Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE /* COM/2013/08 final - 2013/0006 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA It-tassazzjoni fuq il-prodotti
tal-enerġija u fuq l-elettriku fl-UE hija regolata mid-Direttiva
tal-Kunsill 2003/96/KE (minn hawn ‘il quddiem “id-Direttiva”). Id-Direttiva
tispeċifika liema prodotti huma taxxabbli, l-użu li jsir minnhom li
jagħmilhom taxxabbli u r-rati minimi li bihom għandhom jiġu
ntaxxati skont jekk dawn jintużawx bħala fjuwil tal-karozzi,
għal ċerti skopijiet industrijali jew kummerċjali jew
għat-tisħin. F’konformità mal-Artikolu 19(1)
tad-Direttiva, il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta
mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex
jintroduċi aktar eżenzjonijiet jew tnaqqis fir-rata ta’ dazji
tas-sisa għal konsiderazzjonijiet speċifiċi ta’ politika. L-għan ta’ din il-proposta hu li
jippermetti lil Franza biex ikomplu japplikaw tnaqqis fir-rata ta’ tassazzjoni
fuq petrol bla ċomb użat bħala fjuwil tal-magni u kkunsmat
fid-dipartimenti ta’ Korsika bil-ħsieb li jiġu kkumpensati
parzjalment l-ispejjeż addizzjonali minħabba d-distanza
ġeografika u d-diffikultajiet ta’ provvista. It-talba u
l-kuntest ġenerali tagħha Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/880/KE
tal-20 ta’ Diċembru 2007 awtorizzat lil Franza tapplika rata mnaqqsa
tad-dazju tas-sisa fuq petrol bla ċomb użat bħala fjuwil
tal-magni u kkonsmat fid-dipartimenti ta’ Korsika bil-kundizzjoni li t-tnaqqis
ma jmurx lil hinn mill-ispiża addizzjonali tat-trasport,
il-ħażna u d-distribuzzjoni meta mqabbla ma’ Franza kontinentali.
L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tippermetti lil Franza
tikkumpensa b’mod parzjali l-ispejjeż addizzjonali minħabba
d-distanza ġeografika u d-diffikultajiet ta’ provvista. B’applikazzjoni
ta’ din id-Deċiżjoni, Franza applikat għal tnaqqis ta’ EUR 1 għal
kull ettolitru ta’ petrol bla ċomb. B’ittra li ġġib id-data tat-12 ta’
Marzu 2012, l-awtoritajiet Franċiżi talbu awtorizzazzjoni biex
tkompli tapplika tnaqqis ta’ EUR 1 għal kull ettolitru għal perjodu
ta’ sitt snin, mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2018. Permezz
ta’ ittri ddatati l-25 ta’ Ġunju 2012 u l-5 ta’ Ottubru 2012, Franza
ssottomettiet informazzjoni addizzjonali dwar il-ġustifikazzjoni tat-talba
għal deroga. Bħal fil-każ tat-talbiet
preċedenti, l-awtoritajiet Franċiżi ressqu l-argument li
t-tnaqqis fir-rata tat-taxxa tas-sisa huwa meħtieġ biex
jibbilanċja parti mill-prezz ogħla tal-petrol bla ċomb ([1]) li jirriżulta min-natura
insulari ta’ Korsika. Il-prezz huwa ogħla minħabba l-ispejjeż
addizzjonali meta jinbiegħ il-fjuwil f’dan ir-reġjun, li huwa stmat
li jilħqu s-7 ċenteżmi tal-Euro għal kull litru. Skont
l-awtoritajiet Franċiżi, hemm diversi raġunijiet li jispjegaw
dan il-kost addizzjonali: (1)
Minħabba li ma hemm l-ebda raffinerija
f’Korsika, l-ispejjeż għat-trasport u d-distribuzzjoni huma
ogħla għall-konsenja tal-fjuwil hemmhekk minħabba
l-ispejjeż addizzjonali marbutin ma’ merkanzija bil-baħar u bl-art
(distanzi itwal u l-ħin tal-vjaġġ). Id-distanza mill-eqreb
raffinerija f’Fos-sur-Mer għaż-żewġ imħażen f’Korsika
f’Luciano u Ajaccio hija rispettivament 358 km (li minnhom 182 km
bil-baħar) u 315 km (li minnhom 170 km bil-baħar). It-trasport lejn
dawn l-imħażen isir esklussivament bil-vapur, filwaqt li
l-imħażen kollha li jinstabu fuq Franza kontinentali huma kollha
kollegati direttament ma’ raffinerija permezz ta’ network ta’ pajplajns,
ħaġa li tnaqqas b’mod konsiderevoli il-kosti tat-trasport. Bħala
eżempju, il-kosti tat-trasport lejn Korsika huma erbgħa sa ħames
darbiet ogħla mill-kosti ta’ trasport bil-pajplajn bejn Le Havre u r-reġjun
ta’ Pariġi. (2)
Il-kapaċità ħafna iżgħar
taż-żewġ imħażen f’Korsika (rispettivament
16 000 m3 u 19 000 m3) tfisser li
dawn ikollhom bżonn provvisti aktar frekwenti. L-investiment
fil-manutenzjoni, il-konformità tal-faċilitajiet u l-kosti
għall-persunal mhumiex marbuta mal-volum tan-negozju li jkollhom
l-impjanti. Il-volum totali ta’ fjuwil imdaħħal f’dawn l-impjanti
huwa ta’ anqas minn 400 000 m3 fis-sena, li hija nofs
il-volum medju għal depot fuq il-kontinent. Għalhekk, il-kost
tal-ħażna għal kull m3 huwa ogħla f’Korsika. (3)
Il-kosti fissi mġarrba mid-distributuri jridu
jiġu assorbiti minn volum iżgħar ta’ bejgħ minħabba
l-popolazzjoni baxxa ([2]),
il-pajżagg muntanjuż ħafna (90 % muntanji) u l-volumi
żgħar ta’ karburant mibjugħ minn kull pompa tal-petrol. L-oqsma
tad-distribuzzjoni huma għalhekk iżolati u mbiegħda minn xulxin.
L-għadd ta’ abitanti għal kull pompa tal-petrol huwa 2 485 meta
mqabbel ma’ medja ta’ 5 768 fit-territorju Franċiż u l-volum
tal-bejgħ għal kull stazzjon tas-servizz jammonta għal
2 278 m3 għal Korsika meta mqabbel mal-4 149 m3
fi Franza kontinentali. Kif jidher fit-tabella hawn taħt,
il-kwotazzjonijiet internazzjonali għall-petrol għal Korsika u
għal Franza kontinentali huma l-istess, u jammontaw għal
EUR 64,82 għal kull 100 litru. Id-differenza fil-kosti grossi tat-trasport
hija għolja ħafna bejn Franza kontinentali u Korsika, rispettivament
EUR 7,77 għal kull 100 litru u EUR 23,28 għal kull 100
litru. Minkejja rati aktar baxxi tat-taxxa (kemm taxxa fuq l-enerġija kif
ukoll VAT) il-prezz finali għal petrol bla ċomb huwa ogħla
f’Korsika milli huwa fil-parti kontinentali ta’ Franza.
It-tabella ta’ hawn taħt turi l-istruttura tal-prezzijiet tal-petrol u
tad-diżil fl-10 ta’ Awwissu 2012 Prezz medju ta’ fjuwil f’EUR għal kull 100 litru || Franza kontinentali Petrol || Korsika Petrol || Korsika ta’ Isfel Petrol Il-prezz inkluż it-taxxi || 160,07 || 165,00 || 163,51 VAT || 26,23 || 18,98 || 18,81 Taxxi fuq l-enerġija || 61,25 || 57,92 || 57,92 Il-marġni grossi tat-trasport u d-distribuzzjoni || 7,77 || 23,28 || 21,96 Kwotazzjonijiet internazzjonali (Hypothese Corse) || 64,82 || 64,82 || 64,82 Sors: www.prix- carburants.gouv.fr Franza rrimarkat ukoll li l-miżura hija
skont il-politika speċifika tal-gvern favur l-iżvilupp f’Korsika,
iġġustifikata minħabba l-iżvantaġġ li
ġġib magħha l-insularità. Skont l-istatistika disponibbli,
Korsika bħala tali għandha prodott domestiku gross kull ras ta’
EUR 23 800 fl-2009, li huwa konsiderevolment iktar baxx mill-medja
nazzjonali ta’ EUR 29 574 f’dik is-sena. Id-dispożizzjonijiet fil-qasam kopert
mill-proposta Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE
tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-qafas
tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/38/UE
tat-18 ta’ Jannar 2011 li tawtorizza lil Franza biex tapplika livelli
differenti ta’ tassazzjoni fuq fjuwils tal-magni skont l-Artikolu 19
tad-Direttiva 2003/96/KE Ir-reġjonalizzazzjoni tar-rati tat-taxxa fuq
konsum domestiku ta’ prodotti petroliferi (TIPP) tikkonċerna kemm
id-diżil kif ukoll il-petrol bla ċomb użat bħala fjuwil
għall-magni. Hija tifforma parti mill-politika ta’
deċentralizzazzjoni ppjanata mill-awtoritajiet Franċiżi
minħabba li hija tippermetti lir-reġjuni Franċiżi,
inkluża Korsika, biex jaġġustaw ir-rati tad-dazju tas-sisa
applikabbli għall-fjuwils tal-vetturi bil-mutur. Din
id-deċentralizzazzjoni tagħmel parti minn approċċ imfassal
biex tiżdied l-effettività amministrattiva billi titjieb il-kwalità u
titnaqqas l-ispiża tas-servizzi pubbliċi. Hija wkoll parti minn
politika ta’ sussidjarjetà, li tippermetti li jiġu adottati
deċiżjonijiet f’bosta oqsma fil-livell xieraq (ara t-tieni premessa
tad-Deċiżjoni 2011/38/UE) u għalhekk issegwi għanijiet
oħrajn għajr dawk mixtieqa bit-talba għal tnaqqis fit-taxxa.
L-awtorizzazzjoni tiskadi fl-aħħar tal-2012, iżda Franza talbet
l-estensjoni tagħha. Valutazzjoni
tal-miżura skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE Konsiderazzjonijiet
speċifiċi ta’ politika L-Artikolu 19(1), l-ewwel subparagrafu,
tad-Direttiva huwa kif ġej: “Flimkien ma’ dawn id-dispożizzjonijiet
msemmija fl-Artikoli ta' qabel, b'mod partikolari l-Artikoli 5, 15
u 17, il-Kunsill, li jaġixxi b'mod unanimu fuq xi proposta
tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex
jintroduċi iktar eżenzjonijiet u tnaqqis għall-konsiderazzjonijiet
politiki speċifiċi.” Id-differenzjazzjoni tat-taxxa
tpoġġi lill-konsumaturi tal-petrol f’Korsika fuq livell iktar ugwali
ma’ konsumaturi bħalhom fuq il-kontinent billi ttaffi parzjalment il-kost
addizzjonali mġarrab mill-konsumaturi f’Korsika. Il-miżura proposta
għalhekk tissodisfa ċerti għanijiet ta’ politika reġjonali
u ta’ koeżjoni. It-tnaqqis tat-taxxa ma jmurx lil hinn
mill-ispejjeż addizzjonali ta’ trasport u distribuzzjoni mġarrba
mill-konsumaturi f’Korsika. It-tnaqqis ta’ EUR 10/1 000 l
fil-kost tal-petrol bla ċomb huwa ħafna iżgħar
mid-differenza bejn il-prezzijiet finali rispettivi. Ir-rata mnaqqsa
ta’ tassazzjoni fuq il-konsum ta’ petrol bla ċomb li tiġi
bħalissa applikata f’Korsika (EUR 579,2/1 000 l) ([3]) għadha konsiderevolment
ogħla mil-livell tal-UE minimu ffissat bid-Direttiva 2003/96/KE (EUR
359/1 000 l). Konsistenza
mal-bqija tal-politiki u l-għanijiet tal-Unjoni Meta l-Kummissjoni teżamina talba,
tieħu f’kunsiderazzjoni t-tħaddim kif suppost tas-suq intern,
il-ħtieġa li tkun żgurata kompetizzjoni ġusta u
l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar is-saħħa, l-ambjent,
l-enerġija u t-trasport. Il-miżura hija aċċettabbli
mill-aspett tat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u l-ħtieġa biex
tkun żgurata kompetizzjoni ġusta. Hija tipprova biss ittaffi
parzjalment l-ispejjeż addizzjonali marbutin mal-istatus ta’ Korsika
bħala gżira. Minħabba n-natura mbiegħda u insulari
tad-dipartimenti li għalihom tapplika u l-fatt li l-livell tat-tnaqqis
tar-rata huwa moderat – li madanakollu huwa għoli ħafna meta mqabbel
mal-minimu tal-UE - il-miżura mhijiex mistennija li twassal għal
tibdil fil-konsum tal-fjuwil, billi jiġu attirati l-konsumaturi minn barra
dawn iż-żoni. Peress li l-effett tal-eżenzjoni
mit-taxxa fuq it-trasport huwa mistenni jkun insinifikanti, u li jistgħu
jinstabu politiki kumpensatorji għal kwalunkwe effetti marġinali li
jista’ jkun hemm, il-miżura mhijiex inkompatibbli mal-politiki dwar
is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport tal-Unjoni. Il-perjodu ta’ applikazzjoni
tal-miżura u l-iżvilupp tal-qafas tal-UE dwar it-Tassazzjoni fuq
l-Enerġija L-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE
jistabbilixxi, għal dan it-tip ta’ miżura, perjodu massimu ta’ sitt
snin, bil-possibilità ta’ tiġdid. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi
li l-perjodu ta’ applikazzjoni għandu jiġi stabbilit skont il-massimu
permess mid-Direttiva 2003/96/KE, jiġifieri sitt snin, filwaqt li titqies
l-assenza ta’ kwalunkwe impatt negattiv tal-arranġament attwali fuq
il-kummerċ fi ħdan l-UE u fuq il-livell ġenerali tat-tassazzjoni
tal-karburanti fi Franza, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza
legali għar-reġjun, il-Kummissjoni tissuġġerixxi f’dan
l-istadju li tingħata l-awtorizzazzjoni għal sitt snin,
jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2018. Madankollu, bil-għan li ma
jiddgħajfux l-iżviluppi ġenerali futuri tal-qafas legali
eżistenti, huwa xieraq li jiġi stipulat li, jekk il-Kunsill li jkun
qed jaġixxi skont l-Artikolu 113 tat-Trattat, jintroduċi sistema
ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni ta' prodotti tal-enerġija
li għalihom ma tkunx tista' tiġi adattata din l-awtorizzazzjoni, din
id-Deċiżjoni tiskadi dakinhar li jidħlu fis-seħħ
ir-regoli mmodifikati. Jekk il-Kunsill jadotta din is-sistema
ġdida u jekk il-Kummissjoni tqis li l-awtorizzazzjoni f’din il-proposta
tkun għadha ġġustifikata, il-Kummissjoni teżamina, b’mod
pożittiv u f’waqtu, kull talba minn Franza li tikkonċerna xi
awtorizzazzjoni simili li tkun adattata għal dik is-sistema l-ġdida,
sabiex tiżgura l-kontinwità ta’ din il-proposta. Regoli dwar
l-għajnuna mill-istat Il-miżura tista’ tikkostitwixxi
għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Peress li r-rati
mnaqqsa huma ‘l fuq mill-minima tal-UE, il-miżura tkun koperta
mill-Artikolu 25 tar-Regolament 800/2008/KE ([4])
(ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) u
għalhekk ikunu kkunsidrati kompatibbli mas-suq intern. Madankollu,
minħabba li l-perjodu ta’ validità tar-Regolament għal Eżenzjoni
Ġenerali Sħiħa jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013 kwalunkwe
għajnuna inerenti fil-miżura tkun trid tiġi notifikata
lill-Kummissjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-każ
li l-Kummissjoni ma tkunx adottat Regolament ġdid komparabbli
mar-Regolament dwar l-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jew fil-każ
li Regolament ġdid bħal dak ma jkunx jinkludi regola ekwivalenti
għal dik preżenti fl-Artikolu 25. Id-deċiżjoni hija mingħajr
preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat
matul il-perjodu kopert mid-deroga. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Konsultazzjoni mal-partijiet interessati Il-proposta tikkonsisti minn tnaqqis tat-taxxa
li jikkonċerna biss lil Franza. Ġbir u użu tal-għarfien
espert Ma ntuża l-ebda għarfien espert
estern. Valutazzjoni tal-impatt Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Sommarju tal-miżura proposta Il-Kummissjoni tipproponi li tawtorizza
t-tnaqqis tat-taxxa ta’ EUR 10 għal kull 1 000 l sal-31 ta’
Diċembru 2018, b’mod li Franza tingħata permess tapplika rata mnaqqsa
ta’ tassazzjoni fuq petrol bla ċomb użat bħala fjuwil tal-magni
u kkonsmat fid-dipartimenti ta’ Korsika. Bażi legali L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill
2003/96/KE. Prinċipju ta' sussidjarjetà Il-qasam tat-tassazzjoni indiretta kopert
mill-Artikolu 113 tat-TFUE fih innifsu ma jaqax taħt il-kompetenza
esklussiva tal-UE skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tat-Trattat. Madankollu, l-eżerċizzju mill-Istati
Membri tal-kompetenzi konkorrenti tagħhom f’dan il-qasam, huwa strettament
ċirkostritt u limitat mill-miżuri li jarmonizzaw il-liġijiet
nazzjonali diġà adottati mill-Kunsill. F’konformità mal-Artikolu 19
tad-Direttiva 2003/96/KE, il-Kunsill biss għandu s-setgħa li
jawtorizza lil xi Stat Membru jintroduċi eżenzjonijiet jew tnaqqis
ulterjuri, skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. L-Istati Membri ma
jistgħux jieħdu post il-Kunsill. Il-proposta għalhekk tirrispetta
l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-prinċipju ta' proporzjonalità Il-proposta tirrispetta l-prinċipju
tal-proporzjonalità. It-tnaqqis ta’ EUR 0,01/l fil-kost tal-petrol bla
ċomb huwa ferm taħt il-kost addizzjonali mġarrab (EUR 0,10
għal kull litru). L-għażla tal-istrumenti Strument propost: Deċiżjoni
tal-Kunsill L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96
jipprovdi għal dan it-tip ta’ miżura biss. 3. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Il-miżura ma timponi l-ebda piż
finanzjarju u amministrattiv fuq l-Unjoni, il-proposta għalhekk ma
għandha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-Unjoni. 4. ELEMENTI FAKULTATTIVI L-ebda. 2013/0006 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’
tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat bħala
karburant u ddestinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika skont
l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill
2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura
tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku ([5]), u b’mod partikolari
l-Artikolu 19(1) tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Permezz
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/880/KE ([6]) Franza ġiet awtorizzata
tapplika rata ta’ tassazzjoni mnaqqsa għall-petrol bla ċomb użat
bħala karburant u destinat għall-konsum fid-dipartimenti ta’ Korsika
skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE. (2) B’ittra datata 12 ta’ Marzu
2012, Franza talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa
tal-enerġija għall-petrol bla ċomb użat bħala fjuwil
tal-karozzi permezz ta’ estensjoni ta’ prattika segwita taħt
id-Deċiżjoni 2007/880/KE. It-tnaqqis jammonta għal EUR 1
kull ettolitru. Din l-awtorizzazzjoni hija mitluba għall-perjodu mill-1
ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2018. F’Korsika il-kost ta’ forniment
ta’ petrol bla ċomb lill-pompi huwa konsiderevolment ogħla minn dak
fi Franza kontinentali, bil-prezzijiet finali jkunu 0,10 EUR għal
kull litru ogħla minn dawk tal-kontinent. (3) Billi titnaqqas it-taxxa fuq
il-petrol bla ċomb li jkollhom iġarrbu l-konsumaturi f’Korsika,
il-konsumaturi kkonċernati se jitqiegħdu fuq livell iktar ugwali ma’
dawk li jgħixu fuq il-kontinent. Għalhekk il-miżura
tirrispetta objettivi reġjonali u ta’ koeżjoni. (4) It-tnaqqis fit-taxxa ma
jeċċedix dak li hu meħtieġ biex jittieħed kont
tal-kost addizzjonali ta' trasport u distribuzzjoni mġarrab
mill-konsumaturi f’Korsika. (5) Il-livell finali ta’
tassazzjoni huwa konformi mar-rati minimi stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE -
attwalment 359 EUR/1 000 l (jew 35,90 EUR/hl). Dan jgħodd anki meta
jittieħed kont ta’ awtorizzazzjoni analoga għal dik mogħtija
mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/38/UE tat-18 ta’
Jannar 2011 li tawtorizza lil Franza biex tapplika livelli differenzjati ta’
tassazzjoni fuq karburanti skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE ([7]), għall-perjodu mill-1 ta’
Jannar 2013, fil-każ li l-effetti ta’ Deċiżjoni bħal din
ikunu kkombinati ma’ dawk ta’ din id-Deċiżjoni. (6) Minħabba n-natura
mbiegħda u insulari tad-dipartimenti li tapplika għalihom u l-fatt li
t-tnaqqis fir-rata huwa moderat – li, barra min hekk, huwa ogħli ferm meta
mqabbel mal-livell minimu stipulat mid-Direttiva 2003/96/KE – il-miżura
mitluba mhux se twassal għall-ebda moviment speċifikament marbut
mal-forniment ta’ karburant. (7) Konsegwentament,
il-miżura hija aċċettabbli mill-aspett tal-funzjonament xieraq
tas-suq intern u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni
ġusta u mhux inkompatibbli mal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma ta’
saħħa, ambjent, enerġija u trasport. (8) Franza għandha
għalhekk tiġi awtorizzata, skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva
2003/96/KE, li tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni għall-petrol bla
ċomb użat bħala karburant u kkunsmat f’Korsika, u dan sal-31 ta’
Diċembru 2018. (9) Isegwi mill-Artikolu 19(2)
tad-Direttiva 2003/96/KE li kull awtorizzazzjoni mogħtija skont dak
l-Artikolu jrid ikollha żmien strettament limitat. (10) Sabiex tipprovdi
lir-reġjuni kkonċernati b’livell suffiċjenti ta’ ċertezza,
l-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal perjodu ta’ sitt snin.
Madankollu, bil-għan li ma jiġux preġudikati l-iżviluppi
ġenerali futuri tal-qafas legali eżistenti, huwa xieraq li jiġi
stipulat li, kieku l-Kunsill kellu, meta jkun qed jaġixxi skont
l-Artikolu 113 tat-Trattat, jintroduċi sistema ġenerali
mmodifikata għat-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija li għalihom
ma tiġix adattata din l-awtorizzazzjoni, din id-Deċiżjoni
tiskadi dakinhar li jidħlu fis-seħħ ir-regoli fuq dik is-sistema
modifikata. (11) Irid jiġi żgurat li
Franza tkun tista’ tapplika t-tnaqqis speċifiku li għalih tirrelata
din id-Deċiżjoni mingħajr interruzzjoni b’kontinwazzjoni
mas-sitwazzjoni eżistenti qabel l-1 ta’ Jannar 2013, skont
id-Deċiżjoni 2007/880/KE. L-awtorizzazzjoni rikjesta għandha
għaldaqstant tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013. (12) Din id-Deċiżjoni
hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar
l-għajnuna mill-Istat, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Franza hija awtorizzata li tapplika tnaqqis
fir-rata ta’ tassazzjoni li ma jkunx ta’ aktar minn EUR 1 kull ettolitru
għall-petrol bla ċomb użat bħala fjuwil tal-magni u
kkunsmat fid-dipartimenti ta’ Korsika Sabiex ikun evitat kumpens żejjed,
it-tnaqqis ma għandux imur lil hinn mill-ispejjeż addizzjonali ta’
trasport, ħażna u distribuzzjoni meta mqabbel ma’ dak fil-parti
kontinentali ta’ Franza. Ir-rata mnaqqsa għandha tkun konformi
mal-obbligi tad-Direttiva 2003/96/KE, b’mod partikolari r-rati minimi msemmija
fl-Artikolu 7 tagħha. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tapplika
mill-1 ta’ Jannar 2013 u tiskadi
fil-31 ta’ Diċembru 2018. Madankollu, kieku l-Kunsill kellu, meta jkun
qed jaġixxi skont l-Artikolu 113 tat-Trattat, jintroduċi sistema
ġenerali mmodifikata għat-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija
li għalihom l-awtorizzazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 ta’ din
id-Direttiva ma tkunx ġiet addottata, din id-Deċiżjoni
għandha tiskadi fil-jum li jiġu applikabbli r-regoli ta’ dik
is-sistema mmodifikata. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata
lir-Repubblika Franċiża. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ([1]) Il-prezz
tal-pompa tal-petrol bla ċomb (SSP 95) f’Korsika fit-22 ta’ Mejju 2012
kien EUR 1,66 kull litru meta mqabbel ma’ prezz medju ta’ EUR 1,56 kull litru
fit-territorju Franċiż. ([2]) L-għadd
ta’ abitanti huwa ta’ 35/km2 f’Korsika meta mqabbel ma’ 94/km2
fi Franza kontinentali. ([3]) Din
ir-rata tqis it-tnaqqis applikat minn Korsika meta tapplika
d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/38/UE tas-17 ta’ Jannar 2011. ([4]) Ir-Regolament
tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li
jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli
mas-suq komuni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, ĠU L
214, 9.8.2008, p. 3. ([5]) ĠU
L 283, 31.10.2003, p.51 ([6]) ĠU L 346, 29.12.2007, p. 15. ([7]) ĠU L 19, 22.1.2011, p. 13.