Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lil Franza li tapplika livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol u għaż-żejt tal-gass li jintużaw bħala fjuwils tal-magni skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE /* COM/2013/022 final - 2013/0018 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA It-tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija
u elettriku fl-UE hija rregolata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE[1] (minn hawn 'il quddiem
imsejħa d-“Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija” jew id-“Direttiva”). Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva,
flimkien mad-dispożizzjonijiet previsti b’mod partikolari
fl-Artikoli 5, 15 u 17 tagħha, il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod
unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat
Membru biex jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’
tassazzjoni għal kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi. L-għan ta' din il-proposta hu li
jippermetti lil Franza biex tkompli tapplika, f'limiti definiti, livelli
differenzjati ta' tassazzjoni fuq żejt tal-gass u petrol bla ċomb,
bl-esklużjoni taż-żejt tal-gass għall-użu
kummerċjali. Din id-differenzazzjoni hija maħsuba biex tirrifletti
d-deċentralizzazzjoni ta’ ċerti setgħat speċifiċi li
qabel kienu qed jiġu eżerċitati mill-gvern ċentrali. It-talba u
l-kuntest ġenerali tagħha Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni
tal-Kunsill 2011/38/UE[2]
(minn issa ’l quddiem "id-Deċiżjoni 2011/38/UE"), li ssegwi
fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/767/KE[3] (minn issa 'l quddiem
"id-Deċiżjoni 2005/767/KE"), awtorizzat lil Franza biex
tapplika, sal-31 ta’ Diċembru 2012, livelli mnaqqsa ta'
tassazzjoni għall-petrol bla ċomb u għaż-żejt tal-gass
fil-livell reġjonali għall-finijiet ta’ riforma amministrattiva li
tinvolvi d-deċentralizzazzjoni ta' ċerti setgħat
speċifiċi li qabel kienu qed jiġu eżerċitati
mill-gvern ċentrali. Abbażi ta' dik id-Deċiżjoni,
Franza attwalment qed tapplika skema li tippermetti lir-reġjuni
amministrattivi Franċiżi japplikaw livell imnaqqas ta' tassazzjoni
fuq petrol bla ċomb u fuq żejt tal-gass bl-eċċezzjoni
taż-żejt tal-gass għall-użu kummerċjali. It-taxxa
kkonċernata hija t-Taxe Intérieure sur les Produits Pétroliers –
Taxxa interna fuq il-Prodotti tal-Pitrolju (TIPP), li hi dazju tas-sisa. Permezz ta’ ittra bid-data
tal-10 ta’ Frar 2012, skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva,
l-awtoritajiet Franċiżi talbu t-tiġdid ta’ din l-iskema fuq
termini identiċi, iżda għal perjodu ta' sitt snin
mill-1 ta' Jannar 2013
sal-31 ta' Diċembru 2018. L-awtoritajiet Franċiżi
pprovdew informazzjoni addizzjonali u kjarifiki
fl-24 ta' Mejju 2012 u fil-5 ta’ Ottubru 2012. L-eżekuzzjoni
tal-miżura Il-Kodiċi Doganali Franċiża
tiffissa rati ta’ taxxa massimi uniċi fuq il-petrol bla ċomb u
ż-żejt tal-gass. Ir-reġjuni jistgħu jnaqqsu dawn
ir-rati b'ammont li, bħal qabel, ma jistax jaqbeż il-EUR 35,4
għal kull 1 000 litru ta' petrol bla ċomb, inkluż
il-fjuwil E10, u t-EUR 23,0 għal kull 1 000 litru ta'
żejt tal-gass matul il-perjodu ta' deroga. Dawn l-ammonti jikkostitwixxu
d-dħul massimu għal kull 1 000 litru li jmiss direttament
lir-reġjuni. Kull sena, il-kunsilli reġjonali jiddeċiedu
l-ammont tat-tnaqqis b’vot, waqt li japprovaw l-awtonomija tar-reġjuni
fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jagħtu inċentiv biex
titjieb il-kwalità tal-amministrazzjoni tagħhom li ma tistax tinkiseb
permezz ta’ trasferiment mill-baġit nazzjonali għal baġits
lokali. Il-livell ta’ tassazzjoni wara t-tnaqqis ma
jista’ qatt ikun inqas mill-minimu tal-UE stabbilit fid-Direttiva 2003/96/KE u
l-ebda tnaqqis ma jkun japplika għaż-żejt tal-gass
għall-użu kummerċjali. Il-miżuri
ta’ kontroll u ta’ moviment għall-prodotti kkonċernati Il-gvern ċentrali jżomm
ir-responsabbiltà għall-ġbir u l-kontroll tad-dazju tas-sisa fuq
iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb, ikun xi jkun it-tnaqqis
adottat mir-reġjuni. Il-prodotti jitpoġġew taħt
arranġamenti tad-dazju mħallas u l-fjuwils ikunu ntaxxati meta
rilaxxati għall-konsum bir-rata tad-dazju fis-seħħ
fir-reġjun li għalih dawn ikunu fornuti. Biex twieġeb għar-riskju ta’ frodi
speċifiku identifikat (diverżjoni tal-kunsinni li jibbenefikaw minn
differenzjali tat-taxxa bejn żewġ reġjuni), il-katina
loġistika tkun sorveljata permezz ta’ identifikazzjoni minn qabel ta’
riċevituri mill-fornituri u n-notifika ta' din l-informazzjoni
lill-amministrazzjoni doganali. L-analiżi tar-riskju tindika li
r-riċevituri għandhom jinqasmu fi tliet kategoriji: l-utenti
aħħarin bil-kapaċità għall-ħażna bl-ingrossa,
l-istazzjonijiet tas-servizz u d-distributuri ta’ fjuwil bid-dazju
mħallas. Fil-każ ta’ moviment domestiku ta' fjuwil bid-dazju
mħallas, id-dwana setgħet tivverifika l-oriġini tal-prodott u
r-reġjun ta’ destinazzjoni tiegħu. F'każijiet ta' rotot
atipiċi jew ta’ ħinijiet twal ta’ trasportazzjoni mhux spjegabbli,
id-dwana tista’ tinvestiga jekk il-konsenji kinux ġew żvijati
mid-destinazzjoni reġjonali inizjalment iddikjarata. L-argumenti
ta’ Franza dwar l-impatt fuq is-suq intern u l-aspetti ta’ għajnuna
mill-Istat L-awtoritajiet Franċiżi jgħidu
li l-miżura mhix se tkun taffettwa t-tħaddim tajjeb tas-suq intern,
b’mod partikolari peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura hu limitat
għall-fjuwils għall-użu mhux kummerċjali. Barra minn hekk,
il-varjazzjonijiet bejn in-netwerks ta' distribuzzjoni fil-prezz bl-imnut
tal-fjuwil għall-użu mhux kummerjċali huma ikbar mill-ammont
tal-varjazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-miżura. Skont
l-awtoritajiet Franċiżi, ma waslu l-ebda ilmenti dwar effetti ta'
tfixkil tal-miżura matul l-applikazzjoni tagħha. Fir-rigward tal-esklużjoni mill-kamp ta’
applikazzjoni tal-miżura taż-żejt tal-gass għall-użu
kummerċjali, it-trasportaturi ta’ merkanzija bit-triq Franċiżi
jew tal-UE li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għal rifużjoni parzjali
tas-sisa fuq iż-żejt tal-gass għall-użu kummerċjali
jkunu soġġetti għall-istess rata tad-dazju tas-sisa, ikun xi
jkun ir-reġjun li fih ikunu xtraw il-fjuwil. L-arranġamenti ppjanati
jkunu jżommu l-proċedura ta' rifużjoni attwali, waqt li
jikkumpensaw kompletament għall-effetti ta’ tnaqqis fir-rati
deċiżi mir-reġjuni permezz ta’ tnaqqis ekwivalenti fl-ammont
tar-rifużjoni fuq iż-żejt tal-gass għall-użu
kummerċjali. L-arranġamenti għalhekk ma jkunux ifixklu
l-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport jew jaffettwaw il-kummerċ fl-UE.
Huma ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, jargumentaw l-awtoritajiet
Franċiżi, peress li l-kumpaniji tat-trasport bit-triq ikunu
soġġetti għall-istess rata tad-dazju tas-sisa fuq
iż-żejt tal-gass għall-użu kummerċjali jkun xi jkun
ir-reġjun minn fejn xtrawh. L-argumenti
ta’ Franza rigward il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżura Rigward it-tul tal-arranġament, Franza
tisħaq li biex il-politiki segwiti mir-reġjuni jkunu jistgħu
japplikaw għal ċertu tul ta’ żmien, id-deroga għandha
tiġġedded għal perjodu ta' sitt snin. Il-perjodu ta’ tliet snin
stabbilit bid-Deċiżjoni 2011/38/UE rriżulta partikolarment qasir
u kien ġustifikat biss min-natura mhux tas-soltu tal-miżura u
mit-tħassib tal-Istati Membri li beżgħu li dan seta’ jfixkel
il-kompetizzjoni. Il-miżura inkwistjoni kellha inizjalment takkumpanja
l-mixja lejn id-deċentralizzazzjoni fi Franza. F'dan il-kuntest, perjodu
ta' applikazzjoni ta' tliet snin huwa partikolarment qasir u mhuwiex adegwat
għall-għan mixtieq billi tali skala ta’ żmien ma tipprovdi
l-ebda ċarezza lir-reġjuni. Peress li l-ebda mid-diffikultajiet
mistennija assoċjati mal-miżura ma ġie kkonkretizzat,
l-awtoritajiet Franċiżi għalhekk qed jitolbu perjodu ta’
applikazzjoni ta' sitt snin għat-tiġdid ta’ din id-deroga. Il-valutazzjoni
tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE Kunsiderazzjonijiet politiċi
speċifiċi L-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu,
tad-Direttiva jinqara kif ġej: "Flimkien ma' dawn
id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli ta' qabel, b'mod partikolari
fl-Artikoli 5, 15 u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq xi
proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex
jintroduċi iktar eżenzjonijiet jew tnaqqis
għall-konsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi." Skont id-Deċiżjoni 2011/38/UE,
il-miżura nazzjonali kkonċernata tissodisfa dan ir-rekwiżit.
Mid-Deċiżjoni joħroġ li d-differenzazzjoni reġjonali
tar-rati, bħala parti minn politika ta' deċentralizzazzjoni usa', hi
maħsuba għall-għan politiku speċifiku taż-żieda
tal-effiċjenza amministrattiva. Ġie kkunsidrat li l-possibbiltà ta'
differenzazzjoni reġjonali toffri lir-reġjuni inċentiv ulterjuri
biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni tagħhom b'mod trasparenti.
L-istess deċiżjoni teħtieġ li t-tnaqqis ikun marbut
mal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tar-reġjuni li fih kienu
applikati. F'dan ir-rigward, l-informazzjoni pprovduta
minn Franza kkonfermat li tista' tabilħaqq tiġi stabbilita rabta bejn
l-applikazzjoni ta' rata reġjonali taħt ir-rata nazzjonali u
l-kundizzjoniiet soċjoekonomiċi tar-reġjuni kkonċernati. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni
tad-Deċiżjoni 2011/38/UE (2010, 2011 u 2012), żewġ reġjuni
(Poitou-Charentes u Korsika), ħames reġjuni (Ile-de-France,
Poitou-Charentes, Rhone-Alps, Provence-Alps-Cote d'Azur u Korsika) u tliet
reġjuni rispettivament (Poitou-Charentes, Rhone-Alps u Korsika) applikaw
differenzazzjoni tat-taxxa ’l isfel. Ħafna mir-reġjuni li applikaw
l-aġġustament ’l isfel irrappurtaw PDG per capita taħt
il-medja nazzjonali. Barra minn hekk, wieħed mir-reġjuni rrapporta
rata ta’ qgħad ogħla meta mqabbla mal-medja tal-livell nazzjonali
tal-qgħad. B'dan jista' jiġi konkluż li l-possibbiltà
li titbiddel ir-rata nazzjonali 'l isfel donnha offriet lill-awtoritajiet
reġjonali l-possibbiltà li jużaw it-taxxa kkonċernata b'mod
adattat għaċ-ċirkustanzi soċjoekonomiċi prevalenti
fit-territorju tagħhom. Il-konsistenza mal-politiki u mal-għanijiet
l-oħra tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 19(1), it-tielet
subparagrafu tad-Direttiva, kull talba għandha tiġi eżaminata
waqt li jiġu kkunsidrati, fost l-oħrajn, it-tħaddim tajjeb
tas-suq intern, il-ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni
ġusta u l-politiki tal-Komunità dwar is-saħħa, l-ambjent,
l-enerġija u t-trasport. Dan l-eżami diġà twettaq
fl-okkażjoni ta’ talbiet preċedenti minn Franza u li wassal
għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/767/KE u
d-Deċiżjoni 2011/38/UE. Kif iddikjarat f’dawn id-Deċiżjonijiet,
instab li l-mekkaniżmi ġenerali tal-miżura ma ħolqux
tfixkil lill-kummerċ ġewwa l-UE; fl-istess ħin, ġew
stabbiliti għadd ta' kundizzjonijiet biex ikun żgurat li
l-applikazzjoni tad-deroga ma twassalx għal xi problema rigward
it-tħaddim tas-suq intern u ma tegħlibx is-suċċess
tal-għanijiet tal-politika tal-UE speċjalment fl-oqsma
tal-enerġija, il-bidla fil-klima u l-ambjent. Għaldaqstant, għal tiġdid
possibbli tal-iskema kif mitlub minn Franza, il-Kummissjoni għandha
tivvaluta jekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) u
(3) tad-deċiżjoni preċedenti, inkisbitx konformità
mal-għanijiet u l-politiki stabbiliti fl-Artikolu 19(1), it-tielet
subparagrafu, tad-Direttiva matul l-applikazzjoni tagħha, sabiex l-istess
jista' jkun previst, fil-prinċipju, għall-perjodu
mill-1 ta' Jannar 2013. F'dan il-kuntest, irid jiġi vverifikat
ukoll jekk il-kuntest tal-politika tal-UE għaddiex minn bidla relevanti
mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/38/UE jew jirriskjax li
jgħaddi minn bidla fil-ġejjieni rilevanti għall-valutazzjoni. Is-suq intern u l-kompetizzjoni ġusta Ir-riskju ta' tgħawwiġ
tal-kompetizzjoni ġie kkunsidrat bħala baxx billi
d-Deċiżjoni 2005/767/KE u d-Deċiżjoni 2011/38/UE stipulaw
ammonti massimi baxxi għat-tnaqqis. Għalhekk, id-differenzazzjoni
tar-rati tad-dazji bejn ir-reġjuni tibqa’ żgħira u għandha
mnejn lanqas biss taqbeż id-differenzi fil-prezzijiet bejn in-netwerks ta’
distribuzzjoni. Barra minn hekk, iż-żejt tal-gass għall-użu
kummerċjali huwa eskluż mill-applikazzjoni tal-miżura. F’dak li għandu x’jaqsam mal-livelli ta'
differenzazzjoni, ġie stabbilit limitu strett jiġifieri li t-tnaqqis
mhuwiex aktar minn EUR 35,4 għal kull 1 000 litru ta'
petrol bla ċomb jew aktar minn EUR 23,0 għal kull
1 000 litru ta' żejt tal-gass. Din il-kundizzjoni ġiet
irrispettata minn Franza. L-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni
tad-deroga ma tidhirx li tqajjem dubji dwar il-valutazzjoni li ntlaħqet
fl-2005 u fl-2011. Il-Kummissjoni ma semgħet l-ebda lment dwar effetti ta'
tgħawwiġ tal-miżura fil-kummerċ ġewwa l-UE. L-ebda ostaklu għat-tħaddim tajjeb
tas-suq intern ma kien irrappurtat, lanqas b’mod partikolari fir-rigward
taċ-ċirkulazzjoni tal-prodotti kkonċernati fil-kapaċità
tagħhom bħala prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa. Fir-rigward tal-aspett tal-għajnuna
mill-Istat, għandu qabel kollox jiġi rripetut li ż-żejt
tal-gass għall-użu kummerċjali huwa eskluż
mill-miżura. Madankollu, safejn huma kkonċernati utenti oħra
tan-negozji li ma jaqawx taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 7(3)
tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija li jibbenefikaw mir-rati
mnaqqsa, jew sal-punt li l-kompetizzjoni fil-livell ta' produtturi tal-prodotti
taż-żejt tiġi affettwata, il-miżura tista' tikkostitwixxi
għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Sakemm ir-rati
mnaqqsa huma ’l fuq mill-minima tal-UE, safejn il-miżura tkun
tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din tkun koperta mill-Artikolu 25
tar-Regolament 800/2008/KE[4]("Regolament
għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa") u għalhekk
tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq intern. Madankollu, minħabba li
l-perjodu ta’ validità tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa
jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2013, kwalunkwe
għajnuna inerenti fil-miżura tkun trid tiġi nnotifikata
lill-Kummissjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-każ
li l-Kummissjoni ma tkunx adottat Regolament ġdid komparabbli
mar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jew
fil-każ li dak ir-Regolament il-ġdid ma jkunx jinkludi regola
ekwivalenti għall-Artikolu 25 preżenti. Politiki tal-Unjoni dwar l-enerġija,
il-bidla fil-klima u l-ambjent It-taxxi fuq il-prodotti tal-enerġija
għandhom l-effett li jnaqqsu d-domanda għal dawn il-prodotti u b'hekk
inaqqsu wkoll l-emissjonijiet relatati mal-konsum tagħhom. Għalhekk
il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk it-tnaqqis tar-rati applikat f'ċerti
reġjuni jwassalx għal żieda fil-konsum tal-fjuwil (u
għalhekk fl-emissjonijiet relatati) li jkun kontradittorju
mal-għanijiet ikkwotati hawn fuq. Id-Deċiżjoni 2011/38/KE ġibdet
l-attenzjoni li l-introduzzjoni tal-possibbiltà ta' aġġustament 'l
isfel tar-rati kienet akkumpanjata minn żieda tar-rata nazzjonali
sottostanti fi Franza. Hi kkonkludiet li huwa improbabbli li l-effett
ġenerali tal-iskema l-ġdida jkun inċentiv imnaqqas
għall-effiċjenza tal-fjuwil peress li l-applikazzjoni tad-deroga ma
tippermettix lir-reġjuni li jinżlu 'l isfel mir-rata
fis-seħħ fuq il-livell nazzjonali qabel l-introduzzjoni tal-iskema.
Id-Deċiżjoni 2011/38/KE kkonkludiet ukoll li ma tantx hemm riskju li
l-varjazzjonijiet reġjonali jwasslu għal differenzi fil-prezzijiet
bl-imnut li jikkaġunaw tibdiliet fit-traffiku billi l-livell ta'
differenzazzjoni kien baxx u dawn kienu sostitwiti minn differenzi fil-prezzijiet
bl-imnut fost in-netwerks ta' distribuzzjoni. Għalhekk kien mistenni li
l-miżura, fil-prinċipju, ma kinitx se tkun kontradittorja
mal-politika tal-UE dwar l-enerġija, il-bidla fil-klima u l-ambjent. L-ebda element ġdid dwar dawn
il-kwistjonijiet ma wasal għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, u
l-valutazzjoni msemmija tibqa’ valida. Il-perjodu
ta’ applikazzjoni tal-miżura u l-iżvilupp tal-qafas tal-UE dwar
it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija Il-proposta tal-Kummissjoni
tat-13 ta’ April 2011 għal reviżjoni tad-Direttiva
dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija[5]
tipprovdi għal deroga permanenti li tkun tippermetti lil Franza, sa
ċerti limiti, biex tapplika livelli differenzjati ta' tassazzjoni
fil-livell tar-reġjuni Franċiżi. Għalhekk, il-Kummissjoni
hija tal-fehma li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta' Deċiżjoni
ġdida tal-Kunsill għandu jkun limitat għal tliet snin u, fi
kwalunkwe każ, jiskadi fil-jum li fih dawk ir-Regoli modifikati jsiru
applikabbli. Indipendentement minn dan ta’ hawn fuq,
għandu jitfakkar li, skont il-proposta msemmija hawn fuq, it-tassazzjoni
fuq l-enerġija tkun tinqasam f'żewġ komponenti. Din is-sistema
tkun differenti minn dik stabbilita attwalment fid-Direttiva 2003/96/KE u li
fuqha qed tiġi bbażata din l-awtorizzazzjoni. Huwa importanti li ma
jiddgħajfux żviluppi ġenerali futuri bħal dawn tal-qafas
legali eżistenti. Konsegwentement, huwa xieraq ukoll li jkun previst li,
jekk il-Kunsill, li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113
tat-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata
għat-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija li għalihom ma
tkunx tista' tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, din
id-Deċiżjoni tiskadi dakinhar li dawk r-Regoli modifikati jsiru
applikabbli. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Konsultazzjoni mal-partijiet
interessati Din
il-proposta hija bbażata fuq talba magħmula minn Franza u
tikkonċerna biss dan l-Istat Membru. Ġbir u użu ta’ kompetenzi Ma kienx hemm
bżonn ta’ kompetenzi esterni. Valutazzjoni tal-impatt Din il-proposta
tikkonċerna awtorizzazzjoni lil Stat Membru individwali fuq talba
tiegħu stess. 3. L-ELEMENTI LEGALI
TAL-PROPOSTA Il-proposta għandha l-għan li
tippermetti lil Franza li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ġenerali
tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE u tapplika, f'limiti definiti, livelli
differenzjati ta' tassazzjoni fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla
ċomb. Bażi legali L-Artikolu 19
tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-qasam
tat-tassazzjoni indiretta kopert mill-Artikolu 113 tat-TFUE mhuwiex fih
innifsu fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità, fit-tifsira tal-Artikolu 3
tat-TFUE. Madankollu,
l-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenzi konkorrenti
tagħhom f’dan il-qasam huwa rregolat b’mod strett u limitat mil-liġi
eżistenti tal-UE. F'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva
2003/96/KE, il-Kunsill biss għandu s-setgħa li jawtorizza lil xi Stat
Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis ulterjuri, skont
it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. L-Istati Membri ma jistgħux jieħdu
post il-Kunsill. Il-proposta
għalhekk tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjaretà. Il-prinċipju
tal-proporzjonalità Il-proposta
tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. It-tnaqqis tat-taxxa ma
jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan
inkwistjoni. L-għażla tal-istrumenti Strument
propost: Deċiżjoni tal-Kunsill. L-Artikolu 19
tad-Direttiva 2003/96 għandu dispożizzjoni għal din it-tip
ta’ miżura biss. 4. L-IMPLIKAZZJONI
BAĠITARJA Il-miżura
ma timponi l-ebda piż finanzjarju u amministrattiv fuq l-UE.
Għalhekk, il-proposta ma għandha l-ebda impatt fuq il-baġit
tal-UE. 2013/0018 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lil Franza li tapplika livelli
mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol u għaż-żejt tal-gass
li jintużaw bħala fjuwils tal-magni skont l-Artikolu 19
tad-Direttiva 2003/96/KE IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill
2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura
tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku[6], u b’mod partikolari
l-Artikolu 19(1) tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Id-Deċiżjoni ta’
Implementazzjoni tal-Kunsill 2011/38/UE (minn issa 'l quddiem
"id-Deċiżjoni 2011/38/UE") tawtorizza lil Franza biex
tapplika, għal perjodu ta' tliet snin, livelli differenzjati ta'
tassazzjoni fuq iż-żejt tal-gass u l-petrol bla ċomb
għall-għanijiet ta' riforma amministrattiva li tinvolvi
d-deċentralizzazzjoni ta' ċerti setgħat speċifiċi li
preċedentement kienu eżerċitati mill-gvern ċentrali.
Id-Deċiżjoni 2011/38/UE tiskadi
fil-31 ta’ Diċembru 2012. (2) B’ittra bid-data
tal-10 ta’ Frar 2012, Franza talbet awtorizzazzjoni biex tkompli
tapplika rati differenzjati ta’ tassazzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet
għal sitt snin oħra wara l-31 ta’ Diċembru 2012. (3) Id-Deċiżjoni
2011/38/KE ġiet adottata fuq il-bażi li l-miżura mitluba minn
Franza kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 19
tad-Direttiva 2003/96/KE, li tippermetti eżenzjoni jew tnaqqis mit-taxxa,
iżda l-ebda żieda, għal raġunijiet politiċi speċifiċi.
B'mod partikolari, ġie kkunsidrat li l-miżura ma kinitx se tfixkel
it-tħaddim tajjeb tas-suq intern. Ġie kkunsidrat ukoll li kienet
f’konformità mal-politiki relevanti tal-Komunità. (4) Il-miżura nazzjonali
hija parti minn politika maħsuba biex iżżid l-effiċjenza
amministrattiva billi ttejjeb il-kwalità u tnaqqas l-ispiża tas-servizzi
pubbliċi, kif ukoll politika ta' sussidjarità. Din toffri lir-reġjuni
inċentiv addizzjonali biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni
tagħhom b’mod trasparenti. F'dan ir-rigward, id-Deċiżjoni
2011/38/UE teħtieġ li t-tnaqqis ikun marbut maċ-ċirkostanzi
soċjoekonomiċi tar-reġjuni li fihom jiġi applikat.
Għaldaqstant, għadd ta’ reġjuni bi PDG inqas mill-medja jew
b’qgħad ogħla mill-medja applikaw rati aktar baxxi. B’mod
ġenerali, il-miżura nazzjonali hi bbażata fuq
kunsiderazzjonijiet politiċi speċifiċi. (5) Il-limiti stretti stabbiliti
għat-tnaqqis fir-rati fuq bażi reġjonali kif ukoll
l-esklużjoni mill-miżura taż-żejt tal-gass użat
għall-għanijiet kummerċjali jimplikaw li r-riskju ta'
tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern huwa baxx ħafna. Barra
minn hekk, l-applikazzjoni tal-miżura sa issa wriet tendenza qawwija
min-naħa tar-reġjuni li jimponu r-rata massima permessa u li kompliet
tnaqqas kull potenzjal għat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. (6) L-ebda ostaklu
għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern ma kien irrappurtat, b’mod
partikolari fir-rigward taċ-ċirkulazzjoni tal-prodotti
kkonċernati fil-kapaċità tagħhom bħala prodotti
soġġetti għad-dazju tas-sisa. (7) Meta ġiet
oriġinarjament mitluba, il-miżura nazzjonali kienet ġiet wara
żieda fit-taxxa ugwali għall-marġini għat-tnaqqis
reġjonali. F’dan il-kuntest u fid-dawl tal-kundizzjonijiet
tal-awtorizzazzjoni kif ukoll tal-esperjenza miġbura, ma jidhirx li
l-miżura nazzjonali f’dan l-istadju hija f’kunflitt mal-politiki tal-UE
dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima. (8) Mill-Artikolu 19(2)
tad-Direttiva 2003/96/KE jirriżulta li kull awtorizzazzjoni mogħtija
skont dan l-Artikolu jrid ikollha żmien strettament limitat. Barra minn
hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill li temenda
d-Direttiva 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni
fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku[7]
tipprovdi regola permanenti li tippermetti lil Franza, sa ċerti limiti,
biex tapplika livelli differenzjati ta' tassazzjoni fil-livell tar-reġjuni
Franċiżi. Għalhekk huwa xieraq li jiġi limitat il-perjodu
ta’ applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għal tliet snin u li
jiġi stipulat li, fi kwalunkwe każ, din id-Deċiżjoni
tiskadi ladarba l-imsemmija regola permanenti ssir applikabbli. Barra minn dan,
sabiex ma jiġux imminati l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas
legali eżistenti, huwa importanti wkoll li jiġi stipulat li,
f’każ li l-Kunsill jintroduċi sistema ġenerali mmodifikata
għat-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija li għalihom ma
tkunx adattata din l-awtorizzazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha
tiskadi dakinhar li jsiru applikabbli r-regoli dwar din is-sistema mmodifikata. (9) Għandu jkun żgurat
li Franza tkun tista’ tapplika t-tnaqqis speċifiku relatat ma’ din
id-Deċiżjoni bla ebda xkiel wara s-sitwazzjoni eżistenti qabel
l-1 ta’ Jannar 2013, skont id-Deċiżjoni 2011/38/UE.
L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b’effett
mill-1 ta’ Jannar 2013. (10) Din id-Deċiżjoni
hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar
l-għajnuna mill-Istat, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Franza hija b'dan awtorizzata
li tapplika rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-petrol bla ċomb u fuq
iż-żejt tal-gass użati bħala fjuwil għall-karozzi.
Iż-żejt tal-gass għall-użu kummerċjali fit-tifsira
tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/96/KE ma għandu jkun
eliġibbli għall-ebda tnaqqis bħal dan. 2. Ir-reġjuni
amministrattivi jista’ jkollhom permess japplikaw tnaqqis differenzjat sakemm
jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) it-tnaqqis ma jkunx aktar
minn EUR 35,4 għal kull 1 000 litru ta' petrol bla ċomb jew
EUR 23,0 għal kull 1 000 litru ta' żejt tal-gass; (b) it-tnaqqis ma jkunx aktar
mid-differenza bejn il-livelli ta' tassazzjoni għaż-żejt
tal-gass għall-użu mhux-kummerċjali u ż-żejt tal-gass
għall-użu kummerċjali; (c) it-tnaqqis ikun marbut
mal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi oġġettivi
tar-reġjuni li fihom jiġi applikat. (d) l-applikazzjoni tat-tnaqqis
reġjonali ma jkollhiex l-effett li tagħti xi vantaġġ
kompetittiv lil xi reġjun fil-kummerċ ġewwa l-Unjoni. 3. Ir-rati mnaqqsa jridu jkunu
konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, u b’mod
partikolari mar-rati minimi stabbiliti fl-Artikolu 7. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013
u tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2015. Madankollu, din id-Deċiżjoni tiskadi
dakinhar li ssir applikabbli waħda minn dawn il-modifiki
għad-Direttiva 2003/96/KE: - is-sistema ġenerali għat-tassazzjoni
fuq il-prodotti tal-enerġija hija mmodifikata b’mod li għaliha din
l-awtorizzazzjoni mhijiex adattata; - Franza hija awtorizzata li tapplika livelli
differenzjati ta’ tassazzjoni fil-livell tar-reġjuni Franċiżi. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lir-Repubblika Franċiża. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE
tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità
dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (ĠU L 283
tal-31.10.2003 p. 51, Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 09
Volum 01 p. 405) [2] ĠU L 19, 22.1.2011,
p. 13. [3] ĠU L 290, 4.11.2005, p. 25. [4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008/KE
tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’
għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u
88 tat-Trattat, ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3 [5] COM (2011)169 [6] ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51 (Edizzjoni
Speċjali bil-Malti: Kapitolu 09 Volum 01 p. 405). [7] COM(2011) 169 tat-13 ta' April 2011.