52012DC0292

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Ewwel Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE /* COM/2012/0292 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Ewwel Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

1........... INTRODUZZJONI....................................................................................................... 4

2........... SFOND......................................................................................................................... 4

2.1........ Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.......................................................................... 5

2.2........ Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008................................................................................. 5

3........... L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 764/2008 MATUL L-2009 SAL-2012     7

3.1........ L-istabbiliment ta' Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti (PCP)................................................. 7

3.2........ L-istabbiliment tal-lista ta' prodotti................................................................................... 7

3.3........ Notifiki mill-Istati Membri............................................................................................... 8

3.4........ Ir-rapporti annwali mill-Istati Membri.............................................................................. 9

3.5........ Laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku.............................. 11

4........... TIXRID TA’ INFORMAZZJONI................................................................................ 11

4.1........ Id-dokumenti ta’gwida.................................................................................................. 11

4.2........ Gwida għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-Moviment Liberu tal-Merkanzija         12

4.3........ Konferenzi, seminars u diskussjonijiet madwar mejda tonda........................................... 12

5........... KONFORMITÀ MAR-REGOLAMENT.................................................................... 13

6........... KONKLUŻJONIJIET................................................................................................. 13

1.           INTRODUZZJONI

Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 764/2008[1] ("ir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku" jew "ir-Regolament”), il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-applikazzjoni ta’ dan l-istrument legali fuq bażi regolari.

Dan l-ewwel rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku qed iqis kif dovut l-eżitu tat-tliet laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-rikonoxximent reċiproku li saru sal-lum[2], in-notifiki indirizzati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skont l-Artikoli 6(2) u 7(2) tar-Regolament, l-informazzjoni pprovduta fir-rapporti annwali indirizzata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament[3], l-input ipprovdut mill-Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti (PCP) nazzjonali[4], l-input speċifiku pprovdut mill-partijiet interessati u l-ilmenti, il-petizzjonijiet u l-mistoqsijiet parlamentari rilevanti għal dan il-qasam li tkun irċeviet il-Kummissjoni.

Fi ħdan il-qasam mhux armonizzat, ir-Regolament jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi, minn naħa waħda, tal-awtoritajiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, tal-intrapriżi li jixtiequ jbigħu fi Stat Membru prodotti mqiegħda fis-suq legalment fi Stat Membru ieħor, meta l-awtoritajiet kompetenti jkunu bi ħsiebhom jieħdu miżuri restrittivi dwar il-prodott skont ir-regoli tekniċi nazzjonali. Ġeneralment dan huwa meqjus bħala biċċa ta' leġiżlazzjoni utli u kkontribwixxa lejn żieda fl-għarfien tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Ir-Regolament naqqas il-piż fuq l-operaturi ekonomiċi li jdaħħlu fi Stat Membru partikolari prodotti li qabel kienu qed jiġu kkumerċjalizzati legalment fi Stat Membru ieħor.

Ir-rapport se juri li r-Regolament jaħdem ġeneralment b’mod sodisfaċenti u li ma' hemm l-ebda ħtieġa għal emendi fil-preżent. Dan juri wkoll li hemm ċerti kategoriji speċifiċi ta' prodotti fejn jidhru li huma konċentrati d-diffikultajiet fl-applikazzjoni tar-Regolament.

2.           SFOND

L-ostakoli tekniċi għall-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-UE għadhom mifruxa. Dawn iseħħu meta l-awtoritajiet nazzjonali japplikaw regoli nazzjonali li jistipulaw rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati mill-prodotti (pereżempju dwar id-deżinjazzjoni, il-forma, id-daqs, il-piż, il-kompożizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ) għall-prodotti li ġejjin minn Stati Membri oħra fejn huma prodotti legalment u/jew kummerċjalizzati. Sakemm dawk ir-regoli jimplimentaw leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE, dawn jikkostitwixxu ostakli tekniċi li għalihom japplikaw l-Artikoli 34 u 36 tat-TFUE. Dan iseħħ anke jekk dawk ir-regoli japplikaw mingħajr distinzjoni għall-prodotti kollha, barranin kif ukoll lokali.

2.1.        Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku

Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li joħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[5], huwa wieħed mill-mezzi li jiżgura l-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern. Ir-rikonoxximent reċiproku japplika għall-prodotti li mhumiex soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-UE, jew għall-aspetti ta' prodotti li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni.

Skont il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, regoli tekniċi nazzjonali differenti jkomplu jeżistu flimkien fis-suq intern. Madankollu, Stat Membru ma jistax, fil-prinċipju, jipprojbixxi l-bejgħ fit-territorju tiegħu ta' oġġetti li huma prodotti legalment u/jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor, anke jekk dawk l-oġġetti huma prodotti skont speċifikazzjonijiet tekniċi jew kwalitattivi li jvarjaw minn dawk meħtieġa għall-oġġetti tiegħu stess. L-Istati Membri jistgħu jitbiegħdu minn dan il-prinċipju u jieħdu miżuri li jipprojbixxu jew li jirrestrinġu l-aċċess ta' tali oġġetti għas-suq nazzjonali biss taħt kundizzjonijiet stretti ħafna.

Għalhekk, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam mhux armonizzat jikkonsisti f'regola u eċċezzjoni:

· ir-regola ġenerali li, minkejja l-eżistenza ta' regola teknika nazzjonali fl-Istat Membru destinatarju, il-prodotti prodotti legalment u/jew ikkumerċjalizzati fi Stat Membru ieħor, igawdu dritt bażiku għall-moviment liberu, iggarantit mit-TFUE;

· l-eċċezzjoni li l-prodotti prodotti legalment u/jew ikkummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor ma jgawdux minn dan id-dritt jekk l-Istat Membru destinatarju jista' jipprova li huwa essenzjali li tiġi imposta regola teknika tiegħu stess fuq il-prodotti kkonċernati fuq il-bażi tar-raġunijiet spjegati fl-Artikolu 36 tat-TFUE (il-protezzjoni tal-moralità pubblika jew is-sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta' persuni, annimali jew pjanti, eċċ.) jew fir-rekwiżiti obbligatorji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti u soġġetti għall-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

2.2.        Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008

Sa ftit ilu, problema ewlenija għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku kien in-nuqqas ta' ċertezza legali dwar l-obbligu tal-provi. Kienet waħda mir-raġunijiet għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 764/2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE.

Ir-Regolament la jkopri, u lanqas kien maħsub li jkopri, il-kamp sħiħ tal-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Minflok, jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru fit-teħid ta’ deċiżjoni jew meta jkun fi ħsiebu jieħu deċiżjoni, skont ir-regoli tekniċi nazzjonali, li jkun ifixkel il-moviment liberu ta’ prodott ikkummerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor u soġġett għall-Artikolu 34 TFUE.

Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali jridu japplikaw ir-Regolament jekk id-deċiżjoni amministrattiva li għandha tittieħed:

(1) tikkonċerna prodott ikkummerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor;

(2) tikkonċerna prodott li mhuwiex soġġett għal-liġi armonizzata tal-UE;

(3) hija indirizzata lil operaturi ekonomiċi;

(4) hija bbażata fuq regola teknika; u

(5) ikollha l-effett dirett jew indirett li l-prodott huwa:

(a) projbit milli jitqiegħed fis-suq;

(b) immodifikat jew soġġett għal ittestjar addizzjonali qabel dan ikun jista’ jitqiegħed jew jinżamm fis-suq; jew

(c) irtirat mis-suq.

Ir-Regolament jitfa’ l-obbligu tal-provi fuq l-awtoritajiet nazzjonali li biħsiebhom jiċħdu l-aċċess għas-suq. Għandhom iniżżlu bil-miktub ir-raġuni teknika jew xjentifika eżatta għall-intenzjoni tagħhom li jiċħdu l-aċċess tal-prodott għas-suq nazzjonali. L-operatur ekonomiku jingħata l-opportunità li jiddefendi l-każ tiegħu u li jressaq argumenti solidi quddiem l-awtoritajiet kompetenti.

Ir-Regolament inaqqas ukoll ir-riskju għall-intrapriżi li l-prodotti tagħhom ma jkollhomx aċċess għas-suq fl-Istat Membru destinatarju billi jistabbilixxi wieħed jew diversi Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti f’kull Stat Membru.

Il-filosofija tar-Regolament issegwi approċċ doppju li jgħaqqad it-trasparenza u l-effiċjenza: it-trasparenza tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet nazzjonali, l-effiċjenza billi tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-verifiki u tal-ittestjar. Id-djalogu preventiv stabbilit bejn l-impriżi u l-amministrazzjonijiet jieħu vantaġġ sħiħ tal-istrumenti għall-prevenzjoni u għas-soluzzjoni amikevoli u effettiva tal-problemi tal-moviment liberu u jista' jitqies bħala l-mekkaniżmu ewlieni tar-Regolament.

Il-valur ewlieni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku huwa prinċipalment pperċepit f’termini ta’ kif din il-biċċa leġiżlazzjoni naqqset l-ispejjeż tal-informazzjoni (pereżempju, billi tagħmel ir-regoli tekniċi nazzjonali aktar aċċessibbli għall-SMEs) u, b’hekk, iffaċilitat l-użu tal-moviment liberu tal-merkanzija u tar-rikonoxximent reċiproku[6].

Ir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku huwa applikabbli fis-27 Stat Membru kollha. L-adozzjoni tiegħu skont il-Ftehim taż-ŻEE kienet għadha pendenti fil-mument tat-tfassil ta’ dan ir-rapport. Filwaqt li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku japplika wkoll għar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija[7], ir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku per se ma japplikax[8].

3.           L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 764/2008 MATUL L-2009 SAL-2012

Matul il-perjodu inkwistjoni, il-Kummissjoni mmonitorjat l-applikazzjoni tar-Regolament fl-Istati Membri, prinċipalment, imma mhux biss, permezz tan-notifiki u r-rapporti indirizzati mill-Istati Membri. Hija organizzat ukoll il-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv.

Il-Kummissjoni wettqet ukoll azzjonijiet speċifiċi biex jiżdied l-għarfien pubbliku tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku fis-suq uniku.

3.1.        L-istabbiliment ta' Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti (PCP)

L-Artikoli 9(1) u (2) kienu jeħtieġu, rispettivament, in-nomina ta' PCP mill-Istati Membri u l-pubblikazzjoni u l-aġġornament regolari mill-Kummissjoni ta' lista bid-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

3.2.        L-istabbiliment tal-lista ta' prodotti

Imbagħad, l-Artikolu 12(4) kien jeħtieġ mill-Kummissjoni l-pubblikazzjoni ta' lista mhux eżawrjenti ta' prodotti li mhumiex soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-UE.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-PCP ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali[9]. Flimkien mal-bażi ta' dejta li fiha l-lista ta’ prodotti li mhumiex soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-UE issa huma wkoll disponibbli online[10], bl-għan li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, il-PCP u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

3.3.        Notifiki mill-Istati Membri

L-Artikoli 6(2) u 7(2) tar-Regolament jistabbilixxu l-obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali biex jinnotifikaw lill-operaturi ekonomiċi u lill-Kummissjoni, rispettivament, id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)[11] u deċiżjonijiet oħra li jistabbilixxu s-sospensjoni temporanja tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott. Fil-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament fit-13 ta' Mejju 2009 u l-31 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni rċeviet 1524 notifika skont l-Artikolu 6(2) u ma rċeviet l-ebda waħda skont l-Artikolu 7(2).

Minn dawn in-notifiki, 90 % jirreferu għal oġġetti ta' metalli prezzjużi, filwaqt li l-bqija għal varjetà ta’ prodotti: oġġetti tal-ikel (jew addittivi tal-ikel/mediċini), xorb enerġetiku u tagħmir elettriku.

In-notifiki s'issa ġew minn seba' Stati Membri. Madankollu, 1378 tan-numru totali tan-notifiki ġejjin minn Stat Membru wieħed u jikkonċernaw l-oġġetti ta' metalli prezzjużi.

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, u kif żviluppat aktar fil-punt 3.4 hawn taħt, dan jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri ma jinnotifikawx id-deċiżjonijiet kollha li jieħdu li jaqgħu taħt l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regolament.

In-numru kbir ta' notifiki li jikkonċentraw fuq il-qasam tal-metalli prezzjużi jista’ jiġi spjegat, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, bl-eżistenza f’ħafna Stati Membri ta' korpi ta' kontroll (uffiċċji ta' assaġġ) permanenti u stabbiliti żmien twil ilu speċifikament iddedikati għall-assaġġ (l-ittestjar), it-tpoġġija ta' boll ta' garanzija u l-kontroll ta’ oġġetti ta' metalli prezzjużi.

Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni fil-passat ippreżentat żewġ proposti differenti dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali rigward oġġetti ta' metall prezzjuż. L-ewwel waħda[12] tressqet fl-1975 u ġiet irtirata fl-1977. L-aktar waħda reċenti[13] tressqet fl-1993. Għadd ta’ Stati Membri (dawk li jsegwu sistema ta' tpoġġija ta' boll ta' garanzija obbligatorja) kienu deċiżi fl-oppożizzjoni tagħhom għal dawn il-proposti u, saħansitra wara l-introduzzjoni ta’ proposta emendata fl-1994, l-oppożizzjoni kompliet fost għadd konsiderevoli ta' Stati Membri. Matul is-snin sussegwenti ma seta' jintlaħaq l-ebda ftehim u konsegwentement il-proposta ġiet irtirata fl-24 ta' Marzu 2005.

Fid-dawl tad-deċiżjonijiet sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja f'dan il-qasam[14], kien ġie ċċarat li l-oġġetti ta' metalli prezzjużi importati minn Stat Membru wieħed u kkummerċjalizzati f'ieħor, li jkunu rċevew legalment fi Stat Membru boll ta' garanzija minn korp li joffri garanziji ta' indipendenza, u li joffri informazzjoni xierqa lill-konsumaturi, għandhom jitħallew jitqiegħdu fis-suq. Ma għandha ssir l-ebda differenza bejn bolol approvati mpoġġija fuq oġġetti manifatturati fl-Istat Membru destinatarju u dawk il-bolol tal-istess tip impoġġija fuq oġġetti importati minn Stati Membri oħra[15].

Għalhekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-UE armonizzata, il-moviment liberu tal-oġġetti ta’ metalli prezzjużi bejn l-Istati Membri jista' jinkiseb bili wieħed isegwi l-metodu tar-rikonoxximent reċiproku mfassal mis-sentenza ta' Houtwipper[16]. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni mhux qed taħseb li tipproponi aktar armonizzazzjoni f'dan il-qasam għalissa.

Fir-rigward tal-oġġetti tal-ikel, l-addittivi tal-ikel u l-mediċini, fid-dawl tal-armonizzazzjoni parzjali f'dan il-qasam, jista’ jkun hemm differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali (pereżempju, il-klassifikazzjoni ta' xi prodotti bħala prodotti mediċinali jew oġġeti tal-ikel, f’diversi Stati Membri, l-użu ta' sustanzi għajr il-vitamini jew il-minerali fil-manifattura tas-supplimenti tal-ikel, eċċ.) li jistgħu jkunu fatturi li jaffettwaw il-moviment liberu ta' dawk il-prodotti. Huma previsti sforzi ulterjuri ta' armonizzazzjoni f'dawk is-setturi.

3.4.        Ir-rapporti annwali mill-Istati Membri

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fuq bażi annwali. Dak ir-rapport għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni dwar l-għadd ta' notifiki bil-miktub mibgħuta skont l-Artikolu 6(1) u t-tip ta' prodotti kkonċernati; informazzjoni suffiċjenti li tikkonċerna kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 6(2), inklużi r-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati dawk id-deċiżjonijiet u t-tip ta' prodotti konċernati; u l-għadd ta' deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 6(3) – deċiżjonijiet negattivi maħsuba li finalment ma ġewx addottati, u t-tip ta' prodotti kkonċernati.

Sal-lum, l-Istati Membri ppreżentaw lill-Kummissjoni tliet rapporti bħal dawn: rapport wieħed li jkopri l-applikazzjoni tar-Regolament minn Mejju 2009 sa Mejju 2010, ieħor li jkopri tali perjodu mill-2010 sal-2011, u rapport supplimentari li jkopri l-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2011. Minn dak il-mument 'il quddiem, ir-rapporti se jintalbu fuq il-bażi tas-sena kalendarja.

Barra l-informazzjoni indikata hawn fuq, dawn il-punti ġew issuġġeriti mill-Kummissjoni:

· analiżi tat-tipi ta' prodotti u/jew setturi li fihom ir-Regolament ġie applikat l-aktar frekwenti;

· informazzjoni dwar l-istruttura u t-tħaddim tal-punti ta' kuntatt għall-prodotti (il-persunal, l-għadd u n-natura tal-mistoqsijiet, il-problemi li nstabu, eċċ.);

· valutazzjoni ta' xi diffikultajiet li nstabu fil-proċess tal-applikazzjoni tar-Regolament u proposti għal titjib possibbli; u

· evalwazzjoni tal-impatt tar-Regolament fuq it-tħaddim prattiku tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku; u

Il-konklużjonijiet ewlenin li ġejjin jistgħu jsiru minn dawn ir-rapporti:

(2) L-opinjonijiet tal-Istati Membri kienu kważi unanimament pożittivi fir-rigward tal-effettività tar-Regolament sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fost dawk in-negozji involuti fil-kummerċ ġewwa l-UE.

(3) Il-maġġoranza tad-deċiżjonijiet, t-talbiet għall-informazzjoni u l-ilmenti li jirċievu l-amministrazzjonijiet nazzjonali jikkonċernaw kategoriji speċifiċi ta' oġġetti: oġġetti ta’ metalli prezzjużi, oġġetti tal-ikel, addittivi tal-ikel u supplimenti tal-ikel, prodotti tal-kostruzzjoni, fertilizzanti, spare parts tal-karozzi, prodotti elettriċi, u ilma tan-nixxiegħa.

(4) Dawn jikkonfermaw li l-awtoritajiet nazzjonali mhux dejjem qed jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-deċiżjonijiet negattivi li jadottaw realment. Din is-sitwazzjoni tista' tkun dovuta għal diversi raġunijiet:

– F’xi Stati Membri deċentralizzati, il-korpi reġjonali jew lokali huma kapaċi jadottaw – u tabilħaqq hekk jagħmlu, deċiżjonijiet negattivi, li sussegwentement, la jiġu nnotifikati lill-gvern ċentrali (li jħejji r-rapporti annwali) u lanqas lill-Kummissjoni;

– jidher li għad hemm xi nuqqas ta’ ftehim dwar il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament[17] kif ukoll dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' biċċiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE[18]; għalhekk, diversi deċiżjonijiet negattivi realment adottati minn xi Stati Membri jidhru li ma tqiesux bħal dawk id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament u għalhekk mhux komunikati lill-Kummissjoni.

Ukoll, xi inċertezza dwar kif u meta għandu jiġi applikat ir-rikonoxximent reċiproku fil-prattika spiss tissemma min-negozji, il-PCP u l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Aktar tixrid ta’ informazzjoni, kif dettaljat taħt il-punt 4 hawn taħt, jidher l-aktar mod xieraq biex tiġi indirizzata din il-problema. Madankollu, il-Kummissjoni għandha ttenni dak li huwa previst fl-Artikoli 6(2) u 7(2) tar-Regolament li kull meta tiġi adottata deċiżjoni skont ir-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku mill-awtoritajiet nazzjonali, dawn huma marbuta li jinnotifikawha lill-Kummissjoni u lill-operatur ekonomiku fl-istess ħin.

3.5.        Laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku

Matul it-tliet laqgħat li s'issa saru mill-Kumitat Konsultattiv stabbilit mill-Artikolu 13 tar-Regolament, il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-Istati Membri[19] ddiskutew kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ dan l-istrument leġiżlattiv.

Is-suġġetti ta' diskussjoni ewlenija matul dawn l-ewwel tliet laqgħat kienu d-dokumenti ta' gwida mħejja mill-Kummissjoni (ara l-punt 4.1 hawn taħt), ir-rwol tal-PCP, il-lista ta' prodotti li jaqgħu taħt ir-Regolament, il-kwistjonijiet li jittrattaw l-obbligi ta’ informazzjoni, id-diffikultajiet perċepiti matul l-applikazzjoni tar-Regolament u l-istima tal-possibbiltajiet taħt in-netwerk telematiku msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-PCP u/jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

4.           TIXRID TA’ INFORMAZZJONI

Il-Kummissjoni elaborat dokumenti ta’ gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament f'setturi partikolari u kienet qed tieħu passi oħra għat-titjib tal-mod kif jaħdmu l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u r-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku.

4.1.        Id-dokumenti ta’gwida

Serje ta' dokumenti ta' gwida (disgħa għalissa) li joffru tagħrif prattiku dwar l-applikazzjoni tar-Regolament għal xi kwistjonijiet partikolari tħejjew mill-Kummissjoni fuq talba u bil-kontribut tal-membri tal-Kumitat Konsultattiv. Dawn jirrigwardaw:

· Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 98/34/KE u Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku,

· L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku għall-oġġetti ta’ metalli prezzjużi,

· Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva 2001/95/KE u r-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku,

· L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku għas-supplementi tal-ikel,

· L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku għad-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi,

· L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku għall-proċeduri ta' awtorizzazzjoni minn qabel,

· L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku għall-armi u l-armi tan-nar,

· L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku għall-fertilizzanti u l-mezzi ta' tkabbir, u

· L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku għall-prodotti tal-kostruzzjoni mhux immarkati bil-marka CE.

Dawn id-dokumenti indikattivi u mhux legalment vinkolanti ġew ukoll magħmula pubbliċi permezz tal-paġna web tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku[20]. L-għan tagħhom huwa li jipprovdu gwida "faċli għall-utent" dwar l-applikazzjoni tar-Regolament u se jkunu aġġornati biex jirriflettu l-esperjenza u l-informazzjoni tal-Istati Membri, l-awtoritajiet u n-negozji.

4.2.        Gwida għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-Moviment Liberu tal-Merkanzija

L-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jeħtieġ għarfien bażiku tal-prinċipji dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. Il-Kummissjoni ppubblikat id-dokument "Free movement of goods. Guide to the application of Treaty provisions governing the free movement of goods” (Il-moviment liberu tal-merkanzija. Gwida għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw il-moviment liberu tal-merkazija) li fih tiddeskrivi partikolarment il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u tiġbor fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-aktar rilevanti dwar is-suġġett. Huwa disponibbli fuq il-paġna web tal-Kummissjoni dwar il-moviment liberu fis-settur mhux armonizzat[21].

4.3.        Konferenzi, seminars u diskussjonijiet madwar mejda tonda

Mill-2009 il-Kummissjoni organizzat jew ħadet sehem fi 12-il seminar dwar ir-rekonoxximent reċiproku fis-suq intern u l-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku. Il-parteċipanti ewlenin kienu akkademji u setturi speċifiċi tan-negozju mill-oqsma l-aktar spiss ikkonċernati mir-rikonoxximent reċiproku. L-amministrazzjonijiet nazzjonali dehru favur li jsiru tali seminars b’mod aktar regolari.

5.           KONFORMITÀ MAR-REGOLAMENT

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, ma saru la sentenzi speċifiċi mill-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas proċeduri ta' ksur ikkonċentrati fuq l-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku.

Minħabba n-natura tar-Regolament bħala att leġiżlattiv direttament applikabbli tal-Unjoni Ewropea, huwa infurzabbli immedjatament u direttament fl-Istati Membri kollha. Kif speċifikat fir-Regolament, kwalunkwe deċiżjoni li għaliha japplika dan ir-Regolament għandha tispeċifika r-rimedji disponibbli sabiex operatur ekonomiku jkun jista' jressaq proċedimenti quddiem il-qorti jew it-tribunal nazzjonali kompetenti. Għalhekk, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni korretta tar-Regolament f’sitwazzjonijiet konkreti, filwaqt li ma tiġix eskluża azzjoni possibbli tal-Kummissjoni, għandhom jiġu trattati mill-korpi nazzjonali kompetenti.

6.           KONKLUŻJONIJIET

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, ċerti aspetti tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku jeħtieġu monitoraġġ kontinwu u jistgħu jkunu soġġetti għal aktar kjarifika.

Minbarra l-kategoriji speċifiċi ta' oġġetti imsemmija fil-punti 3.3 u 3.4 hawn fuq, il-kwistjonijiet li ġejjin jikkostitwixxu oqsma fejn il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li jsir monitoraġġ mill-qrib u regolari permezz tal-Kumitat Konsultattiv dwar ir-rikonoxximent reċiproku:

· diffikultajiet biex jintwera li prodott ġie kkummerċjalizzat legalment fi Stat Membru ieħor;

· diffikultajiet li jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet legali li japplikaw u liema huma l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti inkarigati;

· metodi ta' ttestjar differenti li jiddependu fuqhom l-Istati Membri u l-kompatibbiltà possibbli tagħhom permezz tar-rikonoxximent reċiproku; u

· ir-rwol tal-proċeduri ta' awtorizzazzjoni minn qabel.

Wara li qieset l-informazzjoni miksuba dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa meħtieġ, f’dan l-istadju, li tressaq xi proposta għall-emenda tiegħu.

Madankollu, il-Kummissjoni tixtieq ukoll tenfasizza l-impenn tagħha biex tkompli timmonitorja l-qasam partikolarment importanti tar-rikonoxximent reċiproku fis-suq uniku billi: a) ittejjeb l-informazzjoni u tiżviluppa t-taħriġ; b) tieħu vantaġġ mill-istrumenti għall-prevenzjoni u għas-soluzzjoni amikevoli u effettiva tal-problemi tal-moviment liberu u c) tirrikorri, jekk jenħtieġ, għall-possibbiltajiet eżistenti mogħtija taħt il-liġi tal-UE biex telimina ostakoli illegali.

F'dan is-sens, il-Kummissjoni tipproponi t-tkomplija matul il-perjodu 2012-2017 tal-eżami u d-diskussjoni fi ħdan il-Kumitat Konsultattiv tas-suġġetti fl-oqsma msemmija hawn fuq bl-għan li tanalizza l-funzjonament tal-qafas legali tal-UE eżistenti għar-rikonoxximent reċiproku. Jekk id-diskrepanzi fit-tħaddim tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku bejn l-Istati Membri jiksbu sinifikat prattiku akbar, jista’ jkun ġustifikat intervent mill-Kummissjoni.

Fl-aħħar nett, għandu jkun enfasizzat li r-rikonoxximent reċiproku in ġenerali u l-applikazzjoni tar-Regolament b’mod partikolari, ma jistgħux dejjem joffru soluzzjoni biex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq uniku. L-armonizzazzjoni għadha waħda mill-istrumenti l-iżjed effettivi, kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament, għalhekk, se tkompli timmonitorja l-applikazzjoni u l-effetti tar-Regolament u tevalwa kwalunkwe ħtieġa eventwali ta' emendi futuri fir-rapport li jmiss tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 764/2008.

xxx

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex jieħdu nota ta' dan ir-rapport.

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta' ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE , ĠU L 218 tat-13 ta' Awwissu 2008, p. 21-29.

[2]               Dawn it-tliet laqgħat saru rispettivament fl-4 ta' Marzu 2009, fid-19 ta' Novembru 2010 u fit-30 ta' Novembru 2011.

[3]               Dawn ir-rapporti jkopru l-perjodu mit-13 ta' Mejju 2009 – id-data minn meta japplika r-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku, sal-31 ta' Diċembru 2011.

[4]               Il-PCP ġew stabbiliti mill-Artikolu 9 tar-Regolament u l-funzjoni tagħhom kien diskuss fl-Artikolu 10.

[5]               Il-prinċipju origina fil-famuża sentenza Cassis de Dijon tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Frar 1979 (Kawża 120/78 Rewe-Zentral [1979] ECR 649) u kien il-bażi għal żvilupp ġdid fis-suq intern għall-merkanzija. Filwaqt li fil-bidu ma kinitx espressament imsemmija fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, issa hija rikonoxxuta bis-sħiħ (ara, pereżempju, il-Kawża C-110/05 il-Kummissjoni vs l-Italja [2009] ECR I-519, il-paragrafu 34).

[6]               Għal kollha, ara Pelkmans, J., “Mutual recognition: rationale, logic and application in the EU internal goods market”, Paper imressqa fit-tnax-il Simpożju Travemuender, mill-24 sal-26 ta' Marzu 2010 dwar: Oekonomische Analyse des Europarechts: Primaerrecht, Sekundaerrecht und die Rolle des EuGH.

[7]               L-obbligu li jiġi applikat il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għall-prodotti manifatturati u/jew kummerċjalizzati legalment fit-Turkija huwa bbażat fuq l-Artikoli minn 5 sa 7 tad-Deċiżjoni 1/95 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Turkija tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-implimentazzjoni tal-fażi finali tal-Unjoni Doganali (ĠU L 35 tat-13 ta' Frar 1996) li jipprevedu l-eliminazzjoni tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi bejn l-UE u t-Turkija. Skont l-Artikolu 66 tad-Deċiżjoni 1/95, l-Artikoli minn 5 sa 7, għall-finijiet tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom għall-prodotti koperti mill-Unjoni Doganali, għandhom jiġu interpretati b'mod konformi mas-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-Artikoli 34 u 36 tat-TFUE, partikolarment il-kawża "Cassis de Dijon", japplikaw għall-Istati Membri tal-UE u t-Turkija.

[8]               Madankollu, it-Turkija reċentement ħadet l-impenn li tniedi l-proċedura interna għall-adozzjoni tal-Abbozz tar-Regolament tagħha stess dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku fil-Qasam Mhux Armonizzat.

[9]               Id-dettalji ta’ kuntatt tal-PCP kienu inizjalment ippubblikati fil-ĠU C 185 tas-7 ta’ Awwissu 2009, p. 6-12.

[10]             http://ec.europa.eu/enterprise/intsub/a12/

[11]             Jiġifieri, dawk id-deċiżjonijiet amministrattivi li l-effett dirett jew indirett tagħhom ikun il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta' dak il-prodott jew tip ta' prodott; il-modifika jew l-ittestjar addizzjonali ta' dak il-prodott jew tip ta’ prodott qabel dan ikun jista’ jitqiegħed jew jinżamm fis-suq; jew l-irtirar mis-suq ta’ dak il-prodott jew tip ta’ prodott.

[12]             Proposition de directive du Conseil concernant le rapprochement des legislations des etats membres relatives aux ouvrages en metaux precieux, COM/1975/607/final, l-1 ta' Diċembru 1975; ippubblikata fil-ĠU C 11 tas-16 ta' Jannar 1976, p. 2-11.

[13]             Proposal for a Council Directive on articles of precious metal (Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar oġġetti ta' metall prezzjuż), COM(93) 322 final, l-14 ta' Ottubru 1993; immodifikata minn Amended Proposal for a European Parliament and Council Directive on articles of precious metal (Proposta Emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar oġġetti ta' metall prezzjuż), COM (94) 267 finali, it-30 ta’Ġunju 1994.

[14]             Il-kawżi ewlenin huma s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1982, Proċeduri penali kontra Timothy Frederick Robertson et., Kawża C-220/81; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Settembru 1994, Proċedura kriminali vs Ludomira Neeltje Barbara Houtwipper, Kawża C-293/93 [1994] ECR I-04249]; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ġunju 2001, Kawża C-30/99, il-Kummissjoni vs l-Irlanda [2001] ECR I-04619.

[15]             Għal aktar informazzjoni speċifika dwar din il-kwistjoni, ara d-dokument ta' gwida “L-applikazzjoni tar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku fuq oġġetti ta' metalli prezzjużi” imsemmi fil-punt 4.1 hawn taħt.

[16]             Kawża C-293/93. Ara n-nota 14.

[17]             Speċjalment dwar proċeduri ta' awtorizzazzjoni minn qabel (u, għalhekk, mhux koperti mir-Regolament) f’xi Stati Membri.

[18]             Prinċipalment mad-Direttiva 2001/95/KE (id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti).

[19]             U, mill-2011, tal-EFTA wkoll.

[20]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/free-movement-non-harmonised-sectors/mutual-recognition/

[21]             http://ec.europa.eu/enterprise/policies/single-market-goods/free-movement-non-harmonised-sectors/index_en.htm