Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Ewropa li tikseb ir-riżultati – l-applikazzjoni tal-liġi komunitarja /* KUMM/2007/0502 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 5.9.2007 KUMM(2007) 502 finali KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPA LI TIKSEB IR-RIŻULTATI – L-APPLIKAZZJONI TAL-LIĠI KOMUNITARJA KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPA LI TIKSEB IR-RIŻULTATI – L-APPLIKAZZJONI TAL-LIĠI KOMUNITARJA [1] I. INTRODUZZJONI L-Unjoni Ewropea hija stabbilita fil-liġi, tħabrek biex twettaq ħafna mill-politiki tagħha permezz tal-leġiżlazzjoni u hija sostnuta mir-rispett għall-Istat tad-dritt. Is-suċċess tagħha fil-kisba ta' bosta mill-għanijiet tagħha kif stabbiliti fit-Trattat u fil-leġiżlazzjoni jiddependi mill-applikazzjoni effettiva tal-liġi Komunitarja fl-Istati Membri. Il-liġijiet ma jilħqux l-iskop sħiħ tagħhom jekk ma jiġux applikati u infurzati b'mod xieraq. Il-korp tal-leġiżlazzjoni huwa sinifikanti – 'il fuq minn 9000 miżura leġiżlattiva li minnhom 2000 huma direttivi li kull waħda minnhom teħtieġ bejn 40 u aktar minn 300 miżura għat-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u reġjonali. L-UE tinkludi 27 amministrazzjoni nazzjonali u aktar minn 70 reġjun awtonomu. Aktar minn 500 miljun Ewropew igawdu l-possibbiltà li jsaqsu dwar id-drittijiet tagħhom taħt dawn il-liġijiet. L-istennijiet taċ-ċittadini mill-benefiċċji li ġġib magħha l-UE għandhom jintlaħqu. Din hija r-raġuni għaliex biex jinkisbu l-għanijiet ta’ Regolamentazzjoni Aħjar huwa meħtieġ li l-applikazzjoni tal-liġi tingħata prijorità, li tiġi identifikata r-raġuni għaliex setgħu nqalgħu xi diffikultajiet fl-implimentazzjoni u l-infurzar u li ssir valutazzjoni dwar jekk l-istrateġija attwali għat-trattament ta' kwistjonijiet fir-rigward ta' l-applikazzjoni u l-infurzar tistax titjieb. L-isfida ewlenija hija li jinżamm il-pass ma' din ir-realta li dejjem qed tinbidel, filwaqt li jintlaħqu l-aspettattivi u jiġu rrispettati l-obbligi tar-Regolamentazzjoni Aħjar. Il-bażi ta' l-Unjoni Ewropea tiddgħajjef jekk din l-isfida ma tiġix affrontata. Jekk il-liġijiet ma jiġux applikati b'mod xieraq, l-għanijiet ta' politika Ewropej jitpoġġew f'riskju li ma jintlaħqux u l-libertajiet assigurati mit-Trattati jitwettqu biss b'mod parzjali. Jekk il-proċess legali ma jiġix amministrat strateġikament, jista' jagħti l-każ li l-ksur prijoritarju ma jingħatax l-attenzjoni li jistħoqqlu u l-ilmenti taċ-ċittadini jibdew jieħdu aktar żmien biex tinstabilhom soluzzjoni. Huwa importanti ħafna li jitnaqqsu dawn ir-riskji. L-Istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom ikomplu jiżviluppaw il-ħidma tagħhom biex jiżguraw li l-liġi Komunitarja tiġi applikata u implimentata b'mod korrett filwaqt li l-mistoqsijiet u l-ilmenti taċ-ċittadini jiġu indirizzati b'mod tajjeb. Din ser tinvolvi aktar kooperazzjoni fir rigward tal-prevenzjoni tal-problemi, it-trattament aktar effettiv tal-problemi li jinqalgħu u r-riżoluzzjoni aktar mgħaġġla tal-ksur li jiġi identifikat, filwaqt li jittejbu t-trasparenza u l-iskambju ta' l-informazzjoni. Il-ħidma tinvolvi wkoll integrazzjoni aħjar tal-kunsiderazzjonijiet ta' l-implimentazzjoni u l-infuzar matul l-iżvilupp tal-politika – mit-tfassil tal-liġijiet għall-proċess ta' l-adozzjoni sa l-evalwazzjoni tar-riżultati. Il-kjarifika ta' l-isfidi ta' l-implimentazzjoni hija essenzjali biex isir titjib fil-liġijiet u biex jintlaħqu l-għanijiet ta‘Regolamentazzjoni Aħjar, bħal per eżempju, is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Din il-komunikazzjoni tissuġġerixxi modi kif tista' tittejjeb l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Hija tibni fuq il-Komunikazzjoni dwar il-Monitoraġġ Aħjar ta' l-Applikazzjoni tal-liġi Komunitarja ta' l-2002 u ssegwi l-linji ġenerali stabbiliti fir-Reviżjoni Strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea ta’ l-2006[2]. Barra minn hekk hija twieġeb il-kwistjonijiet ta’ politika ewlenin li tqajmu fir-riżoluzzjoni tal-Parlament ta’ Mejju 2006[3]. II. L-APPLIKAZZJONI TAL-LIġI KOMUNITARJA F'UNJONI EWROPEA LI QED ISSIR DEJJEM AKTAR DIVERSA L-applikazzjoni u l-infurzar tal-liġi Komunitarja tinvolvi ħafna atturi – l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet u l-qrati lokali u reġjonali. Il-volum u x-xorta ta' kwistjonijiet li jiġu ffaċċjati jvarjaw skond il-materja tas-suġġett u n-natura tad-drittijiet li jinħolqu. L-Istati Membri huma primarjament responsabbli mill-applikazzjoni korretta u fil-ħin tat-Trattati u l-leġiżlazzjoni ta' l-UE[4]. Huma responsabbli mill-applikazzjoni diretta tal-liġi Komunitarja, mill-applikazzjoni tal-liġijiet tagħhom li jimplimentaw il-liġi Komunitarja u mill-bosta deċiżjonijiet amministrattivi li jittieħdu taħt dawk il-liġijiet. Il-Qrati Nazzjonali għandhom rwol essenzjali sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-liġi anke billi, fejn ikun meħtieġ, iressqu l-kwistjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni għandha rwoli differenti. L-ewwelnett, permezz tasd-dritt ta' inizjattiva, il-Kummissjoni hija responsabbli mit-tħejjija ta' proposti kemm ta' atti ġodda kif ukoll ta' atti ta' emenda. Hija għandha responsabblità partikolari fir-rigward ta' l-applikazzjoni ta‘Regolamentazzjoni Aħjar billi tfassal liġijiet ġodda li jikkunsidraw l-implimentazzjoni u l-infurzar u aġġustamenti fuq il-liġijiet eżistenti għall-faċilitazzjoni ta' applikazzjoni mtejba. Fi stadju suċċessiv, il-Parlament u l-Kunsill għandhom rwol fl-adozzjoni tal-miżura finali. It-tieninett, il-Kummissjoni taħdem b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, li jamministraw l-applikazzjoni tal-liġi, permezz ta' kuntatti, netwerks fid-diversi setturi u laqgħat regolari ta' esperti nazzjonali. Din il-ħidma tiżgura l-effiċjenza fl-applikazzjoni tal-liġi, aġġornament tekniku u ideat għall-iżvilupp ulterjuri tal-liġi. It-tieletnett, bħala gwardjana tat-Trattati, il-Kummissjoni ngħatat l-awtorità u r-responsabbiltà li tiżgura r-rispett tal-liġi Komunitarja[5], filwaqt li tivverifika li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli tat-Trattat u tal-leġiżlazzjoni Komunitarja. Hija tanalizza l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja mill-Istati Membri permezz ta' kuntatti, korrispondenza u laqgħat ma' l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tista' tiftaħ proċedimenti ta' ksur, fejn Stat Membru jintalab jirranġa n-nuqqas ta' traspożizzjoni, jew it-traspożizzjoni ħażina jew l-applikazzjoni inkorretta tal-liġi. Il-Kummissjoni tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja[6], u hemmhekk titlob dikjarazzjoni ta’ ksur tal-liġi Komunitarja mill-Istat Membru[7]. Sabiex jiġu applikati sanzjonijiet finanzjarji hija tista' tibqa' tirrikorri għall-Qorti sakemm l-ewwel sentenza tal-Qorti tiġi rrispettata[8]. Kull sena il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tal-liġi lill-Kunsill u lill-Parlament. Meta tintalab informazzjoni, il-Kummissjoni tipprovdiha kemm lill-Parlament kif ukoll lill-Ombudsman. Inevitabbilment, il-mistoqsijiet u l-problemi li jinqalgħu mill-applikazzjoni tal-liġi huma ħafna u diversi. Fi tmiem l-2006, il-Kummissjoni kellha f’idejha aktar minn 3200 fajl, inklużi ilmenti u każi fuq inizjattivi proprja[9], kif ukoll volum kbir ta’ mistoqsijiet u stħarriġ li jkunu qed ifittxu spegazzjonijiet jew gwida dwar kwistjonijiet legali[10]. Hemm bosta raġunijiet għaliex jinqalgħu dawn il-kwistjonijiet. Jista' jkun li l-Istati ma jagħtux biżżejjed attenzjoni għall-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretta tal-liġi, jew ikunu tard fil-ħidma ta' l-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni ta' miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni. L-Istati Membri jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fl-interpretazzjoni u fl-għażla ta' l-għażliet proċedurali. Huma jistgħu jagħmlu t-traspożizzjoni ta' direttiva jew jinterpretaw regolament b'tali mod li ma jkunx konformi mal-miżura Komunitarja in kwistjoni. Dawn id-differenzi u d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni jistgħu jiġu mtennija fuq livell reġjonali jew lokali. F’ċerti każi, id-dispożizzjonijiet tal-liġi jistgħu jkunu ambigwi jew diffiċli biex jiġu implimentati. L-għadd kbir ta’ korrispondenza jew ksur ta’ liġijiet speċifiċi f'diversi Stati Membri jista' jirrefletti l-kontenut jew l-ambitu wisgħin ta' l-istrument jew l-interess għoli tal-partijiet ikkonċernati, iżda jista’ jkun ukoll indikatur li d-dispożizzjonijiet jistgħu jeħtieġu sforz partikolari mill-Istati Membri sabiex dawn jimplimentaw, japplikaw u jifhmu. Relattivament, għadd żgħir minn dawn il-kwistjonijiet li jinqalgħu jkunu jeħtieġu sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madwar 70% ta' l-ilmenti jistgħu jingħalqu qabel ma tintbagħat l-ittra ta’ notifika formali; madwar 85% jingħalqu qabel l-opinjoni motivata; u madwar 93% jingħalqu qabel is-sentenza tal-Qorti. Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw rata għolja ta' konformità miftiehma, li ssaħħaħ il-fehim u l-appoġġ tal-liġi, u żżid il-potenzjal għall-applikazzjoni tajba tal-liġi fil-ġejjieni u t-twettiq ta' l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur ta' l-UE. Madanakollu, il-proċess jista' jkun wieħed twil. Qabel ma tintbagħat ittra ta' notifika formali, ilment idum medja ta' 19-il xahar biex jingħalaq; 38 xahar meta każ jingħalaq fil-perjodu bejn l-ittra ta' notifika formali u l-opinjoni motivata; u 50 xahar meta l-każ jingħalaq wara l-opinjoni motivata u qabel il-każ jitressaq quddiem il-Qorti, li jwassal għal żmien medju ta' 26 xahar għall-każi kollha[11]. Id-dewmien jew żbalji fl-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja ddgħajjef is-sistema nnifisha, tnaqqas il-possibbiltajiet ta' kisba ta' l-għanijiet tagħha, filwaqt li ċċaħħad liċ-ċittadini u lin-negozjanti mill-benefiċċji. L-istituzzjonijiet b'mod ġenerali, u l-Kummissjoni u l-Istati Membri b'mod partikolari, għandhom interess komuni li jiżguraw li dan kemm jista’ jkun ma jseħħx. Dan li ġej jagħti deskrizzjoni qasira dwar kif is-sistema attwali tista' tittejjeb. III. OQSMA FEJN JISTA' JSIR TITJIB Hemm erba' oqsma ewlenin fejn il-Kummissjoni tara lok għal titjib: 1. il-prevenzjoni : aktar attenzjoni għall-implimentazzjoni matul iċ-ċiklu tal-politika 2. rispons effiċjenti u effettiv : titjib fl-iskambju ta' l-informazzjoni u fis-sejba ta' soluzzjonijiet għall-problemi; 3. l-aġġustament tal-metodi ta' ħidma : il-prijorizzazzjoni u l-aċċelerazzjoni fil-ġestjoni tal-ksur; 4. titjib fid-djalogu u t-trasparenza : bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u jittejjeb it-tagħrif li jingħata lill-pubbliku. PREVENZJONI Aktar attenzjoni għall-implimentazzjoni matul iċ-Ċiklu tal-Politika Għandu jsir sforz massimu sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tkun ċara, sempliċi, kif ukoll sabiex tkun tista' tiġi implimentata u infurzata. Għandha tingħata aktar attenzjoni għall-aspetti ta’ l-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-infurzar fl-iżvilupp tal-proposti, partikolarment fl-istadju ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt, u matul iċ-ċiklu tal-politika. L-evalwazzjoni ta’ l-impatt għandha teżamina l-għażliet ta’ l-implimentazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħhom, kif ukoll l-għażla ta’ l-istrument legali bil-għan li l-effettività tal-miżura tiġi ffaċilitata kemm jista’ jkun. Ir-Regolament għandhom jintużaw kull fejn ikun xieraq u sa l-aktar limitu possibbli għall-miżuri ta’ implimentazzjoni[12]. Normalment il-proposti tal-Kummissjoni mressqa quddiem il-Kunsill u l-Parlament ikunu jinkludu suġġerimenti bbażati fuq ir-riskju sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni fil-ħin. L-iskala tat-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tiddependi fuq in-natura ta' l-obbligi involuti, l-ambitu u l-esperjenza ta' l-imgħoddi. Dawn jistgħu jkunu limitati fil-każ li l-miżura tkun waħda teknika, f’qafas li jkun stabbilit sew. Iżda f’każi oħra, il-Kummissjoni tista’ tissuġġerixxi, per eżempju, linji gwida ta’ żvilupp, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ gruppi ta’ esperti dwar it-traspożizzjoni, it-tnedija ta’ kooperazzjoni amministrattiva u metodi oħra sabiex tħejji għall-applikazzjoni tajba tal-liġi. Il-Kummissjoni ser titlob b’mod sistematiku l-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt u tagħti d-dettalji tan-netwerk(s) stabbiliti għall-iskambju ta’ informazzjoni fis-segwitu ta’ l-adozzjoni ta’ kull miżura ġdida. Barra minn hekk il-Kummissjoni ser tindika kif aktar tard bi ħsiebha ssegwi l-applikazzjoni korretta tal-liġi (eż. rikors programmat għal valutazzjoni ta’ konformità, rapporti u studji, spezzjonijiet). Il-Kummissjoni ser ukoll tkompli tinkludi dispożizzjonijiet ta' evalwazzjoni fil-leġiżlazzjoni l-ġdida billi tipprovdi qafas komuni għall-valutazzjoni dwar jekk il-liġijiet humiex iħallu l-effett mixtieq u jekk il-miżuri ta' infurzar humiex suffiċjenti. Bħala parti mill-attivitajiet kostanti ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni ser teżamina l-leġiżlazzjoni eżistenti fid-dwal ta' diffikultajiet identifikati fir-rigward ta' l-implimentazzjoni biex tkun taf fejn ikun hemm il-bżonn ta' sforzi addizzjonali jew tibdil. Ser tibqa’ attiva fil-monitoraġġ tagħha tal-prinċipji u r-regolamenti tat-Trattati, meta r-regoli Komunitarji jkunu applikabbli direttament, partikolarment fejn ma jkunux għadhom ġew żviluppati mezzi speċifiċi fir-rigward ta' l-ammistrazzjoni tal-liġi, kif ukoll fir-rigward tar-rispett tar-regoli u tal-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-azzjonijiet li jittieħdu biex jinstabu l-problemi ser ikunu bbażati fuq ir-riskju u jinfirxu mill-monitoraġġ tas-suq sad-djalogu ma' partijiet interessati u regolaturi nazzjonali u jsegwu s-sentenzi preliminari tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. F’dawn l-attivitajiet kollha, fluss imtejjeb ta’ informazzjoni bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali dwar kif il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE tkun qed tiġi implimentata ser ikun ta' għajnuna sabiex il-problemi jiġu antiċipati u solvuti aħjar. Tabelli ta' korrelazzjoni It-tabelli ta' korrelazzjoni jikkostitwixxu għajn importanti ta' tagħrif, u jistabbilixxu kif id-direttivi Komunitarji qed jiġu applikati f'regolamenti ta' l-Istati Membri. Dawn it-tabelli jifformaw parti mill-proċessi leġiżlattivi eżistenti fi ħdan bosta Stati Membri. Huma jagħtu tagħrif prezzjuż bi spejjeż u piżijiet minimi. Jikkontribwixxu għat-trasparenza u l-aċċessibbiltà, kif ukoll għal għarfien u applikazzjoni aħjar tal-liġi, inkluża l-interpretazzjoni mill-qrati. Il-Kummissjoni ser tibqa' tinkludi b'mod sistematiku l-obbligu li tintbagħat tabella ta' korrelazzjoni għal kull proposta ġdida ta' direttiva. Hija ser tinsisti dwar dan matul il-proċess leġiżlattiv. Wara l-adozzjoni ta' kull direttiva ser tibgħat mudell ta' tabella ta' korrelazzjoni lill-Istati Membri, filwaqt li titlobhom jimluha u jibagħtuhielha lura bil-miżuri ta' traspożizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser titlob impenn ġenerali mill-Kunsill u l-Istati Membri sabiex it-tabelli ta' korrelazzjoni jingħataw b'mod komprensiv. Taħriġ fil-Liġi Komunitarja L-applikazzjoni tajba tal-liġi Komunitarja tiddependi fuq il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu deċiżjonijiet korretti. Il-Kummissjoni ser titlob lill-Istati Membri biex jikkonfermaw id-disponibbiltà ta' taħriġ fil-liġi Komunitarja, kemm inizjali kif ukoll taħriġ li jibqa' għaddej matul il-karriera, għall-ħaddiema ċivili u l-imħallfin, bl-iskop li jiġi identifikat it-taħriġ supplimentari li jkun jista' jiġi sostnut mill-UE[13]. Hija ser tappoġġja d-disponibbiltà mtejba ta' databases dwar sentenzi tal-qrati nazzjonali fir-rigward tal-liġi Komunitarja. Hija ser tippubblika dokument ta' spjegazzjoni dwar il-każistika tal-Qorti dwar il-pretensjonijiet għad-danni fuq ksur ta' drittijiet taħt il-liġi Komunitarja. SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI U SOLUZZJONI GħALL-PROBLEMI Il-Qagħda Attwali Ħafna mill-mistoqsijiet u l-ilmenti taċ-ċittadini u tan-negozji li jikkonċernaw il-liġi Komunitarja għandhom jiġu indirizzati b'mod effettiv permezz ta' skambju inizjali ta' informazzjoni jew is-sejbien ta' soluzzjoni għall-problemi b'mod kooperattiv. Attwalment, il-Kummissjoni għandha mekkaniżmi differenti fis-seħħ sabiex twieġeb liċ-ċittadini. Il-mistoqsijiet ġenerali huma f'idejn il-Europe Direct, Citizen's Signpost, Ċentri Kummerċjali Ewropej u oħrajn. L-Istati Membri jaħdmu flimkien sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi transkonfinali fis-suq intern permezz tas-sistema SOLVIT. [14] Xi mistoqsijiet u ilmenti dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja jistgħu jissolvew permezz ta’ dan il-mekkaniżmu. Meta dawn it-tipi ta’ mistoqsijiet jew ilmenti jsiru lill-Kummissjoni, is-servizz rilevanti jipprovdi spjegazzjonijiet dwar il-liġi u, fejn meħtieġ, jitlob lill-Istati Membri sabiex jikkonfermaw il-fatti u jispjegaw il-pożizzjoni tagħhom. Mhux qed issir biżżejjed enfasi fuq il-ħtieġa ta’ soluzzjonijiet kostruttivi li jinstabu fi żmien qasir. Għalkemm diġà sar xi progress, partikolarment permezz tal-ġeneralizzazzjoni ta’ “laqgħat globali”, fejn il-Kummissjoni tanalizza l-fajls miftuħa f’settur partikolari ma’ Stat Membru, xi kwistjonijiet jibqgħu miftuħin għad-diskussjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru għal żmien twil. Għadd sinifikanti ta’ każi jiġu solvuti biss wara li jinfetħu l-proċedimenti ta’ ksur. It-titjib tal-metodi ta' ħidma Sabiex issolvi l-kwistjonijiet fi żmien aqsar u ssaħħaħ it-trattament u l-ġestjoni tal-proċeduri attwali, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-metodi ta' ħidma attwali jistgħu jitjiebu[15]. Fil-qagħda attwali, il-mistoqsijiet u l-ilmenti kollha li jqajmu dubji dwar l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja mibgħuta lill-Kummissjoni jiġu rreġistrati u rikonoxxuti filwaqt li l-Kummissjoni tipprovdi l-ispjegazzjonijiet tal-liġi Komunitarja. Fejn xi kwistjoni tkun teħtieġ kjarifika dwar il-pożizzjoni fattwali jew legali fl-Istat Membru, din tintbagħat lill-Istat Membru kkonċernat. Sakemm l-urġenza tal-każ ma titlobx azzjoni immedjata u meta l-Kummissjoni tikkunsidra li l-kuntatt ma' l-Istat Membru jkun jista' jikkontribwixxi għal soluzzjoni effiċjenti, l-Istat Membru jingħata skadenza qasira ta' żmien biex iressaq il-kjarifiki, l-informazzjoni u s-soluzzjonijiet meħtieġa direttament liċ-ċittadini u n-negozji kkonċernati u jgħarraf lill-Kummissjoni. Meta l-kwistjoni tirriżulta li tkun ksur tal-liġi Komunitarja, l-Istat Membru jkunu mistenni jagħti rimedju, jew li joffri rimedju, fi skadenzi stipulati ta’ żmien. Meta ma tiġi proposta l-ebda soluzzjoni, il-Kummissjoni ssegwi l-każ, filwaqt li tieħu azzjoni ulterjuri, inkluż permezz ta' proċedimenti ta' ksur, skond il-prattika eżistenti. B’dan il-mod, l-Istati Membri jkollhom l-opportunità li jsolvu kwistjonijiet marbuta ma' dan il-qafas miftiehem, billi joperaw fl-eqreb distanza possibbli miċ-ċittadin fi ħdan il-kuntest legali nazzjonali u istituzzjonali tagħhom, b'konformità ma-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja. Bl-impenn meħtieġ, ikun aktar possibbli li l-mistoqsijiet u l-ilmenti jiġu segwiti u li tinstab soluzzjoni għalihom minn kmieni. Ser jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' trażmissjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Punt ta' kuntatt ċentrali fi ħdan l-Istat Membru jipproċessa l-mistoqsijiet li jsiru u t-tweġibiet li jingħataw. Il-punt ta’ kuntatt iħeġġeġ lill-awtorità xierqa fl-Istat Membru sabiex din twieġeb b’mod kostruttiv, billi tagħti informazzjoni, issolvi l-problema jew għallinqas tispjega l-pożizzjoni tagħha. Ir-riżultati tal-każi jiġu rreġistrati sabiex ikun jista' jsir rappurtaġġ dwar il-prestazzjoni u kull segwitu li jsir, inklużi r-reġistrazzjoni u l-ftuħ ta' proċedimenti ta' ksur. Dan ir-rappurtaġġ jidentifika l-volum, in-natura u s-serjetà tal-problemi li jibqgħu mingħajr soluzzjoni, filwaqt li tiġi indikata l-ħtieġa ta' mekkaniżmi addizzjonali ta' soluzzjoni ta’ problemi jew ta' inizjattivi għas-settur aktar adatti għall-każ[16]. Dawn il-miżuri kollha għandhom jikkontribwixxu għal tnaqqis fl-għadd ta’ proċeduri ta’ ksur u għal effiċjenza mtejba fil-ġestjoni tagħhom. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi eżerċizzju pilota li jinvolvi xi Stati Membri fl-2008, li wara evalwazzjoni ta' l-ewwel sena ta' ħidma, jkun jista' jiġi estiż għall-Istati Membri kollha. Fil-valutazzjoni ta' dawn il-miżuri, il’Kummissjoni ser tieħu ħsieb li tevita konsultazzjonijiet ripetittivi ma' l-Istati Membri u ser tkompli teżerċita d-dritt tagħha li ssegwi b'mod indipendenti l-kwistjonijiet pendenti. Il-bidla fi-metodu ta' ħidma għandha l-għan li tagħti tweġibiet aktar malajr liċ-ċittadini u n-negozji u soluzzjonijiet għall-problemi, inkluża l-korrezzjoni ta' ksur. L-Istati Membri kollha jeħtieġu jagħmlu sofrz massimu, l-ewwelnett, biex jinstabu s-soluzzjonijiet għall-ilmenti b'konformità mal-liġi Komunitarja u, t-tieninett, biex jiġu rrispettati iskadenzi qosra ta' żmien b'rabta mat-trattament tal-kwistjonijiet kollha li jinqalgħu. Dan ser jitlob sostenn politiku b'saħħtu u l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. Dawn is-suġġerimenti, li jeħtieġu l-adozzjoni tal-komunikazzjoni ta' l-2002 dwar il-ġestjoni ta' l-ilmenti[17], ser jiġu żviluppati b'diskusjsoni ma' l-Istati Membri fid-dawl ta' djalogu interistituzzjonali kontinwu. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll fuq inizjattivi kumplimentari sabiex ittejjeb it-trattament tal-kwistjonijiet. Qiegħda taħdem favur aċċess imtejjeb għall-istrumenti eżistenti ta’ għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini, permezz tal-ħolqien ta’ “uffiċċju ewlieni waħdieni” li jopera on-line . Barra minn hekk il-Kummissjoni ser teżamina l-vijabbiltà li tinvolvi lill-Uffiċċji ta’ Rappreżentanza fil-proċess li jwassal għas-soluzzjoni tal-problemi. Wieħed għandu jinnota li f’ċerti każi min jilmenta jista' jsaħħaħ id-drittijiet tiegħu direttament fil-livell nazzjonali b'mod aktar effiċjenti. Tribunal nazzjonali biss jista’ japplika rimedji bħal pereżempju inibizzjonijiet għall-amministrazzjonijiet, it-tħassir ta’ deċiżjonijiet nazzjonali, danni, eċċ. IS-SEJBA TA’ ġESTJONI AKTAR EFFIċJENTI TAL-KSUR Il-proċess ta' ksur għandu rwol essenzjali sabiex jassigura l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja. Il-ħtieġa li jintużaw il-proċedimenti ta' ksur għandha titnaqqas permezz tal-miżuri ta’ soluzzjoni tal-problemi u miżuri preventivi mfissra hawn fuq. Dan minn naħa tiegħu ser iwassal għall-ġestjoni u s-soluzzjoni aktar effiċjenti tal-każi ta’ ksur. L-applikazzjoni korretta tal-liġi tista' tittejjeb ukoll billi tiġi prijoritizzata l-ġestjoni tal-każi[18]. L-ilmenti u l-ksur kollha ser jiġu indirizzati. Il-prijoratizzazzjoni tfisser li xi każi jiġu indirizzati mill-Kummisjoni b'mod aktar immedjat u intensiv minn oħrajn. Għandha tingħata prijorità lil dak il-ksur li jkun l-aktar ta' riskju, u ta' impatt mifrux fuq iċ-ċittadini u n-negozji u l-aktar ksur persistenti kkonfermat mill-Qorti. Dawn il-kategoriji jkopru dan li ġej: - in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni tad-direttivi jew obbligi oħra ta’ notifika; - ksur tal-liġi Komunitarja, inklużi l-każi ta’ nuqqas ta’ konformità, li jqajjem kwistjonijiet ta' prinċipju jew li jħalli effett negattiv fuq iċ-ċittadini, bħal dak b'rabta ma' l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-Trattat u l-elementi ewlenin tar-regolamenti ta' qafas u d-direttivi; - ir-rispett tas-sentenzi tal-Qorti li jiddikjaraw l-eżistenza ta' ksur (l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE). Dawn il-kategoriji huma inklużi fis-sett ta' prijoritajiet aktar komprensivi deċiżi fl-2002[19]. Il-kopertura ta' l-ewwel u t-tielet kategorija hija ċara. It-tifsira tal-prinċipji rilevanti u l-evalwazzjoni ta’ l-ambitu ta’ l-impatt ta’ kwistjonijiet speċifiċi fit-tieni kategorija jistgħu jsiru biss għal setturi partikolari, skond id-disponibbiltà tar-riżorsi, bħal per eżempju, kif inhu ppjanat f'komunikazzjoni li dalwaqt toħroġ dwar il-qasam ta’ l-ambjent. Mill-2008, il-Kummissjoni ser tfisser u tispjega l-azzjoni tagħha fuq dawn il-prijoritajiet fir-rapporti annwali tagħha. Għandhom jiġu applikati kriterji għall-monitoraġġ tal-progress li jsir f'dawn il-każi: - Fir-rigward ta' każi b'rabta man-nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta' traspożizzjoni, il-mira għandha tkun li ma jinqabżix it-12-il xahar minn meta tintbagħat l-ittra ta' notifika formali sa meta tinstab soluzzjoni għall-każ jew sa meta jitressaq quddiem il-Qorti ta-Ġustizzja. - Skond iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' każi eċċezzjonali, il-perjodu ekwivalenti fi proċedimenti sabiex jiġi żgurat ir-rispett għas-sentenza preċedenti tal-Qorti għandu jkun fuq medja bejn it-12 u l-24 xahar. Huwa diffiċli li jiġi stabbilit kriterju sinifikanti fir-rigward ta' każi prijoritarji oħra billi dawn ivarjaw konsiderevolment kemm fil-kontenut kif ukoll fil-kuntest. Dawn il-każi ser ikunu soġġetti għal ġestjoni speċifika sabiex jiġi żgurat progress rapidu. Il-Kummissjoni tikkonferma l-impenn tagħha biex aktar taħdem bla heda skond il-prijorità tal-każ. Il-Kummissjoni ser tintroduċi teħid aktar frewkenti ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-biċċa l-kbira mill-istadji proċedurali sabiex tippermetti progress aktar mgħaġġel. TISħIħ FID-DJALOGU U T-TRASPARENZA Djalogu interistituzzjonali L-istituzzjonijiet kollha ta' l-UE għandhom interess fl-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja. Il-valutazzjoni dwar kif jiġu applikati l-liġijiet hija ta' kontribut importanti fiċ-ċiklu tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Id-diskussjonijiet bejn l-istituzzjonijiet dwar l-impatt tal-liġi Komunitarja, l-implimentazzjoni, il-ġestjoni u l-infuzar tagħha, u l-analiżi tal-kawżi primarji tal-problemi, jistgħu jsaħħu il-valutazzjoni u l-iżvilupp tal-politika. Il-Kummissjoni ser tiżviluppa l-enfasi tar-Rapport Annwali tagħha dwar kwistjonijiet strateġiċi, l-evalwazzjoni tal-qagħda attwali tal-liġi f'setturi differenti, il-prijoritajiet u l-ipprogramar ta' ħidma gejjiena, inkluża l-analiżi ta' oqsma tal-liġi soġġetti għal ksur frekwenti. Dan ser jgħin id-djalogu interistituzzjonali strateġiku dwar sa safejn il-liġi Komunitarja tilħaq l-għanijiet tagħha, il-problemi ffaċċjati u s-soluzzjonijiet possibbli li għandhom jiġu applikati. Din ix-xorta ta' analiżi fid-dettall tista' tkun ta' kontribut għad-diskussjonijiet fil-Parlament u l-Kunsill. L-Anness tal-Komunikazzjoni jissuġġerixxi xi oqsma tal-liġi jew miżuri speċifiċi għad-djalogu interistituzzjonali dwar l-applikazzjoni tagħhom. Aktar trasparenza It-trasparenza u ż-żieda fil-komunikazzjoni huma importanti fir-relazzjonijiet ma' l-Istituzzjonijiet Ewropew u mal-pubbliku in ġenerali. Iċ-ċittadini, in-negozji, is-soċjetà ċivili, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali, il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali huma kollha għandhom interess fir-rigward ta' l-applikazzjoni tal-liġi. Il-Kummissjoni diġà tippubblika ħafna informazzjoni fir-rapport annwali tagħha. Hija tagħti informazzjoni fil-qosor lil min jagħmel l-ilmenti dwar il-passi kollha li jittieħdu dwar l-ilmenti tagħhom, tgħin lill-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet, tgħarraf lil kumitati oħra fil-Parlament meta dawn jitolbuha xi informazzjoni u twieġeb għall-Mistoqsijiet u għall-mistoqsijiet ta' l-Ombudsman. Il-Kummissjoni ser tkompli żżid it-trasparenza, billi toħroġ informazzjoni ġenerali dwar il-prestazzjoni ta’ l-istrateġija l-ġdida dwar kif jiġu indirizzati l-korrispondenza, il-mistoqsijiet u l-ilmenti. Hija ser tiżgura li l-informazzjoni fil-qosor tiġi ppubblikata fl-istadji kollha tal-proċedimenti ta' ksur, sa minn meta tintbagħat l-ittra ta’ notifika formali, waqt li jkunu għaddejjin. Database eżistenti ser tiġi aġġornata għal dan il-għan. B'konformità mar-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti u l-ħtieġa ki tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċedimenti tal-ksur, waqt li l-kwistjonijiet rilevanti jkunu qed jiġu investigati, il-Kummissjoni ser tibqa' żżomm il-kunfidenzjalità fir-rigward tal-kontentut u meta jseħħu l-kuntatti ma' l-Istati Membri. Barra minn hekk il-Kummissjoni ser tippubblika aktar tagħrif dwar: l-iskadenzi viċini għall-implimentazzjoni u l-prestazzjoni ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni u l-komunikazzjoni tat-tabelli ta' korrelazzjoni. Hija ser tibda azzjoni dwar l-aċċess miftuħ għad- database elettroniku tagħha li jiġbor fih in-notifika tat-traspożizzjoni u t-tabelli ta' korrelazzjoni li jkun jonqoshom li jintemmu l-arranġamenti għall-aċċess fid- databases nazzjonali. Il-Kummissjoni ser tkompli tiżviluppa l- portal tal-liġi ta' l-UE fuq il-websajt Europa. IV. KONKLUżJONI L-applikazzjoni korretta u fil-ħin tal-liġi Komunitarja hija essenzjali sabiex tinżamm il-bażi soda ta' l-Unjoni Ewropea u sabiex jiġi żgurat li l-politiki Ewropej iħallu l-impatt mistenni, filwaqt li jwasslu benefiċċji liċ-ċittadini. L-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom l-istess interess li jżommu din il-bażi soda u jeħtieġu li jagħmlu impenn akbar sabiex jagħtu prijorità għolja għall-applikazzjoni korretta tal-liġi. Din il-komunikazzjoni tfisser l-azzjonijiet li l-Kummissjoni ser tieħu biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja kif ukoll il-kontributi mistennija mill-Istati, mill-Parlament u mill-Kunsill f'dan ir-rigward. Anness Oqsma tal-liġi Komunitarja proposti għall-evalwazzjoni [1] Tkopri liġi bbażata fuq it-Trattat tal-Komunità Ewropea u t-Trattat Euratom, kif ukoll strumenti internazzjonali oħra. Inbena korp ta' leġiżlazzjoni, speċjalment permezz tad-Deċiżjonijiet ta' Qafas taħt l-Artikolu 34(2)(b), taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE. L-Istati Membri għandhom obbligu li jorbothom biex iwettqu t-traspożizzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni fil-liġi nazzjonali għalkemm ma jeżisti l-ebda proċediment ta' ksur li jinforza din il-liġi. Dan il-qasam tal-liġi ta’ l-UE m’huwiex kopert minn din il-komunikazzjoni. [2] COM(2002)725 u COM(2006)689 [3] EP Nru :2005/2150(INI) (FINAL A6-9999/2006) [4] L-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE [5] L-Artikolu 211 tat-Trattat tal-KE [6] Wara li tieħu l-ewwel pass li tibgħat ittra ta’ notifika formali u t-tieni ġass li tadotta opinjoni motivata (Artikolu 226 tat-Trattat tal-KE). F’ċerti oqsma, bħal ma hi l-politika agrikola u programmi oħra ta’ finanzjament, fejn tkun tista’ ssir l-applikazzjoni diretta tad-dispożozzjonijiet, il-mekkaniżmi ta’ verifika u ta’ approvazzjoni tal-kontijiet jistgħu jnaqqsu r-rikors għal proċedimenti ta’ ksur. [7] Is-sentenza ta' l-10 ta' April 2003, il-Kummissjoni kontra l-Ġermanja (C-20/01 u C-28/01, Rec. p. I-3609) (ara l-punti 29-30) u l-Kawża C-471/98 il-Kummissjoni kontra l-Belġju [2002] ECR I-9861, paragrafu 39). [8] L-Artikolu 228 TKE u d-dokument SEC (2005)1658: Il-Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE. [9] Viċin l-1000 każ fuq inizjattiva proprja (30%), kważi 1700 każ b'rabta ma' ilmenti (51%) u viċin is-600 każ dwar nuqqas ta' komunikazzjoni (19%). [10] It-tkabbir riċenti ta' l-UE u l-volum tal-leġiżlazzjoni Komunitarja adottata fl-aħħar snin toħloq potenzjal għal żieda fl-għadd ta' kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu. [11] L-aħħar statistika maħduma għall-2005 li fil-biċċa l-kbira tikkorrispondi ma' dik tas-snin ta' qabel. [12] Id-Direttivi jiġu konvertiti f’liġi nazzjonali mill-Istati Membri, sabiex jiġu inkorportati fil-kuntest legali nazzjonali. Ir-Regolamenti huma applikabbli direttament f'kull Stat Membru. Is-sostituzzjoni tad-direttivi b'regolamenti tista', fejn ikun legalment possibbli u politikament aċċettabbli, twassal għal simplifikazzjoni, billi dawn jippermettu: l-applikazzjoni immedjata u l-partijiet interessati jistgħu jirreferu direttament għalihom quddiem il-qrati. [13] Minn barra azzjonijiet eżistenti fil-liġi kriminali, ċivili, kummerċjali, tal-kompetizzjoni u dik ambjentali. [14] http://ec.europa.eu/solvit/site/index-en.html [15] Mingħajr ħsara għas-sistemi ta’ twissija rapida eżistenti, għall-mekkaniżmu SOLVIT jew għall-oqsma fejn il-liġi tiġi applikati b’mod dirett, meta ssir dispożizzjoni speċifika għall-qsim tal-kompetenza bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-liġi, bħall-pagamenti fl-oqsma ta' l-agrikoltura u l-fondi Komunitarji ewlenin. [16] Eż. Netwerk ta' l-UE ta' awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u infurzar taħt ir-Regolament 2006/2004. [17] COM(2002)141. [18] Is-sentenza ta' l-10 ta' April 2003, il-Kummissjoni kontra l-Ġermanja (C-20/01 u C-28/01, Rec._p._I-3609) (ara l-punti 29-30) u l-Kawża C-471/98 il-Kummissjoni kontra l-Belġju [2002] ECR I-9861, paragrafu 39). [19] Ibid. Komunikazzjoni ta' l-2002, taqsima 3.1 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE (SEC (2005) 1658), il-paragrafu 16.4 li jagħti xi elementi għall-identifikazzjoni ta' l-effetti tal-ksur fuq l-interessi ġenerali jew partikolari fl-ambitu tal-koeffiċjent tas-serjetà.