KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa. /* COM/2012/0529 final */
KOMUNIKAZZJONI
TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U
SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing
fl-Ewropa. (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Introduzzjoni Fi kliem sempliċi l-'cloud computing' huwa l-ħżin,
l-ipproċessar u l-użu ta' dejta fuq kompjuters remoti u li
wieħed jista' jaċċessahom permezz tal-internet. Dan ifisser li l-utenti jistgħu jikkontrollaw
qawwa komputazzjonali kważi bla limitu fuq talba, li jistgħu ma jagħmlux
investimenti kapitali ewlenin biex jissodisfaw il-ħtiġijiet
tagħhom u li jistgħu jaċċessaw id-dejta tagħhom minn
kullimkien permezz ta’ konnessjoni tal-internet. Il-cloud
computing għandu l-potenzjal li jnaqqas ħafna n-nefqa tal-utenti
tal-IT u jippermetti l-iżvilupp ta' ħafna servizzi ġodda. Bl-użu tal-cloud, saħansitra
l-iżgħar ditti jistgħu jilħqu swieq dejjem akbar filwaqt li
l-gvernijiet jistgħu jagħmlu s-servizzi tagħhom aktar attraenti
u effiċjenti filwaqt li jnaqqsu l-ispejjeż. Waqt li l-World Wide Web tagħmel l-informazzjoni disponibbli
kullimkien u għal kulħadd, il-cloud computing jagħmel il-qawwa
komputazzjonali disponibbli kullimkien u għal kulħadd. Il-cloud computing, bħall-web, huwa
żvilupp teknoloġiku li ilu għaddej għal ftit żmien
mhux ħażin u ser ikompli jiżviluppa. Għall-kuntrarju
tal-web, il-cloud computing għadu fi stadju relattivament bikri, b’hekk
l-Ewropa għada fiċ-ċans li taġixxi b'mod li tiżgura li
tkun fuq quddiem nett fl-iżvilupp tagħha u fiċ-ċans li tibbenefika
minn dan, fuq livell ta’ domanda u provvista, permezz ta’ użu mifrux
tal-cloud u l-provvista tas-servizzi cloud. Il-Kummissjoni għalhekk timmira li
tippermetti u tiffaċilita adozzjoni aktar mgħaġġla
tal-cloud computing u b'hekk tkun tista’ tnaqqas l-ispejjeż tal-ICT fis-setturi
kollha tal-ekonomija, u meta tingħaqad ma’ prattiki ġodda tan-negozju
diġitali[1],
tista’ tagħti spinta lill-produttività, it-tkabbir u l-impjiegi. Dan id-dokument jistabbilixxi l-aktar azzjonijiet
addizzjonali importanti u urġenti abbażi ta’ analiżi tax-xenarji
politiċi, regolatorji u teknoloġiċi inġenerali u
konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati, imwettqa biex
tidentifika x'għandu jsir biex jinkiseb dak il-għan. Iwettaq waħda mill-azzjonijiet ewlenin
previsti fil-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku u s-servizzi
onlajn,[2]
jirrappreżenta impenn politiku tal-Kummissjoni u jservi bħala
sejħa għall-partijiet interessati kollha biex jipparteċipaw
fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet, li jista’ ifisser
EUR 45 biljun addizzjonali ta’ infiq dirett fuq il-Cloud Computing
fl-UE fl-2020 kif ukoll impatt kumulattiv kumplessiv fuq il-PDG ta’
EUR 957 biljun, u 3.8 miljun impjieg, sal-2020[3] Diversi azzjonijiet minn fost dawk identifikati huma mfassla sabiex
jindirizzaw il-ħsieb ta' ħafna utenti potenzjali tal-cloud computing,
li l-użu ta’ din it-teknoloġija jista’ iġib miegħu riskji
addizzjonali.[4]
Għalhekk, l-għan ta’ tali azzjonijiet huwa li jkun hemm aktar
ċarezza u aktar għarfien rigward il-qafas legali applikabbli
(e.ż. permezz ta’ standards u ċertifikazzjonijiet) u billi jiġi
żviluppat aktar (e.ż. permezz ta’ inizjattiva leġiżlattiva
li qed titħejja dwar iċ-ċibersigurtà). L-indirizzar tal-isfidi speċifiċi tal-cloud computing ikun
ifisser adozzjoni aktar mgħaġġla u armonizzata tat-teknoloġija
min-negozji, mill-organizzazzjonijiet u mill-awtoritajiet pubbliċi
tal-Ewropa, li fil-livell tad-domanda, iwasslu għal tkabbir
aċċellerat fil-produttività u żieda fil-kompetittività
fl-ekonomija kollha u fil-livell tal-provvista, iwasslu għal suq akbar li
fih l-Ewropa ssir attur globali importanti. Hawnhekk,
is-settur Ewropew tal-ICT jista’ jibbenefika minn opportunitajiet importanti
ġodda, kuntest xieraq, il-punti ta’ saħħa tradizzjonali
tal-Ewropa fit-tagħmir tat-telekomunikazzjoni, in-netwerks u s-servizzi
jistgħu jitħaddmu b'mod effettiv ħafna għall-infrastrutturi
tal-cloud. Lil hinn minn dak,
l-iżviluppaturi Ewropej tal-applikazzjonijiet, kbar u żgħar,
jistgħu jibbenefikaw minn domanda dejjem tikber. 2. In-natura u l-benefiċċji
tal-cloud computing Il-cloud computing għandu firxa ta’ karatteristiċi li
jiddefinixxuh (u li ma jippermettux definizzjoni ġenerali tiegħu[5]), fosthom: ·
il-hardware (kompjuters, apparat
għall-ħżin) huwa proprjetà tal-fornitur tal-cloud computing,
mhux tal-utent li jinteraġġixxi miegħu permezz tal-internet; ·
isir l-aħjar użu tal-hardware b’mod
dinamiku permezz ta' netwerk ta’ kompjuters, sabiex il-lok preċiż
tad-dejta jew tal-proċessi, kif ukoll l-informazzjoni dwar liema hardware
qed jaqdi utent partikolari f’mument partikolari, ma għandux,
fil-prinċipju, jikkonċerna lill-utent, anke jekk ikollu impatt
importanti fuq l-ambjent legali applikabbli; ·
il-fornituri tal-cloud iċaqilqu x-xogħol
tal-utenti tagħhom minn post għal ieħor (eż. minn kompjuter
għal ieħor jew minn ċentru tad-dejta għal ieħor) biex
isir l-aħjar użu mill-hardware disponibbli; ·
il-hardware imbiegħed jaħżen u
jipproċessa d-dejta u jagħmilha disponibbli, eż. permezz ta'
applikazzjonijiet (sabiex kumpanija tkun tista' tuża l-informatika
fil-cloud bl-istess mod li konsumaturi llum diġà qed jużaw
il-kontijiet tal-webmail tagħhom); ·
organizzazzjonijiet u individwi jistgħu
jaċċessaw il-kontenut tagħhom, u jużaw is-software
tagħhom meta u fejn ikollhom bżonnu e.ż. fuq kompjuters desktop,
laptops, tablets u smartphones; ·
struttura ta’ cloud tikkonsisti minn livelli: il-hardware, il-middleware jew il-pjattaforma, u
software tal-applikazzjoni. L-istandardizzazzjoni
hija importanti speċjalment fil-livell intermedjarju għax tippermetti
lill-iżviluppaturi li jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ konsumaturi
potenzjali u tagħti għażla lill-utenti; ·
l-utenti normalment iħallsu skont kemm
jużaw, b’hekk wieħed jevita spejjeż inizjali kbar u fissi
meħtieġa għat-twaqqif u t-tħaddim ta' tagħmir
sofistikat tal-kompjuter; ·
fl-istess ħin, l-utenti
jistgħu jimmodifikaw b'mod faċli għall-aħħar l-ammont
ta' hardware li jużaw (eż permezz ta' ftit klikkjiet bil-maws, fi
ftit sekondi, jiksbu kapaċità supplimentari ta' ħżin onlajn). Il-konsumaturi jistgħu jużaw is-servizzi cloud biex
jaħżnu l-informazzjoni (e.ż. stampi jew posta elettronika) u
biex jużaw software (e.ż. netwerks soċjali, vidjos u mużika
trażmessi, u logħob). L-organizzazzjonijiet,
inkluż l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jużaw
is-servizzi cloud biex jissostitwixxu suċċessivament ċentri tad-dejta
mmexxija internament u dipartimenti tat-teknoloġija tal-informazzjoni u
l-komunikazzjoni (ICT). Il-kumpaniji
jistgħu jużaw is-servizzi cloud biex jittestjaw u jżidu malajr
dak li joffru lill-konsumaturi tagħhom għax jistgħu jagħmlu
dan mingħajr ma jinvestu f'infrastrutturi fiżiċi jew
mingħajr ma jibnuhom. Fuq kollox,
il-cloud computing, jirrappreżenta aktar industrijalizzazzjoni
(standardizzazzjoni, żieda, disponibbiltà mifruxa) tal-provvista tal-qawwa
komputazzjonali (“informatika skont il-bżonn”) bl-istess mod li l-impjanti
tal-enerġija industrijalizzaw il-provvista tal-enerġija elettrika. Permezz tal-interfaċċi standardizzati
(l-istess bħall-plakek tal-elettriku) l-utenti jistgħu jħallu
d-dettalji (fir-rigward tal-bini, tal-forniment tal-enerġija, tal-operat u
tal-protezzjoni ta' ċentru tad-dejta) lill-esperti li jiksbu ekonomiji ta’
skala ħafna aħjar (billi jaqdu ħafna utenti) milli kieku qatt
jistgħu jiksbu utenti individwali. Barra
minn hekk, is-servizzi cloud joffru ekonomiji ta’ skala kbar ħafna, u dan
ifisser li x'aktarx sforzi magħmula fuq bażi individwali f’livell
nazzjonali ma rnexxilhomx ikunu tant kosteffiċjenti.
Il-benefiċċji tal-adozzjoni tal-cloud computing jistgħu
jintwerew permezz ta’ sondaġġ tal-2011 li sar għall-Kummissjoni
u li juri li bħala riżultat tal-adozzjoni tal-cloud computing, 80%
tal-organizzazzjonijiet inaqqsu l-ispejjeż b’10 sa 20%. Benefiċċji oħra jinkludu mobbiltà
tax-xogħol (46%), produttività (41%),
standardizzazzjoni (35%) imtejba, kif ukoll opportunitajiet ġodda ta'
negozju (33%) u swieq (32%)[6] L-istudji ekonomiċi kollha disponibbli
jikkonfermaw ukoll l-importanza tal-cloud computing li mistennija tikber b'rata
mgħaġġla mad-dinja kollha[7] Iż-żieda bla preċedent
tal-fluss tad-dejta u tal-ipproċessar tal-informazzjoni fuq l-Internet
għandha impatt ambjentali sinifikanti permezz tal-konsum tal-enerġija
u l-ilma, u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Il-cloud computing jista’
jgħin biex itaffi dawn il-problemi permezz ta’ użu aktar
effiċjenti ta’ hardware kif ukoll, b’mod aktar speċifiku, bil-bini
ta’ ċentri tad-dejta li jużaw servers b’konsum baxx ta' enerġija
u enerġija ekoloġika[8]
Pereżempju, skont ċerti estimi, kumpaniji kbar fl-Istati Uniti
jistgħu jiffrankaw $12.3 biljun kull sena f’konsum ta' enerġija
jekk jadottaw il-cloud computing[9]
Għalhekk, bl-adozzjoni tal-cloud
min-negozji u organizzazzjonijiet oħra, speċjalment l-SMEs, huwa
mistenni titjib sostanzjali fl-effiċjenza tal-ekonomija ġenerali. Il-cloud tista' tkun speċjalment importanti
għal negozji żgħar f’ekonomiji f’diffikultà jew reġjuni
maqtugħa u rurali biex dawn ikunu jistgħu jisfruttaw swieq aktar
dinamiċi. Pereżempju, bl-użu
tal-infrastrutturi tal-broadband biex tingħeleb it-"tirannija
tad-distanza", il-firxa sħiħa ta' impriżi li għadhom
jibdew u li jużaw teknoloġija avvanzata sa negozjanti żgħar
jew artiġjani, jistgħu jibbenefikaw mill-cloud biex jisfruttaw swieq
remoti. Din toħloq opportunitajiet
ġodda ta' żvilupp ekonomiku fi kwalunkwe reġjun li għandu
l-ideat, it-talent, u infrastruttura tal-broadband b'veloċità għolja. Minbarra dan, il-cloud minflok teqred
ix-xogħol, tista’ toħloq impjiegi għal ħaddiema li huma
midħla sew tal-ICT u b’hekk tipprovdi impjiegi u flus lil reġjuni
anqas vantaġġjati. Ħafna prodotti u servizzi li apparentement
huma lokali jistgħu jiksbu diffużjoni globali, iżidu
l-preżenza tagħhom fuq l-internet (u ċ-ċans li jiġu
skoperti permezz ta’ magni tat-tiftix tal-Internet) u jiksbu l-massa kritika
meħtieġa biex jiġu nnegozjati termini preferenzjali ma’
imsieħba importanti tan-negozju (e.ż. kunsinna/trasport, operaturi
turistiċi u kumpaniji finanzjarji), partikolarment fejn azjendi
żgħar jingħaqdu flimkien. L-awtoritajiet
pubbliċi jistgħu wkoll jibbenefikaw b’mod sostanzjali mill-adozzjoni
tal-cloud f’termini ta’ ffrankar tal-effiċjenza u f’termini ta’ servizzi
li huma aktar flessibbli u adattati għall-ħtiġijiet
taċ-ċittadini u tan-negozju. L-aktar
iffrankar immedjat ikun f’termini ta’ anqas spejjeż fl-IT billi titnaqqas
in-nefqa tal-kapital u dik operazzjonali u jiżdiedu r-rati ta' użu
tal-hardware li llum il-ġurnata, xi drabi ma jaqbżux l-10%
fl-infrastrutturi tas-settur pubbliku[10] Ir-ristrutturar tal-proċessi jwassal għal
aktar benefiċċji permezz ta’ spejjeż aktar baxxi u
possibbiltajiet għal aġġornament aktar frekwenti u l-għan
biex ikunu kondiviżi l-infrastrutturi bejn aġenziji. Lil hinn
minn sempliċi ffrankar tal-ispejjeż, il-cloud computing jista'
jippermetti l-bidla għal servizzi pubbliċi tal-21 seklu li huma
interoperabbli, skalabbli u konformi mal-ħtiġijiet ta' popolazzjoni
mobbli u negozji li jridu jibbenefikaw mis-suq uniku diġitali Ewropew. L-ewwel passi lejn il-progress għandhom ikunu
jikkonsistu f'titjib fil-prestazzjoni tas-servizzi bħal sigurtà mtejba,
f'servizzi aktar faċli għall-utenti, fil-kapaċità li jkunu
introdotti servizzi ġodda mingħajr spejjeż żejda, malajr u
bi flessibbiltà, fil-faċilità relattiva ta’ użu tal-cloud computing
għall-ħolqien ta’ pjattaformi għal interazzjoni soċjali jew
għal kampanji speċifiċi u f’mezzi biex ir-riżultati
jiġu mmonitorjati aħjar. Iżda
fi żmien għaxar snin il-cloud tista’ tkun għenet biex titwettaq
il-viżjoni “Kull Ewropew Diġitali”, fejn kull Ewropew ikun jista’
igawdi minn servizzi pubbliċi kompletament elettroniċi minflok
burokrazija abbażi tal-karti. Il-cloud
computing jista' jippermetti li l-ispejjeż pubbliċi jonqsu u li
jżid il-benefiċċji pubbliċi filwaqt li jipprovdi bażi
aktar wiesgħa għall-attività ekonomika u b'hekk jinvolvi
l-popolazzjoni kollha. 3. passi li għandhom jittieħdu Ix-xogħol preparatorju li sar
mill-Kummissjoni juri l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ li tittieħed
azzjoni: • Il-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali,
minħabba d-diversità ta' oqfsa legali nazzjonali u l-inċertezzi
fir-rigward tal-liġi applikabbli, il-kontenut diġitali u l-lok
tad-dejta, kienet waħda mill-preokkupazzjonijiet prinċipali
tal-utenti u l-fornituri potenzjali tal-cloud computing. Dan huwa relatat, b’mod partikolari, mal-kumplessitajiet
tas-servizzi ta’ ġestjoni u l-mudelli ta’ użu mifruxa tul
ġurisdizzjonijiet multipli u marbuta mal-fiduċja u s-sigurtà f'oqsma
bħall-protezzjoni tad-dejta, kuntratti u l-protezzjoni tal-konsumatur jew
il-liġi kriminali. • Problemi b’kuntratti kienu relatati ma’
tħassib dwar l-aċċess u l-portabbiltà tad-dejta, it-tibdil
tal-kontroll u s-sjieda tad-dejta. Pereżempju,
hemm tħassib dwar kif ir-responsabbiltà għal fallimenti ta’ servizzi
bħall-ħin ta' waqfien (downtime) jew it-telf ta’ dejta ser tkun
ikkompensata, dwar kif id-drittijiet tal-utenti fir-rigward ta'
aġġornamenti ta’ sistemi jiġu deċiżi unilateralment
mill-fornitur, dwar kif tinħoloq is-sjieda tad-dejta f'applikazzjonijiet
tal-cloud jew dwar kif jista’ jiġi riżolt it-tilwim. • Konfużjoni ta’ standards
tiġġenera konfużjoni, fuq naħa minħabba
proliferazzjoni ta' standards u fuq oħra minħabba inċertezza
fir-rigward ta' liema standards jipprovdu livelli adegwati ta’ interoperabbiltà
ta’ formats tad-dejta li jippermettu portabbiltà; kemm
is-salvagwardji huma disponibbli biex jipproteġu dejta personali; jew il-problema tal-ksur tad-dejta u l-protezzjoni
kontra attakki ċibernetiċi. Din l-istrateġija ma tipprevedix il-bini
ta’ “Super-Cloud Ewropea", jiġifieri infrastruttura tal-hardware li
għandha l-għan li tipprovdi servizzi ġeneriċi tal-cloud
computing lill-utenti tas-settur pubbliku madwar l-Ewropa. Madanakollu,
wieħed mill-għanijiet huwa li jkun hemm offerti ta’ servizzi cloud
disponibbli għall-pubbliku (“cloud pubblika”[11]) li jilħqu l-istandards
Ewropej mhux biss f’termini regolatorji iżda f’termini ta' kompetittività,
ftuħ u sigurtà. Dan ma jwaqqafx lill-awtoritajiet pubbliċi milli
jistabbilixxu clouds privati ddedikati għat-trattament ta' dejta
sensittiva, iżda b'mod ġenerali anke s-servizzi cloud użati
mis-settur pubbliku għandhom - sakemm ikun possibbli - ikunu
soġġetti għal kompetizzjoni fis-suq biex ikun assigurat l-aqwa
valur għall-flus, waqt li jkunu konformi mal-obbligi regolatorji jew ma'
għanijiet ta' politika pubblika aktar wiesgħa fir-rigward ta’
kriterji operazzjonali ewlenin bħas-sigurtà u l-protezzjoni ta' dejta
sensittiva. 3.1. Il-cloud computing u
l-Aġenda Diġitali (is-Suq Uniku Diġitali) Minħabba li l-cloud computing igawdi minn
libertà inerenti u mhux marbut ma’ post wieħed, jista’ itejjeb is-suq
uniku diġitali. Iżda dan iseħħ biss jekk aħna niksbu
implimentazzjoni effettiva tar-regoli tas-suq uniku. Il-qligħ huwa
potenzjalment kbir ħafna. L-istudju preparatorju li sar mill-Kummissjoni
jikkalkula li l-cloud pubblika għandha tiġġenera
EUR 250 biljun ta' PDG fl-2020 b’politiki li jiffavorixxu l-cloud
fis-seħħ b’kuntrast mat-EUR 88 biljun fix-xenarju tal-“ebda
intervent”, u li dan ser iwassal għal impatti kumulattivi addizzjonali ta’
EUR600 biljun mill-2015 sal-2020. Dan ifisser il-ħolqien ta’
2.5 miljun impjieg addizzjonali.[12] Ħafna mill-passi meħtieġa
għal Ewropa li tiffavorixxi l-cloud kienu diġà identifikati
bħala azzjonijiet tal-Pilastru tas-Suq Uniku tal-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa u l-Att dwar is-Suq Uniku[13] Ħafna minn dawn l-azzjonijiet tressqu quddiem
il-leġiżlaturi filwaqt li inizjattiva li għandha l-għan li
tadotta u timplimenta dawn il-proposti mill-aktar fis possibbli, se sservi ta’
kontribuzzjoni ewlenija għall-qligħ ekonomiku tal-cloud computing. Azzjonijiet tal-Aġenda Diġitali
dwar “il-ftuħ tal-aċċess għall-kontenut" Fl-Aġenda Diġitali
għall-Ewropa, il-Kummissjoni stabbilixxiet għaliha nnifisha
l-għan li "tissimplifika l-approvazzjoni u l-ġestjoni tad-dritt
tal-awturi u l-għoti ta' liċenzji transfruntieri."[14] L-azzjonijiet ewlenin
identifikati fl-Aġenda Diġitali biex jintlaħqu dawn
l-għanijiet bdew jitħaddmu u ser isaħħu l-kapaċità
tal-Ewropa li tisfrutta l-opportunitajiet ġodda u eċċitanti
tal-cloud computing għall-produtturi u għall-konsumaturi tal-kontenut
diġitali. Biex il-cloud tiffunzjona tajjeb bħala
pjattaforma għal servizzi ta’ kontenut diġitali, inkluż servizzi
mobbli, jinħtieġu mudelli għad-distribuzzjoni tal-kontenut li
jsaħħu l-aċċess għal kull tip ta’ kontenut
(mużika, awdjoviżwali jew kotba) u l-użu tagħhom f'apparati
u territorji differenti. Il-fornituri u d-detenturi tad-drittijiet tas-servizzi
cloud jistgħu jaqblu fuq termini kummerċjali għal-liċenzji
u b'hekk jippermettu lill-konsumaturi li jaċċessaw il-kont personali
tagħhom minn diversi apparati, irrispettivament mit-territorju li minnu
jiġi aċċessat il-kont. Tali ftehimiet flessibbli
tal-liċenzjar diġà qed jintlaħqu fis-suq, għalkemm,
f’ċerti każijiet, qed ikun aktar diffiċli li jintlaħaq
ftehim. Il-fornituri jeħtieġu modi faċli biex jakkwistaw
liċenzji għal tali servizzi. Il-konsumaturi, bil-liġi,
għandhom ikunu jistgħu jikkunsmaw kontenut 'il bogħod minn
darhom madwar l-UE kollha mingħajr ma jitilfu l-aċċess għal
servizzi li ħallsu għalihom fi kwalunkwe Stat Membru ieħor.
Għad-detenturi tad-drittijiet tali ftehimiet ta' liċenzjar ikunu qed
jiffavorixxu l-innovazzjoni tas-servizzi u b’hekk joħolqu flussi
ġodda ta’ dħul. Adozzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni
għal Direttiva dwar l-Immaniġġjar Kollettiv tad-Drittijiet ser
tindirizza ħafna mill-ħtiġijiet tal-għoti ta' liċenzji
transfruntieri għall-kontenut tal-cloud fir-rigward tal-mużika.
Il-Kummissjoni qed tikkunsidra wkoll azzjonijiet ulterjuri bħala segwitu
għall-Green Paper dwar is-settur Awdjoviżiv[15], pereżempju billi
tippromwovi u tiffaċilita l-liċenzjar ta’ xogħlijiet
awdjoviżwali għal distribuzzjoni onlajn, partikolarment dak
transfruntier. Servizz tal-cloud computing jista’ jippermetti wkoll
ħżin ta’ kontenut fil-cloud. Il-konsumatur jista' juża l-cloud
bħala loker diġitali għall-kontenut, u bħala għodda
ta’ sinkronizzazzjoni għall-aċċess għall-kontenut minn
apparat differenti. Għalhekk jinbtu mistoqsijiet dwar il-ġabra
possibbli ta' levis tal-ikkuppjar privat għal kwalunkwe ikkuppjar privat
tal-kontenut lejn il-cloud, minnha jew fiha. Dawn il-mistoqsijiet, fost oħrajn, qed
jiġu eżaminati fi proċess ta’ medjazzjoni kontinwa mmexxi
mis-Sur Antonio Vitorino.[16] Abbażi tar-riżultat ta’ dan
il-proċess il-Kummissjoni inter alia ser tivvaluta jekk hemmx
bżonn li jiġi ppreċiżat il-kamp ta’ applikazzjoni
tal-eċċezzjoni tal-ikkuppjar privat u l-applikabbiltà tal-levis u,
b'mod partikolari, kemm is-servizzi tal-cloud computing li jippermettu
rimunerazzjoni diretta tad-detenturi tad-drittijiet huma esklużi
mir-reġim tal-levis tal-ikkuppjar privat. Azzjonijiet tal-Aġenda Diġitali
“Għal Tranżazzjonijiet Onlajn u Transfruntieri aktar sempliċi” L-eżaminazzjoni riċenti
tad-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku li saret fil-kuntest
tal-Aġenda Diġitali kkonfermat ir-rwol tagħha bħala
pedament essenzjali tat-tkabbir tas-servizzi diġitali fl-Ewropa permezz
tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi
tas-soċjetà tal-informazzjoni meta dawn jilqgħu jew jittrażmettu
informazzjoni illegali li tkun ġiet ipprovduta minn parti terza. Ħafna minn dawn is-servizzi onlajn issa qed
jersqu lejn l-infrastrutturi tal-cloud; pass li jiffaċilita l-offerta ta’
aktar servizzi integrati. Dan joħloq katini
ta' valur aktar kumplessi li ħafna drabi jkopru ġurisdizzjonijiet
multipli u li mbagħad iqanqlu mistoqsijiet relatati mad-determinazzjoni
tal-liġi applikabbli (eż it-twaqqif) u l-applikazzjoni
tal-proċeduri ta’ notifika rigward informazzjoni u attivitajiet
(allegatament) illegali għal dawn is-servizzi emerġenti. Dawn il-kwistjonijiet qed jiġu indirizzati
fl-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ notifika u azzjoni;
segwitu tal-Komunikazzjoni dwar is-Suq Uniku Diġitali
għall-kummerċ elettroniku u s-servizzi onlajn.[17] Metodi sikuri ta' awtentikazzjoni elettronika
għal tranżazzjonijiet tal-internet huma wkoll essenzjali
għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali.
Il-katini ta’ valur aktar kumplessi u l-interkonnessjoni ta’ bosta
servizzi tal-cloud computing jagħmlu l-awtentikazzjoni affidabbli
meħtieġa kemm għall-assigurazzjoni tal-fiduċja u kemm
għas-simplifikazzjoni tal-użu tas-servizzi.
Pereżempju proċeduri ta’ sign-on uniku jiffaċilitaw
l-użu ta’ grupp ta’ servizzi, iżda jeħtieġu metodi ta’
awtentikazzjoni aktar sofistikati u affidabbli minn sempliċi kodiċi
ta’ aċċess li jinħoloq mill-utent innifsu, biex
tissaħħaħ il-fiduċja fil-grupp ta’ fornituri
kkonċernati. L-adozzjoni tal-istandards
komuni li jippermettu użu sikur iżda bla xkiel tas-servizzi li
jeħtieġu awtentikazzjoni u awtorizzazzjoni affidabbli għandha
tkun ta' benefiċċju kbir għall-adozzjoni tal-cloud. Il-provvediment ta’ tali soluzzjonijiet se
jissaħħaħ ħafna bl-adozzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni
dwar l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettronika.[18] Fix-xhur li ġejjin, fl-Istrateġija
tagħha għaċ-Ċibersigurtà, il-Kummissjoni se tindirizza
l-isfidi ġenerali taċ-ċibersigurtà L-istrateġija
se tindirizza l-fornituri kollha tas-soċjetà tal-informazzjoni inkluż
il-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing. Se
tindika, inter alia, il-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa
li għandhom jittieħdu biex jiġu mmaniġġati r-riskji
tas-sigurtà u tirrapporta l-obbligi lill-awtoritajiet kompetenti ta'
inċidenti sinifikanti. Azzjonijiet tal-Aġenda Diġitali
dwar il-Bini ta’ Kunfidenza Diġitali Il-protezzjoni tad-dejta nibtet
mill-konsultazzjoni u l-istudji mnedija mill-Kummissjoni bħala qasam
ewlieni ta’ tħassib li jista’ jimpedixxi l-adozzjoni tal-cloud computing. B’mod partikolari, fil-konfront ta' 27 qafas
leġiżlattiv nazzjonali parzjalment diverġenti, huwa ferm
diffiċli li jkunu pprovduti soluzzjonijiet kosteffiċjenti tal-cloud
fil-livell tas-suq uniku diġitali. Barra
minn hekk, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni globali tal-cloud, kien hemm
talba għal kjarifika dwar kif se jkunu rregolati t-trasferimenti tad-dejta
internazzjonali. Hekk kif twettqet Azzjoni
oħra tal-Aġenda Diġitali, dan it-tħassib ġie
indirizzat permezz tal-proposta mill-Kummissjoni
fil-25 ta’ Jannar 2012 ta' qafas legali qawwi u uniformi li
jipprovdi ċertezza legali rigward il-protezzjoni tad-dejta. Ir-regolament
propost jindirizza l-kwistjonijiet imqanqla mill-cloud. Prinċipalment,
jikkjarifika l-kwistjoni importanti tal-liġi applikabbli, billi jassigura
li sett uniku ta’ regoli jkunu japplikaw direttament u b’mod uniformi
fis-27 Stati Membri kollha. Ser ikun ta’ benefiċċju
għan-negozji u għaċ-ċittadini billi jassigura
kundizzjonijiet indaqs u jnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż
tal-konformità għan-negozji madwar l-Ewropa, filwaqt li jiżgura
livell għoli ta' protezzjoni għall-individwi u jagħtihom aktar
kontroll fuq id-dejta tagħhom. Iż-żieda fit-trasparenza
tal-ipproċessar tad-dejta ser tgħin ukoll biex tiżdied
il-fiduċja tal-konsumatur. Il-proposta tiffaċilita t-trasferimenti tad-dejta
personali lejn pajjiżi 'l barra mill-UE u miż-ŻEE waqt li
tiżgura l-kontinwità tal-protezzjoni tal-individwi kkonċernati.
Il-qafas legali l-ġdid ser jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa
għall-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotti u standards għall-cloud,
fejn il-partijiet interessati jaraw il-ħtieġa li jkun hemm skemi ta’
ċertifikazzjoni li jivverifikaw li l-fornitur ikun implimenta l-istandards
u s-salvagwardji ta’ sigurtà xierqa tal-IT għat-trasferimenti tad-dejta. Minħabba li t-tħassib dwar il-protezzjoni
tad-dejta kien identifikat bħala wieħed mill-aktar ostakli serji
għall-adozzjoni tal-cloud computing, huwa ferm aktar importanti li
l-Kunsill u l-Parlament, fl-2013, jaħdmu sabiex l-adozzjoni tar-regolament
propost issir malajr kemm jista' jkun. Sadanittant, minħabba li l-cloud
computing tinvolvi katini ta’ fornituri u atturi oħra bħall-fornituri
tal-infrstruttura jew tal-komunikazzjonijiet, hija meħtieġa gwida
dwar kif għandha tiġi applikata d-Direttiva eżistenti tal-UE
dwar il-Protezzjoni tad-Dejta, speċjalment biex tidentifika u tiddistingwi
d-drittijiet u l-obbligi tal-protezzjoni tad-dejta ta' kontrolluri u
proċessuri tad-dejta fir-rigward ta' fornituri tas-servizz cloud, jew
atturi fil-katina tal-valuri tal-cloud computing. Barra minn hekk, minħabba
n-natura speċifika tal-cloud, inqalgħu kwistjonijiet rigward
il-liġi applikabbli f'każ li jkun diffiċli li wieħed
jiddetermina l-post relevanti ta’ twaqqif ta’ fornitur tas-servizz cloud,
eż. f'każ ta' utent mhux fl-UE ta’ fornitur mhux fl-UE u li qed
jopera t-tagħmir fl-UE. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ l-gwida
dwar kif għandha tkun applikata d-Direttiva eżistenti tal-UE dwar
il-Protezzjoni tad-Dejta, li ngħatat fl-Opinjoni tal-grupp ta’ ħidma
dwar il-protezzjoni tad-dejta, l-hekk imsejjaħ “Artikolu 29 Grupp ta’
Ħidma" dwar il-cloud computing fl-1 ta’ Lulju 2012.[19] Il-Kummissjoni tqis li
l-Artikolu 29 tal-Opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma jipprovdi bażi
tajba għat-tranżizzjoni mid-Direttiva attwali tal-UE dwar
il-Protezzjoni tad-Dejta għar-Regolament il-ġdid tal-UE dwar
il-Protezzjoni tad-Dejta u li għandu jiggwida l-ħidma
tal-awtoritajiet nazzjonali u tan-negozji, u b'hekk joffri kjarifika massima u
ċertezza legali abbażi tal-qafas legali eżistenti. Barra minn hekk, ladarba r-regolament propost
jiġi adottat, il-Kummissjoni ser tagħmel użu
mill-mekkaniżmi l-ġodda stabbiliti fih biex, f’kooperazzjoni
mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, tipprovdi
kwalunkwe gwida addizzjonali meħtieġa għall-applikazzjoni
tal-liġi Ewropea tal-protezzjoni tad-dejta fir-rigward tas-servizzi cloud. Il-liġi kuntrattwali ukoll kienet qed
toħloq tħassib minħabba li kienet qed taffettwa b’mod negattiv
il-kunfidenza diġitali tal-konsumaturi li ma kinux ċerti dwar
id-drittijiet tagħhom u kellhom nuqqas ta' protezzjoni, u
kummerċjanti li kienu jeħtieġu qafas li jagħmilha aktar
faċli għalihom li joffru l-prodotti tagħhom onlajn. F’dan
il-kuntest, il-Kummissjoni diġà pproponiet Regolament fuq Liġi Komuni
Ewropea dwar il-Bejgħ.[20] 3.2. Azzjonijiet
Speċifiċi Ewlenin dwar il-Cloud Computing It-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali,
permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni malajr kemm jista’ jkun tal-proposti
tal-Aġenda Diġitali li ġew ippreżentati, huwa l-ewwel pass
essenzjali lejn Ewropa li tiffavorixxi l-cloud. Iżda
biex isir avvanz biex insiru attivi fil-cloud, għandha tiġi
żviluppata aktar il-klima ta' ċertezza u fiduċja u b'hekk tkun
stimulata l-adozzjoni attiva tal-cloud computing fl-Ewropa. Sabiex tinbena l-fiduċja
fis-soluzzjonijiet tal-cloud, jeħtieġ li jittieħdu sensiela ta'
passi maħsuba għal dan il-għan. Il-katina
tibda bl-identifikazzjoni ta’ sett xieraq ta’ standards li jistgħu
jiġu ċċertifikati sabiex jippermettu lill-prokuraturi
pubbliċi u privati jkunu kunfidenti li ssodisfaw l-obbligi ta’ konformità
tagħhom u li għandhom soluzzjoni xierqa biex il-ħtiġijiet
tagħhom jiġu ssodisfati meta jadottaw is-servizzi cloud. Imbagħad, tista' ssir referenza għal dawn
l-istandards u ċertifikati fit-termini u l-kundizzjonijiet sabiex
il-fornituri u l-utenti jħossuhom kunfidenti li l-kuntratt huwa ġust. Ix-xogħol preparatorju msemmi hawn fuq jindika
l-ħtieġa għal oqfsa speċifiċi għall-Cloud
Computing b'rabta kemm mal-istandards u ċ-ċertifikazzjoni kif ukoll
mat-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom
rwol fil-ħolqien ta' ambjent affidabbli tal-cloud fl-Ewropa. Għandhom opportunità li jużaw il-piż
tal-akkwist tagħhom biex jippromwovu l-iżvilupp u l-użu
tal-cloud computing fl-Ewropa, abbażi ta' teknoloġiji miftuħa u
pjattaformi sikuri. L-istabbiliment ta’ qafas
ċar u protettiv għall-adozzjoni mis-settur pubbliku ser jassigura li
din it-teknoloġija tipprovdi aċċess affidabbli għall-utenti
internazzjonali u jagħmel l-Ewropa punt ċentrali għall-innovazzjoni
fis-servizz cloud. Barra minn hekk,
l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet affidabbli tal-cloud min-naħa ta' akkwirenti
pubbliċi, tista’ tħeġġeġ lill-SMEs jadottawhom ukoll. Hemm ukoll tħassib li sakemm
it-teknoloġija ma tiġix adottata mill-awtoritajiet pubbliċi u
l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), l-impatt ekonomiku tal-cloud
computing ma jilħaqx il-potenzjal sħiħ tiegħu. Fiż-żewġ każijiet l-adozzjoni
sa issa għadha marġinali minħabba d-diffikultà fil-valutazzjoni
tar-riskji tal-adozzjoni tal-cloud. Għalhekk, biex twettaq dawn
l-għanijiet il-Kummissjoni Ewropea se tniedi tliet azzjonijiet
speċifiċi għall-cloud: (1)
Azzjoni Ewlenija 1: Tinġieb l-Ordni fil-Konfużjoni
tal-Istandards (2)
Azzjoni Ewlenija 2: Termini u Kundizzjonijiet
Kuntrattwali Sikuri u Ġusti (3)
Azzjoni Ewlenija 3: It-twaqqif ta' Sħubija Ewropea
tal-Cloud biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u t-tkabbir mis-settur
pubbliku. 3.3. Azzjoni Ewlenija 1 – Tinġieb
l-Ordni fil-Konfużjoni tal-Istandards Użu aktar wiesgħa ta’ standards,
iċ-ċertifikazzjoni tas-servizzi cloud biex jintwera li dawn
jilħqu l-istandards imsemmija u l-approvazzjoni ta' tali ċertifikati
mill-awtoritajiet regolatorji minħabba li l-indikazzjoni ta' konformità
mal-obbligi legali se tgħin fil-bidu tal-cloud. Bħalissa, il-bejjiegħa individwali
għandhom l-inċentiv li jiġġieldu għad-dominanza billi
jorbtu l-konsumaturi tagħhom, jimpedixxu approċċi standardizzati
u mifruxin mal-industrija. Minkejja għadd numeruż ta' sforzi ta'
standardizzazzjoni, li ħafna minnhom huma mmexxija mill-fornituri,
il-clouds jistgħu jiżviluppaw b’tali mod li jkunu neqsin
mill-interoperabbiltà, mill-portabbiltà u mir-riversibbiltà tad-dejta, li lkoll
huma kruċjali biex jiġi evitat l-irbit tal-klijenti. L-istandards fil-cloud ser jaffettwaw ukoll
il-partijiet interessati lil hinn mill-industrija tal-ICT, b'mod partikolari
l-SMEs, l-utenti tas-settur pubbliku u l-konsumaturi. Tali utenti rari jkunu
kapaċi jivvalutaw x’qed jgħidu l-fornituri rigward l-implimentazzjoni
tagħhom tal-istandards, l-interoperabbiltà tal-clouds tagħhom jew
is-sempliċità li biha d-dejta tista' tiġi trasferita minn fornitur
wieħed għall-ieħor. Għal dan, hija meħtieġa
ċertifikazzjoni indipendenti u fdata. L-istandardizzazzjoni u l-azzjonijiet ta’
ċertifikazzjoni għall-cloud computing diġà qegħdin
fis-seħħ. L-Istitut Nazzjonali għall-Istandards u
t-Teknoloġija (NIST) tal-Istati Uniti ippubblika serje ta’ dokumenti
inkluż sett ta’ definizzjonijiet aċċettat minn ħafna.
L-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) waqqaf Grupp
tal-Cloud biex iqis il-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni tal-cloud u
l-konformità mal-istandards ta’ interoperabbiltà. Huwa evidenti li se jkunu
meħtieġa standards addizzjonali. Madanakollu, il-prijorità issa hija
li jintużaw l-istandards eżistenti għall-iżvilupp ta’ kunfidenza
fil-cloud computing permezz ta’ ġabra ta’ servizzi komparabbli kif ukoll
permezz ta’ offerti interoperabbli u differenti. Barra mill-identifikazzjoni
tal-istandards ikkonċernati, hemm ukoll il-ħtieġa ta'
ċertifikazzjoni ta’ konformità. Bosta organizzazzjonijiet, u ċertament
dawk kollha li huma akbar, jeħtieġu ċertifikazzjoni
tal-konformità tas-sistemi tal-IT tagħhom mar-rekwiżiti legali u
awditjarji u jeħtieġu wkoll li l-applikazzjonijiet u s-sistemi jkunu
interoperabbli. Il-Kummissjoni ser: ·
tippromwovi offerti fdati u affidabbli billi
tqabbad lill-ETSI biex tikkoordina mal-partijiet interessati b’mod trasparenti
u miftuħ b'mod li sal-2013 tkun identifikat mappa tal-istandards
meħtieġa (għas-sigurtà, l-interoperabbiltà, il-portabbiltà
tad-dejta u r-riversibbiltà fost l-oħrajn) ·
issaħħaħ il-fiduċja
fis-servizzi tal-cloud computing billi fil-livell tal-UE tirrikonoxxi
l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji
tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-protezzjoni tal-informazzjoni
personali skont ir-Regolament il-ġdid dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea[21]. ·
taħdem biex tgħin fl-iżvilupp
ta’ skemi volontarji ta’ ċertifikazzjoni madwar l-UE fil-qasam tal-cloud
computing (inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta) u tistabbilixxi
lista ta' tali skemi sal-2014, bl-appoġġ tal-ENISA u korpi relevanti
oħra. ·
tindirizza l-isfidi ambjentali
taż-żieda fl-użu tal-cloud billi flimkien mal-industrija taqbel
dwar parametri armonizzati għall-konsum tal-enerġija, il-konsum
tal-ilma u l-emissjonijiet tal-karbonju tas-servizzi cloud sal-2014[22] 3.4. Azzjoni Ewlenija 2: Termini u
Kundizzjonijiet Kuntrattwali Sikuri u Ġusti L-arranġamenti tradizzjonali ta'
esternalizzazzjoni tal-IT normalment kienu jiġu nnegozjati u kienu
relatati mal-ħżin tad-dejta, ma' faċilitajiet
għall-ipproċessar u mas-servizzi ddefiniti u deskritti fid-dettall u
b'mod diretti. Min-naħa l-oħra l-kuntratti tal-Cloud computing,
essenzjalment joħolqu qafas li fih l-utent ikollu aċċess
għal ammont infinit ta’ kapaċitajiet skalabbli u flessibbli tal-IT,
skont il-bżonnijiet tiegħu. Madanakollu, bħalissa l-flessibbiltà
akbar li joffri l-cloud computing meta mqabbel mal-esternalizzazzjoni
tradizzjonali ħafna drabi tiġi żbilanċjata b'ċertezza
mnaqqsa għall-konsumatur minħabba kuntratti li mhumiex speċifiċi
u bbilanċjati biżżejjed mal-fornituri tal-cloud. Il-kumplessità u l-inċertezza tal-qafas
legali għall-fornituri tas-servizzi cloud ifissru li ħafna drabi huma
jużaw kuntratti jew ftehimiet ta' livell ta' servizz kumplessi[23] b'dikjarazzjonijiet ta'
ċaħda tar-responsabbiltà estensivi. Il-fornitur jista’ jiffranka
l-ispejjeż bl-użu ta’ kuntratti standard “jew hekk jew xejn"
iżda ħafna drabi dawn mhumiex mixtieqa mill-utent, inkluż
il-konsumatur finali. Tali kuntratti jistgħu wkoll jimponu l-liġi
applikabbli jew jimpedixxu l-irkupru tad-dejta. Anke
kumpaniji akbar għandhom ftit setgħa fl-innegozjar, u l-kuntratti
ħafna drabi ma jipprevedux ir-responsabbiltà għall-integrità
tad-dejta, il-kunfidenzjalità u l-kontinwità fis-servizz[24]. Fir-rigward tal-utenti professjonali,
l-iżvilupp tal-klawsoli mudell għall-cloud computing tal-ftehimiet
ta' livell ta' servizz għal utenti professjonali kienu wieħed
mill-aktar kwistjonijiet importanti li ġew indirizzati matul
il-proċess ta’ konsultazzjoni. Il-ftehimiet ta' livell ta' servizz
jiddeterminaw ir-relazzjoni bejn il-fornitur tal-cloud u l-utenti
professjonali, u għalhekk essenzjalment jipprovdu l-bażi
tal-fiduċja li l-utenti jista' jkollhom fl-abbiltà tal-fornitur tal-cloud
li jipprovdi s-servizzi. Fir-rigward tal-konsumaturi u kumpaniji
żgħar, il-proposta tal-Kummissjoni, bħala azzjoni li
għandha l-għan li tibni l-kunfidenza diġitali fil-kuntest
tal-Aġenda Diġitali, għal Regolament dwar Liġi Komuni
Ewropea dwar il-Bejgħ[25], tindirizza
ħafna mill-ostakli li jinbtu minn regoli diverġenti tal-liġijiet
nazzjonali tal-bejgħ billi tipprovdi sett uniformi ta' regoli
lill-partijiet kuntrattwali. Il-proposta
tinkludi regoli adattati għall-provvista tal-“kontenut diġitali"
li jkopru ċerti aspetti tal-cloud computing[26] Huwa meħtieġ xogħol
speċifiku komplementari għal dawk il-kwistjonijiet li jmorru lil hinn
mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ biex ikun żgurat li
kwistjonijiet kuntrattwali oħra rilevanti għas-servizzi tal-cloud
computing jistgħu jkunu koperti wkoll, minn approċċ tal-istrument
simili u mhux obbligatorju. Dan ix-xogħol komplementari għandu jkopri
tali kwistjonijiet bħall-preservazzjoni tad-dejta wara li jintemm
il-kuntratt, id-divulgazzjoni u l-integrità tad-dejta, il-lok tad-dejta u
t-trasferiment tad-dejta, responsabbiltà diretta u indiretta, is-sjieda
tad-dejta, il-bidla tas-servizz mill-fornituri tal-cloud u s-sottokuntrattar. Għalkemm il-leġiżlazzjoni
eżistenti tal-UE tipproteġi lill-utenti tas-servizzi cloud,
ħafna drabi l-konsumaturi ma jkunux konxji tad-drittijiet relevanti
tagħhom inkluż tal-liġi applikabbli u l-ġurisdizzjoni fi
kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, partikolarment meta jiġu
għal kwistjonijiet dwar il-liġi kuntrattwali[27] L-iżvilupp
ta’ klawsoli kuntrattwali mudell kien identifikat fil-konsultazzjoni[28] bħala soluzzjoni mixtieqa
biex jinegħlbu dawn il-problemi. L-utenti u l-fornituri industrijali
sejħu għal ftehimiet awtoregolatorji jew għal
standardizzazzjoni. Għal kuntratti ma’ konsumaturi u ditti
żgħar, jista' jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti klawsoli
u kundizzjonijiet kuntrattwali mudell fil-livell Ewropew u bbażati fuq
strument fakultattiv tal-liġi kuntrattwali, biex jinħolqu kuntratti
għal servizzi cloud trasparenti u ġusti. L-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar
prassi fir-rigward tal-klawsoli kuntrattwali mudell ser iħaffu l-adozzjoni
tal-cloud computing billi jżidu l-fiduċja ta’ konsumaturi
prospettivi. Azzjonijiet xierqa rigward termini
kuntrattwali jistgħu jkunu ta’ għajnuna wkoll fil-qasam kruċjali
tal-protezzjoni tad-dejta. Kif imsemmi hawn fuq, ir-Regolament propost dwar
il-Protezzjoni personali tad-Dejta ser jiggarantixxi livell għoli ta’
protezzjoni għall-individwi billi jassigura kontinwità ta’ protezzjoni
meta d-dejta tiġi trasferita ’l barra mill-UE u ż-ŻEE, jiġifieri
permezz ta’ klawsoli kuntrattwali standard li jirregolaw it-trasferimenti
internazzjonali tad-dejta u t-twaqqif tal-kundizzjonijiet neċessarji
għall-adozzjoni ta' regoli korporattivi vinkolanti li jiffavorixxu
lill-cloud. Dawn il-bidliet ser jassiguraw li r-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni
tad-dejta jindirizzaw ir-realtajiet ġeografiċi u tekniċi
tal-cloud computing. Il-Kummissjoni sa tmiem l-2013 ser: ·
tiżviluppa klawsoli kuntrattwali mudell
għal ftehimiet ta' livell ta' servizz mal-partijiet interessati, għal
kuntratti bejn il-fornituri tal-cloud u l-utenti professjonali tal-cloud, waqt
li tqis l-acquis tal-UE li qed jiżviluppa f’dan il-qasam. ·
f’konformità mal-Komunikazzjoni dwar Liġi
Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ[29],tipproponi
lill-konsumaturi u ditti żgħar termini tal-klawsoli kuntrattwali
mudell Ewropej u kundizzjonijiet għal dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu
taħt il-proposta tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.
L-għan huwa li tistandardizza t-termini u kundizzjonijiet kuntrattwali
ewlenin, waqt li tipprovdi l-aħjar termini kuntrattwali ta’ prattika
għas-servizzi cloud fir-rigward ta' aspetti relatati mal-provvista
tal-“kontenut diġitali”. ·
tqabbad grupp ta’ esperti mwaqqaf għal dan
il-għan u tinkludi l-industriji biex qabel tmiem l-2013 tidentifika
termini u kundizzjonijiet kuntrattwali sikuri u ġusti
għall-konsumaturi u d-ditti ż-żgħar, abbażi ta'
approċċ tal-istrument fakultattiv simili, għal dawk
il-kwistjonijiet relatati mal-cloud li ma jaqgħux taħt il-Liġi
Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. ·
tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-Ewropa
fit-tkabbir globali tal-cloud computing billi: teżamina l-klawsoli
kuntrattwali standard applikabbli għat-trasferiment ta' dejta personali
għal terzi pajjiżi u tadattahom, kif meħtieġ,
għas-servizzi cloud, u billi titlob lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni
tad-dejta biex japprovaw Regoli Korporattivi Vinkolati għas-fornituri
tal-cloud[30] ·
Taħdem mal-industriji biex taqbel dwar
kodiċi ta' kondotta għall-fornituri tal-cloud computing biex
tappoġġa applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta
li jistgħu jiġu sottomessi lill-Artikolu 29 Grupp ta' Ħidma
għall-approvazzjoni sabiex tkun assigurata ċertezza legali u koerenza
bejn il-kodiċi ta’ kondotta u l-liġi tal-UE. 3.5. Azzjoni Ewlenija 3 –
Il-Promozzjoni tar-Rwol Ewlieni Komuni tas-Settur Pubbliku permezz ta’
Sħubija Ewropea tal-Cloud Is-settur pubbliku għandu rwol qawwi
fl-iffurmar tas-suq tal-cloud computing. Bħala l-akbar xerrej tas-servizzi
tal-IT tal-UE, jista’ jistabbilixxi rekwiżiti stretti għall-elementi
karatteristiċi, il-prestazzjoni, is-sigurtà, l-interoperabbiltà u
l-portabbiltà u l-konformità tad-dejta mar-rekwiżiti tekniċi. Jista’
wkoll jistabbilixxi rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni. Diversi
Stati Membri taw bidu għal inizjattivi nazzjonali bħal Andromede fi
Franza, G-Cloud fir-Renju Unit u Trusted Cloud fil-Ġermanja[31] Iżda bis-suq tas-settur
pubbliku frammentat, ir-rekwiżiti tiegħu ftit għandhom impatt,
l-integrazzjoni tas-servizzi finanzjarji hija baxxa u ċ-ċittadini ma
jiħdux l-aħjar valur għal flushom. Il-ġbir flimkien ta’ rekwiżiti
pubbliċi jista’ jġib miegħu effiċjenza ogħla u
rekwiżiti settorjali komuni (eż. is-saħħa elettronika,
il-kura soċjali, l-għajxien megħjun, uservizzi tal-gvern
elettroniku bħad-dejta miftuħa[32])
inaqqas l-ispejjeż u jippermetti l-interoperabbiltà. Is-settur privat jista' jibbenefika wkoll minn
servizzi ta’ kwalità ogħla, aktar kompetizzjoni, standardizzazzjoni rapida
u interoperabbiltà aħjar flimkien ma' opportunitajiet tas-suq għal
SMEs ta’ teknoloġija avvanzata. Għalhekk, din is-sena,
il-Kummissjoni beħsiebha twaqqaf Sħubija Ewropea tal-Cloud (ECP) biex
tkopri l-inizjattivi komparabbli fil-livell tal-Istati Membri. L-ECP ser
tlaqqa’ lill-esperti tal-industrija u l-utenti tas-settur pubbliku biex
flimkien jaħdmu fuq rekwiżiti komuni ta' akkwist għall-cloud
computing b’mod trasparenti miftuħ u sħiħ. L-ECP ma
għandhiex il-mira li toħloq infrastruttura fiżika tal-cloud
computing. L-għan tagħha huwa pjuttost dak li, permezz ta’
rekwiżiti ta’ akkwist li ser ikunu promossi minn Stati Membri u
awtoritajiet pubbliċi parteċipanti għall-użu madwar l-UE,
tassigura li l-offerta kummerċjali fl-Ewropa tiġi adattata
għall-ħtiġijiet Ewropej. L-ECP ser tkun ukoll strumentali biex
tiġi evitata l-frammentazzjoni u biex ikun żgurat li l-użu
pubbliku tal-cloud huwa interoperabbli, mingħajr periklu, sikur u li
jiffavorixxi aktar l-ambjent kif ukoll konformi mar-regoli Ewropej, e.ż.
fl-oqsma tal-protezzjoni tad-dejta u s-sikurezza. L-ECP, taħt il-gwida
tal-bord ta’ tmexxija, ser tlaqqa’ flimkien awtoritajiet pubbliċi li
jikkooperaw flimkien u li jkunu qed jaħdmu ma’ konsorzji tal-industriji u
b'hekk jimplimentaw azzjoni ta' akkwist prekummerċjali biex: ·
tidentifika r-rekwiżiti tal-cloud tas-settur
pubbliku; tiżviluppa speċifikazzjonijiet għall-akkwist tal-IT u
takkwista implimentazzjonijiet ta’ referenza biex turi l-konformità u
l-prestazzjoni[33] ·
tavvanza lejn akkwisti konġunti ta’ servizzi
tal-cloud computing minn korpi pubbliċi bbażati fuq ir-rekwiżiti
tal-utent komuni emerġenti. ·
tistabbilixxi u tesegwixxi azzjonijiet oħra li
jeħtieġu koordinazzjoni mal-partijiet interessati kif deskritt f’dan
id-dokument. 4. Stadji Addizzjonali tal-Politika Il-Kummissjoni ser timplimenta wkoll serje ta’
azzjonijiet ta’ akkumpanjament biex tappoġġa t-tliet azzjonijiet
ewlenin. Inizjattivi oħra, bħal fir-rigward
tal-aċċess għall-broadband, ir-roaming jew id-dejta miftuħa
wkoll jikkontribwixxu għal ambjentli jwassal għal adozzjoni aktar
mgħaġġla tal-cloud, b'mod partikolari għall-konsumaturi u
l-SMEs. 4.1. Miżuri ta’ stimolu Il-Kummissjoni ser tinvestiga kif tagħmel
użu sħiħ mill-istrumenti l-oħra disponibbli tagħha,
partikolarment permezz ta' appoġġ għar-riċerka u
l-iżvilupp fil-kuntest tal-Orizzont 2020 fil-konfront ta' sfidi
fit-tul speċifiċi għall-cloud computing, kif ukoll permezz ta'
għajnuna għall-bidla għal soluzzjonijiet fil-cloud, e.ż.
software għat-tibdil minn sistemi eżisteni għall-cloud,
għall-ġestjoni ta’ servizzi ibridi (li jgħaqqdu s-sistemi
fil-cloud u dawk li mhumiex) u għall-evitar tal-irbit[34]. Fl-2014 il-Kummissjoni beħsiebha tniedi
Infrastrutturi ta’ Servizz Diġitali skont il-proposta Faċilità
Nikkollegaw l-Ewropa[35]
bħala servizzi pubbliċi fil-cloud li jkunu disponibbli kullimkien,
e.ż. it-ħolqien ta’ negozji onlajn; l-akkwist transfruntier u
s-servizzi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa; u l-aċċess
għall-informazzjoni tas-settur pubbliku. Ser timplimenta wkoll il-pjan
tal-cloud tagħha skont l-istrateġija eCommission, inkluż
programm ta’ azzjonijiet biex servizzi pubbliċi implimentati fil-kuntest
ta’ programmi oħra tal-Komunità jitmexxew fil-cloud. Fl-aħħar nett se tieħu azzjoni
(l-istudji, skemi ta' konsulenza u mentoring u t-tqanqil ta’ kuxjenza fost
l-oħrajn) biex tippromwovi l-ħiliet elettroniċi u
l-intraprenditorija diġitali fir-rigward tal-cloud computing 4.2. Djalogu internazzjonali Mingħajr xkiel tekniku li jwaqqaf
is-servizzi cloud mal-fruntieri ġeografiċi, mhux biss hemm bżonn
li wieħed jisfrutta l-opportunitajiet tas-Suq Uniku Diġitali b'mod
sħiħ, iżda wkoll li jħares lil hinn mill-UE lejn
is-sitwazzjoni internazzjonali b'mod ġenerali kemm fir-rigward tal-qafas
legali (e.ż. dwar il-liġi applikabbli) u kemm tal-miżuri li
jappoġġaw l-adozzjoni. Il-cloud computing, minħabba li beda fuq
livell globali, jirrikjedi djalogu internazzjonali aktar b'saħħtu
fir-rigward tal-użu transfruntier sikur u sħiħ. Pereżempju,
id-djalogi internazzjonali dwar il-kummerċ, l-infurzar tal-liġi,
is-sigurtà u ċ-ċiberkriminalità kollha jeħtieġu li
jirriflettu bis-sħiħ l-isfidi l-ġodda li tfaċċaw
permezz tal-cloud computing[36] Aktar pajjiżi terzi qed jirrikonoxxu
l-importanza tal-cloud computing. L-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun,
il-Kanada, l-Awstralja u l-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ażja
bħall-Korea, il-Malasja u Singapor għandhom strateġiji tal-cloud
computing jew qed jiżviluppawhom. L-assi ewlenin huma sħubiji li
jixprunaw l-adozzjoni minn korpi pubbliċi; il-promozzjoni ta’
żviluppi teknoloġiċi u l-istandardizzazzjoni; u djalogu u
koordinazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet legali u tekniċi. L-UE
għalhekk teħtieġ li tapprofondixxi l-kollaborazzjoni strutturata
tagħha ma' msieħba internazzjonali mhux biss biex tikkondividi
l-esperjenzi u tagħmel żvilupp teknoloġiku konġunt
iżda wkoll biex tipproċedi għal aġġustamenti legali u
b'hekk tippromwovi introduzzjoni aktar effiċjenti u effettiva tal-cloud[37] Dawn id-djalogi
ser isiru f'fora multilaterali bħall-WTO u l-OECD biex jiġu
ppreżentati għanijiet komuni għas-servizzi tal-cloud computing u
biex jiġu inklużi kwistjonijiet relatati mal-cloud computing
fin-negozjati tal-kummerċ ħieles tagħha mal-Indja, Singapor eċċ. Il-Kummissjoni ser tibni wkoll
fuq id-djalogi internazzjonali tagħha li għadhom għaddejjin
mal-Istati Uniti, l-Indja, il-Ġappun u pajjiżi oħra, fir-rigward
ta’, inter alia, temi ewlenin relatati mas-servizzi cloud diskussi hawn
fuq, bħall-protezzjoni tad-dejta; l-aċċess għal dejta minn
aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-użu tal-Ftehimiet dwar
l-Assistenza Legali Reċiproka biex tevita konfronti ma' kumpaniji
b'talbiet konfliġġenti minn awtoritajiet pubbliċi;
il-koordinazzjoni tas-sigurtà tad-dejta fuq livell globali;
iċ-ċibersigurtà, ir-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi
intermedjarji; l-istandards u r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà, b’mod
partikulari għas-servizzi pubbliċi; l-applikazzjoni tal-liġi
fiskali għas-servizzi cloud u l-kooperazzjoni fir-riċerka u
l-iżvilupp teknoloġiku 5. Konklużjoni Il-cloud computing jaffettwa firxa
sħiħa ta’ oqsma ta’ politika. L-inizjattivi ta' politika li
għaddejjin bħalissa, bħar-riforma tal-protezzjoni tad-dejta u
l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, u li jnaqqsu l-ostakli
għall-applikazzjoni tal-cloud computing fl-UE għandhom jiġu
adottati malajr. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ser twettaq
ħafna mill-azzjonijiet ewlenin identifikati f’din il-Komunikazzjoni
fl-2013, b’mod partikolari fir-rigward tal-azzjonijiet dwar
l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni għall-cloud computing,
l-iżvilupp ta' termini u kundizzjonijiet kuntrattwali sikuri u ġusti
u t-tnedija tal-Isħubija Ewropea tal-Cloud. Il-Kummissjoni ser tkun viġilanti
fir-rigward ta' kwistjonijiet emerġenti ta' politika li aktarx jaffettwaw
il-potenzjal ekonomiku u soċjali tal-cloud computing f'oqsma
bħat-tassazzjoni, l-akkwist pubbliku, ir-regolamentazzjoni finanzjarja jew
l-infurzar tal-liġi, fejn in-natura transfruntiera inerenti tal-cloud computing
tqanqal mistoqsijiet rigward l-obbligi tal-konformità u r-rappurtaġġ.
Il-Kummissjoni sal-aħħar tal-2013,
ser tirrapporta l-progress li jkun twettaq fil-konfront tas-sett sħiħ
ta’ azzjonijiet f’din l-Istrateġija u tippreżenta aktar inizjattivi
ta' proposti ta’ politika u proposti leġiżlattivi, skont
il-ħtieġa. Is-sentejn li jmiss, li matulhom l-azzjonijiet
elenkati hawn fuq ser jiġu żviluppati u jidħlu
fis-seħħ, se jservu ta' pedament għall-Ewropa biex din issir
ċentru dinji tal-cloud computing. Il-progress xieraq matul din
il-fażi ta’ preparazzjoni ser jipprovdi bażi stabbli għal
fażi inizjali rapida mill-2014-2020 li matulha l-użu ta' offerti
pubblikament disponibbli tal-cloud computing jista’ jilħaq rata komposta
ta’ tkabbir annwali ta’ 38% (madwar id-doppju tar-rata li tista’ tinkiseb li
kieku ma jiġux implimentati l-istadji deċisivi tal-politika). Il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex
jisfruttaw il-potenzjal tal-cloud computing. L-Istati Membri għandhom
jiżviluppaw l-użu tal-cloud fis-settur pubbliku abbażi ta'
approċċi komuni li jsaħħu l-prestazzjoni u l-fiduċja,
filwaqt li jbaxxu l-ispejjeż. Il-parteċipazzjoni attiva
fis-Sħubija Ewropea tal-Cloud u l-użu tar-riżultati tagħha
ser ikunu kruċjali. Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-industrija biex
tikkoopera mill-qrib fir-rigward tal-iżvilupp u l-adozzjoni ta’
miżuri ta’ interoperabbiltà u standards komuni. [1] Kretschmer, T. (2012), “Information and Communication
Technologies and Productivity Growth: A Survey of the Literature”, OECD Digital
Economy Papers, No. 195, OECD Publishing.
http://dx.doi.org/10.1787/5k9bh3jllgs7-en [2] Komunikazzjoni, “Qafas koerenti għall-bini ta’
fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u
s-servizzi online", COM (2011) 942 finali. [3] IDC (2012) Quantitative Estimates of the Demand for
Cloud Computing in Europe and the Likely Barriers to Take-up”; għal aktar
dettalji ara wkoll it-Taqsima 3.1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni. L-importanza tal-cloud computing rigward
il-ħolqien tal-impjiegi hija rikonoxxuta wkoll f’"Sett ta’
Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi fis-settur tal-ICT”, Anness
tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn irkupru li jwassal
għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”. COM(2012) 173 finali. [4] Pereżempju, l-organizzazzjonijiet jistgħu
jinkwetaw fil-każ ta’ waqfien mis-servizz, filwaqt li individwi jista’
jkollhom tħassib dwar x'iseħħ mill-informazzjoni personali
tagħhom. Tali tħassib jista’ inaqqas il-pass li tkun qed tiżdied
bih l-adozzjoni tal-cloud computing. [5] Ħafna minn dawn id-definizzjonijiet huma astratti
ħafna: Definizzjoni magħrufa ħafna titkellem dwar “mudell li
jippermetti aċċess konvenjenti u fuq talba, permezz ta' netwerk
għal ġabra kondiviża ta’ riżorsi konfigurabbli
tal-kompjuter ... li jistgħu jiġu fornuti malajr, u rilaxxati bi
sforz jew interazzjoni minima mal-fornitur tas-servizz" NIST (2009),
Istitut Nazzjonali tal-US għall-Istandards u t-Teknoloġija. [6] IDC (2012) Quantitative Estimates of the Demand for
Cloud Computing in Europe and the Likely Barriers to Take-up. [7] E.ż. studju wieħed jipprevedi li sal-2014
is-suq tal-cloud se jittriplika fid-daqs. Studju ieħor jara li sa dak
iż-żmien l-ekonomija se tikber bi 11-il miljun impjieg. Ara
d–Dokument tal-Ħidma tal-Persunal, it-Taqsima 4.1. [8] Ara: Greenpeace (2012) How clean is your cloud? [9] Ara: http://www.broadbandcommission.org/net/broadband/Documents/bbcomm-climate-full-report-embargo.pdf
[10] HM Government (2011) L-Istrateġija tal-Cloud
tal-Gvern, www.cabinetoffice.gov.uk
[11] B'kuntrast, il-cloud privata hija servizz jew
infrastruttura ddedikata għal klijent partikolari u li mhux disponibbli
għall-użu minn oħrajn. [12] Il-pubblikazzjoni tal-IDC (2012) “Quantitative Estimates
of the Demand for Cloud Computing in Europe and the Likely Barriers to Take-up”
(2012), tikkalkula li fix-xenarju “Ibbażat fuq il-politika” l-impjegati
relatati mal-cloud jistgħu jaqbżu t-3.8 miljuni b’kuntrast ma’
xi 1.3 miljuni fix-xenarju tal-“ebda intervent”, jiġifieri
bil-politika jista' jinħolqu 2.5 miljun impjieg addizzjonali. [13] Komunikazzjoni: L-Att dwar is-Suq Uniku COM(2011) 206
finali [14] L-azzjonijiet kostitwenti twettqu biex jipproponu
Direttiva dwar l-Immaniġġar Kollettiv tad-Drittijiet COM(2012) 372
finali ; Direttiva dwar Xogħlijiet Orfni COM(2011) 289 finali
u biex jirrevedu d-Direttiva dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni
dwar is-Settur Pubbliku, COM(2011) 877
finali, li saru kollha kemm huma. [15] Green Paper dwar it-tqassim tax-xogħlijiet
awdjoviżivi onlajn fl-Unjoni Ewropeaopportunitajiet u l-isfidi biex nimxu
lejn suq diġitali uniku, COM(2011) 427 [16] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Suq Uniku
għad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali" COM(2011) 287 –
L-Azzjoni 8 – li nediet il-proċess ta’ medjazzjoni sabiex
"tesplora approċċi possibbli bil-ħsieb li tiġi
armonizzata l-metodoloġija użata għall-imposti tal-levis
[....]" u ddikkjarat li "Sforz koordinat fuq
in-naħat kollha sabiex jiġu riżolti kwistjonijiet
prinċipali għandu jkun il-pedament ta' azzjoni leġiżlattiva komprensiva fil-livell tal-UE". Il-Komunikazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku, COM(2011)
942 finali, tipprevedi inizjattiva leġiżlattiva dwar l-ikkuppjar privat
fl-2013. [17] Il-Komunikazzjoni
dwar il-kummerċ elettroniku, COM(2011) 942 finali, p. 15. [18] Proposta
għal Regolament dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi
fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern
COM(2012)238/2. [19] Ara:
L-Artikolu 29 Grupp ta’ ħidma dwar il-protezzjoni tad-dejta, WP196 –
Opinjoni 05/2012 dwar il-Cloud Computing, adottata
fl-1 ta’ Lulju 2012, http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/index_en.htm#h2-1 [20] COM
(2011) 635 finali [21] Ġie
adottat fil-11 ta’ Settembru 2012 abbażi tal-proposta
tal-Kummissjoni, COM (2011) 315, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013. [22] http://www.ict-footprint.eu [23] FLS
jispeċifika l-kundizzjonijiet tekniċi tal-kunsinna tas-servizz,
eż. il-firxa ta’ disponibbiltà garantita bħala perċentwal. [24] Ara
l-opinjoni tal-Artikolu 29 Grupp ta’ Ħidma dwar il-cloud computing, http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/index_en.htm#h2-1. [25] COM(2011)
635 finali [26] Il-proposta
għal Regolament dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ
tapplika għal ċerti kuntratti tal-konsumaturi għall-forniment
ta’ kontenut diġitali, jiġifieri "dejta li tiġi prodotta u
fornuta f’format diġitali, kemm jekk skont l-ispeċifikazzjonijiet
tax-xerrej u kemm jekk le, inkluż vidjo, awdjo, stampi jew kontenut
diġitali miktub, logħob diġitali, softwer u kontenut
diġitali li jagħmilha possibbli li tippersonalizza l-ħardwer jew
is-softwer eżistenti” (kontenut diġitali) li jista'
jinħażen jew jiġi aċċessat, u użat mill-ġdid
iżda jeskludi s-"servizzi u n-netwerks tal-komunikazzjonijiet
elettroniċi, u faċilitajiet u servizzi assoċjati" kif ukoll
il-"ħolqien ta' kontenut diġitali ġdid u l-emenda
tal-kontenut diġitali eżistenti". [27] Ara: Ir-Regolament
(KE) Nru 593/2008 dwar il-liġi applikabbli
għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008 u
r-Regolament (KE) Nru 44/2001
dwar ġurisdizzjoni u rikonixximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi
f'materji ċivili u kummerċjali, ĠU L 12, 16.1.2001. [28] http://ec.europa.eu/information_society/activities/cloudcomputing/docs/ccconsultationfinalreport.pdf [29] Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni “Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej - Spinta
lill-fiduċja u lit-tkabbir", COM (2012) 225 finali. [30] L-għażliet
relevanti tal-Artikolu 29 Grupp ta’ Ħidma (Ara: WP 195 u WP 153) ser
iservu bħala bażi għal abbozz tal-Kummissjoni. Ir-Regoli
Korporattivi Vinkolanti huma mod wieħed kif tippermetti trasferimenti
legali tad-dejta internazzjonali: dawn ir-Regoli, b'mod inforzabbli, jirregolaw
kif il-partijiet differenti ta’ korporazzjoni, ikun fejn ikun il-lok
internazzjonali tagħha, jittrattaw id-dejta personali. [31] http://www.economie.gouv.fr/cloud-computing-investissements-d-avenir; http://www.cabinetoffice.gov.uk/sites/default/files/resources/government-cloud-strategy_0.pdf; http://www.trusted-cloud.de/documents/aktionsprogramm-cloud-computing.pdf [32] Komunikazzjoni
dwar “Dejta Miftuħa. Mezz għall-Innovazzjoni, it-tkabbir u
l-governanza trasparenti”. COM(2011) 882 finali. [33] Din
l-azzjoni ser tkun iffinanzjata mis-Seba' Programm Kwadru
għar-Riċerka (FP7) fl-2013, is-sejħa relevanti
għall-proposti ġiet ippubblikata fid-9 ta' Lulju 2012. [34] Ara: Ir-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti tal-Cloud "The
Future of cloud computing. Opportunities for European cloud computing beyond
2010 : http://cordis.europa.eu/fp7/ict/ssai/docs/cloud-report-final.pdf
u r-Rapport tal-Grupp ta’ Esperti tal-Cloud "Advances in Clouds": http://cordis.europa.eu/fp7/ict/ssai/docs/future-cc-2may-finalreport-experts.pdf [35] Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità
Nikkollegaw l-Ewropa, COM(2011) 665 [36] COM(2011)163 dwar il-Ħarsien tal-Infrastruttura
Kritika ta' Informazzjoni tidentifika l-iżvilupp tal-fiduċja
fil-cloud bħala prijorità u titlob li "jissaħħu
d-diskussjonijiet dwar l-aqwa strateġiji ta’ governanza". [37] Tali djalogu beda fil-kuntest tad-Djalogu bejn l-UE u l-US
dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni, tal-European America Business Council u
d-Djalogu bejn l-UE u l-Ġappun dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni. Il-Cloud
jista’ jkun ikkunsidrat ukoll mill-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku u
l-Kooperazzjoni tal-SME UE-US.