Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali - Trattament Fiskali tat-Telf f'Sitwazzjonijiet Transkonfinali {SEC(2006) 1690} /* KUMM/2006/0824 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 19.12.2006 KUMM(2006) 824 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI Trattament Fiskali tat-Telf f'Sitwazzjonijiet Transkonfinali{SEC(2006) 1690} 1. EżENZJONI GħAL TELF TRANSKONFINALI U S-SUQ INTERN 1.1. Daħla Din il-Komunikazzjoni hija ppreżentata fi ħdan il-qafas tal-Komunikazzjoni dwar il-"Koordinament tas-sistemi fiskali diretti ta' l-Istati Membri fis-Suq Intern" u toffri eżempju ta' qasam li jista' jibbenefika minn approċċ ikkoordinat bħal dan.[1] Il-Kummissjoni impenjat ruħha biex ittejjeb il-kompetittività ta' l-impriżi fl-Unjoni Ewropea, li tinsab imfixkla fost affarijiet oħra mill-assenza ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali[2]. Fil-Komunikazzjoni tagħha "Il-Kontribut ta' Politika ta' Tassazzjoni u Dwana lill-Istrateġija ta' Liżbona"[3] ta' l-2005, l-azzjoni biex tittaffa din il-problema ġiet elenkata bħala waħda mill-miżuri mmirati li jistgħu jittieħdu fi żmien qasir biex jitneħħew barrieri fiskali transkonfinali li l-kumpaniji ta' l-UE jridu jħabbtu wiċċhom magħhom. Din l-azzjoni ġiet f'mument partikolarment propizju fid-dawl tas-sentenza reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża Marks & Spencer [4]. Fl-assenza ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali, it-tpattija għal telf hija ġeneralment limitata għall-ammonti ta' profitti ġġenerati fl-Istati Membri li fihom isir l-investiment. Dak ifixkel id-deċiżjonijiet tan-negozju fi ħdan is-suq intern. Din il-Komunikazzjoni[5] tispjega l-prinċipji bażiċi u l-problemi dwar l-eżenzjoni għal telf transkonfinali. Hija tissuġġerixxi l-modi kif l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw eżenzjoni għal telf transkonfianli sostnut: - fi ħdan kumpanija waħda (jiġifieri telf sostnut minn fergħa jew "stabbiliment permanenti" tal-kumpanija li tinsab fi Stat Membru ieħor); jew - fi ħdan grupp ta' kumpaniji (jiġifieri telf sostnut minn membru tal-grupp fi Stat Membru ieħor). 1.2. Il-Kwistjoni Minkejja li l-kumpaniji jittamaw li jaqalgħu profitti, huma jistgħu wkoll jirreġistraw telf. Prattikament, is-sistemi fiskali kollha fi ħdan l-UE jittrattaw il-profitti u t-telf asimmetrikament: il-profitti huma ntaxxati għas-sena fiskali li fiha dawn jinqalgħu iżda l-valur taxxabbli ta' telf ma jitħallasx lura mill-amministrazzjoni fiskali meta jiġġarrab it-telf. Għaldaqstant, sabiex tkun evitata "tassazzjoni eċċessiva", jeħtieġ li dan it-telf jitpatta b'bażi taxxabbli pożittiva oħra fi ħdan il-kumpanija jew fi ħdan il-grupp ta' kumpaniji. Dan jevita żvantaġġi ta' likwidità li jidderivaw mid-dewmien ta' żmien li fih it-telf jiġi kkunsidrat, jiġifieri telf trasferit għas-sena suċċessiva ( carry-forward ) u tpattija ( set-off ) minn profitti futuri, meta mqabbel ma' tpattija immedjata għal bażi taxxabbli pożittiva oħra[6]. Eżenzjoni għal telf transkonfinali jkun jipprevjeni li dan it-telf jitħalla wieqaf f'entitajiet differenti. Kumpanija b'bosta fergħat f'pajjiżha, fil-prinċipju, tkun intaxxata awtomatikament fuq ir-riżultat nett, jiġifieri kemm il-profitti kif ukoll it-telf ta' dawn il-fergħat jiġu kkunsidrati awtomatikament u immedjatament. Fil-parti l-kbira tas-sitwazzjonijiet oħra, l-eżenzjoni għal telf tkun possibbli biss meta tkun awtorizzata minn dispożizzjoni speċifika adottata mill-Istat Membru korrispondenti: Eżenzjoni nazzjonali għal telf | Eżenzjoni għal telf transkonfinali | Fi ħdan kumpanija waħda ("stabbiliment permanenti") | Disponibbli awtomatikament | Disponibbli fil-parti l-kbira tal-każijiet | Fi ħdan grupp ta' kumpaniji ("parent" jew "sussidjarja") | Disponibbli skond regoli speċifiċi fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri | Mhux disponibbli fil-prinċipju, b'każijiet eċċezzjonali | 1.3. Is-Suq Intern u l-Impatt fuq id-Deċiżjonijiet tan-Negozju Trattament differenti ta' telf transkonfinali mill-Istati Membri għandu impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern. Il-kwistjonijiet dwar l-eżenzjoni għal telf transkonfinali jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tan-negozju dwar l-opportunitajiet u l-modalitajiet ta' penetrazzjoni f'suq ġdid. In-nuqqas (jew il-limitazzjoni) ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali joħloq ostaklu għad-dħul fi swieq oħra, li jipperpetwa s-segmentazzjoni artifiċjali tas-suq intern skond il-linji ta' demarkazzjoni nazzjonali. Bħala konsegwenza ta' dan, il-kumpaniji fl-Istati Membri l-kbar, li kapaċi jilħqu ekonomiji ta' firxa u ta' skala ( economies of scope and scale ) fi ħdan is-swieq nazzjonali tagħhom stess, għandhom vantaġġ fuq kompetituri potenzjali minn Stati Membri żgħar, ukoll meta dawn ta' l-aħħar huma iktar innovattivi u effiċjenti. Il-kumpaniji l-kbar normalment għandhom iktar attivitajiet f'diversi Stati Membri milli l-kumpaniji ż-żgħar, dan jassigura li l-kumpaniji l-kbar jistgħu jassorbu t-telf iktar faċilment. Bl-istess mod, Stati Membri bi swieq nazzjonali ikbar għandhom vantaġġ minħabba li huwa iktar probabbli li l-kumpaniji diġà għandhom investimenti f'dawk is-swieq, u għalhekk kapaċi jpattu għal kwalunkwe telf minn attivitajiet partikolari minn bażi taxxabbli pożittiva ta' oħrajn. Il-kwistjoni għandha rilevanza partikolari għall- SMEs fir-rigward ta' telf li jikkorrispondi għall-fażi inizjali li jirriżulta minn investimenti ġodda barra mill-pajjiż[7]. Għaldaqstant, in-nuqqas ta' disponibilità jew disponibilità limitata ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali: - jiffavorixxi/tiffavorixxi investimenti nazzjonali u jiskoraġġixxi/tiskoraġġixxi investimenti fi Stati Membri oħra; - jiffavorixxi/tiffavorixxi investiment transkonfinali fl-akbar Stati Membri; - jiffavorixxi/tiffavorixxi l-kumpaniji l-kbar meta mqabbel ma' SMEs f'dak li għandu x'jaqsam ma' investimenti transkonfinali; kif ukoll - jinfluwenza/tinfluwenza l-għażla bejn stabbiliment permanenti u kumpanija sussidjarja bħala forma ta' stabbiliment. Dawn id-distorsjonijiet jgħollu l-prezzijiet kemm għall-impriżi kif ukoll għall-konsumaturi u b'tnaqqis konsegwenti tal-benessri tas-soċjetà. F'każ li d-disponibilità limitata ta' eżenzjoni għal telf twassal għal inqas kompetittività fi ħdan is-swieq ta' Stat Membru, il-kumpaniji dominanti se jbatu 'l quddiem minħabba li hemm pressjoni anqas intensa fuqhom biex ikunu innovattivi u jsiru iktar effiċjenti. 1.4. Eżenzjoni għal telf transkonfinali u l-Ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ttrattat it-tpattija għal telf transkonfinali li involviet stabbilimenti permanenti fil-kawżi Futura [8] u AMID [9]. Fil-kawża Futura , il-Qorti eżaminat is-sitwazzjoni mill-perspettiva ta' l- Istat ospitanti ta' l-istabbiliment permanenti, u qieset li l-prinċipju ta' territorjalità jista' jiġġustifika l-limitazzjoni ta' l-ammont ta' telf trasferit għas-sena suċċessiva disponibbli f'dak l-Istat għat-telf li kellu rabta ekonomika mad-dħul mill-attivitajiet li saru hemmhekk. Fil-kawża AMID , il-Qorti qieset, minn perspettiva ta' l- Istat ta' residenza , li l-eżenzjoni mit-tassazzjoni tal-profitti maqlugħa mill-istabbiliment permanenti tal-Lussemburgu skond il-ftehim dwar it-tassazzjoni doppja ( double tax agreement, DTA ) bejn il-Belġju u l-pajjiż imsemmi ma stabbilixxiex, fir-rigward ta’ l-eżenzjoni għal telf, differenza oġġettiva bejn is-sitwazzjoni ta' kumpanija Belġjana ma' stabbiliment permanenti fil-Lussemburgu u dik ta' kumpanija Belġjana ma' stabbiliment (fergħa) fil-Belġju[10]. Fl-assenza ta' ġustifikazzjoni, it-trattament differenti ta' dawk iż-żewġ kumpaniji fir-rigward tat-tnaqqis tat-telf imur kontra l-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu u ma setgħetx tkun aċċettata[11]. Il-kwistjoni ta' l-eżenzjoni għal telf transkonfinali bejn kumpaniji kienet, għall-ewwel darba, is-suġġett ta' sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża Marks & Spencer . F'din il-kawża, ġie allegat li, ir-rifjut għall-awtorizzazzjoni tal-kumpanija parent li tinsab fir-Renju Unit li tpatti bil-profitti tagħha għat-telf ta' kumpaniji sussidjarji barranin fl-UE li ma wettqux attivitajiet ta' negozju fir-Renju Unit, kiser il-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu kif ipprovdut fit-Trattat tal-KE. It-telf kumerċjali wassal eventwalment għall-waqfien totali ta' l-attivitajiet tal-parti l-kbira tal-kumpaniji sussidjarji. Ir-Renju Unit ressaq bosta ġustifikazzjonijiet għal din ir-restrizzjoni: (a) il-ħtieġa għal qsim bilanċjat tas-setgħa ta' tassazzjoni bejn l-Istati Membri, (b) il-ħtieġa għal prevenzjoni ta' tassazzjoni doppja tat-telf, u (ċ) ir-riskju ta' l-evażjoni mit-taxxa. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja aċċettat li dawn it-tliet fatturi, ikkunsidrati flimkien, setgħu jiġġustifikaw dispożizzjonijiet li jirrestrinġu l-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu[12]. Madankollu, hija kkunsidrat li l-iskema tar-Renju Unit ta' eżenzjoni ta' grupp ma tirrispettax il-prinċipju ta' proporzjonalità ladarba jiġu eżawriti l-possibilitajiet ta' teħid in kunsiderazzjoni tat-telf fl-Istat ta' residenza tal-kumpanija sussidjarja. 2. TELF FI ħDAN KUMPANIJA WAħDA – IL-KWISTJONI TAT-TELF SOSTNUT MINN STABBILIMENTI PERMANENTI It-telf fi ħdan kumpanija waħda jista' jiġi definit bħala telf sostnut minn partijiet dipendenti ta' kumpanija, eż. dipartimenti, fergħat jew stabbilimenti permanenti separati. 2.1. Trattament Fiskali tat-Telf f'Sitwazzjonijiet Nazzjonali Fl-Istati Membri kollha, tingħata awtomatikament eżenzjoni għal telf f'operazzjonijiet nazzjonali fi ħdan kumpanija waħdanija u dan jiggarantixxi li t-telf fi ħdan kumpanija jiġi kkunsidrat minnufih. Billi l-kumpanija ser tkun intaxxata fuq ir-riżultat nett ta' l-attivitajiet kollha tal-fergħat nazzjonali, l-eżenzjoni se tkun irkuprata awtomatikament meta l-parti ta' l-impriża li qed tirreġistra telf terġa' tagħmel profitt. 2.2. Trattament fiskali tat-telf f'sitwazzjonijiet transkonfinali Normalment, il-kumpanija, bħala waħda mhux residenti, se teħel it-taxxa fuq ir-riżultat ta' l-istabbiliment permanenti fl-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment permanenti. Skond id-dritt Komunitarju, l-istabbiliment permanenti għandu jingħata l-istess trattament skond id-dritt nazzjonali bħala entitajiet residenti: pereżempju fil-qasam ta’ telf trasferit għas-sena suċċessiva jew preċedenti[13]. Għalhekk, ir-riżultati ta' l-istabbiliment permanenti jiffurmaw parti mir-riżultati globali tal-kumpanija fl-Istat Membru fejn tinsab is-sede prinċipali. Normalment, id- DTAs jagħtu lill-Istat Membru ospitanti d-dritt primarju li jintaxxa l-profitti ta' l-istabbiliment permanenti. L-Istat Membru fejn tinsab is-sede prinċipali s-soltu jkollu dritt sekondarju li jintaxxa dawk il-profitti. L-għażla mill-Istat Membru tal-metodu li bih jelimina t-tassazzjoni doppja tiddependi fuq liema metodu, mit-tnejn deskritti fl-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni Mudell ta' l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku ( OECD ) (il-metodu ta' kreditu ta’ taxxa jew il-metodu ta' eżenzjoni), ikun adotta fid- DTAs ma' Stati Membri oħra. a) Metodu ta' kreditu ta' taxxa Skond dan il-metodu, l-Istat ta' residenza tal-kumpanija jikkunsidra d-dħul fuq livell dinji. It-taxxi mħallsa barra jitnaqqsu mill-parti tat-taxxa nazzjonali imposta fuq id-dħul intaxxat minn barra. Għalhekk, il-metodu ta' kreditu ta' taxxa jaħdem b'mod simili għat-trattament tat-telf ta' stabbilimenti nazzjonali. Kwalunkwe telf se jkun ikkunsidrat meta jiġi ddeterminat id-dħul fuq livell dinji. b) Metodu ta' eżenzjoni ... Ġeneralment, il-metodu ta' eżenzjoni jeskludi dħul barrani ntaxxat fil-pajjiż ta’ l-oriġini mill-bażi taxxabbli tas-sede prinċipali. (1) ... mingħajr tnaqqis tat-telf Billi r-riżultati ta' stabbiliment permanenti ma jiġux ikkunsidrati fuq il-livell tas-sede prinċipali, ebda eżenzjoni għat-telf mhi disponibbli. Seba' Stati Membri applikaw dan il-metodu. (2) ... bi tnaqqis (temporanju) tat-telf Bħalissa, ħames Stati Membri jipprevedu tnaqqis tat-telf sostnut minn stabbilimenti permanenti li jinsabu fi Stat Membru ieħor, minkejja li l-profitti huma eżentati. Dan it-telf huwa rkuprat ladarba l-istabbiliment permanenti jerġa' jkun kapaċi li jrendi qligħ (b'hekk jiggarantixxi koeżjoni fiskali). 2.3. Il-Libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu u t-Telf fi ħdan Kumpanija waħda Meta t-telf sostnut minn stabbilimenti permanenti ma jistax jitpatta bil-profitti ta' sede prinċipali (tpattija "vertikali 'l fuq"), ikun hemm differenza fit-trattament meta mqabbel ma' sitwazzjoni f'ambitu purament nazzjonali. Il-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu ma tibqax daqshekk attraenti u hu possibbli li kumpanija żżomm milli twaqqaf stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor. Differenza fit-trattament bħal din tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu li hu projbit mill-Artikolu 43 KE. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddikjarat espliċitament fis-sentenza tagħha fil-kawża AMID li s-sitwazzjoni ta' kumpanija bi stabbiliment permanenti barra tinsab f'qagħda paragunabbli ma' dik ta' kumpanija mingħajr tali stabbiliment[14]. Il-ħtieġa għal prevenzjoni ta' tassazzjoni doppja tat-telf tista' tkun indirizzata b'mekkaniżmu ta' rkuprar. Filwaqt li f'sitwazzjonijiet nazzjonali l-irkupru ta' telf iseħħ awtomatikament, f'sitwazzjonijiet transkonfinali jeħtieġ li dan il-mekkaniżmu ta' rkuprar ikun provdut espressament. Il-fatt li ħames Stati Membri diġà adottawh juri li sistema ta' tnaqqis tat-telf bi rkupru minn profitti futuri hija fattibbli. Ir-riskju ta' evażjoni mit-taxxa huwa limitat ħafna għat-telf sostnut minn stabbiliment permanenti, billi t-telf jiġi kkunsidrat fuq il-livell tas-sede prinċipali biss (tpattija "vertikali 'l fuq"). 3. TELF FI ħDAN GRUPP TA' KUMPANIJI – IL-KWISTJONI TAT-TELF SOSTNUT MINN KUMPANIJI SUSSIDJARJI BARRANIN 3.1. Il-Motivazzjoni għall-Eżenzjoni għal telf fi ħdan Grupp ta' Kumpaniji Il-kumpaniji li għandhom personalità ġuridika skond id-dritt ċivili ġeneralment huma suġġetti għal taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji fl-Istati Membri kollha. It-twaqqif ta' kumpanija jirriżulta f'entità indipendenti, mhux biss mil-lat ġuridiku iżda wkoll minn dak fiskali. Skond il-liġi tal-kumpaniji, grupp ta' kumpaniji m'għandux personalità ġuridika; u lanqas mhu rikonoxxut bħala entità fiskali unika fih innifsu. Għaldaqstant, fi ħdan grupp ta' kumpaniji, it-telf jiġi kkunsidrat awtomatikament bl-istess mod li jsir fi ħdan kumpanija waħda. Madankollu, minn perspettiva ekonomika, grupp ta' kumpaniji jista' jitqies bħala unità ekonomika unika. Ħafna Stati Membri introduċew sistema nazzjonali ta' tassazzjoni tal-gruppi sabiex jittrattaw il-grupp bħala unità ekonomika unika. Madankollu, numru żgħir, iżda li dejjem qed jikber, ta' Stati Membri għandhom sistemi ta' eżenzjoni għal telf li japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet transkonfinali[15]. In-nuqqas ta' skemi nazzjonali ta' tassazzjoni għall-gruppi ifixkel id-deċiżjonijiet fil-qasam ta' l-investimenti, partikolarment dawk li għandhom x'jaqsmu man-natura ġuridika ta' l-investiment (dan iffavorixxa t-twaqqif ta' fergħat aktar milli ta' kumpaniji sussidjarji), iżda mhux id-deċiżjonijiet dwar il-post fejn isir l-investiment. In-nuqqas ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali għal gruppi ta' kumpaniji, madankollu, jista' wkoll ifixkel id-deċiżjonijiet tan-negozju kemm fir-rigward tan-natura ġuridika kif ukoll il-post fejn isir l-investiment. 3.2. Eżenzjoni nazzjonali għal telf fi ħdan Grupp ta' Kumpaniji F'sitt Stati Membri jonqos sistema nazzjonali ta' tassazzjoni għall-gruppi. L-iskemi applikati mid-dsatax-il Stat Membru l-ieħor jistgħu jkunu kklassifikati b'mod wiesa' fit-tliet kategoriji li ġejjin: (a) sistema ta' "trasferiment tat-telf fost il-grupp" (seba' Stati Membri); (b) "ġbir flimkien" ( pooling ) tar-riżultati fiskali tal-grupp (ħdax-il Stat Membru); jew (ċ) konsolidament fiskali totali (Stat Membru wieħed). It-terminu "trasferiment tat-telf fost il-grupp" ikopri kemm "eżenzjoni ta' grupp" kif ukoll il-"kontribuzzjoni fost il-grupp". Dawn iż-żewġ tipi ta' sistema jippermettu trasferiment definittiv tad-dħul bejn kumpaniji sabiex ipattu t-telf bil-profitti fi ħdan il-grupp. Skond sistema ta' "eżenzjoni ta' grupp", telf sostnut minn membru tal-grupp jista' jiġi trasferit (jew "ċedut") lil membru tal-grupp li kapaċi jrendi qligħ. Skond sistema ta' "kontribuzzjoni fost il-grupp", il-profitti minn membru tal-grupp jista' jkunu trasferiti lejn membru tal-grupp li qed jirreġistra telf. Sakemm tintuża biex telimina t-telf, il-"kontribuzzjoni fost il-grupp", għalhekk, għandha l-istess effett ekonomiku bħas-sistema tat-"trasferiment tat-telf fost il-grupp". Sistema ta' "ġbir flimkien" tinvolvi l-aggregazzjoni tar-riżultati fiskali individwali kollha (jiġifieri profitti u telf) mill-membri tal-grupp fuq il-livell tal-kumpanija parent . Dan il-"ġbir flimkiem" mhux neċessarjament marbut ma' l-eżistenza ta' telf għalkemm dan ikun ir-raġuni ewlenija biex tkun applikata s-sistema. Il-"konsolidament fiskali totali" jmur lil hinn mis-sistema tal-ġbir flimkien, peress li għal finijiet fiskali, il-personalità ġuridika tal-membri tal-grupp u kwalunkwe tranżazzjoni fost il-grupp mhijiex meqjusa. Ir-riżultati tal-grupp huma ddeterminati abbażi tal-kont uniku tal-qligħ u telf. Meta applikati f'ambitu nazzjonali, il-metodi kollha jipprevedu eżenzjoni sħiħa għal telf fi ħdan grupp, kemm fis-sens vertikali 'l fuq/'l isfel (jiġifieri bejn il-kumpanija parent u dik sussidjarja) kif ukoll orizzontali (jiġifieri bejn il-kumpaniji sussidjarji). Dan ifisser li jekk il-grupp jirreġistra telf nett globali, il-profitti tal-membri individwali tal-grupp mhumiex suġġetti għat-taxxa, iżda jitpattew mit-telf ta' membri oħra tal-grupp. Il-metodi kollha għandhom l-effett li jipprovdu eżenzjoni immedjata billi jipprevjenu li t-telf jitħalla wieqaf f'entitajiet differenti. Minħabba l-irkupru awtomatiku, l-eżenzjoni hija ġeneralment temporanja, sakemm ma l-kumpanija sussidjarji li qed tirreġistra telf, terġa' tkun kapaċi trendi qligħ. L-eżenzjoni hija permanenti meta t-telf huwa definittiv biss. Sempliċi estensjoni tar-reġimi applikabbli għas-sitwazzjonijiet nazzjonali għal dawk transkonfinali, għalkemm tirrappreżenta titjib tas-sitwazzjoni attwali, ma twassalx għal soluzzjoni ideali. F'sitwazzjonijiet nazzjonali, l-irkupru tat-telf huwa awtomatiku: għaldaqstant, l-estensjoni ta' din l-iskema għal sitwazzjonijiet transkonfinali jeħtiġilha mekkaniżmu espliċitu ta' rkuprar. Jista' wkoll ikun teknikament diffiċli li testendi l-aspetti kollha ta' sistema nazzjonali għall-eżenzjoni għal telf għal sitwazzjoni transkonfinali. L-Istati Membri kollha li għandhom sistema ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali japplikaw regoli differenti għal sitwazzjonijiet transkonfinali u dawk nazzjonali. 3.3. Definizzjoni ta' l-Ambitu ta' Miżura Mmirata 3.3.1. Distinzjoni fir-rigward tal-Bażi Taxxabbli Korporattiva Komuni u Konsolidata Kwalunkwe miżura mmirata li tintroduċi eżenżjoni għal telf transkonfinali tirrappreżenta soluzzjoni intermedja sakemm issir l-adozzjoni ta' bażi taxxabbli korporattiva komuni u konsolidata ( Common Consolidated Corporate Tax Base, CCCTB ). Miżura ta' dan it-tip kienet tkun eħfef biex tkun żviluppata u implimentata iżda l-ambitu tagħha jkun neċessarjament iktar limitat minn CCCTB fuq skala Komunitarja. Ma tkun teħtieġ ebda armonizzazzjoni tas-sistemi fiskali u lanqas tal-bażi taxxabbli. B'differenza mis- CCCTB , li tissejjes fuq approċċ "multilaterali" jew "komuni", miżura mmirata tista' tkun maħsuba biss, fit-teorija, biex teħtieġ implimentazzjoni u operazzjoni minn Stat Membru ("unilateralment"). Madankollu, l-aktar approċċ xieraq ikun jikkonsisti minn azzjoni koordinata mill-istat ta' l-oriġini u l-pajjiż ta' l-investiment barrani. 3.3.2. L-implikazzjonijiet tas-sentenza fil-kawża C-446/03 Marks & Spencer Il-prinċipji u l-linji gwida li ġejjin jistgħu jkunu dedotti mis-sentenza: l-ewwelnett, sabiex jiġi mħares qsim bilanċjat tas-setgħa ta' tassazzjoni, l-Istat tal-kumpanija parent għandu jagħti biss eżenzjoni permanenti għal telf fil-każ ta' telf definittiv . It-tieni, il-ħtieġa għal prevenzjoni ta' tassazzjoni doppja tat-telf tista' tiġi indirizzata billi l-eżenzjoni tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-kumpanija sussidjarja tkun eżawriet il-possibilitajiet immedjati ta' eżenzjoni għal telf li jeżistu fl-Istat Membru ta' residenza. It-tielet, ir-riskju ta' evażjoni mit-taxxa jiżdied meta grupp ta' kumpaniji huwa ħieles li jiddetermina meta u fejn jixtieq li t-telf (u l-profitti) ikun(u) ikkundistrat(i) għal finijiet fiskali. Aktar ma l-kumpanija jkollha possibilitajiet ta' għażla fit-tpattija tat-telf tagħha b'mod orizzontali jew vertikali 'l isfel, aktar tkun kbira din il-problema. Naturalment, il-kumpaniji għandhom tendenza li jallokaw it-telf għal kumpaniji fejn il-valur fiskali huwa l-ogħla. Il-Kummissjoni temmen li dawn il-problemi jistgħu jkunu solvuti billi l-eżenzjoni transkonfinali tkun limitata għal sitwazzjonijiet vertikali 'l fuq. Din is-soluzzjoni, flimkien ma' provvediment għall-irkupru u r-rekwiżit li wieħed jirrikorri l-ewwel għall-eżenzjoni attwalment disponibbli għall-kumpanija sussidjarja, għandhom inaqqsu r-riskju ta' l-evażjoni mit-taxxa. 3.3.3. Qafas Kunċettwali – Prinċipji ta' Gwida għal Miżura Mmirata Miżura mmirata li tindirizza eżenzjoni għal telf transkonfinali għandha tiggarantixxi li l-gruppi ta' kumpaniji li jagħmlu negozju f'bosta Stati Membri jkunu ttrattati kemm jista' jkun bl-istess mod bħal dawk li jagħmlu negozju fi Stat Membru wieħed. B'mod partikolari, din il-miżura għandha tippermetti li t-telf jitnaqqas mill-bażi taxxabbli għas-sena li fiha huwa sostnut. Għaldaqstant, miżura mmirata għandha: (a) tippermetti tnaqqis effikaċi, immedjat, u ta' darba tat-telf; (b) tippermetti, talanqas, li jiġi kkunsidrat it-telf fuq il-livell tal-kumpanija parent (tpattija "vertikali 'l fuq"); (ċ) ma tirriżultax normalment f'trasferiment ta' dħul minn Stat Membru għal ieħor, sakemm it-telf ikun definittiv u mhemmx possibilità għal eżenzjoni fl-Istati fejn dan it-telf ġie sostnut; (d) l-ewwel teżawrixxi l-possibilitajiet nazzjonali għall-eżenzjoni attwali għal telf; kif ukoll (e) toffri ebda marġini għall-abbuż. 3.4. Alternattivi għall-Eżenzjoni għal Telf transkonfinali Fit-teorija, hemm tliet alternattivi possibbli li jipprovdu għal dan il-livell minimu ta' kumpens għal telf. Dawn l-alternattivi mhumiex differenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunsiderazzjoni tat-telf, iżda huma differenti fir-rigward tat- trattament tagħhom tal-profitti futuri tal-kumpanija sussidjarja fuq il-livell tal-kumpanija parent : Sena fiskali li fiha jiġi rreġistrat telf | Tnaqqis tat-telf fis-sena li fiha jiġi rreġistrat | Sena (snin) fiskali sussegwenti | Alternattiva nru 1 trasferiment definittiv tat-telf | Alternattiva nru 2 trasferiment temporanju tat-telf | Alternattiva nru 3 tassazzjoni attwali tar-riżultati tal-kumpanija sussidjarja | il-profitti futuri mhumiex ikkunsidrati | irkupru tat-telf imnaqqas | ir-riżultati ta' l-entità li qed tagħmel telf huma kkunsidrati matul ċertu perjodu | 3.4.1. Alternattiva nru 1: Trasferiment definittiv tat-telf ("trasferiment tat-telf fost il-grupp") Din l-iskema għandha twassal għal trasferiment definittiv tat-telf (fi ħdan skema ta' "eżenzjoni ta' grupp", kif kien il-każ fil-kawża Marks & Spencer ) jew tal-profitti (fi ħdan skema ta' "kontribuzzjoni fost il-grupp") mingħajr irkupru, sakemm ma ġew introdotti miżuri li jpattu waħda għall-oħra. Mod kif wieħed jista' jinnewtralizza l-effett fuq id-dħul ta' l-Istat Membru li fih hija residenti kumpanija li qed tassorbixxi telf tikkonsisti fl-introduzzjoni ta' sistema ta' kumpens ( clearing system ) sabiex l-Istat Membru tal-kumpanija li jċedi t-telf jikkompensa lill-Istat Membru tal-kumpanija li jassorbixxi t-telf. Din is-sistema jkun jeħtiġilha li tqis kwalunkwe differenza sinifikattiva bejn ir-rati tat-taxxa applikabbli u r-regoli tal-kontabilità fiskali. Għandha wkoll tingħata attenzjoni lil kwistjonijiet ta' ppjanar fiskali. 3.4.2. Alternattiva nru 2: Trasferiment temporanju tat-telf ("metodu ta' tnaqqis/rejintegrazzjoni") Skond din is-sistema, telf irreġistrat minn kumpanija sussidjarja fi Stat Membru ieħor, li tnaqqas mir-riżultati tal-kumpanija parent , jiġi rkuprat sussegwentement meta l-kumpanija sussidjarja terġa' tkun kapaċi li trendi qligħ. Dan iwassal għal trasferiment temporanju tat-telf. Dan kien l-approċċ magħżul mill-proposta għal Direttiva fl-1990[16]. Il-vantaġġ ta' dan il-metodu hu li huwa relativament faċli li jsir fil-prattika. L-ewwel, it-telf jitnaqqas, u wara, meta l-kumpanija sussidjarja terġa' tkun kapaċi li trendi qligħ, it-telf li qabel ġie mnaqqas huwa rkuprat permezz ta' l-impożizzjoni fuq il-kumpanija parent ta' piż fiskali addizzjonali korrispondenti. Għalhekk, dan il-mekkaniżmu għandu jippermetti eżenzjoni temporanja immedjata fuq il-livell tal-kumpanija parent , b'hekk jkunu evitati żvantaġġi ta' likwidità li kieku kienu jseħħu. 3.4.3. Alternattiva nru. 3: Tassazzjoni attwali tar-riżultati tal-kumpanija sussidjarja ("sistema tal-profitti konsolidati") Skond din is-sistema, il-profitti u t-telf għal sena fiskali partikolari ta' xi membri magħżula tal-grupp jew kollha huma kkunsidrati fuq ċerta medda ta' żmien fuq il-livell tal-kumpanija parent . Il-kumpaniji sussidjarji konsolidati ikunu ttrattati bl-istess mod bħall-istabbilimenti permanenti. Biex tkun eliminata t-tassazzjoni doppja, se jkun applikat il-metodu ta' kreditu ta' taxxa. It-taxxa mħallsa minn kumpanija sussidjarja fl-Istat ta' residenza tagħha tkun imnaqqsa mit-taxxa li għandha titħallas fl-Istat Membru tal-kumpanija parent fir-rigward tad-dħul mill-kumpanija sussidjarja. It-tqassim ta' profitti bejn il-membri tal-grupp mhux se jkunu kkunsidrati. L-applikazzjoni ta' din l-iskema mhix marbuta ma' jew limitata għall-eżistenza ta' telf (għalkemm dan ikun ir-raġuni ewlenija biex tkun applikata). Għalhekk, ladarba kumpanija sussidjarja tkun intgħażlet biex tieħu sehem f'din l-iskema, din normalment tkun applikata għal ċertu żmien, eż. tliet, ħames snin jew iżjed. Sistema tal-profitti konsolidati tista' tkun maħsuba biex tinkludi: - kumpanija sussidjarja waħda jew aktar għad-diskrezzjoni tal-persuna li tħallas it-taxxa - skema selettiva , jew - il-kumpaniji sussidjarji kollha ta' grupp – skema komprensiva Miż-żewġ skemi, l-iskema selettiva tkun teħtieġ inqas dokumentazzjoni iżda tista' tkun vulnerabbli għal tekniki aggressivi ta' ppjanar fiskali li jinvolvu l-konċentrazzjoni ta' l-ispejjeż f'kumpaniji sussidjarji magħżula għall-konsolidament. Skond l-iskema komprensiva, il-qagħda finanzjarja ġenerali tal-grupp se tkun suġġetta għat-taxxa fl-Istat ta' residenza tal-kumpanija parent . Il-metodu ta' kreditu ta' taxxa se jgħin biex jiġu eliminati l-opportunitajiet għall-arbitraġġ fiskali bbażat fuq il-kalkolu tal-bażi taxxabbli u r-rati tat-taxxa. L-iżvantaġġ prinċipali jkun spejjeż ogħla biex jikkonformaw minħabba l-ħtieġa ta' kalkolu mill-ġdid tad-dħul tal-membri kollha tal-grupp skond ir-regoli ta' l-Istat Membru tal-kumpanija parent [17]. 4. KONKLUżJONI Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa għal sistemi effikaċi biex jipprovdu eżenzjoni għal telf transkonfinali fl-UE. Id-disponibilità limitata ta' eżenzjonijiet għal telf transkonfinali tikkostitwixxi wieħed mill-ostakli l-aktar sinifikattivi għall-attivitajiet ta' negozju transkonfinali u għal suq intern effikaċi. B'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' sistemi ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali se tkun ta' benefiċċju għall- SMEs , li attwalment huma żvantaġġati min-nuqqas ta' din l-eżenzjoni. Din se tneħħi wkoll impediment ewlieni għall-ħolqien ta' kumpaniji ta' l-UE aktar kompetittivi fis-suq dinji. Telf fi ħdan kumpanija waħda Fil-każijiet fejn l-Istati Membri ma jippermettux li jiġi kkunsidrat telf sostnut minn stabbilimenti permanenti fi Stati Membri oħra, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi bil-qawwa lil dawn l-Istati Membri biex jirrevedu s-sistemi fiskali tagħhom sabiex jippromwovu l-libertà li wieħed jistabbilixxi ruħu kif prevista mit-Trattat tal-KE. Telf fi ħdan grupp ta' kumpaniji Il-Kummissjoni tinkoraġixxi lill-Istati Membri biex jintroduċu u jżommu sistemi fiskali nazzjonali għall-eżenzjoni għal telf fi ħdan grupp ta' kumpaniji li joffru trattament ekwivalenti għal dak mogħti għall-eżenzjoni għal telf fi ħdan kumpanija waħda. B'hekk ikunu eliminati id-distorsjonijiet u jiżdied l-interess fil-pajjiż kkonċernat bħala post fejn isir l-investiment, dan għandu jgħin biex l-għanijiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona jintlaħqu. Il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar possibilitajiet għal eżenzjoni għal telf transkonfinali fi ħdan grupp ta' kumpaniji, għall-iżvilupp tan-negozju madwar is-suq uniku u mad-dinja kollha. Din il-Komunikazzjoni tesponi tliet approċċi possibbli għall-għoti ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali. Ir-rispons għandu jkun ikkoordinat sabiex jintlaħaq il-massimu tal-benefiċċji għas-suq intern u titnaqqas kull dupplikazzjoni ta' sforzi bla bżonn fil-25 Stat Membru. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jeżaminaw il-proposti mressqa f'din il-Komunikazzjoni bil-għan li jħeġġu lill-Istati Membri biex: - jirrevedu s-sistema nazzjonali eżistenti sabiex jipprovdu eżenzjoni għal telf fi ħdan kumpanija f'sitwazzjonijiet transkonfinali. - jimplimentaw rapidament waħda mis-soluzzjonijiet possibbli jew aktar ippreżentati mill-Kummissjoni dwar it-trattament ta' telf sostnut fi ħdan grupp ta' kumpaniji; kif ukoll - iqisu kif is-suġġerimenti f'din il-Komunikazzjoni jistgħu jkunu applikati kemm għal sitwazzjonijiet nazzjonali kif ukoll għal dawk transkonfinali billi jitjiebu l-iskemi eżistenti ta' eżenzjoni għal telf u bl-introduzzjoni ta' skemi ġodda. [1] COM(2006) 823 finali. [2] COM(2001) 582 finali, “Lejn Suq Intern mingħajr ostakli fiskali” ( Towards an Internal Market without tax obstacles ), p. 12. [3] COM(2005) 532 finali, p. 8. [4] Kawża C-446/03 Marks & Spencer [2005], għadha mhux ippubblikata. [5] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2006)1690 fih l-annessi tekniċi bi spjegazzjonijiet aktar dettaljati u b'kjarifiki. [6] Fil-kawża C-397/98 Metallgesellschaft [2001] ECR I-1727, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li żvantaġġi ta' likwidità, meta jseħħu f'sitwazzjonijiet fejn mhemmx eżenzjoni immedjata għal telf, huma suffiċjenti biex ikunu f'kunflitt mad-dritt Komunitarju. [7] Id-diffikultajiet partikolari li l- SMEs jaffaċċjaw fir-rigward ta' l-attività ekonomika transkonfinali (nuqqas ta' eżenzjoni għal telf transkonfinali u l-ispejjeż ogħla biex jikkonformaw) huma indirizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Skema Pilota għal Tassazzjoni fl-Istat ta' l-Oriġini (COM(2005) 702 finali). [8] Kawża C-250/95 Futura [1997] I-2492. [9] Kawża C-141/99 AMID [2000] I-11621. [10] Kawża C-141/99 AMID [2000] I-11621, paragrafi 28 u 29. [11] Ibid, paragrafi 30 u 31. [12] Kawża C-446/03 Marks & Spencer [2005], paragrafu 51. [13] Eż. kawża C-311/97 Royal Bank of Scotland [1999] ECR I-2651. [14] Kawża C-141/99 AMID [2000] I-11621, paragrafu 25 u sussegwenti. [15] Id-Danimarka u Franza applikaw dawn l-iskemi għal ħafna snin. L-Italja u l-Awstrija introduċewhom mill-2004 u mill-2005. [16] COM(90) 595 finali. Proposta rtirata ĠU C 5, 9.1.2004, p. 20. [17] Għall-gruppi ta' SMEs , it-tassazzjoni ta' l-Istat ta' l-oriġini tista' ssolvi l-iżvantaġġi l-kbar.