ta' l-aġenziji. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li għandu jiġi stabbiliti grupp ta’ ħidma interistituzzjonali li jkollu dan il-għan. L-ewwel element għal dan id-djalogu jkunu l-istudji u r-rapporti disponibbli dwar l-aġenzjiji bħar-rapporti li l-Kummissjoni diġà tat lill-Parlament Ewropew fil-qafas tal-proċess baġitarju ta’ l-2008[18], u r-rapporti tal-Qorti Ewropea ta’ l-Awdituri.

- Jekk il-punt ta’ tluq ikun djalogu interistituzzjonali ġenwin dwar viżjoni għall-aġenziji regolatorji, l-iżvilupp li jmiss ikun li dan jiġi segwit minn strument li jagħti sura u trasparenza għall-konklużjonijiet ta' dan id-djalogu. Il-Kummissjoni tibqa’ miftuħa għal alternattivi għall-għażla ta’ ftehim interistituzzjonali, kemm jekk din tkun legalment torbot u kemm jekk le. L-għan ewlieni għandu jkun ftehim politiku – bil-kunsiderazzjoni tan-natura diversa ta’ l-aġenziji regolatorji, ma tkunx strateġija tajba li ssir kopja tal-qafas ġuridiku maqbul għall-aġenziji eżekuttivi. Sadanittant, il-Kummissjoni se tissokta fl-użu tal-filosofija u l-prinċipji fundamentali tal-ftehim interistituzzjonali propost bħala punt ta' referenza għall-istrateġija tagħha għall-aġenziji.

- Fl-istess ħin, il-Kummissjoni bi ħsiebha tniedi evalwazzjoni dettaljata ta’ l-aġenziji regolatorji. Din l-evalwazzjoni se tikkontribwixxi għad-dibattitu miftuħ dwar il-ġejjieni tas-sistema ta’ aġenziji Komunitarji permezz ta’ valutazzjoni orizzontali għall-aġenziji kollha[19]. L-evalwazzjoni l-ġdida se tippermetti lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha sabiex jeżaminaw l-implikazzjonijiet reali tal-ħolqien u l-ħidma ta’ l-aġenziji fl-Unjoni. Il-Kummissjoni fi ħsiebha tirrapporta dwar ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni sa l-2009-2010.

- Biex din l-evalwazzjoni tissokta f’kundizzjonijiet stabbli, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma sakemm tispiċċa l-evalwazzjoni, mhix se tressaq proposti għal aġenziji regolatorji ġodda. L-aġenziji li diġà jisabu taħt diskussjoni interistituzzjonali jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom skond kif ippjanat, inklużi proposti eżistenti fl-oqsma ta' l-enerġija u t-telekoms, kif ukoll l-aġenziji ppjanati fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni[20] u t-tibdil fl-ambitu ta' l-aġenziji jissokta wkoll. Dan l-impenn għandu jwassal biex l-istituzzjonijiet kollha jkunu jistgħu jevalwaw b’mod sħiħ, fid-dawl tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni, l-implikazzjoni u l-konsegwenzi li jħallu fuq l-Unjoni l-ħolqien u l-iffunzjonar ta’ aġenziji regolatorji. Ir-riżultat għandu jkun strateġija koerenti għall-aġenziji fil-ġejjieni.

- Kwalunkwe strateġija maqbula għandha tapplika għall-aġenziji kollha, b’kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet tagħhom u tista’ tinkludi emendi għall-atti bażiċi li jirregolaw l-aġenziji regolatorji sabiex dawn isiru konsistenti ma’ strateġija ġdida.

KONKLUżJONI

Il-Kummissjoni temmen li l-aġenziji jistgħu jkunu ta’ valur miżjud għall-istruttura ta’ tmexxija ta’ l-Unjoni. Madankollu, bħalissa dan il-potenzjal qed jinżamm lura minħabba fin-nuqqas ta’ viżjoni komuni dwar ir-rwol u l-funzjonijiet ta’ l-aġenziji regolatorji.

Għalhekk il-Kummissjoni tistiedem lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri sabiex jissieħbu fi djalogu dwar ir-rwol ta’ l-aġenziji fit-tmexxija Ewropea. Grupp ta’ ħidma interistituzzjonali jwassal biex il-kwistjonijiiet ewlenin li qed jifaċċjaw l-aġenziji jiġu stabbiliti bħala regoli bażi li japplikaw għalihom kollha. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni fi ħsiebha:

- Tirtira l-proposta tagħha dwar ftehim interistituzzjonali;

- Sa tmiem l-2009 twettaq evalwazzjoni orizzonatli ta’ l-aġenziji regolatorji, u tirrapporta r-riżultati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-aktar fis possibbli;

- Ma tipproponi l-ebda aġenzija regolatorja ġdida sakemm titlesta l-ħidma ta' l-evalwazzjoni (sa tmiem l-2009);

- Tagħmel analiżi tas-sistemi tat-tmexxija interna tagħha stess li jirregolaw ir-relazzjonijiet ma’ l-aġenziji, kif ukoll il-metodoloġija għat-twettiq ta’ valutazzjoni ta’ l-aġenziji.

It-twettiq effettiv ta’ servizzi mill-aġenziji jista’ jkun kontribuzzjoni reali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ l-UE. Il-Kummissjoni temmen li t-tliet istituzzjonijiet għandhom jilħqu ftehim dwar ħidma konġunta biex tiġi żviluppata viżjoni ċara u koerenti tar-rwol li l-aġenziji se jkollhom fil-ġejjieni fit-tmexxija ta’ l-Unjoni.[pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] Bħalissa hemm 29 aġenzija ta’ dan it-tip, filwaqt li tressqu proposti għal żewġ aġenziji oħra – ara l-Anness.

[2] Ara l-Anness.

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi l-istatut għal aġenziji eżekuttivi sabiex ikunu fdati b'ċerti ħidmiet fil-ġestjoni ta' programmi Komunitarji (ĠU L 11, 16.1.2003).

[4] L-ittra datata 16.10.2007 ta’ D. Grybauskaitė, membru tal-Kummissjoni, lil R. Böge, Chairman tal-Kumitat dwar il-Baġits, DGE/ef (2007)585.

[5] Madankollu, fl-2006 saret evalwazzjoni pożittiva tal-ħidma ta’ l-Aġenzija Eżekuttiva għall-ġestjoni ta’ l-Enerġija Intelliġenti.

[6] SEG(2007) 530 “L-ippjanar u l-aħjar użu tar-riżorsi umani tal-Kummissjoni fis-servizz tal-prijoritajiet ta’ l-EU”.

[7] Mit-23 aġenzija taħt it-Trattat tal-KE, 12 minnhom għandhom il-bażi ġuridika tagħhom stess taħt l-Artikolu 308KE, filwaqt li l-oħrajn twaqqfu taħt bażi settorali ta’ Trattat, bl-atti bażiċi ta’ 8 aġenziji adottati taħt kodeċiżjoni. Ara l-lista sħiħa ta’ l-aġenziji regolatorji fl-Anness.

[8] L-aġenziji mwaqqfa taħt il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni huma ffinanzjati direttament mill-Istati Membri.

[9] Iċ-ċifri jinkludu biss dawk l-Aġenziji maħluqa taħt it-Trattat tal-KE u taħt Kooperazzjoni tal-Pulizija u dik Ġudizzjarja f'Materji Kriminali bl-esklużjoni tal-EUROPOL, li hija ffinanzjata mill-Istati Membri taħt l-istatus ġuridiku preżenti. L-Aġenziji mwaqqfa taħt il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni jaqgħu taħt il-kontroll sħiħ tal-Kunsill (l-iffinanzjar kollu ta' dawn l-aġenziji liġi mill-Istati Membri).

[10] Komunikazzjoni ta' l-20 ta' Diċembru, 1999 - KUMM(1999) 710.

[11] L-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

[12] KUMM(2005) 59 tal-25.2.2005.

[13] L-aġenzji mwaqqfa taħt il-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni (PBSK) mhumiex inklużi.

[14] EASA tipprovdi wkoll għajnuna diretta lill-Kummissjoni, u fejn meħtieġ, lill-Istati Membri, fis-sura ta’ konsulenza teknika jew xjentifika u/jew rapporti ta’ spezzjoni.

[15] ECHA tipprovdi wkoll għajnuna lill-Kummissjoni, u fejn meħtieġ, lill-Istati Membri, fis-sura ta’ konsulenza teknika u xjentifika u/jew opinjonijiet.

[16] Fil-mandat tagħha EMSA għanda wkoll attivitajiet operattivi importanti (partikolarment attivitajiet fil-ġlieda tat-tniġġis ta’ l-ibħra).

[17] Dan ir-rekwiżit diġà jinsab imnaqqax fl-Artikolu 47 tal-ftehim interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja u l-Artikolu 27 sa 30 tal-ftehim interistituzzjonali dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar.

[18] Hemm żewġ rapporti relevanti: (i) taqsira ta’ evalwazzjonijiet mwettqa dwar l-aġenziji u (ii) il-qagħda u l-ippjanar dwar l-evalwazzjoni ta’ l-aġenziji.

[19] Il-Kummissjoni diġà wettqet studji orizzontali aktar limitati dwar is-sistema ta’ aġenziji, eż. il-metastudju ta' l-2003 dwar l-aġenziji deċentralizzati u l-istati attwali li għadu għaddej, bit-tnejn li huma msejsa fuq ir-rapporti eżistenti ta’ evalwazzjoni dwar l-aġenziji deċentralizzati.

[20] Dan jikkonċerna proposta li tista’ ssir għal aġenzija għall-ġestjoni operattiva tas-SIS II, il-VIS u l-EURODAC u għall-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ sistemi oħrajn ta’ l-IT fuq skala kbira; u proposta possibbli għal Uffiċċju ta' Appoġġ Ewropew għall-Ażil. Attwalment għaddejjin valutazzjonijiet ta’ l-impatt u studji ta’ vijabbiltà.


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet