Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma ta’ Spanja għall-2013 u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà ta’ Spanja għall-perjodu 2012-2016 /* COM/2013/0359 final - 2013/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma ta’
Spanja għall-2013
u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà ta’ Spanja
għall-perjodu 2012-2016 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u b'mod partikolari
l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament (UE)
Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni
tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2],
u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[3], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew,[4] Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
għall-Impjiegi, Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat
Ekonomiku u Finanzjarju, Billi: (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010,
il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija
strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta' Ewropa
2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki
ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni
li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività
sostenibbli. (2) Fit-13 ta’ Lulju 2010,
abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni
dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati
Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta’ Ottubru 2010,
adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi
tal-Istati Membri[5],
li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri
ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali
ekonomiċi u dwar l-impjiegi, tagħhom. (3) Fid-29 ta’ Ġunju 2012,
il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u
l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli
nazzjonali, tal-UE u l-livelli taż-żona tal-euro li jużaw
l-livers, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar
azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b’mod
partikolari li jesprimu l-impenn sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi
tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiż. (4) Fis-6 ta' Lulju 2012,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma ta’
Spanja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta'
stabbiltà aġġornat ta’ Spanja għall-perjodu 2011-2015. (5) Fit-28 ta’ Novembru 2012,
il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[6], li jimmarka l-bidu
tas-Semestru Ewropew 2013 ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika.
Fit-28 ta’ Novembru 2012, abbażi tar-Regolament (UE)
Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu
ta’ Twissija[7],
li fih hija identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li
dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. (6) Fl-14 ta’ Marzu 2013,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar ta’
stabbiltà finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jitrawwem
it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni
fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’
jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi
t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u
l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata
l-amministrazzjoni pubblika. (7) Fl-10 ta’ April 2013,
il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-reviżjoni fil-fond[8] għal Spanja, skont
l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi
tal-Kummissjoni waslitha biex tikkonkludi li Spanja qed tesperjenza
żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari,
livelli għoljin ħafna tad-dejn domestiku u dak estern ikomplu
joħolqu riskji għat-tkabbir u l-istabbiltà finanzjarja; is-settur
bankarju għaddej minn proċess ta’ rikapitalizzazzjoni u ristrutturar,
inkluż bi flejjes pubbliċi; riġiditajiet fis-swieq tal-prodott u
tax-xogħol jikkontribwixxu għal qgħad għoli li dejjem qed
jiżdied, u b'mod aktar ġenerali jfixklu l-aġġustament tal-ekonomija.
Għalkemm l-aġġustament qiegħed iseħħ, il-kobor
tar-rettifika meħtieġa jirrikjedi azzjoni politika qawwija kontinwa,
fl-oqsma fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, is-suq tax-xogħol,
is-settur finanzjarju, u l-finanzi pubbliċi. (8) Fit-30 ta’ April 2013,
Spanja ssottomettiet il-programm ta’ stabbiltà tagħha għall-2013 li
jkopri l-perjodu 2012-2016 u l-programm nazzjonali ta’ riforma (PNR)
tagħha għall-2013. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom,
iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. (9) Abbażi tal-valutazzjoni
tal-programm ta’ stabbiltà għall-2013 skont l-Artikolu 5(1)
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni
li x-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm
huwa plawsibbli ħafna għas-sena 2013 u soġġett għal xi
riskji negattivi fl-2014 u lil hinn meta mqabbel mat-tbassir tal-Kummissjoni
għar-Rebbiegħa 2013. Għalkemm il-programm jipprevedi tkabbir li
jkun aktar baxx matul il-perjodu 2014-16 meta mqabbel mat-tbassir tal-Kummissjoni
tar-Rebbiegħa 2013, dan tal-aħħar huwa msejjes fuq
suppożizzjoni tal-ebda bidla fil-politika, u għalhekk ma jqisx
konsolidazzjoni fiskali li se tkun meħtieġa biex jintlaħqu
l-miri baġitarji fil-programm. L-objettiv tal-istrateġija
baġitarja spjegata fil-programm, huwa li d-defiċit ġenerali
tal-gvern jitnaqqas għal taħt il-valur ta’ referenza ta’ 3 %
tal-PDG sal-2016. Il-konsolidazzjoni tiddependi prinċipalment fuq
it-trażżin tal-infiq bil-proporzjon tal-infiq jonqos bi 3,7 punti
perċentwali matul il-perjodu 2012-16, iżda wkoll permezz ta’
miżuri li jżidu d-dħul. Abbażi tal-bilanċ strutturali
(ikkalkulat mill-ġdid)[9]
it-titjib annwali tad-defiċit strutturali ppjanat fil-programm huwa ta'
1,2 %, 0,4 %, 0,9 % u 0,9 % tal-PDG għas-snin 2013
sal-2016. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-programm
jikkonferma l-objettiv għal terminu medju (OTM) ta’ pożizzjoni
baġitarja bbilanċjata f’termini strutturali, li jkun intlaħaq
sal-2018. L-OTM huwa aktar ambizzjuż milli meħtieġ mill-Patt ta’
Stabbiltà u Tkabbir. Il-pass ta’ aġġustament previst f’termini
strutturali fl-2017-18 jirrappreżenta progress suffiċjenti lejn
l-OTM. Il-programm jipprojetta li l-proporzjoni tad-dejn tal-Gvern se
jilħaq l-ogħla punt tiegħu fl-2016 u mbagħad jibda jonqos
wara. Il-mogħdijiet ta’ aġġustament ta’ defiċit u dejn huma
suġġetti għal riskji negattivi. Miżuri li
jappoġġjaw il-miri tad-defiċit mhumiex speċifikati
biżżejjed, speċjalment fil-livell reġjonali.
Għall-2016 il-programm ma jippreżenta l-ebda miżura u
l-miżuri temporanji preċedenti huma estiżi biss sal-2014.
Tfaddil ippjanat mir-riforma tal-gvern lokali huwa soġġett għal
riskji sinifikanti ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk, hemm inċertezzi
madwar il-qagħda ekonomika, is-suq tax-xogħol u dik finanzjarja kif
ukoll żviluppi fid-dħul fil-kuntest ta’ żbilanċi
makroekonomiċi kbar persistenti. L-implimentazzjoni sħiħa
tar-riforma ta’ rtirar bikri adottata u l-ilħuq ta' ftehim fuq il-fattur
tas-sostenibbiltà jnaqqsu r-riskji fis-sistema tas-sigurtà soċjali. Riskju
ulterjuri jirriżulta minn obbligazzjonijiet kontinġenti marbuta ma’
skemi/garanziji ta’ protezzjoni tal-assi. Kien hemm progress kbir fir-rappurtar
ta’ eżekuzzjoni baġitarja, iżda għad hemm lok għal
aktar implimentazzjoni trasparenti u f’waqtha tal-mekkaniżmi preventivi u
korrettivi tal-Liġi dwar l-Istabbiltà Baġitarja. Rappurtar
sistematiku u f’waqtu dwar arretrati tal-Gvern, li l-ammont kbir pendenti
tagħhom kien jeħtieġ skema ta' ħlas mill-ġdid ad
hoc, huwa nieqes. L-istabbiliment ta’ kunsill fiskali indipendenti waqa'
lura. Proposta ta’ reviżjoni tar-regoli ta' indiċjar
għad-dħul u l-infiq pubbliku kollu ġġib magħha tfaddil
baġitarju u aktar rispons tal-prezzijiet għall-kundizzjonijiet
ekonomiċi. Il-PNR jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa għal aktar
titjib fil-kost-effittività fin-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u
l-mediċini, pereż. billi jiġu riveduti l-prezzijiet ta’
referenza u jiġi ċċentralizzat ix-xiri ta’ prodotti
farmaċewtiċi, jew jiġu estiżi l-kopagamenti. (10) Filwaqt li l-ibbilanċjar
mill-ġdid sinifikanti tal-piż relattiv tat-taxxa lejn il-konsum u
taxxi ambjentali seħħew fl-2012, il-proporzjon tat-taxxa
għall-PDG fi Spanja għadu fost l-aktar baxxi fl-UE. L-effiċjenza
tas-sistema tat-taxxa tista’ titjieb aktar billi jiżdied is-sehem ta’
taxxi indiretti li jiffavorixxu aktar it-tkabbir u billi jiġu ttrattati
l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, f’konformità mal-isforzi ta’
konsolidazzjoni fiskali. Spanja ħadet xi miżuri biex jiġi
indirizzat il-preġudizzju tad-dejn fit-tassazzjoni korporattiva, iżda
hemm bżonn isiru iktar sforzi fil-kuntest ta’ dejn privat għoli. (11) Il-programm ta’
aġġustament tas-settur finanzjarju qiegħed fit-triq it-tajba.
B’mod partikolari, ir-rikapitalizzazzjonijiet meħtieġa kienu ġew
imwettqa, u ġiet stabbilita l-kumpanija għall-ġestjoni tal-assi
Sareb. Ir-ristrutturar tal-banek, b'konformità mad-deċiżjonijiet
skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, se jeħtieġu
attenzjoni kontinwa fis-snin li ġejjin. Biex ittaffi r-restrizzjonijiet
tal-finanzjament u l-likwidità fuq il-kumpaniji, fl-2012 Spanja implimentat
pjan kbir ta’ ħlas ta’ dejn kummerċjali mill-Istat lil kumpaniji
(EUR 27,3 biljun) u nediet diversi inizjattivi biex twessa’
l-għażliet tal-finanzjament għall-impriżi. Estensjoni
tal-pjan kummerċjali tal-Istat li jħallas lura d-dejn hija prevista għall-2013.
(12) Is-sitwazzjoni fis-suq
tax-xogħol tibqa’ kritika. L-aġġustament mill-ġdid
tal-ekonomija 'l bogħod mid-domanda domestika u l-kostruzzjoni f’kuntest
ta’ riġiditajiet fis-suq u tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet,
fost l-oħrajn, ikkontribwew għaż-żieda fir-rata
tal-qgħad sa 27 % fil-bidu tal-2013. Ta’ tħassib partikolari
hija żieda kbira fir-rata ta’ qgħad fost
iż-żgħażagħ għal 56 % u ż-żieda
ta’ qgħad fuq perjodu ta’ żmien twil għal 44,4 %
tal-qgħad totali fi tmiem l-2012. Id-dejta disponibbli tissuġġerixxi
li r-riforma tas-suq tax-xogħol tal-2012 bdiet twassal għal aktar
flessibbiltà interna (fl-impriżi), għal xi tnaqqis fl-ispejjeż
ta’ sensji u għal żieda fil-moderazzjoni tal-pagi. F’Lulju 2013,
fl-NRP tħabbret valutazzjoni uffiċjali tar-riforma mqabbla
mal-objettivi mistqarrija tagħha, bil-ħsieb li tikkumplimentaha fejn
meħtieġ. Ir-riformi fil-qasam tal-politiki attivi tas-suq
tax-xogħol baqgħu lura u azzjonijiet li jimmodernizzaw u
jsaħħu s-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi nnifisu għadhom
meħtieġa u l-ftuħ addottat riċenti għal aġenziji
ta’ tqegħid privat għad irid isir kompletament operattiv kif ukoll
il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi nazzjonali u
reġjonali (Single Job Portal). (13) Sehem għoli ta’ nies
qiegħda mingħajr kwalifiki formali (35 %) u rilevanza tas-suq
tax-xogħol inadegwata tal-edukazzjoni u t-taħriġ jikkontribwixxu
għar-rata għolja ta’ qgħad fost
iż-żgħażagħ, kif ukoll qgħad fuq terminu twil.
L-Istrateġija tal-Impjiegi għaż-Żgħażagħ u
l-Intraprenditorija 2013-2016 nazzjonali, ippreżentata f’Marzu 2013,
tinkorpora firxa ta' miżuri fuq perjodu qasir u fuq perjodu itwal
maħsuba biex itejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg
għaż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, ġie
introdott taħriġ vokazzjonali doppju u diġà bdew proġetti
bi prova fl-2012. Il-PNR tal-2013 jenfasizza wkoll l-importanza ta’
implimentazzjoni rapida tar-riforma tas-sistema edukattiva u jtejjeb il-kwalità
ġenerali tal-edukazzjoni u t-taħriġ. (14) Bażikament bħala
riżultat tal-qagħda tas-suq tax-xogħol, iżda wkoll
minħabba l-effetività limitata tal-ħarsien soċjali fit-tnaqqis
tal-faqar, Spanja hija taħt il-medja tal-UE fl-indikaturi prinċipali
ewlenin jkejlu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, bit-tfal ikunu
partikolarment esposti. B’mod ġenerali, l-ebda titjib maġġuri ma
ġie rreġistrat fl-iżvilupp ta’ miżuri ġodda ta’
politika. Il-PNR ma jinkludix informazzjoni dwar il-kontenut jew
iż-żmien għall-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali
dwar l-Inklużjoni Soċjali 2013-2016. L-isfidi ewlenin huma
l-ħtieġa li jiġu rrazzjonalizzati l-miri u r-riżorsi
taħt qafas xieraq ta’ politika, titjieb il-governanza u l-koordinazzjoni
interistituzzjonali fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, jiġu
ssimplifikati l-proċeduri għall-assistenza soċjali tar-rikorrenti
u jiġu riveduti l-ostakli għall-mobbiltà. Ġie rreġistat
ċertu progress fil-miżuri biex jindirizzaw il-faqar tat-tfal u
titjieb l-effiċjenza tas-servizzi ta’ appoġġ għall-familji. (15) Dgħufijiet fl-ambjent
tan-negozju bħas-segmentazzjoni tas-suq domestiku jew ostakoli
għad-dħul f’industriji tas-servizzi, iżommu lura l-ħolqien
tal-impjiegi u l-progress tar-riforma f’dan il-qasam qed jieħu iktar
żmien milli mbassar fil-pjan ta’ riforma ta' Settembru 2012. L-ewwel
abbozz tal-Liġi dwar l-unità tas-suq kienet adottata mill-Gvern f’Jannar 2013
u l-approvazzjoni finali tagħha mill-Parlament hija prevista
sal-aħħar tal-2013. L-impenji mtennija fil-PNR 2013 jipprevedu
l-ewwel abbozz tal-liġi dwar servizzi professjonali sal-aħħar
ta’ Ġunju 2013 u l-adozzjoni finali tal-liġi dwar l-intraprenditorija
u dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-kumpaniji, qabel tmiem l-2013. Minkejja
l-effetti mistennija ta’ dawn ir-riformi, għad hemm skop għal aktar
faċilità tal-kundizzjonijiet għad-dħul u l-ħruġ
mis-suq, b’mod partikolari billi jitnaqqas iż-żmien meħtieġ
għal-liċenzji tan-negozju u billi jiġi rivedut il-qafas ta’
insolvenza. Barra minn hekk, l-ostakli regolatorji u oħrajn
għat-tkabbir tal-impriżi għandhom jiġu ttrattati. Minkejja
r-riformi riċenti, l-ostakoli għad-dħul għal ħwienet
b'superfiċje kbira jkomplu jillimitaw il-kompetizzjoni fis-settur
tal-bejgħ bl-imnut. F’Settembru 2012 il-Gvern adotta abbozz ta’
liġi li tgħaqqad l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni
mal-awtoritajiet superviżorji u regolatorji f’sitt setturi, u b’hekk
jinħoloq korp wieħed — il-Kummissjoni Nazzjonali għas-Swieq u
l-Kompetizzjoni (CNMC). Din ir-riforma għandha l-għan li tapplika
b'mod konsistenti l-prinċipji tal-kompetizzjoni fid-diversi setturi
ekonomiċi. It-tneħħija tat-tnaqqis mit-taxxa ta’ pagamenti u
pagamenti mill-ġdid ta’ imgħax tas-self b’ipoteka fl-2012 kien
essenzjali li jċaqilqu inċentivi 'l bogħod mis-sjieda tad-dar,
iżda l-isforzi sabiex jinħoloq suq tal-kiri akbar u aktar
effiċjenti, li għandu wkoll jappoġġa l-mobbiltà
tax-xogħol, għadhom fi stadju bikri. (16) Id-defiċit fit-tariffi
tal-elettriku, li jimplika li hemm responsabbiltà potenzjalment imdaqsa ta'
obbligazzjoni kontinġenti għall-baġit u r-riskji
makroekonomiċi mhux negliġibbli, għadha ma ġietx
indirizzata b’mod konklussiv, billi l-miżuri ppreżentati matul l-2012
u fil-bidu tal-2013 kienu insuffiċjenti. Fil-PNR tal-2013, il-Gvern
ħabbar li abbozz ta’ liġi li tirriforma aktar is-settur tal-elettriku
se tiġi ppreżentata sal-aħħar ta’ Ġunju 2013.
Hemm kamp ta' applikazzjoni għal aktar titjib fil-kompetizzjoni fis-suq
tal-bejgħ tal-elettriku. L-infrastruttura tat-trasport hija abbundanti
iżda hemm lok biex l-għażla tal-investiment issir aktar stretta
u tingħata prijorità għall-manutenzjoni effiċjenti ta’ netwerks
eżistenti. It-twaqqif ta’ osservatorju indipendenti, kif ippjanat, jista’
jgħin f’dan ir-rigward. Fl-istess ħin, ostakoli tekniċi u legali
jipprevjenu l-kompetizzjoni fit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija u
tal-passiġġieri. (17) Ix-xenarju deċentralizzat
ħafna li jitlob li jkun hemm koordinazzjoni mtejba bejn id-diversi
amministrazzjonijiet pubbliċi, kemm sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u
sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq kumpaniji u familji.
Għal dan l-għan, ittieħdu bosta inizjattivi jew jinsabu għaddejjin.
B’mod partikolari fi Frar 2013 il-Gvern ippreżenta abbozz ta’
liġi dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni lokali (li għandha
tiġi adottata mill-Parlament qabel tmiem l-2013) u ġie stabbilit
kumitat għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika. Huwa għandu jippreżenta
proposti għal riforma tal-amministrazzjoni pubblika Spanjola
sal-aħħar ta’ Ġunju 2013. Riformi biex titjieb
il-ħidma tas-sistema ġudizzjarja jinsabu għaddejjin,
għalkemm xi miżuri huma kombinazzjoni ta’ dewmien u għad baqa'
kamp ta' applikazzjoni biex titjieb l-effiċjenza tal-ġudikatura
Spanjola. (18) Fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika
ta’ Spanja. Hija vvalutat il-programm ta’ stabbiltà u l-programm nazzjonali ta’
riforma. Hija ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika
fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Spanja imma qieset ukoll
il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl
tal-ħtieġa li tissaħħaħ mill-ġdid il-governanza
ekonomika ġenerali tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut
fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew
huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (10) hawn taħt. (19) Fid-dawl ta' din
il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà ta’ Spanja, u
l-opinjoni tiegħu[10]
hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. (20) Fid-dawl tar-riżultati
tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill
eżamina l-programm nazzjonali ta’ riforma u l-programm ta’ stabblità.
Il-valutazzjoni tikkonkludi li l-aġenda ta’ riforma proposta hija
komprensiva u qiegħda fid-direzzjoni t-tajba. Fl-istess waqt,
il-valutazzjoni tenfasizza l-urġenza li jiġu adottati u implimentati
b’mod effettiv r-riformi nieqsa sabiex ikunu jistgħu jibdew jużaw
l-effetti pożittivi mistennija. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont
l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi
fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3), (4), (5), (7), (8) u (9) hawn
taħt. (21) Fil-kuntest tas-semestru
Ewropew il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika
fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. Abbażi ta'
dan, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi
indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Spanja
għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha
ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet. B'DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja
għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2013-2014 biex: 1. Twassal l-isforz fiskali
strutturali kif meħtieġ mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-PDE
biex tiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sa mhux
aktar tard mill-2016. Għal dan il-għan, timplimenta l-miżuri
adottati fil-pjanijiet tal-baġit 2013 fil-livelli kollha tal-gvern,
isaħħaħ l-istrateġija baġitarja fuq medda medja ta’
żmien b’miżuri strutturali speċifikati biżżejjed
għas-snin 2014-16. Korrezzjoni dewwiema tal-iżbilanċi fiskali
kredibbli hija bbażata fuq l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali
ambizzjużi li jżidu l-kapaċità tal-aġġustament u
jippermettu żieda fit-tkabbir potenzjali u l-impjiegi. Wara li tinkiseb
il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, isegwi
l-aġġustament strutturali b’pass xieraq sabiex jilħaq l-objettiv
fuq terminu medju sal-2018. Tiżgura infurzar strett u trasparenti
tal-miżuri preventivi u korrettivi previsti fl-istabbiltà baġitarja
mil-liġi organika. Tistabbilixxi awtorità fiskali indipendenti qabel tmiem
l-2013 biex tipprovdi analiżi u pariri u tissorvelja l-konformità
tal-politika fiskali u nazzjonali tar-regoli fiskali tal-UE. Ittejjeb
l-effiċjenza u l-kwalità tan-nefqa pubblika fil-livelli kollha tal-Gvern,
u twettaq analiżi sistematika ta’ oġġetti ewlenin ta’ nfiq sa
Marzu 2014. Iżżid il-kosteffettività tas-settur tal-kura
tas-saħħa, filwaqt li tinżamm l-aċċessibbiltà
għal gruppi vulnerabbli, pereżempju billi tnaqqas l-infiq
farmaċewtiku tal-isptar, issaħħaħ il-koordinazzjoni bejn
tipi ta’ kura u ttejjeb l-inċentivi għal użu effiċjenti
tar-riżorsi. Tieħu miżuri biex tnaqqas l-ammont pendenti ta’
arretrati tal-Gvern, tevitaw akkumulazzjoni ulterjuri tagħhom u tippubblika
regolarment dejta dwar ammonti dovuti. Tadotta l-liġi
tad-diżindiċjar biex jitnaqqas il-livell ta’ inerzja tal-prezzijiet
fin-nefqiet u d-dħul pubbliċi, fil-ħin biex tkun
fis-seħħ sal-bidu tal-2014 u tikkunsidra passi addizzjonali biex
tillimita l-applikazzjoni ta’ klawżoli ta’ indiċjar. Tiffinalizza
sal-aħħar tal-2013 ir-Regolament tal-fattur ta’ sostenibbiltà sabiex
tiżgura l-istabbiltà finanzjarja fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet,
inkluż billi tipprovdi li l-età tal-irtirar se togħla skont iż-żieda
fl-għomor tal-ħajja. 2. Twettaq analiżi
sistematika tas-sistema tat-taxxa sa Marzu 2014. Tikkunsidra li tkompli
trażżan l-ispiża tat-taxxi f’tassazzjoni diretta, tesplora
l-kamp ta' applikazzjoni sabiex tkompli tillimita l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa
ta’ VAT u tieħu passi addizzjonali f’tassazzjoni ambjentali, notevolment
fir-rigward tat-taxxi fuq il-fjuwil. Tieħu aktar miżuri biex
tindirizza l-preġudizzju tad-dejn fit-tassazzjoni korporattiva.
Tintensifika l-ġlieda kontra l-ekonomija klandestina u x-xogħol mhux
iddikjarat. 3. Timplimenta l-programm
tas-settur finanzjarju għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet
finanzjarji, inklużi l-miżuri li jippromwovu intermedjazzjoni mhux
bankarja adottata f’Novembru 2012. 4. Tiffinalizza l-evalwazzjoni
tar-riforma tas-suq tax-xogħol għall-2012 li tkopri l-firxa
sħiħa tal-objettivi u l-miżuri tagħha sa Lulju 2013, u
tippreżenta emendi, jekk meħtieġ, sa Settembru 2013.
Tadotta l-pjan nazzjonali tal-impjiegi għall-2013 sa Lulju 2013 u
tadotta malajr riforma orjentata lejn ir-riżultat ta’ politiki attivi
tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-immirar u
l-effiċjenza ta’ gwida. Issaħħaħ u timmodernizza s-servizzi
pubbliċi tal-impjieg biex tiġi żgurata assistenza
individwalizzata effettiva għal dawk li jinsabu qiegħda skont
il-profili u l-bżonnijiet tat-taħriġ tagħhom.
Tissaħħaħ l-effettività ta’ programmi ta’ taħriġ
mill-ġdid għal ħaddiema li huma akbar fl-età u dawk
b'ħiliet baxxi. Twettaq bis-sħiħ Il-portal uniku tal-impjiegi u
tħaffef l-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni pubblika-privata f’servizzi
ta’ sejbien ta’ impjieg biex tiżgura l-applikazzjoni effettiv tagħha
diġà fl-2013. 5. Timplimenta u tissorvelja
mill-qrib l-effettività tal-miżuri biex jitnaqqas il-qgħad
taż-żgħażagħ stabbilit fl-istrateġija dwar
l-intraprenditorija u l-impjieġi
għaż-żgħażagħ 2013-2016, pereżempju permezz
ta’ garanzija għaż-żgħażagħ. Tkompli bl-isforzi
biex iżżid ir-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ
għas-suq tax-xogħol, biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u jitjieb
it-tagħlim tul il-ħajja, jiġifieri billi tespandi
l-applikazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali doppju lil hinn
mill-fażi bi prova li għaddejja bħalissa u billi tintroduċi
sistema komprensiva ta’ monitoraġġ ta’ prestazzjoni tal-istudenti sa
tmiem l-2013. 6. Tadotta u timplimenta
l-miżuri meħtieġa biex tnaqqas l-għadd ta’ persuni li
qegħdin fir-riskju tal-faqar u/jew l-esklużjoni soċjali billi
ssaħħaħ il-politiki tas-suq tax-xogħol attiv u billi
ttejjeb l-impjegabilità tan-nies imbiegħda mis-suq tax-xogħol u billi
ttejjeb l-immirar u ż-żieda fl-effiċjenza u l-effikaċja
tal-miżuri ta’ appoġġ inkluża l-kwalità tas-servizzi ta’
appoġġ għall-familji. 7. Tadotta u timplimenta b’mod
urġenti l-abbozz ta’ liġi dwar l-unità tas-suq u tħaffef
l-azzjonijiet kumplimentari kollha meħtieġa
għall-implimentazzjoni rapida tagħha. Tiġi żgurata
l-effettività, l-awtonomija u l-indipendenza tal-awtorità regolatorja li
għadha kif inħolqot. Sa tmiem l-2013, tkun adottat u implimentat
il-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet u s-servizzi professjonali u
l-liġi dwar l-intraprenditorija. Tiġbor mill-ġdid u
tikkonċentra skemi ta’ Appoġġ
għall-internazzjonalizzazzjoni ta’ impriżi. Tnaqqas in-numru u
tqassar il-proċeduri tal-ħruġ tal-liċenzji, inkluż
għal attivitajiet industrijali, u xxerred l-użu tal-approċċ
“liċenzja mgħaġġla” għal attivitajiet li mhumiex
għall-bejgħ bl-imnut. Tirrevedi l-oqfsa ta’ insolvenza
għall-kumpaniji u l-individwi, inkluża l-limitazzjoni
tar-responsabbiltà personali tal-intraprendituri u tħaffef toffri t-tieni
ċans għan-negozji li jkunu fallew. Tneħħi restrizzjonijiet
mhux ġustifikabbli għall-istabbiliment ta’ postijiet tan-negozju fuq
skala kbira. Sa Marzu 2014, tirrevedi l-effettività tal-qafas regolatorju
biex tappoġġa l-iżvilupp tas-suq tal-kiri tad-djar. 8. Tindirizza d-defiċit
fit-tariffi tal-elettriku permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’
riforma strutturali tas-settur tal-elettriku sa tmiem l-2013. Tintensifika
l-isforzi tagħha biex tlesti l-interkonnessjonijiet tal-elettriku u l-gass
mal-pajjiżi ġirien. Tnaqqas l-obbligazzjoni kontinġenti
għall-finanzi pubbliċi li jirriżultaw minn infrastruttura
tat-trasport mhux profittabbli. Tipprovdi valutazzjoni nazzjonali indipendenti
ta’ proġetti infrastrutturali maġġuri tal-ġejjieni.
Tieħu miżuri biex tiżgura kompetizzjoni effettiva f’servizzi
ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri. 9. Tadotta skont l-iskeda
ppreżentata r-riforma tal-amministrazzjoni lokali u tiddefinixxi sa
Ottubru 2013 pjan biex ittejjeb l-effiċjenza tal-amministrazzjoni
pubblika ġenerali. Tadotta u timplimenta riformi kontinwi biex titjieb
l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1 [2] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25. [3] COM (2013) 359 finali [4] P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053. [5] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE
tat-22 ta' April 2013. [6] COM(2012) 750 finali [7] COM(2012) 751 finali [8] SWD(2013) 116 finali [9] Bilanċ aġġustat ċiklikament, nett
minn miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mis-servizzi
tal-Kummissjoni abbażi tat-tagħrif ipprovdut fil-programm, permezz
tal-użu tal-metodoloġija maqbula b'mod komuni. [10] Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1466/97.