52007DC0696




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.11.2007

KUMM(2007) 696 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar ir-riżultat tar-Reviżjoni tal-qafas regolatorju ta' l-UE għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi skond id-Direttiva 2002/21/KE u Sommarju tal-Proposti ta’ Riforma ta’ l-2007

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar ir-riżultat tar-Reviżjoni tal-qafas regolatorju ta' l-UE għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi skond id-Direttiva 2002/21/KE u Sommarju tal-Proposti ta’ Riforma ta’ l-2007 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. Introduzzjoni

In-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi huma l-bażi tan-nisġa soċjali u ekonomika ta’ l-Unjoni Ewropea. Id-disponibbiltà mifruxa ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet broadband li huma affordabbli u siguri hija kondizzjoni ewlenija għall-kisba tal-potenzjal għat-tkabbir–– u l-ħolqien ta’ l-impjiegi ta’ l-Unjoni Ewropea — għan li jinsab fil-qalba ta’ l-istrateġija mġedda ta’ Lisbona. Bħala parti minn din l-istrateġija, l-inizjattiva i-2000, imnedija mill-Kummissjoni f’Ġunju 2005[1] tippromwovi ekonomija diġitali miftuħa u kompettitiva u titlob għall-ħolqien ta’ Spazju Waħdieni Ewropew ta’ Informazzjoni. L-istrument ewlieni maħsub għal dan hija r-riforma tal-qafas regolatorju UE għal komunikazzjonijiet elettroniċi.

Din ir-riforma se tkun pilastru importanti tar-Reviżjoni tas-Suq Intern peress li l-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom il-kapaċità li jagħmlu kontribuzzjonijiet importanti lill-integrazzjoni tas-suq billi:

- iwasslu aktar riżultati għaċ-ċittadini u n-negozji ż-żgħar;

- jieħdu vantaġġ aħjar mill-globalizzazzjoni;

- jiftħu fruntieri ġodda ta' għarfien u innovazzjoni;

- jinkludu dimensjoni soċjali u ambjentali b'saħħitha.

Din il-Komunikazzjoni tagħti rapport dwar ir-Reviżjoni tal-Kummissjoni tal-qafas regolatorju għal komunikazzjonijiet elettroniċi skond l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2002/21/KE[2], u tispega il-bidliet ewlenin tal-politika proposti mill-Kummissjoni (minn hawn ’il quddiem il-Proposti ta’ Riforma 2007). Aktar dettalji jinstabu fil-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni[3] u l-Valutazzjoni ta’ l-Impatt assoċjata[4].

2. Għanijiet tar-Reviżjoni u tal-proċess ta’ konsultazzjoni

2.1 Sfond u għanijiet tar-Reviżjoni

Il-qafas regolatorju tal-UE għat-telekomunikazzjonijiet inħoloq fis-Snin Disgħin biex jiftaħ is-swieq nazzjonali għal kompetizzjoni, li sa dak iż-żmien kienu dominati minn monopolji ta’ l-istat. Dan il-proċess laħaq il-qofol tiegħu fil-liberalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali fl-1998. Pass ieħor ittieħed fl-2002 bl-adozzjoni tas-sett tar-regoli preżenti, li jikkonsidra il-konverġenza tat-teknoloġiji u japplika għal forom kollha ta’ ‘komunikazzjonijiet elettronici’. Il-mudell regolatorju taħt l-qafas tal-2002 jiddependi essenzjalment fuq l-implimentazzjoni ta’ sett komuni ta’ regoli ta’ l-UE minn awtoritajiet regolatorji nazzjonali differenti (NRAs) li lilhom ġiet fdata ir-responsabbiltà għas-sorveljanza tas-swieq. Il-qafas tal-2002 introduċa wkoll il-kunċett tad-dominanza fil-liġi tal-kompetizzjoni bħala għatba għal regolazzjoni ‘ex-ante’, sabiex ikun żgurat li tiġi imposta regolazzjoni biss fuq ditti b'poter sinifikattiv fis-suq.

Fl-2006 u l-2007, il-Kummissjoni kienet irrevediet it-tħaddim tal-qafas ta’ l-UE ma’ l-għanijiet ewlenin tiegħu, li huma li jippromwovi l-kompetizzjoni, li jikkonsolida s-suq intern u li jippromwovi l-interess taċ-ċittadin. Fid-dawl ta’ l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, speċjalment kompetizzjoni mtejba f’xi oqsma, iżda wkoll bid-dominanza kontinwa minn operatur jew ftit operaturi fuq numru ta’ swieq ewlenin kif ukoll in-nuqqas kontinwu ta’ suq wieħed għal komunikazzjonijiet elettroniċi u d-diverġenza li qed tikber ta’ l-approċċi regolatorji fl-UE wara t-tkabbir, riforma sostanzjali tal-qafas regolatorju hija kkonsidrata neċessarja mill-Kummissjoni. Il-Proposti ta’ Riforma 2007 tal-Kummissjoni jistgħu jkunu ggruppati taħt tliet pilastri ta’ regolazzjoni aħjar, it-twettiq tas-suq komuni u r-rabta maċ-ċittadin.

i) Regolazzjoni aħjar għal komunikazzjonijiet elettroniċi kompettitivi

Bil-Proposti ta’ Riforma 2007 tagħha, il-Kummissjoni l-ewwelnett trid li tissimpifika u ttejjeb il-kwalità ta' l-ambjent regolatorju, billi tnaqqas ir-regolazzjoni ex-ante, fejn jippermettu l-iżviluppi tas-suq u bis-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ reviżjoni tas-suq. Barra dan, regolazzjoni aħjar ta’ l-ispettru tar-radju — bis-simplifikazzjoni ta’ aċċess lejn u ta‘ l-użu ta’din ir-riżorsa skarsa u l-mixi lejn allokkazzjoni orjentata aktar lejn is-suq tal-ispettru — ittejjeb il-kompetizzjoni fis-servizzi mingħajr wajer u tillibera l-potenzjal ekonomiku ta’ l-ispettru.

ii) Tlestija tas-suq komuni fil-komunikazzjonijiet elettroniċi

Taħt is-sett preżenti tar-regoli, l-NRAs jeżerċitaw diskrezzjoni konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju iżda l-perspettiva tagħhom baqgħet limitata l-aktar għall-konfini nazzjonali, minkejja l-isforzi li saru biex titjieb il-koordinazzjoni permezz tal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej (ERG), forum li jlaqqa’ flimkien ir-regolaturi nazzjonali. Dan wassal għal inkonsistenza regolatorja u distorsjoni tal-kompetizzjoni, waqt li tfixkel l-iżvilupp ta’ suq komuni Ewropew li fih l-impriżi jistgħu joperaw b’mod koerenti barra l-konfini u fejn il-konsumaturi privati u kummerċjali jistgħu japprofittaw mid-disponibbiltà ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet komporabbli indipendentement mil-lok ġeografiku. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi t-twaqqif ta’ Awtorità Ewropea dwar is-Suq tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li tibni fuq l-esperjenza magħquda ta’ l-NRAs u ttejjeb il-mekkaniżmi ezistenti ta’ koordinazzjoni. Fl-istess ħin, huwa propost li jkunu msaħħa l-poteri independenti u ta’ infurzar ta’ l-awtoritajiet nazzjonali. Dan se jiżgura implimentazzjoni konsistenti ta’ (de)regolazzjoni madwar l-UE, taħt is-sorveljanza tal-Kummissjoni, u parità fil-kondizzjonijiet għall-operaturi fis-suq komuni.

iii) Konnessjoni maċ-ċittadini

Fl-ambjent ta’ suq li qed jinbidel malajr, huma meħtieġa miżuri ġodda bil-għan li jkunu mħarsa u mtejba l-ħarsien tal-konsumatur u d-drittijiet ta’ l-utent u jkun żgurat li l-konsumaturi jaħsdu l-benefiċċji kollha ta’ suq ta’ komunikazzjonijiet li dejjem qed isir bla konfini. Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom l-għan b’mod partikolari li jsaħħu s-sigurtà u l-privatezza, li l-portabbilità tan-numru isir aktar veloċi u effiċjenti, u biex ikunu promossi kwalità għolja ta’ servizz u aċċess bla tfixkil lejn kontenut diġitali u online. Il-proposti ta’ riforma se jiżguraw ukoll li l-utenti b’diżabbiltà, l-utenti anzjani u l-persuni bi ħtiġijiet speċjali jkollhom aċċess aħjar għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.2 Il-proċess ta’ konsultazzjoni

Il-konsultazzjoni kienet f'żewġ fazijiet: L-Ewwel Fażi, li bdiet fi tmiem l-2005, kienet ‘talba għal sottomissjonijiet’, li rriżultat f'madwar 160 sottomissjoni bil-miktub[5]. Dawn il-fehmiet ġew ikkunsidrati fit-tħejjija tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2006 dwar ir-Reviżjoni[6], id-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff u l-Valutazzjoni ta’ l-Impatt li jakkompanjawha. B’dawn id-dokumenti l-Kummissjoni nidiet it-Tieni Fażi tal-konsultazzjoni, li baqgħet sejra ta’ Ottubru 2006 u inkludiet workshop pubbliku.

Waslu total ta’ 224 tweġiba, minn ġewwa u minn barra l-UE[7]. 52 assoċjazzjoni ta’ l-industrija, 12-il assoċjazzjoni tan-negozju u unjons tal-ħaddiema, u 15-il assoċjazzjoni ta’ l-utenti ssottomettew kummenti bil-miktub, kif għamlu 18-il Stat Membru u l-ERG, li hija magħmula minn 27 NRAs. Il-Kummissjoni ħadmet fuq is-sottomissjoni ta’ l-ERG bi djalogu regolatorju bejn Novembru 2006 u Frar 2007 biex tfittex għażliet għat-tnaqqis ta’ l-inkonsistenzi regolatorji u ostakli għas-suq komuni fl-ispirtu ta’ regolazzjoni aħjar[8].

3. REGOLAZZJONI AħJAR GħAL KOMUNIKAZZJONIJIET ELETTRONIċI KOMPETTITIVI

3.1 Regolazzjoni ex-ante ffokata mill-ġdid fuq il-problemi li baqa’ tal-kompetizzjoni tas-suq

Sfond u għanijiet

Matul l-aħħar għaxar snin, ir-regoli ta’ l-UE kellhom suċċess mhux ħażin biex swieq nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet jinfetħu għall-kompetizzjoni, fl-istimulazzjoni ta' investiment u innovazzjoni kemm mill-operaturi ġodda kif ukoll minn dawk ta' qabel, u fiż-żieda ta’ l-għażla għal konsumaturi tan-negozju u privati[9]. Fil-Komunikazzjoni ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prinċipji ewlenin tal-Qafas ta’ l-UE kienu bbilanċjati tajjeb u jappoġġjaw investiment ġdid.

Il-qafas ta’ l-UE jipprovdi mekkaniżmu li bih is-swieq li jistgħu jesiġu regolazzjoni ex-ante huma identifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni[10]. Din ir-Rakkomandazzjoni hija punt ta’ tluq importanti għall-RNAs biex janalizzaw is-swieq bil-għan li jiddeterminaw jekk jeħtiġux regolazzjoni ex-ante. L-NRAs iridu jinnotifikaw ir-riżultati ta’ l-analiżi tagħhom tas-swieq lill-Kummissjoni. Il-qafas regolatorju jeħtieġ li jitneħħew obbligi ex-ante ladarba ssir effettiva l-kompetizzjoni fis-suq.

Operaturi eżistenti jibqgħu dominanti f’ħafna swieq, b’mod partikolari fil-qasam tat-telefonija fissa (sehem medju tas-suq ta' operaturi eżistenti: 65.8%[11]) u f’ħafna pajjiżi anke fil-broadband (ishma tas-suq ta’ dawk eżistenti il-biċċa l-kbira ’il fuq minn 55% u ta’ spiss aktar minn 65%[12]). Fis-suq tat-telefonija mobbli, in-numru ta’ operaturi baqa’ — bi ftit eċċezzjonijiet — statiku, iżda x-xejra hija lejn il-konsolidament.

Fuq il-bażi ta’ l-esperjenza b’din is-sistema matul l-aħħar erba’ snin (b’aktar minn 600 notifikazzjoni), il-Kummissjoni f’Ġunju 2006 ssuġġeriet li tissimplika l-proċeduri ta’ notifikazzjoni u li tneħħi l-parti l-kbira tas-swieq tal-bejgħ bl-imnut mil-lista, fuq il-bażi li regolazzjoni effettiva tal-bejgħ bl-ingrossa tkun suffiċjenti biex tipproteġi l-utenti tal-bejgħ bl-imnut.

Forom ta’ separazzjoni bejn n-netwerk ta’ aċċess u s-servizzi offruti mill-operaturi kienu diskussi fil-Valutazzjoni ta' l-Impatt ta' Ġunju 2006. Minn dakinhar, l-impatt tas-separazzjoni funzjonali fir-Renju Unit saret aktar ċara, u l-impożizzjoni ta’ miżuri simili qed tkun ikkonsidrata wkoll fl-Italja, l-Iżvezja u l-Polonja. Problemi ta’ kompetizzjoni s-soltu jinħolqu mill-preżenza ta’ konġestjonijiet li jdumu fl-aċċess għan-netwerk karatterizzati mid-dominanza ta’ l-operatur integrat vertikalment preżenti u d-diffikultà persistenti biex ikunu applikati rimedji mhux diskriminatorji b’mod effettiv.

It-tranżizzjoni lejn "In-Netwerks ta' Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss" tista' ssaħħaħ l-importanza ta' l-ekonomiji fil-kobor u fl-ambitu, biex b'hekk jitnaqqas il-livell ta' rduppjar ta' l-infrastruttura. Madankollu, qabel ma jiġu implimentati rimedji bħal dawn, jeħtieġ ukoll li ssir valutazzjoni ta' l-impatt ta' rimedji ta' mġiba jew strutturali kemm fuq investimenti ġodda, mill-operaturi preżenti jew minn entranti ġodda, kif ukoll fuq il-benesseri tal-konsumaturi.

Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

L-operaturi l-ġodda kif ukoll l-Istati Membri u l-NRAs appoġġjaw il-fehma tal-Kummissjoni li, b’mod ġenerali, il-qafas preżenti ta’ l-UE jippromwovi l-kompetizzjoni u l-investiment, u ma laqgħux is-sejħa minn xi operaturi preżenti għal ‘btajjel regolatorji’. Kien hemm kunsens wiesa' li l-użu ta' teknoloġija ġdida fiha nnifisha ma timplikax suq ġdid, u li l-approċċ skond is-suq tal-qafas jippermetti li jkunu kkonsidrati riskji ta' investiment. B’mod partikulari, l-NRAs għamlu sejħa għal żieda ta’ separazzjoni funzjonali għal ‘kaxxa ta’ l-għodda’ ta’ rimedji possibli biex jkunu indirizzati l-problemi persistenti ta’ kompetizzjoni.

Proposti għat-tħaffif tal-proċeduri ta’ notifikazzjoni rċevew appoġġ wiesa' mill-maġġoranza ta’ dawk interessati.

It-tnaqqis propost fin-numru ta' swieq fir-Rakkomandazzjoni ntlaqa' tajjeb mill-operaturi preżenti, waqt li dawk ġodda u l-konsumaturi kif ukoll għadd ta’ NRAs kienu aktar kawti.

Uħud mill-operaturi preżenti u xi NRAs ssuġġerew li l-Kummissjoni għandha tagħti gwida regolatorja dwar il-kwistjoni tas-swieq ġeografiċi sotto-nazzjonali.

Proposti ta’ Politika — Regolazzjoni ffokata mill-ġdid fuq il-problemi li baqa’ tal-kompetizzjoni tas-suq

1. L-ewwel deregolazzjoni sostanzjali tas-settur issa hija possibbli

Il-Kummissjoni rrevediet ir-Rakkomandazzjoni tagħha rigward swieq relevanti biex twarrab ftit ftit ir-regolazzjoni ex-ante. Il-lista tas-swieq tnaqqset minn 18-il suq għal 7 swieq.

Il-Kummissjoni se tintensifika l-monitoraġġ tagħha tas-swieq fejn il-kompetizzjoni għadha mhix effettiva u se timmonitorja dawk is-swieq li huma kruċjali għall-kompetittività ta’ l-Ewropa, b’mod partikulari swieq assoċjati ma’ l-għoti ta’ l-aċċess għall-broadband.

2. Il-proċeduri ta’ reviżjoni tas-suq jistgħu jkunu razzjonalizzati u simplifikati

Il-proposti leġiżlattivi jippermettu semplifika għar-rekwiżiti ta' notifikar fis-sistema ta' reviżjonijiet tas-suq.

3. Introduzzjoni ta’ separazzjoni funzjonali bħala rimedju ta’ l-NRAs biex jieħdu ħsieb problemi persistenti ta’ kompetizzjoni.

Il-proposti leġiżlattivi jipprovdu lill-NRAs b’rimedju addizzjonali ta’ separazzjoni funzjonali, i.e. separazzjoni forzata ta’ attivitajiet mingħajr ċessjoni ta’ l-assi, bħala rimedju eċċezzjonli suġġett għal monitoraġġ mill-Kummissjoni..

4. Gwida mill-Kummissjoni Il-Kummissjoni se ttejjeb iċ-ċertezza legali għal dawk interessati bil-ħruġ, sas-Sajf 2008, ta’ gwida dwar l-applikazzjoni tal-qafas regolatorju dwar aspetti ta’ investiment ġdid fil-fibra fin-netwerk ta' aċċess lokali. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll il-possibbiltà ta’ ħruġ ta’ gwida f’oqsma oħra, b’mod partikulari fi swieq ġeografiċi sotto-nazzjonali.

3.2 Ġestjoni ta’ l-ispettru fl-Ewropa – Il-każ għar-riforma

Sfond u għanijiet

L-iżvilupp rapidu tat-teknoloġija mingħajr wajer u ż-żieda dejjem tikber għall-bandwidth, b'mod partikulari għall-użu mobbli u nomadiku, kabbru b'mod drastiku l-importanza ta' aċċess għall-ispettru tar-radju għall-ekonomija u għas-soċjetà in ġenerali. Huwa stmat li l-valur totali tas-servizzi dipendenti fuq l-ispettru tar-radju fl-UE huwa ta’ madwar €250 biljun[13]. Il-Kunsill Ewropew ikkonkluda[14] li l-prijoritajiet immedjati għat-tkabbir ta’ l-innovazzjoni u l-kompetittività jinkludu l-iżvilupp tal-mudelli ta’ l-allokazzjoni ta’ l-ispettru li jissodisfaw l-għanijiet kollha, il-promozzjoni mgħaġġla ta’ servizzi mobbli avvanzata, u approċċ koordinat għall-użu tal-kapaċità ta’ l-ispettru li qed issir disponibbli bħala riżultat tal-qalba diġitali.

Barra dan, il-Parlament Ewropew enfasizza l-ħtieġa għal użu effiċjenti ta’ l-ispettru minn dawk kollha interessati, u identifika l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni mill-UE ta' l-ispettru magħqud mat-tneħħija ta' restrizzjonijiet regolatorji preskrittivi żżejjed. Il-Parlament Ewropew stqarr ukoll li kunsiderazzjonijiet soċjali, kulturali u politiċi għandhom jitqiesu f'konformità ma' l-Artikolu 151(4) tat-Trattat[15].

F’ambjent li dejjem qed jevolvi, is-sistema ta’ ġestjoni preżenti ta’ l-ispettru, fejn deċiżjonijiet dwar l-użu ta’ l-ispettru jittieħdu b’mod predominanti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi u ta’ spiss jirrestrinġu t-teknoloġija u s-servizz li jistgħu jintużaw, laħqet il-limiti tagħha. Waqt li l-fruntieri nazzjonali dejjem qed isiru mhux relevanti fid-determinazzjoni ta' l-aħjar użu ta’ l-ispettru tar-radju, il-frammentazzjoni ta’ l-approċċ inerenti fis-sistema ta’ ġestjoni ta’ l-ispettru preżenti rriżultat f'żieda fl-ispejjeż u opportunitajiet mitlufa tas-suq għall-utenti ta' l-ispettru, u tnaqqas it-teħid ta' applikazzjonijiet u servizzi innovattivi. Jekk tibqa’ mhux mibdula, hija se tirrestrinġi l-potenzjal għat-tkabbir u l-innovazzjoni tas-sistemi mingħajr wajer fl-Ewropa, b’mod partikulari fil-kuntest tal-bidla mit-televiżjoni analogu għal dak diġitali, li se jillibera għadd kbir ta’ frekwenzi fl-aktar parti importanti ta’ l-ispettru tar-radju għall-utenti ġodda, kemm fix-xandir, bħal ma huwa t-televiżjoni mobbli, u għal applikazzjonijiet oħra, bħal broadband mingħajr wajer.

L-aċċess għall-komunikazzjonijiet broadband jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-kompetittività u l-koeżjoni ta' l-Unjoni Ewropea[16], f'termini ta' gwadanni tal-produttività u l-impatti soċjali. L-aċċess bla wajer huwa wieħed mill-aktar metodi promettenti biex tixxejjen il-"firda fil- broadband " u tingħeleb id- "diviżjoni diġitali", speċjalment f'żoni remoti u rurali[17].

Il-prinċipji ġenerali ta’ l-istrateġija ta’ l-UE għal politika dwar l-ispettru li tħares ’il quddiem tfissru mill-Kummissjoni f’għadd ta’ Komunikazzjonijiet[18], u approvati mill-Istati Membri u l-parti l-kbira tal-gruppi ta’ partijiet interessati[19]. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2006 riforma tal-ġestjoni ta’ l-ispettru sabiex:

- jitneħħew restrizzjonijiet mhux neċessarji fuq l-użu ta’ l-ispettru bit-tisħiħ tal-prinċipji ta’ newtralità teknoloġika (libertà għall-użu ta’ kwalunkwe teknoloġija fil-medda ta’ l-ispettru u newtralità ta’ servizz (libertà għall-użu ta’ l-ispettru għal kwalunkwe servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi)

- jitjieb l-aċċess għall-ispettru billi jitħalla aktar użu mhux liċenzjat u t-trasferiment ta’ drittijiet esklussivi ta' użu f'meded miftehma (negozju sekondarju);

- titwaqqaf sistema aktar effiċjenti u koordinata għall-awtorizzazzjoni ta’ sistemi mingħajr fil b’potenzjal pan-Ewropew jew b’dimensjoni sostanzjali transkonfinali.

Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

Dwar il-prinċipju ta’ newtralità ta’ servizz, il-konsultazzjoni pubblika wriet qbil wiesa' fost dawk interessati, b’mod speċjali operaturi tat-telefonija ċellulari u l-industrija tas-servizz mingħajr fili. B’kuntrast, uħud mix-xandara u operaturi tan-netwerks tad-distribuzzjoni tat-televiżjoni terrestri wrew tħassib fir-rigward l-impatt li dan jista’ jkollu fuq id-drittijiet eżistenti.

Il-prinċipju tan-newtralita teknoloġika kienet ikkunsidrata wkoll b'mod favorevoli mill-parti l-kbira ta' dawk li wieġbu. It-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet tekniċi intlaqgħet b'entużjażmu. Il-kwistjoni ta’ l-immanġġjar ta’ l-interferenza kienet ta’ tħassib għal bosta, speċjalment fil-kuntest ta’ l-ispettru mhux liċenzjat, waqt li wħud minn dawk li wieġbu indikaw li soluzzjonijiet tekniċi biex tkun indirizzata l-problemi huma imminenti.

Il-konsultazzjoni pubblika wriet appoġġ dejjem jikber għal kummerċ sekondarju. Bosta Stati Membri, assoċjazzjonijiet ta’ l-industrija u kumpaniji kienu favur, għalkemm il-prevenzjoni ta’ akkumulazzkpmo ta’ l-ispettru tqieset bħala neċessarja. Il-veduta opposta kienet espressa l-aktar mix-xandara terrestri u wħud mill-Istati Membri mħassbin li kummerċ jista’ jolqot lix-xandir.

Proposta ta’ Politika - Spettru

5. Simplifikazzjoni ta’ l-aċċess għall-ispettru u t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet mhux neċessarji għall-użu ta’ l-ispettru

Il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni jsaħħu l-prinċipji tan-newtralita teknoloġika u ta’ servizz, u joħolqu mekkaniżmu sabiex jiffissaw ċerti meded fejn, madwar l-UE, id-drittijiet akkwistati għall-użu ta’ l-ispettru huma permessi li jkunu kkummerċjati (kummerċ sekondarju). Huma proposti wkoll dispożizzjonijiet regolatorji biex jinkoraġġixxu l-użu ta’ l-ispettru bla liċenzja u biex tkun tkun imsaħħa l-koordinazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ l-ispettru.

Il-proposti jikkonsidraw l-għan tal-politika biex tinkiseb l-ekonomija ta’ l-iskala, iżda wkoll il-ħtieġa biex tkun evitata interferenza ta' ħsara u l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ interess ġenerali, bħall-koeżjoni soċjali u reġjonali, l-iżgurar tas-sikurezza tal-ħajja, il-prevenzjoni ta' l-użu mhux effiċjenti ta’ l-ispettru, u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu fil-midja.

4. Is-Suq Komuni għall-komunikazzjonijiet elettroniċi

4.1 Sfond u għanijiet

Fl-aħħar snin, l-iżvilupp teknoloġiċi u tas-suq kabbru l-potenzjal għall-iskjerament ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lil hemm mill-fruntieri ġeografiċi ta’ Stati Membri individwali. Illum diġà hemm interess kummerċjali fil-provvista ta’ sistemi ta’ komunikazzjoni personali bis-satellita u ta’ kommunikazzjoni mobbli abbord ajruplani u bastimenti lil hemm minn fruntieri nazzjonali. Barra dan, servizzi importanti bħal ma huma l-broadband mobbli u l-vuċi fuq l-IP (voice over IP) jeħtieġu kondizzjonijiet regolatorji koerenti bil-għan li tkun realizzata l-potenzjalità sħiħa tagħhom madwar is-suq komuni.

Madankollu, minkejja l-pressjoni kompetittiva minn reġjuni ekonomiċi oħrajn, l-Ewropa s’issa ma għandhiex suq komuni għan-netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. L-implimentazzjoni tar-regoli ta' l-UE f'27 sistema regolatorja nazzjonali differenti wasslet għal żewġ żvantaġġi ewlenin: is-segmentazzjoni artifiċjali tas-swieq fuq bażi nazzjonali u n-nuqqas fundamentali ta’ konsistenza fil-mod kif qed ikunu applikati r-regoli ta’ l-UE.

Bil-għan li jkun indirizzat dan in-nuqqas ta' suq komuni, il-Kummissjoni fasslet numru ta' proposti fid-dokumenti tagħha ta’ konsultazzjoni ta' l-2006, jiġifieri sabiex:

i) ittejjeb l-effiċjenza u l-konsistenza tar-regolazzjoni fl-UE bit-tisħiħ tas-sorveljanza mill-Kummissjoni tar-rimedji imposti mill-NRAs;

ii) ittejjeb l-effiċjenza u l-ħeffa tal-mekkaniżmu ta’ infurzar bit-tisħiħ tal-poteri independenti u ta’ infurzar ta’ l-awtoritajiet nazzjonali.

iii) tistabbilixxi proċedura aktar sempliċi għall-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ operaturi għall-provvista ta’ servizz trans-Komunitarji;

iv) issaħħaħ b’mod istituzzjonali l-kooperazzjoni bejn l-NRAs u l-Kummissjoni.

4.2 Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

Bosta minn dawk interessati kellhom tħassib kbir dwar id-differenzi li jeżistu fil-mod kif il-qafas preżenti huwa implimentat f’livell nazzjonali u li jfixkel milli jinkisbu l-benefiċċji sħaħ tas-suq intern. Uħud talbu għal aktar regolazzjoni f'livell ta' l-UE. L-industrija b’mod partikulari, kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, iddeploraw in-nuqqas kontinwu ta’ suq komuni u parità fil-kondizzjonijiet għan-negozji u l-utenti fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra dan, il-limitazzjoni ta’ l-ERG — li, minkejja xi sforzi magħmula fl-2006 u fl-2007, jippermetti biss għal koordinazzjoni maħlula bejn l-operaturi — issemmew minn dawk interessati. Waqt li l-Istati Membri kellhomm riżervi dwar "ċediment ta' poteri" lill-Kummissjoni, bosta gruppi ta' l-industrija (operaturi ġodda, iżda anke operaturi preżenti) jew ffavorixxew riforma istituzzjonali ta' l-ERG u/jew talbu għal rwol aktar b'saħħtu għall-Kummissjoni bil-għan li jkun evitat l-approċċ tad-“tad-denominatur l-iżjed baxx”, meqjus minn uħud bħala inerenti f’mekkanizmu regolatorju li jiddependi essenzjalment fuq kunsens fost is-27 NRAs.

Barra dan, għadd ta’ fehmiet irriflettew il-fatt li l-approċċ preżenti dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ operaturi mhux kompatibbli ma’ l-esplojtazzjoni ta’ l-ekonomiji tal-kobor meħtieġa għall-iżvilupp ta’ servizzi ġodda. B’mod partikulari, għal servizzi trans-komunitarji u dawn b’potenzjal li jsiru hekk, hemm każ għat-twaqqif ta’ sistema unifikata waħda għall-awtorizzazzjonijiet tad-drittijiet ta’ użu għall-ispettru u n-numri.

Fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ infurzar, il-maġġoranza l-kbira ta’ l-Istati Membri u l-assoċjazzjoni ta’ l-operaturi l-ġodda qablu mal-proposta biex jissaħħu l-poteri ta’ infurzar ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, waqt li operaturi eżistenti u l-assoċjazzjoni ta’ l-operaturi taċ-ċellulari ma qablux ma’ din il-proposta.

Proposti ta’ Politika — Suq Intern

6. Tisħiħ ta’ l-indipendenza u l-poteri ta’ infurzar ta’ l-awtoritajiet nazzjonali

Dan itejjeb l-implimentazzjoni effettiva u ta’ malajr tal-qafas regolatorju.

7. Tlestija tas-suq uniku bit-twaqqif ta’ Awtorità Ewropea indipendenti għas-Suq tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

Huwa propost li tkun stabbilita Awtorità Ewropea indipendenti għas-Suq tal-Komunikazzjonijiet Elettronici, li tiġbor flimkien l-NRAs li bħalissa jiltaqgħu fi ħdan l-ERG. Hija tkun tista’ tagħti pariri lill-Kummissjoni, jkollha mandat ċar li taġixxi fl-avvanz tas-suq komuni, u tkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew. L-Awtorità l-ġdida għalhekk tissostitwixxi l-kooperazzjoni maħlula tal-lum fost l-NRAs fi ħdan l-ERG b’sistema aktar effiċjenti, aktar awtoritattiva u aktar responsabbli.

L-Awtorità l-ġdida tkun tista:

- issaħħaħ mill-ġdid il-koerenza u l-konsistenza ta’ l-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-UE fis-suq intern billi tagħmel użu aħjar mill-esperjenza magħquda tar-regolaturi nazzjonali fis-sistema Komunitarja;

- tassisti lill-Kummisjoni f’oqsma oħra relatati mal-komunikazzjonijiet elettroniċi bħal ma huma l-analiżi tas-swieq transnazzjonali u l-għażla ta' l-impriża(i) għal provvista ta' servizzi transkonfinali.

- isservi bħala punt ta’ dħul għal ditti li jkunu qed ifittxu li jiksbu drittijiet għall-użu ta’ l-ispettru u numri biex jipprovdu servizzi transkonfinali fl-UE;

- tieħu fuqha l-funzjonijiet ta' l-Aġenzija Ewropea għan-Netwerk u tas-Sigurtà ta' l-Informazzjoni (ENISA) u taġixxi bħala ċentru ta' għarfien espert fuq il-livell Ewropew dwar kwistjonijiet marbuta man-netwerk u s-sigurtà ta' l-informazzjoni.

8. It-tisħiħ tas-sorveljanza mill-Kummissjoni fuq rimedji bil-għan li titjieb il-konsistenza

Il-proposti leġiżlattivi jestendu l-poter tal-Kummissjoni skond il-proċedura tar-reviżjoni tas-suq biex tissorvelja rimedji proposti mill-NRAs, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Awtorità Ewropea ġdida, bil-għan li tikkontribwixxi għal applikazzjoni ta’ rimedji aktar konsistenti, effiċjenti u b’ħeffa madwar l-UE.

9. Aktar armonizzazzjoni teknika f’għadd ta’ oqsma ewlenin

Bil-għan li titnaqqas id-diverġenza fl-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju, huwa propost li l-Kummissjoni, bl-użu ta’ l-esperjenza ta’ l-Awtorità, tkun kapaċi tadotta miżuri ta’ armonizzazzjoni teknika f’oqsma bħal ma huma l-metodoloġiji ta’ kif wieħed jistima l-ispejjeż, l-implimentazzjoni tal-portabbilità tan-numru, il-ħarsien tal-konsumatur, u l-aċċessibiltà għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u tagħmir għall-utenti aħħarin b’diżabilità.

5. Konnessjoni maċ-ċittadini

5.1 Drittijiet ta' l-utenti u ħarsien tal-konsumatur

Sfond u għanijiet

L-effetti flimkien mal-bidla teknoloġika u l-kompetizzjoni msaħħa bdew jagħtu liċ-ċittadini aktar għażla kif ukoll servizzi aħjar u orħos. Madankollu, jista’ jitwettaq aktar biex ikun żgurat li l-konsumaturi jgawdu l-benefiċċji kollha ta’ suq komuni veru fil-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Ġunju 2006 il-Kummissjoni identifikati erba’ oqsma ewlenin għall-bidla, jiġifieri:

- It-trasparenza u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni għall-utenti;

- It-titjib ta’ l-aċċessibilità għall-utenti b’diżabilità;

- Servizzi ta’ emerġenza u aċċess għal 112; u

- Konnettività bażika u kwalità ta’ servizzi (‘newtralità tan-net’).

Barra dan, kwistjonijiet fil-medda t-twila bħal ma huwa l-kunċett u l-ambitu tas-servizz universali, li kienu diġà identifikati mill-Kummissjoni,[20] se jiġu indirizzati f'Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li se tkun ippubblikata fl-2008.

Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

Waqt li konsumaturi u assoċjazzjonijiet ta’ utenti b’diżabilità laqgħu bil-ferħa l-proposti tal-Kummissjoni fl-oqsma kollha, ħafna operaturi jargumentaw li miżuri obbligatorji jistgħu jolqtu b’mod negattiv l-abbiltà tagħhom għall-innovazzjoni, u ppreferew li jibqgħu fuq awto- regolazzjoni. Manifatturi tat-tagħmir u kumpaniji tas-softwer wrew appoġġ għall-armonizazzjoni msaħħa f’livell ta’ l-UE. Maġġoranza ta’ l-Istati membri li ssottomettew kummenti appoġġjaw il-proposti fl-oqsma ta’ l-eAċċessibilità, it-trasparenza ta' informazzjoni u l-kwalità ta' servizz. L-ERG appoġġat ukoll il-proposti fl-oqsma tat-trasparenza ta’ informazzjoni, is-sejba ta’ min jagħmel is-sejħa u l-eAċċessibilità.

Proposti ta’ Politika — Il-ħarsien tal-konsumatur

10. Aġġornament u t-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-qafas fl-oqsma tal-ħarsien tal-konsumatur

Il-proposti leġiżlattivi jinkludu:

- It-titjib tat-trasparenza ta’ informazzjoni minn dawk li jipprovdu s-servizz lill-konsumatur, inkluza informazzjoni dwar l-kondizzjonijiet ta’ provvista u dwar it-tariffi.

- L-iffissar ta’ skadenza ta’ ġurnata tax-xogħol għal ‘porting’ (trasferiment) numru tat-telefon wara bidla fl-operatur tat-telefonija fissa jew mobbli.

- It-tisħiħ ta’ l-implimentazzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza ‘112’ fl-UE, b’mod partikulari billi jkun żgurat aċċess aktar effiċjenti għall-informazzjoni dwar il-post minn fejn saret is-sejħa.

- L-NRAs jkunu permessi li jimponu rekwiżiti minimi għall-kwalità tas-servizzi bbażata fuq standards imfassla f'livell Komunitarju.

11. Aġġornament u tisħiħ tad-dispożizzjonijiet fl-oqsma ta’ l-Aċċessibilità-e u d-drittijiet ta’ l-utenti b’diżabilità

Il-proposti leġiżlattivi jinkludu:

- L-iffaċilitar ta’ l-aċċess mill-utenti b’diżabilità għas-servizzi ta’ l-emerġenza 112.

- It-tisħiħ tad-dispożizzjonijiet eżistenti biex ikun żgurat li l-utenti b’diżabbiltà, utenti anzjani u persuni bi ħtiġijiet speċjali ma jkunux impeduta milli jużaw u jaċċessjaw servizzi ta’ l-eKomunikazzjonijiet.

5.2 Privatezza u sigurtà

Sfond u għanijiet

Wieħed mill-għanijiet ċentrali tal-qafas regolatorju huwa li jippromwovi l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-UE billi, fost affarijiet oħrajn, jiżgura livell għoli ta’ ħarsien tad-dejta personali u privatezza u jiżgura li l-integrità u s-sigurtà tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni jiġu mantnuti. In-numru dejjem jikber ta’ theddid elettroniku ġdid fl-aħħar snin bħal ma huma viruses, spam, spyware u phishing komplew jkabbru l-importanza ta’ dawn l-għanijiet.

Id-dokumenti ta’ konsultazzjoni ta’ Ġunju 2006 taw il-punti prinċipali ta’ għadd ta’ proposti biex jissaħħu id-dispożizzjonijiet preżenti relatati mas-sigurtà tal-qafas regolatorju. Dawn il-bidliet huma maħsuba sabiex isaħħu l-elastiċità tan-netwerks u s-sistemi preżenti, li jikkumplimentaw leġiżlazzjoni oħra li tikkriminalizza ċerti attivitajiet[21], u sabiex tittejjeb is-sigurtà tad-dejta personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet eletttroniċi.

Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika juru li l-Istati Membri jappoġġjaw b'mod kawt il-proposti tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, diversi operaturi u l-fornituri huma mħassba dwar l-implikazzjonijiet ta’ l-ispiża potenzjali. L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur huma favur, waqt li l-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Dejta jridu li l-Kummissjoni tmur lil hinn fil-proposti tagħha.

Proposta ta’ politika — Privatezza u sigurtà

12. Tisħiħ tas-sigurtà tan-netwerks u s-sistemi u tal-privatezza ta’ l-utenti

Il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni jindirizzaw għadd ta’ kwistjonijiet, inklużi

- Assigurazzjoni li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa jekk id-dejta personali tagħhom ġiet kompromessa bħala riżultat ta' ksur tas-sigurtà tan-netwerk;

- L-għoti lill-operaturi u l-NRAs aktar responsabbiltà relatata mas-sigurtà u l-integrità tan-netwerks u servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha;

- It-tisħiħ tal-poteri ta’ implimentazzjoni u infurzar ta' l-awtoritajiet kompetenti, b'mod partikulari fil-ġlieda kontra l-ispam;

- Kjarifika ta' l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-UE għall-ġbir tad-dejta u tagħmir ta’ identifikazzjoni bl-użu tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Il-ksib ta' dawn l-għanijiet se jiġi ffaċilitat billi l-ENISA tkun inkorporata fl-Awtorità għas-Suq tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi l-ġdida.

7. Konklużjoni

Fir-riforma ta’ l-2007 tal-Qafas regolatorju ta’ l-UE, il-Kummissjoni qed tipproponi li tadatta is-sett preżenti ta’ regoli għall-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq.

Skond l-impenn tagħha għal regolazzjoni aħjar, il-Kummissjoni hija mħejjija li tieħu l-ewwel pass ewlieni lejn de-regolazzjoni tas-settur billi tnaqqas l-għadd ta' swieq li jeħtieġu regolazzjoni ex-ante minn 18 għal 7. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tkabbar il-kompetizzjoni fil-konġestjonijiet li baqa’, billi per eżempju tintroduċi rimedju ġdid ta’ separazzjoni funzjonali.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tagħmel pass deċiżiv lejn suq komuni Ewropew għall-komunikazzjonijiet elettroniċi biex tiżgura li n-negozji u l-konsumaturi jistgħu jipprovdu u jużaw l-komunikazzjonijiet elettroniċi b'mod bla interruzzjoni barra mill-fruntieri. Il-limitazzjoni ta' l-immaniġġjar tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ta' l-Ewropa permezz ta' 27 sistemi regolatorji nazzjonali separati qed isiru dejjem aktar apparenti u qed jolqtu ħażin lill-kompetittività Ewropea. Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li s-suq komuni jiġi ffinalizzat f'termini regolatorji bit-twaqqif ta' Awtorità Ewropea indipendenti dwar is-Suq tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li, flimkien mal-Kummissjoni, tgħin biex tinkiseb il-parità fil-qasam regolatorju fl-Ewropa u ttejjeb il-kapaċità ta' l-Ewropa biex tindirizza kwistjonijiet ta' informazzjoni u ta' sigurtà tan-netwerks.

Barra dan, il-Kummissjoni tikkonsidra li huwa essenzjali li ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini, per eżempju, billi tiżgura li, jekk kif is-swieq joffru għażla dejjem tikber, il-konsumaturi jiġu infurmati aħjar dwar il-kondizzjonijiet tal-provvista u t-tariffi li jistgħu jibdlu b'ħeffa aktar l-fornituri.

Fil-Proposti ta’ Riforma ta’ l-2007, il-Kummissjoni qed tieħu ħsieb ukoll l-qasam li hija tqis bħala dgħjufija ewlenija fil-qafas ta’ l-UE meta tħares ’il quddiem, jiġifieri l-ġestjoni ta’ l-ispettru tar-radju, billi tipproponi riformi biex tkabbar l-innovazzjoni u l-investiment fit-teknoloġiji mingħajr wajer.

Il-komunikazzjonijiet elettroniċi jipprovdu l-pedamenti għall-ekonomija ta’ l-UE in ġenerali. Suq komuni li jiffunzjona huwa l-aqwa assi ta’ l-Ewropa fit-tfittxija tagħha għal kompetittività globali. L-Ewropa ma għandhiex żmien x’titlef. Għalhekk il-Kummissjoni temmen li l-Proposti ta’ Riforma ta’ l-2007 għandhom isiru liġi qabel tmiem l-2009.

[1] COM(2005) 229.

[2] ĠU L 108, 24.04.2002, p.33.

[3] COM(2007) 697; COM(2007) 698; COM(2007) 699.

[4] SEC(2007) 1472.

[5] http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/info_centre/documentation/public_consult/review/index_en.htm

[6] COM(2006) 334.

[7] http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/info_centre/documentation/public_consult/review_2/index_en.htm

[8] Ittra tal-Kummissarju Reding lill-ERG tat-30.11.2006, it-tweġiba ta’ l-ERG u l-istqarrija konġunta tal-Kummissarju Reding u l-President Viola tas-27.2.2007 jinstabu fuq: http://erg.eu.int/whatsnew/index_en.htm.

[9] Aktar evidenza u dejta kwantitattiva tista’ tinstab fil-Valutazzjoni ta’ l-Impatt assoċjata.

[10] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-swieq relevanti ta’ prodott u servizzi fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi suxxetibbli għal regolazzjoni ex-ante skond id-Direttiva 2002/21/KE, ĠU L 114, 08.05.2003, p. 45.

[11] Il-Kummissjoni, it-12-il Rapport: Ir-Regolament Ewropew dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u s-Swieq 2006, Anness 2, p.13. Ċifri f'termini ta' dħul mill-bejgħ bl-imnut għat-tipi kollha ta' sejħiet, UE 25 minn Diċembru 2005.

[12] Ibid. Anness 2, p. 66. Ċifri ta’ l-UE25 kif kienu f’Ottubru 2006, inkluż il-bejgħ mill-ġdid.

[13] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: approċċ komuni għall-użu ta' l-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali", COM(2007) 700.

[14] Il-Kunsill Ewropew ta' Brussel, 14-15/12/06, Konklużjonijiet tal-Presidenża 16879/1/06 rev. 1.

[15] Riżoluzzjoni (P6_TA-PROV(2007)0041) disponibbli minn: http://ec.europa.eu/information_society/policy/radio_spectrum/docs/ep_dr_res_spectrum_14_02.pdf.

[16] Il- broadband huwa l-infrastruttura bażika ta' l-ekonomija ta' l-għarfien u kkontribwixxa b'mod sinifikanti għall-impatt ekonomiku ta' l-ICT, fejn wassal għal nofs il-gwadanni tal-produttività f'ekonomiji moderni fid-deċennju li għadda.

[17] Bħala medja fl-UE25, il-broadband kien disponibbli għal aktar minn 90% tal-popolazzjoni urbana, iżda kien limitat għal 71% tal-popolazzjoni rurali (Estimi tal-Kummissjoni, Jannar 2007).

[18] COM(2005) 411, COM(2005) 400, COM(2005) 461.

[19] Ara partikolarment l-"Opinions of RSPG on the Digital Dividend, on Spectrum Trading and on the Wireless Access Policy for Electronic Communications Services (WAPECS)"; testi disponibbli fi http://rspg.ec.europa.eu.

[20] Ara ż-żewġ Komunikazzjonijiet dwar ir-reviżjoni ta' l-ambitu tas-servizz universali, COM(2005) 203 and COM(2006) 163..

[21] Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI dwar attakki fuq sistemi ta’ informazzjoni, ĠU L 69, 16.03.2005, p. 67.


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet