[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 3.10.2007 KUMM(2007) 569 finali DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI Proposta għal FTEHIM INTER-ISTITUZZJONALI dwar Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija {KUMM(2007) 568 finali}{SEG(2007) 1265}{SEG(2007) 1267} DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-KUMMISSJONI Proposta għal FTEHIM INTER-ISTITUZZJONALI dwar Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa 'l quddiem imsejħa "it-tliet Istituzzjonijiet"), Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika (minn issa 'l quddiem imsejħa "it-Trattati"), Wara li kkunsidraw il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Nikkomunikaw l-Ewropa fi sħubija" adottata fit-3 ta' Ottubru 2007 KUMM(2007) 568. Billi: L-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea tiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għal-libertà ta' l-espressjoni u dan id-dritt għandu jinkludi l-libertà għall-opinjoni u li wieħed jirċievi u jibgħat informazzjoni u ideat mingħajr indħil minn awtorità pubblika irrispettivament mill-fruntieri. Iċ-ċittadini jistennew li jirċievu informazzjoni oġġettiva rigward temi Ewropej u li tkun tirrifletti l-fehmiet kollha, li tkun provduta bħala servizz pubbliku b'mod partikolari mill-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-Istati Membri. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu kemm jista' jkun bil-miftuħ u kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin skond l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-tliet Istituzzjonijiet jagħtu l-ogħla importanza lit-titjib tal-komunikazzjoni dwar temi ta' l-UE biex iċ-ċittadini Ewropej ikunu megħjuna jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jieħdu sehem fil-ħajja demokratika ta' l-Unjoni. It-tliet istituzzjonijiet jagħtu l-ogħla importanza lill-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn il-Komunità u l-Istati Membri biex jinkisbu l-miri ta' l-Unjoni. It-tliet Istituzzjonijiet iqisu li Ftehim Interistituzzjonali jkun għodda siewja biex tkun faċilitata l-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità kif ukoll ma' l-Istati Membri. L-għan ta' Ftehim Interistituzzjonali bħal dan huwa li tinkiseb konverġenza ta' veduti dwar il-prijoritajiet ta' komunikazzjoni prinċipali ta' l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, biex ikun identifikat il-valur miżjud ta' linja ta' l-UE fil-komunikazzjoni dwar temi speċifiċi, biex ikunu żviluppati sinerġiji bejn l-istituzzjonijiet meta jorganizzaw attivitajiet marbuta ma' dawn il-prijoritajiet u biex l-Istati Membri jkunu mħeġġa jikkooperaw. Ftehmu kif ġej: I. GĦANIJIET KOMUNI 1. L-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar temi Ewropej għandhom isegwu l-miri li ġejjin: - Li jagħtu aċċess lil kulħadd għal informazzjoni ġusta u diversa dwar l-Unjoni Ewropea; - Li jagħmluha possibbli li kulħadd jeżerċita d-dritt tiegħu li jesprimi l-fehmiet tiegħu u li jieħu sehem attiv fid-dibattitu pubbliku dwar temi Ewropej. L-atturi pubbliċi kollha fl-Unjoni Ewropea għandhom responsabbiltà li jsegwu dawn il-miri, josservaw il-prinċipji ta' l-inklussività u l-pluraliżmu, il-parteċipazzjoni u l-awtorizzazzjoni, l-onestà u t-trasparenza. 2. Filwaqt li jirrikonoxxi r-responsabbiltajiet differenti ta' kull istituzzjoni ta' l-UE, dan il-Ftehim Inter-istituzzjonali jisħaq dwar il-ħtieġa għal u l-valur miżjud ta' koordinazzjoni aħjar fil-mod kif l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-UE jikkomunikaw dwar temi ta' l-UE. Huwa jipprovdi qafas għal azzjoni koordinata għal dan il-għan. 3. Flimkien ma' l-istituzzjonijiet u l-korpi ta' l-UE, l-Istati Membri għandhom parti essenzjali fit-tixrid ta' l-informazzjoni dwar temi ta' l-UE f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali biex jilħqu kemm jista' jkun liċ-ċittadin. II. IL-FIRMATARJI 4. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu li jikkooperaw fit-twettiq tal-miri komuni ta' hawn fuq permezz ta' dan il-Ftehim Inter-istituzzjonali. Huma jistiednu l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra ta' l-UE biex jappoġġjaw l-isforzi tagħhom u biex jikkontribwixxu b'mod attiv għal linja koordinata fil-komunikazzjoni dwar it-temi ta' l-UE. 5. Filwaqt li jirrikonoxxu li l-parteċipazzjoni f'dan il-proċess huja kompletament volontarja, it-tliet Istituzzjonijiet iħeġġu lill-Istati Membri kollha biex jieħdu sehem attiv f'din l-inizjattiva komuni biex ikun hemm komunikazzjoni dwar it-temi ta' l-UE. III. GRUPP INTER-INSTITUZZJONALI DWAR L-INFORMAZZJONI 6. It-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu s-sehem ewlieni tal-Grupp Inter-Istituzzjonali dwar l-Informazzjoni (IGI) fil-koordinazzjoni tal-komunikazzjoni dwar temi ta' l-UE. 7. It-tliet Istituzzjonijiet għandhom ikunu rappreżentati fl-IGI mill-Viċi-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-komunikazzjoni u mir-rappreżentant kompetenti tal-Kunsill, normalment il-Presidenza. 8. Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandhom jieħdu sehem fix-xogħol ta' l-IGI bħala osservaturi. 9. L-IGI għandu jkollu d-dmirijiet li ġejjin: - Jiddefinixxi linji ta' gwida wiesgħa għal komunikazzjoni kkoordinata dwar temi ta’ l-UE. - Jagħżel il-prijoritajiet annwali tal-komunikazzjoni ta' l-UE bbażati fuq proposta mill-Kummissjoni li tirrifletti l-Istrateġija tal-Politika Annwali; - Jadotta pjan ta' ħidma komuni annwali ta' attivitajiet tal-komunikazzjoni, ibbażat fuq azzjonijiet proposti minn kull istituzzjoni; - Jissorvelja l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-pjan ta' ħidma komuni annwali. 10. L-IGI għandu jkun assistit minn grupp tekniku inter-istituzzjonali li xogħlu għandu jkun li jħejji, jimplimenta u jsegwi d-deċiżjonijiet meħuda. IV. IPPJANAR (i) Għażla tal-Prijoritajiet tal-Komunikazzjoni ta' l-UE 11. Meta tippreżenta l-Istrateġija tal-Politika Annwali tagħha, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-komunikazzjoni tagħha. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni, f'livell ta' l-IGI, għandha tissuġġerixxi lill-Istituzzjonijiet l-oħra u lill-Istati Membri għadd limitat ta' prijoritajiet tal-komunikazzjoni ta' l-UE għas-sena li tkun ġejja. 12. Ma' dawn il-prijoritajiet tal-komunikazzjoni ta' l-UE, kull istituzzjoni għandha tkun ħielsa li tiżviluppa l-attivitajiet tal-komunikazzjoni separati tagħha mfassla għal partijiet interessati speċifiċi u l-pubbliku. (ii) Pjan ta' ħidma komuni 13. Il-Kunsill għandu jippreżenta l-azzjonijiet li jikkorrispondu u r-riżorsi finanzjarji ppjanati mill-Istati Membri. Il-Kunsill għandu jippreżenta l-azzjonijiet li jikkorrispondu u r-riżorsi finanzjarji ppjanati mill-Istati Membri. 14. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni għandha tħejji pjan ta' ħidma annwali komuni u tippreżentah lill-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE. Il-pjan ta' ħidma annwali komuni għandu jintbagħat għall-informazzjoni lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. 15. Wara validazzjoni mill-IGI, il-pjan ta' ħidma annwali komuni għandu jitqies kif xieraq minn kull istituzzjoni fit-tħejjija tal-Baġit. 16. Kull istituzzjoni u korp ta' l-UE għandu jimplimenta l-pjan ta' ħidma annwali komuni u inizjattivi relatati skond il-kompetenzi u l-mezzi tiegħu stess. V. RILEVANZA LOKALI (i) L-Istati Membri 17. It-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu r-rwol ta' kull Stat Membru f'li jikkomunika l-Ewropa fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, fil-lingwa uffiċjali rispettiva tiegħu 18. Huma jħeġġu lil kull Stat Membru biex jaħtar persuna ta' kuntatt ta' livell għoli bħala "direttur tal-komunikazzjoni nazzjonali" f'materji marbuta mal-komunikazzjoni fuq temi ta' l-UE u biex jippreżenta rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu ta' komunikazzjoni relatati ma' l-UE. 19. It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jorganizzaw, mill-inqas darbtejn fis-sena, laqgħat tad-diretturi tal-komunikazzjoni nazzjonali kollha biex jaqsmu informazzjoni u jxerrdu l-aħjar prattiċi, u b'hekk jinkoraġġixxu u jappoġġjaw l-involviment ta' l-Istati Membri fil-komunikazzjoni dwar temi ta' l-UE. 20. Huma jaqblu wkoll li jiżviluppaw in-Netwerk ta' Informazzjoni ta' l-UE (EU Infonet) biex ikun faċilitat il-monitoraġġ permanenti tal-komunikazzjoni dwar temi ta' l-UE. (ii) Istituzzjonijiet Ewropej 21. It-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jorganizzaw ir-relazzjoni u jsaħħu attivitajiet tal-komunikazzjoni bi sħab bejn l-uffiċċji tal-Parlament u r-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, fi sħubija mill-qrib ma' l-awtoritajiet nazzjonali. 22. F'kull Stat Membru huma għandhom jinkoraġġixxu laqgħat regolari bejn il-Kapijiet tar-Rappreżentanza, l-Uffiċċju ta' Informazzjoni tal-Parlament Ewropew u d-direttur tal-komunikazzjoni nazzjonali li jikkorrispondi biex ikunu diskussi materji marbuta ma' temi ta' komunikazzjoni ta' l-UE. 23. It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jiżviluppaw sħubiji ġodda u jestendu dawk eżistenti ma' Stat Membri biex idawru l-prijoritajiet tal-komunikazzjoni ta' l-UE f'azzjoni speċifika f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali. 24. Huma jaqblu li jagħmlu l-aħjar użu ta’ l-għodda u netwerks tal-komunikazzjoni kollha eżistenti li jaġixxu bħala ħolqa bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha. VI. MONITORAĠĠ, ANALIŻI U DIBATTITU ANNWALI 25. Bla ħsara għall-awtonomija tagħhom, it-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma li dwaru kien hemm qbil bi sħab. 26. L-IGI għandu janalizza kull sena r-riżultati tal-pjan ta' ħidma fuq il-bażi tar-rapporti ppreżentati minn kull istituzzjoni ta' l-UE. 27. It-tliet Istituzzjonijiet jaqblu li jagħmlu dibattitu kull sena dwar il-komunikazzjoni biex janalizzaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma u biex jipprovdu gwida għas-sena li tkun ġejja. 28. Dan id-dibattitu annwali jsir fil-Parlament Ewropew. Għalih jattendu t-tliet Istituzzjonijiet u jsir fil-preżenza tal-Presidenza tal-Kunsill. Il-korpi konsultattivi jkunu mistiedna jieħdu sehem. VII. KLAWŻOLA TA' REVIŻJONI 29. It-tħaddim ta' dan il-Ftehim Inter-istituzzjonali għandu jkun rivedut fil-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni u l-Parlament il-ġodda.