52012PC0485

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali /* COM/2012/0485 final - 2012/0234 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-importanza tal-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim

L-opportunitajiet ta’ tagħlim li jeżistu llum il-ġurnata huma bla limitu, bla fruntieri u instantanji. L-individwi jitgħallmu u jiksbu ħiliet u kompetenzi ġodda mhux biss f’xenarji tradizzjonali bħall-klassi (tagħlim formali), iżda dejjem aktar barra minn dan l-ambjent. Il-post tax-xogħol, il-parteċipazzjoni f'organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ispazju virtwali provdut mill-internet u l-apparat mobbli, kollha joffru opportunitajiet importanti ta' tagħlim b'mod individwali jew ma’ persuni oħra. Il-kumpaniji qed joffru lill-impjegati tagħhom, dejjem aktar, opportunitajiet biex itejbu l-ħiliet tagħhom permezz ta' tagħlim organizzat iżda mhux formali. It-tagħlim informali qed isir dejjem aktar importanti f’dinja globali u interkonnessa, fejn it-teknoloġija tippermetti lill-individwi jitgħallmu b’firxa ta' modi differenti permezz ta', pereżempju, sorsi edukattivi miftuħa u anki mill-bogħod.

Huwa essenzjali li dawk kollha li jkunu qed jitgħallmu jkunu involuti f’esperjenzi ta’ tagħlim u li bihom ikunu f’pożizzjoni li jlaħħqu mal-bidliet ekonomiċi u teknoloġiċi mgħaġġlin, ma’ tranżizzjonijiet aktar frekwenti fid-dinja tax-xogħol tul il-ħajja tal-individwu, filwaqt li jitħeġġu jiksbu ħiliet ta’ livell ogħla u aktar rilevanti biex iżidu l-impjegabbiltà, il-produttività u t-tkabbir ekonomiku.

Fis-sitwazzjoni kurrenti – partikolarment gravi fost iż-żgħażagħ – ta’ żieda fil-qgħad u ta’ nuqqas ta’ tkabbir ekonomiku, l-użu ta’ opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim barra mis-sistema formali u tal-ħiliet miksubin permezz tagħhom huwa urġenti: jeħtieġ li l-Ewropa tiżviluppa t-taħlita t-tajba ta’ ħiliet u li tasal għal tlaqqigħ aħjar bejn il-ħiliet u l-impjiegi biex tagħti spinta lill-kompetittività u lill-prosperità.

F’tali kuntest, jeħtieġ li s-sistemi edukattivi u tal-kwalifiki jagħtu opportunità liċ-ċittadini[1] kollha biex juru dak li jkunu tgħallmu barra mill-iskola u biex jużawh għall-karriera tagħhom jew biex ikomplu jitgħallmu. Dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ proċess ta’ validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim miksubin permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali; f’dan il-proċess korp awtorizzat jikkonferma li individwu jkun kiseb riżultati (għarfien, ħiliet u kompetenzi) tat-tagħlim, li jistgħu jitqabblu ma’ standard rilevanti.

It-tagħlim mhux formali u informali fl-Istrateġija Ewropa 2020

Il-validazzjoni tal-esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali u informali fl-Istati Membri tal-UE, tagħti kontribut essenzjali għall-ambizzjoni tal-UE li jintlaħaq tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, kif inhu previst fl-Istrateġija Ewropa 2020. L-impatt tagħha jista’ jkun sinifikanti fil-mod kif jiffunzjona s-suq tax-xogħol: il-mekkaniżmi ta’ validazzjoni jippermettu li jkun hemm aktar trasparenza fir-rigward tal-ħiliet disponibbli fil-forza tax-xogħol u jiffaċilitaw tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet u d-domanda għall-ħaddiema, jippromwovu trasferibbiltà aħjar tal-ħiliet fost il-kumpaniji u s-setturi u jiffaċilitaw ukoll il-mobbiltà fis-suq tax-xogħol Ewropew. Il-validazzjoni jista’ jkollha impatt importanti fl-indirizzar tan-nuqqas ta’ ħiliet f’setturi li qed jikbru u tappoġġja l-irkupru ekonomiku, billi tiffaċilita l-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika u tippermetti li jkun hemm tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet.

Fi żminijiet fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ u l-forza tax-xogħol qed tonqos, il-validazzjoni tal-esperjenzi ta’ tagħlim informali u mhux formali tista’ tgħin ukoll lill-Ewropa biex tqarreb lil dawk l-aktar bogħod mis-suq tax-xogħol lejn opportunitajiet ġodda ta' tagħlim u ta' xogħol u biex tutilizza l-kapital uman kollu biex tiġġieled il-qgħad, ittejjeb il-produttività u l-kompetittività. Il-validazzjoni tista', b'mod partikolari, tappoġġja liż-żgħażagħ qiegħda li jkunu qed ifittxu l-ewwel xogħol tagħhom jew li għandhom biss ftit esperjenza professjonali, biex juru u joħolqu valur tas-suq għall-ħiliet u l-kompetenzi li jkunu kisbu f'kuntesti differenti.

Mill-perspettiva tal-individwu, il-validazzjoni ġġib magħha prospetti mtejba ta’ impjegabbiltà, pagi ogħla u ċaqliq fil-karriera, tiffaċilita t-trasferibbiltà tal-ħiliet fil-pajjiżi differenti, toffri t-tieni ċans għal dawk li jkunu telqu mill-iskola qabel iż-żmien, tagħti aċċess imtejjeb għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali, aktar motivazzjoni għat-tagħlim u fiduċja akbar lill-persuna fiha nnifisha.

Kollox ma’ kollox, il-validazzjoni tal-esperjenzi tat-tagħlim mhux formali u informali tikkontribwixxi wkoll biex jintlaħqu l-miri prinċipali ta’ Ewropa 2020 għat-tluq kmieni mill-iskola, il-proporzjon ta’ persuni bejn it-30 u l-34 sena li jlestu l-edukazzjoni terzjarja tagħhom jew xi ħaġa ekwivalenti, ir-rata ġenerali ta' impjiegi u l-faqar u l-esklużjoni soċjali, proċess li hu segwit tul is-Semestru Ewropew.

Insejsu fuq l-aġenda politika tal-Ewropa

Il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali ilha fuq l-aġenda politika Ewropea sa mill-2001, meta l-Kummissjoni ddefinixxiet it-tagħlim tul il-ħajja bħala l-attività kollha tat-tagħlim li tkun saret tul il-ħajja, bil-għan li jittejbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi minn perspettiva personali, ċivika, soċjali u/jew relatata max-xogħol. Mid-Dikjarazzjoni ta’ Kopenħagen dwar kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, ittieħdu għadd ta’ inizjattivi biex jiġu żviluppati għodod u strumenti Ewropej fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja:

– Fl-2004 ġew adottati Prinċipji Komuni Ewropej għall-validazzjoni f’forma ta’ Konklużjonijiet tal-Kunsill.

– Fl-2004 ġie stabbilit il-qafas Europass, inklużi s-CV tal-Europass u portfoljo ta’ dokumenti li jistgħu jintużaw miċ-ċittadini għal komunikazzjoni u preżentazzjoni aħjar tal-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom madwar l-Ewropa. Għodod oħra għad-dokumentazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim huma l-Youthpass għall-Programm Żgħażagħ Mobbli u l-passaporti tal-ħiliet u l-kwalifiki settorjali, żviluppati bħala parti mid-djalogu soċjali settorjali Ewropew.

– L-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2008 tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) għat-tagħlim tul il-ħajja, kienet pass kruċjali lejn il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali. Il-QEK huwa qafas ta’ referenza tal-livelli tal-kwalifiki ddefiniti permezz tar-riżultati tat-tagħlim. Din l-adozzjoni rriżultat fi proċess kontinwu, li skontu l-Istati Membri qed jistabbilixxu l-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki tagħhom u jqabblu l-kwalifiki tagħhom mal-livelli tal-kwalifiki Ewropej. Permezz ta’ dan il-proċess il-kwalifiki se jkunu jistgħu jitqabblu aħjar u se jkunu jistgħu jiġu interpretati aktar faċilment mill-impjegaturi, mill-istabbilimenti tal-edukazzjoni, mill-ħaddiema u minn min ikun qed jitgħallem.

– Fl-2009, il-Kummissjoni u s-Cedefop ippubblikaw Linji gwida Ewropej għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux informali u informali li jagħtu lil min ifassal il-politika u lill-prattikanti pariri tekniċi dwar il-validazzjoni. Dawn jiffukaw fuq perspettivi differenti tal-validazzjoni (pereżempju, individwali, organizzazzjonali, nazzjonali, Ewropea). Il-linji gwida jikkostitwixxu għodda prattika li għandha tiġi applikata fuq bażi volontarja.

– Flimkien mal-għodod l-oħra, is-sistemi ta’ krediti bbażati fuq ir-riżultati tat-tagħlim jiffaċilitaw il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali. Għall-edukazzjoni għolja teżisti s-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferimenti ta’ Krediti (ECTS), li ġiet żviluppata skont il-proċess ta’ Bolonja biex tiffaċilita l-mobbiltà bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja. Għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali teżisti s-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET).

Barra minn hekk mill-2007, il-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja, iffinanzja għadd ta’ proġetti bi prova li ppermettew l-iżvilupp tal-proċessi u l-għodod ta’ validazzjoni f’setturi jew kuntesti speċifiċi, partikolarment fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni tal-adulti. Il-Fond Soċjali Ewropew intuża f’ċerti pajjiżi għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ validazzjoni.

Minkejja l-eżistenza ta’ dawn il-politiki Ewropej, il-progress fil-validazzjoni ma kienx wieħed uniformi, kien irregolari u sar bil-mod fl-Ewropa kollha.

Skont l-aktar aġġornament reċenti tal-Inventarju Ewropew tal-2010 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, huma biss erba’ Stati Membri li għandhom sistema ta’ validazzjoni tassew żviluppata, filwaqt li sebgħa oħra għandhom sistema nazzjonali li għadha fil-bidu jew sistema ta’ validazzjoni stabbilita sew, iżda parzjali, f’settur wieħed jew aktar.

Il-bżonn għal azzjoni immedjata

Dan ifisser li l-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE ma għandhomx sistema ta’ validazzjoni komprensiva. Il-pajjiżi li għandhom sistema żviluppata sew għandhom approċċ lejn il-validazzjoni integrat fis-sistema tagħhom ta’ tagħlim tul il-ħajja (pereżempju ankrat legalment), infrastruttura li tħeġġeġ il-validazzjoni, involviment qawwi tal-partijiet interessati (partikolarment l-imsieħba soċjali) u validazzjoni li hi affordjabbli għall-applikanti. Reċentement, xi pajjiżi ħadu inizjattivi dwar il-validazzjoni bħala parti mill-iżvilupp ta’ Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki. F’pajjiżi oħra, kien hemm żviluppi limitati, li jirriflettu nuqqas ta’ strateġiji nazzjonali, nuqqas ta’ għarfien dwar kif għandha ssir il-validazzjoni fil-prattika u - f'ċerti każijiet - nuqqas ta' fiduċja fil-validazzjoni min-naħa tal-individwi u tal-impjegaturi, kif ukoll ostakoli kulturali u ta' attitudni.

Id-disponibbiltà mhux uniformi tal-politiki u l-prattiki ta’ validazzjoni, kif ukoll id-differenzi eżistenti bejn l-Istati Membri, tnaqqas il-komparabbiltà u t-trasparenza tas-sistemi ta’ validazzjoni. Dawn jagħmluha diffiċli għaċ-ċittadini biex jikkumbinaw ir-riżultati tat-tagħlim miksubin f’kuntesti differenti, f’livelli differenti u f’pajjiżi differenti. Dawn joħolqu ostakoli għall-mobbiltà transnazzjonali ta’ min ikun qed jitgħallem u tal-ħaddiema, fi żmien meta l-mobbiltà hija neċessarja għal aktar tkabbir ekonomiku.

Minħabba l-bżonn urġenti li tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema biex ma jkunx hemm nuqqas daqstant kbir ta' ħiliet fil-forza tax-xogħol, kif ukoll biex il-ħiliet u l-kompetenzi li jkunu nkisbu barra mis-sistemi formali jingħataw valur aħjar, il-Kummissjoni, fl-inizjattivi prinċipali ta' Ewropa 2020 "Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi”[2] u “Żgħażagħ Mobbli”[3] u fl-inizjattivi reċenti tagħha fir-rigward tal-Att dwar is-Suq Uniku[4] u l-Pakkett dwar l-Impjiegi[5], ħabbret din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali bħala kontribut f’livell tal-UE lejn l-aċċellerazzjoni tal-aġenda għal riforma.

Azzjoni tal-UE dwar il-validazzjoni bl-għan ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni fl-Istati Membri kollha, tista' tiffaċilita l-mobbiltà tal-ħaddiema u ta’ min ikun qed jitgħallem, permezz ta’ rikonoxximent reċiproku aħjar ta’ ħiliet li jkunu nkisbu b'mod mhux formali u informalment. Bl-introduzzjoni ta’ aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri, it-trasparenza tas-sistemi ta' validazzjoni tiżdied u l-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fis-sistemi ta' validazzjoni ta' xulxin titjieb. Jistgħu jibbenifikaw minn dan, b’mod speċjali, l-Istati Membri b’livelli baxxi ta’ fiduċja u bi tradizzjonijiet dgħajfin fil-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u dak informali. Il-fiduċja reċiproka ma tistax tintlaħaq b’mod daqstant effettiv mill-Istati Membri waħedhom, mingħajr azzjoni f’livell tal-UE.

Il-monitoraġġ speċifiku tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa parti mill-aspetti legali ta' din il-proposta. Il-Kummissjoni se ssegwi wkoll il-progress ġenerali fir-rigward tal-validazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali fl-Istati Membri kollha fil-qafas tar-riformi strutturali ġenerali tal-edukazzjoni u t-taħriġ immonitorjati permezz tas-Semestru Ewropew u l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni “Edukazzjoni u Taħriġ 2020”.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Il-konsultazzjoni

Il-konsultazzjoni saret f’dawn il-forom:

– Konsultazzjoni miftuħa, permezz ta’ stħarriġ onlajn li sar bejn Diċembru 2010 u Frar 2011. Intbagħtu stediniet għal parteċipazzjoni fl-istħarriġ onlajn u biex jiġi ppreżentat dokument ta’ pożizzjoni, lill-membri tal-aktar gruppi rilevanti u lill-partijiet interessati oħra fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjieg, iż-żgħażagħ u l-isport[6].

– Diskussjoni waqt laqgħat tal-korpi ta’ politika, partikolarment il-Grupp Konsultattiv dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

– Laqgħat speċjalizzati u attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari organizzati mill-Grupp dwar ir-Riżulatati tat-Tagħlim li jopera bħala parti mill-Grupp Konsultattiv dwar il-QEK;

– Attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tal-adulti.

L-imsieħba soċjali, kemm l-impjegaturi u kemm ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins, ġew ikkonsultati bħala membri tal-Grupp Konsultattiv dwar il-QEK u permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’diversi attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari.

Għall-istħarriġ onlajn li ssemma fuq waslu 469 rispons għall-mistoqsijiet magħluqa u miftuħa, kif ukoll 24 dokument ta’ pożizzjoni. Ir-rispons kien wieħed pjuttost ibbilanċjat bejn l-individwi (53 %) u l-organizzazzjonijiet (47 %).

Ir-riżultati wrew nuqqas ta’ koerenza ġenerali fl-approċċi lejn il-validazzjoni fl-Istati Membri u bejniethom, kif ukoll għadd kbir ta’ restrizzjonijiet fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-validazzjoni fil-prattika. Ir-rispons wera kunsens sorprendenti fir-rigward tal-importanza li l-ħiliet miksubin tul l-esperjenzi tal-ħajja u tax-xogħol ikunu viżibbli. Dawn urew appoġġ wiesa’ għal inizjattiva Ewropea biex ittejjeb il-politika ta’ validazzjoni u l-prattika fl-Istati Membri tal-UE.

Il-konsultazzjoni tal-Grupp Konsultattiv dwar il-QEK u d-diversi attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari, iġġenerat ukoll appoġġ pożittiv għal inizjattiva Ewropea dwar il-validazzjoni.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt

Fil-valutazzjoni tal-impatt tqabblu tliet għażliet għal azzjoni Ewropea fil-qasam tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, jiġifieri (1) ix-xenarju ta’ referenza, magħmul mis-sitwazzjoni kurrenti u l-evoluzzjoni mistennija tagħha jekk ma titteħidx aktar azzjoni mill-UE, (2) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali u (3) it-twaqqif ta' proċess ġdid ibbażat fuq metodu miftuħ ġdid ta' koordinazzjoni iffukat fuq il-validazzjoni biex b'hekk tiġi żviluppata karta Ewropea ta' kwalità dwar il-validazzjoni.

L-impatti soċjali, ekonomiċi u impatti oħrajn tat-tliet għażliet ikkunsidrati ġew eżaminati f’termini kwalitattivi abbażi tal-impatti mistennija, peress li m’hemmx dejta fattwali disponibbli.

L-Għażla 2, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-validazzjoni, uriet li hija l-aktar għażla effettiva u effikaċi, li tiġġenera l-aktar impatti ekonomiċi u soċjali pożittivi. Din l-għażla hija l-aktar waħda konsistenti mal-għanijiet politiċi tal-UE. Skont Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, l-Istati Membri jieħdu impenn formali li jwettqu azzjoni. Din hija l-aktar strument disponibbli b’saħħtu fil-qasam tal-liġi nonvinkolanti. L-esperjenza tal-passata, partikolarment fir-rigward tal-QEK, uriet li din għandha l-abbiltà li tiġġenera pressjoni fuq il-pari għal azzjoni mill-Istati Membri.

Fir-rigward tal-Għażla 1 (ix-xenarju ta’ referenza) il-valutazzjoni tal-impatt uriet li s-sitwazzjoni kurrenti tal-validazzjoni hija mistennija li tinbidel biss bil-mod jekk ma titteħidx aktar azzjoni, u dan jimplika li d-disponibbiltà u l-użu limitati tal-validazzjoni tal-esperjenzi tat-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll in-nuqqas ta' approċċ armonizzat fir-rigward tal-validazzjoni madwar l-Ewropa, se jkomplu jippersistu.

L-Għażla 3 (MMK ġdid) tista’ tiġi mistennija li twassal għal titjib meta mqabbla max-xenarju ta’ referenza fir-rigward tal-effettività, l-effikaċja u l-koerenza tal-impatt mal-għanijiet usa’ tal-politika tal-UE. Madankollu, it-twaqqif ta' MMK ġdid joħloq strutturi addizzjonali u mekkaniżmi ta' rappurtar addizzjonali, li jżidu l-piż u l-ispejjeż amministrattivi għall-Istati Membri. Barra minn hekk dan ma jipprovdix biżżejjed garanziji tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ validazzjoni f'limitu ta' żmien raġonevoli, billi s-suċċess tiegħu jiddependi esklussivament fuq il-metodu MMK.

Il-valutazzjoni tal-impatt uriet ukoll il-vantaġġi li ġejjin ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunisll li tiffoka fuq l-implimentazzjoni, meta mqabbla maż-żewġ għażliet l-oħrajn:

– Din se tindirizza l-lakuna fil-validazzjoni li teżisti attwalment fl-istrumenti u l-għodod Ewropej eżistenti, bħall-QEK, il-Europass u s-sistemi ta' krediti. Din se tindirizza b'mod partikolari nuqqas fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, li jipprevedi l-promozzjoni tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, iżda li ma jipprovdix gwida dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

– Din tipproponi miżuri prattiċi u konkreti għall-implimentazzjoni tal-validazzjoni fl-Istati Membri;

– Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, bħala strument legali, turi l-impenn tal-Istati Membri lejn il-miżuri stabbiliti, li l-maġġornaza tagħhom jirrikjedu implimentazzjoni fil-livell nazzjonali u adattament għall-kuntest nazzjonali;

– Din tinvolvi b’mod ċar lill-partijiet interessati rilevanti (il-partijiet interessati fis-suq tax-xogħol, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ/voluntarji, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ) fl-iżvilupp tas-sistemi ta’ validazzzjoni.

– L-Istati Membri se jkomplu jikkooperaw fl-istrutturi eżistenti tal-MMK, partikolarment fil-Grupp Konsultattiv dwar l-QEK, li jirrappreżentaw struttura ta' implimentazzjoni aktar sempliċi minn dik prevista fl-Għażla 3;

– Din se tifforma bażi politika ġdida u aktar soda għall-kooperazzjoni fil-qasam tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjonijiet proposti

L-azzjonijiet proposti jinkludu rakkomandazzjoni prattika lill-Istati Membri biex sal-2015 jipprovdu lil kull ċittadin bl-opportunità li l-ħiliet, miksubin barra mis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ formali, jiġu validati u li din il-validazzjoni tintuża għal skopijiet ta’ xogħol u ta’ tagħlim madwar l-Ewropa. Fuq livell aktar konkret, dawn l-azzjonijiet jimplikaw ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Istati Membri:

– Li sal-2015 jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti sistemi nazzjonali għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, li jipprovdu l-opportunità liċ-ċittadini kollha li l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom ikunu validati, ikun xi jkun il-kuntest fejn ikun sar it-tagħlim. Dan il-proċess ta’ validazzjoni jipprovdi l-bażi għall-għoti ta’ kwalifika sħiħa jew parzjali, mingħajr ħsara għal liġi oħra applikabbli tal-Unjoni, partikolarment id-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki personali;

– Is-sistemi nazzjonali tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali għandhom jiffukaw fuq l-erba’ aspetti li ġejjin tal-validazzjoni: l-identifikazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim, id-dokumentazzjoni tagħhom, il-valutazzjoni tagħhom meta mqabblin mal-istandards maqbulin u fl-aħħar nett iċ-ċertifikazzjoni tagħhom;

– Fil-forma adattata għal kull kuntest nazzjonali, biex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' validazzjoni tkun disponibbli għal kulħadd (partikolarment għall-gruppi fi żvantaġġ), li l-aċċess għall-validazzjoni jkun affordabbli għaċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jwettqu proċedura ta’ validazzjoni, li jkunu disponibbli l-gwida u l-għoti ta’ pariri adattati u li jkunu affordabbli għaċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jwettqu proċedura ta’ validazzjoni u li jkunu stabbiliti mekkaniżmi trasparenti li jiżguraw il-kwalità u li dawn jiġu applikati għas-sistema ta’ validazzjoni fir-rigward kemm tal-valutazzjoni (metodoloġiji u għodod, valutaturi kwalifikati) u kemm tar-riżultati tagħha (standards maqbulin);

– L-individwi jingħataw l-opportunità li ssirilhom verifika tal-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom fi żmien tliet xhur minn meta jiġi identifikat il-bżonn, bħal pereżempju l-prospett ta’ qgħad jew forom mhux sikuri ta’ xogħol. Għal dan il-għan, għandu jiġi promoss l-użu tal-għodod kurrenti u futuri tal-Europass biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim. Ir-rabtiet bejn l-arranġamenti ta’ validazzjoni u s-sistemi ta' krediti bħall-ECTS u l-ECVET għandhom jissaħħu;

– Jiġu involuti l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti, jiġifieri l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, it-trejdjunjins, il-kmamar tal-kummerċ, l-industrija u s-snajja’ ta’ ħila, l-entitajiet nazzjonali involuti fil-proċess tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, is-servizzi għall-impjiegi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-ħaddiema maż-żgħażagħ, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp tal-mekkaniżmi ta' validazzjoni u fid-dokumentazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim miksubin permezz ta' tagħlim mhux formali u informali;

– ikun hemm promozzjoni tas-sħubijiet u inizjattivi oħra, żviluppati fl-SMEs u f’organizzazzjonijiet żgħar oħra, biex tiġi ffaċilitata d-dokumentazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim;

– Jingħataw inċentivi lill-impjegaturi, lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim miksubin waqt ix-xogħol jew waqt attivitajiet volontarji;

– Jingħataw inċentivi lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali u biex jingħataw eżenzjonijiet abbażi tar-riżultati tat-tagħlim f’xenarji mhux formali u informali u biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn is-servizzi ta’ implimentazzjoni tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tal-impjiegi u taż-żgħażagħ u kif ukoll bejn il-politiki rilevanti.

Il-Grupp Konsultattiv dwar l-QEK se jkun il-korp prinċipali li jimmonitorja l-azzjonijiet proposti f'din ir-rakkomandazzjoni. Il-miżuri proposti jipprevedu wkoll ir-rappurtar dwar is-segwitu tal-azzjonijiet fir-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, ippubblikat bħala parti mill-Istrateġija tal-2020 dwar l-Edukazzjoni u Taħriġ. Fl-aħħar nett, ir-rapport annwali tas-Cedefop dwar l-iżvilupp ta’ Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki fl-Ewropa se jivvaluta l-progress fl-istabbiliment ta' sistemi nazzjonali għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

L-azzjonijiet proposti jħeġġu lill-Kummissjoni biex: 1) taġġorna regolarment il-Linji gwida Ewropej għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali; 2) tiffaċilita t-tagħlim effettiv bejn il-pari u l-iskambju tal-esperjenza u l-prattiki tajba, fejn il-pajjiżi l-anqas żviluppati, fir-rigward tal-validazzjoni, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenzi tal-aktar pajjiżi żviluppati; 3) tikkoopera mal-Istati Membri, filwaqt li tiżgura li l-programmi Ewropej għall-edukazzjoni, it-taħriġ, u ż-żgħażagħ u l-Fondi Strutturali Ewropej jappoġġjaw is-segwitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u 4) tivvaluta u tevalwa, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, is-segwitu tal-azzjonijiet proposti.

Il-Bażi legali

L-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali, billi tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun neċessarju, billi tappoġġja u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali.

Din l-inizjattiva tirrakkomanda linji komuni ta’ azzjoni li għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Istati Membri b’xi ftit appoġġ Ewropew. Din se tipproponi azzjonijiet li jeħtieġ li jiġu implimentati fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Il-livell tal-UE se jipprovdi l-koordinazzjoni inkluża, b’mod partikolari, koordinazzjoni bl-istrumenti Ewropej rilevanti u appoġġ, pereżempju bl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari. L-Istati Membri se jibqgħu kompletament responsabbli mit-tfassil, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-arranġamenti tagħhom (il-liġijiet, ir-regolamenti, il-ftehim kollettiv) għall-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim li jkun sar b'mod mhux formali u b’mod informali. L-azzjoni fiż-żewġ livelli hija kumplementari u l-prerogattivi tal-Istati Membri huma mħarsa.

2012/0234 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-validazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim (l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi) li jinkiseb permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali, inklużi permezz ta’ riżorsi edukattivi miftuħa, hija essenzjali għall-aċċess taċ-ċittadini għas-suq tax-xogħol u għat-tagħlim tul il-ħajja.

(2)       Fi żmien meta l-Unjoni Ewropea qed taffaċċja kriżi ekonomika serja, li qed tikkawża żieda fil-qgħad, il-validazzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti kollha, irrilevanti mill-mod kif ikunu nkisbu, hija aktar rilevanti minn qatt qabel għall-funzjonament tas-suq tax-xogħol u għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku. .

(3)       L-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, l-impjegaturi individwali, it-trejdjunjins, il-kmamar tal-industrija, il-kummerċ u s-snajja’ ta’ ħila, l-entitajiet nazzjonali involuti fil-proċess tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, is-servizzi għall-impjiegi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-ħaddiema maż-żgħażagħ u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma partijiet interessati prinċipali fl-għoti ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim mhux formali u informali u f’kull proċess ta’ validazzjoni li jsir wara.

(4)       L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv 2010[7], tħeġġeġ li l-ħiliet u l-kompetenzi jiġu żviluppati biex jintlaħaq tkabbir ekonomiku u jinħolqu l-impjiegi; l-inizjattivi Prinċipali tagħha[8] jenfasizzaw il-bżonn ta’ mezzi ta’ tagħlim aktar flessibbli li jistgħu jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet bejn il-fażijiet tax-xogħol u dawk ta’ tagħlim u li għandhom jippermettu wkoll li jkun hemm il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(5)       Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)[9] ġie stipulat li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun imfassal b'tali mod li jkopri t-tagħlim fil-kuntesti kollha sew jekk formali, mhux formali jew informali.

(6)       L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabilizzazzjoni; metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ tal-2009[10] tħeġġeġ biex il-ħiliet miksubin minn edukazzjoni mhux formali għaż-żgħażagħ jiġu rikonoxxuti b’mod aħjar; hija enfasizzat il-bżonn li jsir użu sħiħ mill-firxa ta’ għodod stabbiliti fil-livell tal-UE għall-validazzjoni tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki. Din kienet appoġġjata mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)[11],

(7)       Fil-Communiqué ta’ Bruges ta’ Diċembru 2010[12], il-Ministri Ewropej għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, l-Imsieħba Soċjali Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea ddikjaraw li l-pajjiżi parteċipanti għandhom jibdew jiżviluppaw, mhux aktar tard mill-2015, proċeduri nazzjonali għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, appoġġjati kif xieraq mill-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki.

(8)       Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja tat-28 u d-29 ta’ Novembru 2011 ħeġġew lill-Istati Membri jiżviluppaw rotot ċari li jwasslu għall-edukazzjoni għolja minn dik vokazzjonali u minn tipi oħra ta’ edukazzjoni, kif ukoll mekkaniżmi għar-rikonoxximent ta’ tagħlim u esperjenzi minn qabel, li jkunu nkisbu barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali, speċjalment bl-indirizzar tal-isfidi relatati mal-implimentazzjoni u l-użu tal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki marbutin mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki[13].

(9)       Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim fost l-adulti, iddefinixxiet bħala wieħed mill-oqsma prijoritarji tagħha għall-perjodu ta' bejn l-2012 u l-2014, l-implimentazzjoni ta’ sistemi li jiffunzjonaw b’mod sħiħ għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali u l-promozzjoni tal-użu tagħhom minn adulti ta’ kull età u li għandhom kwalunkwe livell ta’ kwalifiki, kif ukoll minn intrapriżi u organizzazzjonijiet oħra[14].

(10)     Il-Kummissjoni fl-Att dwar is-Suq Uniku[15] enfasizzat li aktar mobbiltà fost il-ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati sservi biex l-ekonomija Ewropea tkun waħda aktar kompetittiva u fil-Pakkett dwar l-Impjiegi tas-17 ta’ April 2012[16] enfasizzat il-bżonn li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn id-dinja tax-xogħol u dik tat-taħriġ.

(11)     Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tat-12 ta’ Novembru 2002[17] u d-Dikjarazzjoni ta’ Kopenħagen tat-30 ta’ Novembru 2002[18] talbu li jiġi żviluppat sett ta’ prinċipji komuni fir-rigward tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(12)     Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Mejju 2004 adottaw prinċipji komuni Ewropej dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[19].

(13)     Inventarju Ewropew dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali li jinkludi informazzjoni aġġornata dwar il-prattiki ta’ validazzjoni eżistenti fil-pajjiżi Ewropej, ilu jiġi ppubblikat regolarment sa mill-2004[20] u l-Linji gwida għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali ġew ippubblikati fl-2009[21].

(14)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-Ħajja tat-23 ta’ April 2008[22] stabbilixxiet li l-kwalifiki għandhom ikunu jistgħu jinkisbu permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali; din stiednet ukoll lill-Istati Membri biex jorbtu l-livelli tal-kwalifiki nazzjonali tagħhom mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u fejn ikun meħtieġ, jiżviluppaw Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki li jippromwovu l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(15)     Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004[23] stabbilixxiet il-Europass, portfoljo Ewropew li jista’ jintuża miċ-ċittadini biex dawn jikkomunikaw, jirreġistraw u jippreżentaw aħjar il-kompetenzi u l-kwalifiki tagħhom madwar l-Ewropa.

(16)     Is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) stabbilita skont il-proċess ta’ Bolonja, tagħti krediti għal tagħlim formali bbażat fuq ir-riżultati tat-tagħlim u x-xogħol li jagħmlu l-istudenti, u tiffaċilita wkoll l-għoti minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja ta' krediti bbażati fuq ir-riżultati mit-tagħlim minn esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali u informali.

(17)     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 stabbilixxiet Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET)[24], li għandha tintuża għat-trasferiment, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim tal-individwi, minn kuntesti formali u, fejn xieraq, mhux formali u informali.

(18)     Il-konsultazzjonijiet f’forma ta’ stħarriġ onlajn[25], id-diskussjonijiet fil-korpi politiċi rilevanti kif ukoll l-għadd ta’ attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, urew kunsens sorprendenti fir-rigward tal-importanza li l-ħiliet miksubin minn esperjenzi tal-ħajja u tax-xogħol ikunu viżibbli u wrew appoġġ wiesa’ għal inizjattiva Ewropea biex ittejjeb il-politika u l-prattika tal-validazzjoni fl-Istati Membri tal-UE,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.           L-Istati Membri għandhom, bil-għan li joffru liċ-ċittadini kollha[26] l-opportunità li jagħtu prova ta’ dak li jkunu tgħallmu barra mill-iskola u li jużawh għall-karriera tagħhom u biex ikomplu jitgħallmu:

(1) Jiżguraw, sal-2015, li tiġi stabbilita sistema nazzjonali ta’ validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali[27] li toffri l-opportunità liċ-ċittadini li

i)        jivvalidaw il-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi li jkunu kisbu permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali, inklużi permezz ta’ riżorsi edukattivi miftuħin, u

ii)       jiksbu kwalifika sħiħa jew parzjali abbażi ta’ esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali u informali validati, mingħajr ħsara għal liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli, partikolarment id-Direttiva 2005/36/KE[28] dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali;

(2) Jiżguraw li s-sistema nazzjonali tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali tinkludi dawn l-elementi:

– Appoġġ liċ-ċittadini biex jidentifikaw ir-riżultati tat-tagħlim tagħhom miksubin minn tagħlim mhux formali u informali;

– Għajnuna liċ-ċittadini biex jiddokumentaw ir-riżultati tat-tagħlim tagħhom miksubin minn tagħlim mhux formali u informali;

– Valutazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim ta’ individwu miksubin minn tagħlim mhux formali u informali;

– Ċertifikazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim miksubin permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali f’forma ta’ kwalifika, ta' krediti li jwasslu għal kwalifika jew f'forom oħra xierqa.

Għandu jiġi żgurat li kull ċittadin ikun jista’ japprofitta minn kwalunkwe waħda mill-opportunitajiet b’mod separat jew b’mod konġunt, skont il-bżonnijiet tiegħu.

(3) Jiżguraw li s-sistemi nazzjonali tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, filwaqt li jikkunsidraw il-bżonnijiet nazzjonali, reġjonali u/jew lokali kif ukoll dawk settorjali, jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin:

– Is-sistema ta’ validazzjoni tkun koerenti u parti integrali mill-qafas nazzjonali tal-kwalifiki żviluppat f’konformità mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki;

– L-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ validazzjoni tkun disponibbli faċilment għall-individwi u l-organizzazzjonijiet;

– Il-gruppi żvantaġġjati, inklużi dawk iċ-ċittadini li l-aktar hemm ċans li jkunu qiegħda jew li jkunu f’xogħol mhux sikur, huma speċifikament fil-mira tas-sistema ta’ validazzjoni, billi din tista’ żżid il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tagħlim tul il-ħajja u l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol;

– L-individwi, li jkunu f’sitwazzjonijiet ta’ qgħad jew ta’ xogħol mhux sikur, jingħataw l-opportunità li ssirilhom verifika tal-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom fi żmien tliet xhur minn meta jiġi identifikat il-bżonn;

– L-aċċess għall-validazzjoni jkun affordabbli għaċ-ċittadini li jkunu jixtiequ li ssirilhom proċedura ta' validazzjoni;

– Il-gwida u l-għoti ta’ pariri adattati jkunu disponibbli u affordabbli għall-individwi li jkunu jixtiequ li ssirilhom proċedura ta’ validazzjoni;

– Ikun hemm fis-seħħ miżuri trasparenti li jiżguraw il-kwalità u li jappoġġjaw metodoloġiji u għodod ta’ valutazzjoni li jkunu affidabbli, validi u kredibbli;

– Ikun żgurat l-iżvilupp ta’ kompetenza professjonali tal-persunal involut fil-proċess ta’ validazzjoni fis-setturi rilevanti kollha;

– Il-kwalifiki miksubin permezz tal-validazzjoni ta’ esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali u informali jirrispettaw l-istandards maqbulin li jkunu l-istess jew ekwivalenti għall-istandards tal-kwalifiki miksubin permezz ta’ programmi edukattivi formali;

– Jiġi promoss l-użu ta’ għodod eżistenti u futuri tal-qafas Europass biex tiġi ffaċilitata d-dokumentazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim;

– Ikun hemm sinerġiji bejn l-arranġamenti ta’ validazzjoni u s-sistemi ta’ krediti applikabbli fis-sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ formali, pereżempju l-ECTS u l-ECVET;      

(4) Jiġi żgurat l-involviment tal-partijiet interessati rilevanti bħall-impjegaturi, it-trejdjunjins, il-kmamar tal-industrija, il-kummerċ u s-snajja’ ta’ ħila, l-entitajiet nazzjonali involuti fil-proċess tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, is-servizzi għall-impjiegi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-ħaddiema maż-żgħażagħ u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-komponenti u l-mekkaniżmi msemmija fil-punti 2 u 3, flimkien mal-għoti ta’ inċentivi:.

– lill-impjegaturi, lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim miksubin waqt ix-xogħol jew waqt attivitajiet volontarji, bl-użu tal-għodod rilevanti (partikolarment l-għodod żviluppati skont il-qafas Europass);

– lill-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali abbażi ta’ riżultati tat-tagħlim f’kuntesti mhux formali u informali u, jekk ikun xieraq, l-għoti ta’ eżenzjonijiet u/jew krediti għal riżultati rilevanti tat-tagħlim miksubin f’kuntesti mhux formali u informali;

(5) Jiżguraw koordinazzjoni bejn is-servizz ta’ implimentazzjoni tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tax-xogħol u taż-żgħażagħ, kif ukoll bejn il-politiki rilevanti.

2.           L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(1) Jiżguraw li jsir segwitu ta’ din ir-Rakkomandazzjoni mill-Grupp ta’ Konsulenza dwar il-QEK[29] u jiżguraw l-involviment f'attivitajiet sussegwenti tal-Grupp ta' Konsulenza dwar l-QEK, tal-organizzazzjonijiet rilevanti taż-żgħażagħ u tar-rappreżentanti tas-settur volontarju;

(2) Jirrapportaw dwar il-progress li jkun sar wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fir-Rapport Konġunt li jmiss tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, ippubblikat bħala parti mill-Istrateġija tal-2020 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-2015 u fir-Rapporti Konġunti sussegwenti;

(3) Jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni billi jużaw l-għarfien espert tal-Aġenziji tal-Unjoni, partikolarment is-Cedefop, permezz ta’ rappurtar dwar it-twaqqif tas-sistema nazzjonali tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali fir-rapport annwali dwar l-iżvilupp tal-Oqfsa Nazzjonali tal-Kwalifiki u jappoġġjaw lill-Kummissjoni permezz ta’ aġġornament regolari tal-Inventarju Ewropew dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

3.           Il-Kummissjoni għandha:

(1) Tappoġġja lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati billi:

– Tiffaċilita t-tagħlim effettiv bejn il-pari u l-iskambju tal-esperjenzi u l-prattiki tajba;

– Taġġorna regolarment il-Linji gwida Ewropej għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali li huma mqassrin fl-Anness II;

(2) Tkompli tiżviluppa strumenti, skont il-Qafas Europass, li jiffaċilitaw it-trasparenza u r-rikonoxximent madwar l-Ewropa tar-riżultati tat-tagħlim validati li jkunu nkisbu minn esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali u informali;

(3) Tiżgura li, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Programmi Tagħlim tul il-Ħajja u Żgħażagħ Mobbli, il-programm Ewropew futur għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u l-Fondi Strutturali Ewropej jappoġġjaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(4) Tivvaluta u tevalwa, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati kkonċernati, l-azzjoni meħuda bħala segwitu għal din ir-Rakkomandazzjoni, u tirrapporta lill-Kunsill sal-31 ta' Lulju 2017 dwar l-esperjenza miksuba u l-implikazzjonijiet għall-futur inkluża, jekk ikun neċessarju, ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS I DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) Tagħlim formali jsir f’ambjent organizzat u strutturat, speċifikament dedikat għat-tagħlim u tipikament iwassal għall-għoti ta’ kwalifika, ġeneralment f’forma ta’ ċertifikat jew diploma. Dan jinkludi s-sistemi tal-edukazzjoni ġenerali, it-taħriġ vokazzjonali tal-bidu u l-edukazzjoni għolja.

(b) Tagħlim mhux formali jirrigwarda t-tagħlim li jsir permezz ta’ attivitajiet pjanati (f’termini ta’ għanijiet tat-tagħlim, żmien tat-tagħlim) fejn ikun hemm xi forma ta’ appoġġ għat-tagħlim (pereżempju, relazzjonijiet bejn l-istudenti u l-għalliema). Dan jista’ jkopri programmi li jrawmu l-ħiliet tax-xogħol, il-litteriżmu fost l-adulti u l-edukazzjoni bażika għal min jitlaq kmieni mill-iskola. Każijiet tassew komuni ta' tagħlim mhux formali jinkludu taħriġ ma' kumpanija, li permezz tiegħu l-kumpaniji jaġġornaw u jtejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom bħall-ħiliet fl-ICT, tagħlim strutturat onljan (pereżempju permezz tal-użu ta' riżorsi edukattivi miftuħin), u korsijiet organizzati mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-membri tagħhom, il-grupp fil-mira tagħhom jew il-pubbliku ġenerali.

(c) Tagħlim informali huwa tagħlim li jirriżulta mill-attivitajiet ta' kuljum relatati max-xogħol, il-ħajja tal-familja jew iż-żmien ta' mistrieħ. Dan ma jkunx organizzat jew strutturat f’termini ta’ għanijiet, ħin jew appoġġ għat-tagħlim. It-tagħlim informali jista’ jkun wieħed mhux intenzjonat mill-perspettiva ta’ min ikun qed jitgħallem. Xi eżempji ta’ riżultati tat-tagħlim miksubin permezz ta’ tagħlim informali, huma l-ħiliet miksubin mill-esperjenzi tal-ħajja u tax-xogħol. Xi eżempji huma ħiliet fil-ġestjoni tal-proġetti jew ħiliet fl-ICT miksubin waqt ix-xogħol; lingwi mitgħallma u ħiliet interkulturali miksubin waqt żjara f’pajjiż ieħor; ħiliet tal-ICT miksubin barra mix-xogħol, ħiliet miksubin mill-volontarjat, minn attivatijiet kulturali, mill-isport, mix-xogħol maż-żgħażagħ u permezz ta’ attivitajiet id-dar (pereżempju, tieħu ħsieb tifel/tifla).

(d) Kwalifika tfisser ir-riżultat formali ta’ proċess ta’ valutazzjoni u ta’ validazzjoni li jinkiseb meta korp kompetenti jiddetermina li individwu jkun kiseb ir-riżultati tat-tagħlim sal-livelli preskritti.

(e) Riżultati tat-tagħlim tfisser dikjarazzjonijiet dwar dak li jaf, jifhem u dak li huwa kapaċi jwettaq dak li qiegħed jitgħallem fi tmiem il-proċess ta' tagħlim u li huma definiti f’termini ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi.

(f) Qafas nazzjonali tal-kwalifiki tfisser deskrizzjoni koerenti u komprensiva tal-livelli tal-kwalifiki bbażata fuq ir-riżultati tat-tagħlim.

(g) Validazzjoni hija proċess ta’ konferma minn korp awtorizzat li individwu jkun kiseb riżultati tat-tagħlim li jistgħu jitqabblu ma' standard rilevanti. Din tikkonsisti minn erba’ fażijiet distinti: (1) identifikazzjoni permezz ta’ djalogu tal-esperjenzi partikolari tal-individwu, (2) dokumentazzjoni – biex l-esperjenzi tal-individwu jkunu viżibbli – (3) valutazzjoni formali ta’ dawn l-esperjenzi u (4) rikonoxximent li jwassal għal ċertifikazzjoni, pereżempju kwalifika parzjali jew sħiħa.

ANNESS II:  Sommarju tal-linji gwida dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali

Prattika effettiva: il-perspettiva Ewropea

Il-prattika tal-validazzjoni tat-tagħlim informali u mhux formali għandha tkun kompatibbli mal-elementi prinċipali inklużi fil-prinċipji Ewropej tal-2004 għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, il-prinċipji Ewropej biex tkun żgurata l-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u r-rakkomandazzjoni għal qafas Ewropew ta’ referenza biex tkun żgurata l-kwalità għall-VET.

Il-kooperazzjoni Ewropea fil-validazzjoni għandha tkompli tiġi żviluppata, partikolarment bl-aġġornament u t-titjib regolari ta’ dawn il-linji gwida u tal-inventarju Ewropew dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

L-għodod u l-oqfsa (il-qafas Ewropew tal-kwalifiki, il-Europass, is-sistemi ta’ krediti Ewropej, eċċ.) fil-livell Ewropew jistgħu jintużaw biex jippromwovu l-validazzjoni u jtejbu l-komparabbiltà u t-trasparenza tar-riżultati tal-proċessi tal-validazzjoni u b’hekk titrawwem il-fiduċja lil hinn mill-fruntiera nazzjonali.

Prattika effettiva: il-perspettiva nazzjonali

Il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali għandha tkun ikkunsidrata bħala parti integrali mis-sistema nazzjonali tal-kwalifiki.

L-approċċ formattiv lejn il-valutazzjoni huwa importanti peress li jagħmel enfasi fuq l-“identifikazzjoni” tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi usa’, bħala parti kruċjali mit-tagħlim tul il-ħajja.

Il-validazzjoni kumulattiva jeħtieġ li jkollha rabta definita b'mod ċar u mhux ambigwa mal-istandards użati fis-sistema (jew il-qafas) nazzjonali tal-kwalifiki.

Id-dritt għall-validazzjoni għandu jiġi kkunsidrat fil-każijiet fejn it-tagħlim mhux formali u informali jkun ikkunsidrat bħala l-mezz normali biex tinkiseb kwalifika, b'mod parallel għall-edukazzjoni u t-taħriġ formali.

L-iżvilupp tal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki jista’ jintuża bħala opportunità biex il-validazzjoni tiġi integrata b’mod sistematiku fis-sistemi tal-kwalifiki.

L-introduzzjoni tal-validazzjoni bħala parti integrali ta' qafas nazzjonali tal-kwalifiki tista' tintrabat mal-bżonn li jittejjeb l-aċċess għall-kwalifiki, il-progressjoni fir-rigward tal-kwalifiki u t-trasferiment tagħhom.

Is-sostenibbiltà u l-koerenza tas-sistemi nazzjonali tal-validazzjoni għandhom ikunu appoġġjati minn analiżi regolari tal-ispejjeż meta mqabblin mal-benefiċċji.

Prattika effettiva: il-perspettiva organizzazzjonali

L-edukazzjoni formali, l-intrapriżi, il-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti u l-organizzazzjonijiet volontarji huma l-partijiet interessati prinċipali fl-għoti tal-opportunitajiet għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

Il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali toħloq sfidi għall-edukazzjoni formali fir-rigward tal-firxa tat-tagħlim li jista' jiġi vvalidat u kif dan il-proċess jista' jiġi integrat fil-kurrikulu formali u l-valutazzjoni tiegħu.

Jeżistu vantaġġi kbar għall-intrapriżi jekk dawn jistabbilixxu sistemi biex jiddokumentaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tal-impjegati tagħhom. L-intrapriżi jeħtieġ li joħolqu bilanċ bejn l-interessi leġittimi tagħhom bħala impjegaturi u l-interessi leġittimi tal-impjegati individwali.

Is-settur tal-edukazzjoni għall-adulti huwa kontributur maġġuri għat-tagħlim mhux formali u informali u t-tkomplija tal-iżvilupp tiegħu għandha tkun appoġġjata minn żvilupp sistematiku tal-validazzjoni formattiva u kumulattiva.

It-tielet settur (jew dak volontarju) joffri firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim personalizzati li għandhom valur għoli f’kuntesti oħra. Il-validazzjoni għandha tintuża biex tagħmel viżibbli u tivvalorizza r-riżultati ta’ dan it-tagħlim, kif ukoll biex tassisti fit-trasferiment tagħhom għal kuntesti oħra.

Il-funzjonijiet tal-korpi differenti involuti fil-validazzjoni jeħtieġu koordinazzjoni permezz ta’ qafas istituzzjonali.

Ir-rotta istituzzjonali biex jinkisbu l-validazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ma għandhiex twassal għal ċertifikati li jitqies li għandhom stejtus differenti minħabba r-rotta segwita biex jinkisbu.

Prattika effettiva: l-individwu

L-individwu jinsab fil-qalba tal-proċess ta’ validazzjoni. L-attivitajiet ta’ aġenziji oħra involuti fil-validazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq l-individwu.

Kulħadd għandu jkollu aċċess għall-validazzjoni u l-enfasi fuq il-motivazzjoni biex ikun hemm involviment fil-proċess hija partikolarment importanti.

Il-proċess b’diversi stadji tal-validazzjoni joffri lill-individwi ħafna opportunitajiet biex jiddeċiedu dwar id-direzzjoni futura tal-validazzjoni. It-teħid tad-deċiżjonijiet għandu jkun appoġġjat minn informazzjoni, pariri u gwida.

Prattika effettiva: l-istruttura tal-proċess ta’ validazzjoni

It-tliet proċessi tal-orjentazzjoni, il-valutazzjoni u l-verifika esterna jista’ jintużaw għall-evalwazzjoni tal-proċeduri u l-appoġġ tal-iżvilupp ta’ proċeduri ġodda ta’ validazzjoni.

Prattika effettiva: il-metodi

Il-metodi ta’ validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali huma essenzjalment l-istess għodod li jintużaw fil-valutazzjoni tat-tagħlim formali.

Meta jintużaw għall-validazzjoni, l-għodod għandhom jiġu adottati, ikkumbinati u applikati b’tali mod li jirrifletti l-ispeċifiċità individwali u l-karattru mhux standardizzat tat-tagħlim mhux formali u informali.

L-għodod għall-valutazzjoni jeħtieġ li jkunu adattati biex jaqdu l-iskop tagħhom.

Prattika effettiva: il-prattikanti tal-validazzjoni

L-operat effettiv tal-proċessi ta’ validazzjoni fundamentalment jiddependi fuq il-kontribut professjonali minn dawk li jagħtu l-pariri, il-valutaturi u l-amministraturi tal-proċess ta' validazzjoni. It-tħejjija u t-taħriġ kontinwu ta’ dawn il-persuni huwa importanti b’mod kritiku.

In-netwerking li jippermetti l-qsim tal-esperjenzi u l-funzjonament sħiħ ta’ komunità ta’ prattika, għandu jkun parti minn programm ta’ żvilupp għall-prattikanti.

L-interazzjoni bejn il-prattikanti fi proċess wieħed ta’ validazzjoni x’aktarx li twassal għal prattiki aktar effiċjenti u effettivi li jappoġġjaw lill-individwi li jfittxu l-validazzjoni.

[1]               Dan jinkludi ċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li għandhom residenza legali fl-Unjoni Ewropea.

[2]               COM (2010) 682 finali.

[3]               COM (2010) 477 finali.

[4]               COM (2011) 206 finali.

[5]               COM (2012) 173 finali.

[6]               Ir-Rappreżentanzi Permanenti għall-UE, il-Kumitat tal-Edukazzjoni, il-Grupp Konsultattiv dwar il-Qafas tal-Ewropew tal-Kwalifiki, il-Grupp dwar ir-Rikonoxximent tar-Riżultati tat-Tagħlim, il-Forum tal-Partijiet Interessati fit-Tagħlim tul il-Ħajja, il-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ u l-Edukazzjoni Vokazzjonali, il-Grupp ta’ Utenti tas-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tagħlim tal-Adulti, il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Modernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Għolja, il-Grupp ta’ Segwitu ta’ Bolonja, iċ-ċentri Europass u Euroguidance, in-Netwerk Ewropew għall-Politika dwar l-Iggwidar tul il-Ħajja, il-Bord Konsultattiv Youthpass, in-Netwerk Nazzjonali taċ-Ċentri ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku, in-Netwerk ta’ Rikonoxximent bħala Edukazzjoni Għolja ta’ Tagħlim minn Qabel, il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Mobbiltà tal-Voluntiera Żgħażagħ.

[7]               COM (2010) 2020 finali.

[8]               Żgħażagħ Mobbli, COM (2010) 477 finali, L-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi, COM(2010) 682 finali.

[9]               ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

[10]             COM (2009) 200 finali.

[11]             ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

[12]             http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc/vocational/bruges_mt.pdf.

[13]             ĠU C 372, tal-20.12.2011, p. 36.

[14]             ĠU C 372, tal-20.12.2011, p. 1.

[15]             COM (2011) 206 finali.

[16]             COM (2012) 173 finali.

[17]             ĠU Ċ 13, 18.1.2003

[18]             Dikjarazzjoni tal-Ministri Ewropej tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, u l-Kummissjoni Ewropea, li ltaqgħu f’Kopenħagen fid-29 u t-30 ta' Novembru 2002, dwar kooperazzjoni Ewropea mtejba fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, http://ec.europa.eu/education/pdf/doc125_en.pdf.

[19]             http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc/informal/validation2004_en.pdf.

[20]             http://www.cedefop.europa.eu/EN/about-cedefop/projects/validation-of-non-formal-and-informal-learning/index.aspx.

[21]             Cedefop, 2009, http://www.cedefop.europa.eu/EN/Files/4054_en.pdf.

[22]             ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.

[23]             ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.

[24]             ĠU C 155, 8.7.2009, p. 11.

[25]             http://ec.europa.eu/dgs/education_culture/consult/vnfil/report_en.pdf.

[26]             Ċittadini tal-UE, kif ukoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom residenza legali fl-Unjoni.

[27]             Termini kif inhuma definiti fl-Anness I.

[28]             ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

[29]             Imwaqqaf bir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja, ĠU C 111/1, tas-6.5.2012. p 1.