52011PC0925

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża /* KUMM/2011/0925 finali - 2011/0458 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-kuntest tal-proposta |

110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Fl-2009, ir-Repubblika Kirgiża ntlaqtet mill-kriżi globali. Ftit wara, il-problemi ekonomiċi tagħha kienu aggravati minn rewwixta popolari, li f’April 2010 neħħiet ir-reġim tal-President Bakiyev fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u ta’ nuqqas ta’ demokrazija. Fil-kuntest tal-vojt fil-poter, f’Ġunju tal-2010 faqqgħet vjolenza interetnika fin-Nofsinhar tal-pajjiż, li ħalliet kważi 470 ruħ mejta u madwar 300 000 ruħ spustati. Minkejja dawn l-avvenimenti traġiċi, il-gvern interim il-ġdid kiseb vot ta’ approvazzjoni għar-riformi demokratiċi f’referendum kostituzzjonali li sar fis-27 ta’ Ġunju 2010. Il-Kostituzzjoni l-ġdida ssaħħaħ, b’mod partikulari, il-poteri tal-parlament. F’Ottubru tal-2010 saru elezzjonijiet parlamentari ħielsa li stabbilixxew l-ewwel demokrazija parlamentari fir-reġjun. L-elezzjonijiet wasslu għal gvern ta’ koalizzjoni wiesa’. Minkejja li s-sitwazzjoni politika għadha fraġli, fit-30 ta’ Ottubru 2011 saru l-elezzjonijiet presidenzjali u fl-1 ta’ Diċembru 2011 laħaq President ġdid, waqt li l-gvern qiegħed imexxi proċess kontinwu ta’ demokratizzazzjoni u riforma li jinsab f’kuntrast mas-sitwazzjoni politika fil-pajjiżi ġirien tal-Asja Ċentrali. Biex tappoġġa l-isforzi tal-awtoritajiet Kirgiżi li huma favur id-demokrazija sabiex itaffu l-konsegwenzi tal-avvenimenti traġiċi, il-komunità internazzjonali wegħdet li tagħti appoġġ lil dan il-pajjiż waqt konferenza tad-donaturi li saret f’Lulju tal-2010. L-UE kienet fost id-donaturi ewlenin. Il-Fond Monetarju Internazzjonali (il-FMI) estenda l-għajnuna lir-Repubblika Kirgiża fl-2010 permezz ta’ Faċilità ta’ tliet xhur ta’ Kreditu Rapidu. F’Ġunju tal-2011, il-FMI laħaq ftehim mal-awtoritajiet tar-Repubblika Kirgiża dwar arranġament ta’ segwitu (Faċilità ta’ Kreditu Estiż) li kien ilaħħaq l-ammont ta’ USD 106 miljun bħala appoġġ għal programm komprensiv ta’ riformi u aġġustamenti ekonomiċi għall-perjodu minn nofs l-2011 sa nofs l-2014. Fl-2010, il-President u l-Ministru tal-Finanzi tar-Repubblika Kirgiża għamlu talba formali lill-UE għall-għajnuna makrofinanzjarja tagħha sabiex tikkomplimenta l-appoġġ mill-FMI. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni vvalutat is-sitwazzjoni makroekonomika u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tar-Repubblika Kirgiża. Il-konklużjonijiet ewlenin tal-valutazzjoni huma li l-avvenimenti politiċi traġiċi tas-sena li għaddiet u l-infiq soċjali u tar-rikostruzzjoni relatat wasslu għal ħtiġijiet kbar ta’ finanzjament estern u fiskali għall-perjodu mill-2011 sal-2012. Filwaqt li dawn il-ħtiġijiet qegħdin jiġu koperti parzjalment mill-komunità internazzjonali, xorta għad hemm ħtiġijiet residwi sostanzjali. Sabiex tissupplimenta r-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-FMI, il-Kummissjoni qed tipproponi li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja ta’ ammont massimu ta’ EUR 30 miljun lir-Repubblika Kirgiża – ammont li nofsu għandu jingħata bħala self u n-nofs l-ieħor bħala għotjiet. Id-defiċit tal-kont kurrenti mistenni jibqa’ f’livell ta’ madwar 8 % tal-PDG fl-2011 u fl-2012 qabel ma jibda jonqos b’mod gradwali għal madwar 5 % tal-PDG sal-2014. Abbażi tal-projezzjonijiet għall-kont kurrenti, għad-dħul tal-kapital privat u għall-finanzjament uffiċjali (minbarra l-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju), il-programm tal-FMI jikkalkula nuqqas fil-finanzjament tal-bilanċ tal-pagamenti ta’ USD 271 miljun fl-2011 u ta’ USD 149 miljun fl-2012. Wara li jitnaqqsu l-finanzjament nett mill-FMI u l-ħlasijiet tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju mill-Bank Dinji, dan iħalli nuqqas ta’ finanzjament estern ta’ madwar USD 330 miljun għas-sentejn, li għandhom jiġu koperti minn donaturi oħrajn. L-operazzjoni tal-għajnuna makrofinanzjarja proposta (ta’ EUR 30 miljun) tikkorrispondi għal madwar 12.4 % min-nuqqas ta’ finanzjament estern li jibqa’ għall-perjodu mill-2011 sal-2012. Il-provvista ta’ għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża, b’mod parallel mal-implimentazzjoni tal-arranġament tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiż tal-FMI u mal-provvista ta’ appoġġ finanzjarju minn donaturi multilaterali oħrajn (il-Bank Dinji) u donaturi reġjonali oħrajn (Il-Bank Asjatiku għall-iżvilupp u l-Fond Kontra l-Kriżijiet tal-“EurAsEC”), se tkun iġġustifikata minħabba r-raġunijiet li ġejjin: billi tgħin sabiex tkopri n-nuqqas stmat fil-finanzjament tal-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiż; billi tappoġġa l-adozzjoni ta’ qafas xierqa għar-riforma makroekonomika u strutturali, l-għajnuna makrofinanzjarja tista’ ssaħħaħ l-istabilità ekonomika u politika u żżid l-effettività tal-interventi permezz ta’ strumenti ta’ appoġġ oħrajn tal-UE; billi tikkontribwixxi għaż-żamma tal-istabilità ekonomika fil-pajjiż matul dan il-perjodu kritiku, hija tgħin lill-awtoritajiet li huma favur id-demokrazija biex jevitaw li jerġa’ jkun hemm vjolenza interetnika li jkollha riperkussjonijiet politiċi u ekonomiċi negattivi fuq il-pajjiżi l-oħra tar-reġjun; l-appoġġ politiku u ekonomiku tal-UE għad-demokrazija parlamentari tar-Repubblika Kirgiża li għadha fil-bidu tagħha se jipprovdi sinjal politiku ta’ appoġġ qawwi min-naħa tal-UE għar-riformi demokratiċi fl-Asja Ċentrali, b’mod konsistenti mal-politika tal-UE għal dan ir-reġjun li ġiet deskritta fl-Istrateġija għall-Asja Ċentrali għall-perjodu mill-2007 sal-2013 u fid-dikjarazzjonijiet li għamlu l-mexxejja tal-UE; dan l-appoġġ se jkun konsistenti wkoll mal-enfasi fuq it-tisħiħ tar-rabta bejn l-għajnuna esterna tal-UE u l-progress fl-oqsma tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, li dan l-aħħar saret aktar ċara fil-kuntest tal-aħħar reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (il-PEV) u fil-Komunikazzjoni Konġunta ta’ Marzu tal-2011 dwar il-viċinat tan-Nofsinhar; bl-istess mod, dan għandu juri lill-pajjiżi l-oħra fir-reġjun li l-UE hija lesta tappoġġa pajjiżi bħar-Repubblika Kirgiża, li jkunu qed jaqbdu triq ċara lejn id-demokratizzazzjoni u r-riformi politiċi, f’mumenti ta’ diffikultajiet ekonomiċi. F’dan il-kuntest, u minħabba l-appoġġ politiku qawwi tal-UE għad-demokrazija parlamentari Kirgiża li għadha fil-bidu tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-prerekwiżiti politiċi u ekonomiċi għal operazzjoni ta’ għajnuna makrofinanzjarja ta’ ammont moderat huma ssodisfati. Filwaqt li r-Repubblika Kirgiża taqa’ barra l-ambitu ġeografiku normali tal-għajnuna makrofinanzjarja, il-kriterji ta’ Genval jipprevedu l-possibbiltà li jiġu approvati operazzjonijiet barra dik iż-żona f’ċirkustanzi eċċezzjonali. L-għajnuna makrofinanzjarja tal-UE se timmira li tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern tal-pajjiż, kif identifikat b’kooperazzjoni mal-FMI fil-kuntest tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiż tal-FMI. L-għajnuna makrofinanzjarja proposta se tappoġġa l-aġenda ta’ riforma ekonomika tal-gvern miftehma mal-komunità internazzjonali tad-donaturi. Hija se tnaqqas il-vulnerabbiltà finanzjarja fuq perjodu taż-żmien qasir li għadha qed tħabbat wiċċha magħha l-ekonomija, filwaqt li tappoġġa l-miżuri ta’ riforma mmirati biex jiksbu bilanċ tal-pagamenti u sitwazzjoni baġitarja aktar sostenibbli fuq perjodu taż-żmien qasir. L-għajnuna se tippromwovi wkoll miżuri ta’ politika maħsuba biex isaħħu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi (abbażi tal-miżuri appoġġati mill-operazzjoni tal-UE li għaddejja bħalissa ta’ appoġġ baġitarju settorjali), riformi tat-taxxa li jsaħħu s-sostenibbiltà fiskali, kif ukoll miżuri li jsaħħu s-sistema bankarja. L-għajnuna makrofinanzjarja l-ġdida proposta se tkun eċċezzjonali u limitata fiż-żmien u hija maħsuba biex timxi b’mod parallel mal-Faċilità ta’ Kreditu Estiż tal-FMI. Hija se tikkumplimenta l-appoġġ mogħti mid-donaturi internazzjonali u bilaterali. |

120 | Il-kuntest ġenerali It-tnaqqis notevoli fit-tkabbir li għaddiet minnu l-ekonomija Kirgiża fl-2009 (il-PDG naqas minn rata medja ta’ 8.5 % fl-2007 sal-2008 għal 2.3 % fl-2009) kien konsegwenza ta’ bosta fatturi esterni severi, fosthom tnaqqis fir-rimessi mill-ħaddiema emigranti, inqas domanda għall-esportazzjonijiet u tnaqqis fl-investiment dirett u f’investiment barrani ieħor. Qabel l-avvenimenti drammatiċi tal-2010, it-tkabbir ekonomiku kien mistenni jirkupra fl-2010 għal 4.5 sa 5.5 %. Madankollu, ir-rewwixta popolari ta’ April 2010 u, aktar minn hekk, iż-żieda fil-kunflitt etniku f’Ġunju wasslu għal deterjorament serju fil-prospetti ekonomiċi. L-għeluq tal-fruntieri, b’mod partikulari mal-Kazakistan, fixkel il-kummerċ, filwaqt li s-sitwazzjoni tas-sigurtà ħalliet impatt negattiv kbir fuq it-turiżmu u fixklet parzjalment il-produzzjoni agrikola. L-attività ekonomika naqset b’10 % fit-tieni kwart tal-2010. Għas-sena kollha kemm hi, il-PDG naqas b’1.4 %. Il-PDG reġa’ kiber b’5.5 % fl-ewwel nofs tal-2011 minħabba li rkupraw is-setturi tal-agrikoltura u tat-tħaffir fil-minjieri kif ukoll ir-rimessi. Id-defiċit fiskali żdied minn 3.5 % tal-PDG fl-2009 għal 6.5 % tal-PDG fl-2010 – ħaġa li tirrifletti l-ispiża baġitarja tal-miżuri relatati mal-kriżi u l-effett negattiv ta’ attività ekonomika aktar dgħajfa. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ kapaċitajiet biex jiġu implimentati l-proġetti ta’ rikostruzzjoni, id-defiċit attwali kien ferm inqas minn dak ta’ 12 % tal-PDG imbassar mill-FMI. Parti mill-infiq li ma sarx fl-2010 ġiet ittrasferita għall-2011, u dan wassal biex id-defiċit baġitarju ppjanat tela’ għal 7.6 % tal-PDG. Il-proġetti tal-enerġija ffinanzjati mis-self b’imgħax baxx mogħti mill-pajjiżi ġirien jistgħu jżidu punt perċentwali addizzjonali ta’ 0.7 tal-PDG mad-defiċit baġitarju tal-2011. Iż-żieda fid-defiċit tirrifletti wkoll id-deċiżjonijiet tal-gvern li jżomm iż-żidiet fil-pensjonijiet mogħtija mill-gvern ta’ qabel u li jżid il-pagi għall-għalliema u għall-impjegati fis-settur tal-kura tas-saħħa sabiex dawn ma jibqgħux taħt il-livell tas-sussistenza. Il-FMI jqis li d-deterjorament temporanju tal-pożizzjoni fiskali fl-2011 tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-irkupru ekonomiku u tista’ tinftiehem minn perspettiva politika. Fl-istess ħin, il-programm tal-FMI jassumi sforz konsiderevoli ta’ konsolidazzjoni fiskali għall-bqija tal-perjodu tal-programm. F’Settembru tal-2011, il-persunal tal-FMI laħaq ftehim b’mod preliminari mal-gvern li jkomplu jiġu ssikkati l-miri fiskali fuq perjodu taż-żmien medju taħt il-programm tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiż – dan ifisser li d-defiċit fiskali (minbarra l-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija) għandu jonqos gradwalment minn madwar 8 % tal-PDG fl-2011 għal 3.8 % tal-PDG sal-2014. Qabża fil-prezzijiet globali tal-ikel u tal-enerġija wasslet għal żieda qawwija fl-inflazzjoni meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, minn 0 % fl-aħħar tal-2009 għal 22.7 % f’Ġunju tal-2011. Filwaqt li l-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija jispjegaw ħafna mill-aċċellerazzjoni fl-inflazzjoni, hemm ukoll evidenza li turi li l-pressjonijiet tal-prezzijiet bdew jinfirxu wkoll għal prodotti oħrajn. Il-bank ċentrali għamel il-politika monetarja ferm iktar stretta minn nofs l-2010 ’l hawn. Bħala parti mill-miżuri ta’ trażżin tiegħu, il-bank ċentrali żied il-bejgħ tiegħu ta’ noti għal perjodu taż-żmien qasir, żied l-obbligi tar-riserva minn 8 % għal 9 %, u żied ir-rata tal-iskont minn 2.7 % f’nofs l-2010 għal aktar minn 13 % f’Settembru tal-2011. Dawn il-miżuri qegħdin jibdew jaħdmu gradwalment, hekk kif, skont it-tbassir tal-FMI, l-inflazzjoni bażika mistennija tonqos minn 17.5 % f’Awwissu tal-2011 għal 13 % sa tmiem l-2011. Il-pożizzjoni esterna tal-ekonomija miftuħa ħafna Kirgiża tibqa’ vulnerabbli minħabba l-volatilità f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ, li tħalli l-finanzjament tad-defiċit kbir tal-kont kurrenti inċert. Tabilħaqq, fl-2008 kienu diġà tfaċċaw diffikultajiet fil-bilanċ tal-pagamenti, minħabba żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi importati u tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-elettriku. Il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi importati reġgħu żdiedu fl-2010. Barra minn hekk, fl-2010, l-esportazzjonijiet agrikoli u servizzi bħat-turiżmu u t-trasport ta’ tranżitu ntlaqtu mill-għeluq tal-fruntieri mill-pajjiżi ġirien, minħabba tħassib dwar is-sigurtà. Id-defiċit tal-kont kurrenti mistenni jilħaq madwar 8 % tal-PDG fl-2011 u fl-2012. Dan huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni ta’ finanzjament minn donaturi esterni, li jkopri n-nuqqas ta’ USD 330 miljun fil-finanzjament estern (imsemmi hawn fuq) (wara l-finanzjament mill-FMI u l-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju mill-Bank Dinji). Il-valur nominali tar-riservi tal-kambju barrani laħaq il-USD 1.9 biljun sa Settembru tal-2011, iżda l-proporzjon tal-kopertura tal-importazzjoni mir-riservi tal-kambju barrani naqas minn 4.9 xhur fl-2009 għal stima ta’ 4 xhur f’nofs l-2011, minħabba li l-valur nominali tal-importazzjonijiet kiber b’rata aktar mgħaġġla mir-riservi tal-kambju barrani. Filwaqt li l-proporzjon tal-kopertura tal-importazzjoni huwa qrib livell li huwa xieraq abbażi tas-suppożizzjonijiet konvenzjonali, il-FMI jikkalkula li r-riservi se jaqgħu taħt il-livelli rakkomandati jekk ma jkunx hemm appoġġ uffiċjali għall-bilanċ tal-pagamenti. Barra minn hekk, il-pożizzjoni esterna tibqa’ vulnerabbli ħafna għax-xokkijiet esoġeni marbuta mal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-prodotti bażiċi. Il-bank ċentrali jħaddem sistema ġestita ta’ rati tal-kambju varjabbli, li tippermetti li r-rata tal-kambju tiġi aġġustata f’każ ta’ pressjonijiet jew xokkijiet sostanzjali, filwaqt li timmira li żżomm rata tal-kambju kompetittiva. Fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali, ir-rata tal-kambju sabet ruħha taħt pressjoni sinifikanti ’l isfel bejn Awwissu tal-2008 u Awwissu tal-2009. Din kienet segwita minn perjodu ta’ stabilità relattiva fir-rata tal-kambju bejn Settembru tal-2009 u Ġunju tal-2010. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-munita nazzjonali kellha t-tendenza li, b’pass moderat, tonqos fil-valur tagħha. L-FMI jistma l-livell attwali tar-rata tal-kambju bħala wieħed li, b’mod ġenerali, huwa konsistenti mal-fatturi fundamentali. Bi tweġiba għall-avvenimenti politiċi tas-sena li għaddiet u għall-implikazzjonijiet ekonomiċi tagħhom, fis-27 ta’ Lulju 2010 il-komunità internazzjonali organizzat Laqgħa tad-Donaturi ta’ Livell Għoli għar-Repubblika Kirgiża f’Bishkek. F’din il-konferenza, id-donaturi impenjaw ruħhom li jipprovdu USD 1.1 biljun f’appoġġ ta’ emerġenza sa tmiem l-2011. L-UE kienet fost id-donaturi ewlenin, u wegħdet li tagħti EUR 117.9 miljun bħala appoġġ għal għadd ta’ oqsma kritiċi. Il-Bank Dinji wiegħed li jagħti USD 200 miljun, inklużi żewġ operazzjonijiet ta’ emerġenza: Proġett ta’ Rkupru ta’ Emerġenza li jammonta għal USD 70 miljun u Operazzjoni ta’ Appoġġ għall-Irkupru Ekonomiku (ERSO) li tammonta għal USD 30 miljun. Il-Bank Asjatiku għall-iżvilupp wiegħed li jagħti USD 100 miljun fil-forma ta’ operazzjoni ta’ appoġġ baġitarju magħrufa bħala Għajnuna ta’ Emerġenza għall-Irkupru u r-Rikostruzzjoni. Ir-Repubblika Kirgiża talbet ukoll għal appoġġ ta’ USD 106.7 miljun mill-Fond għal Kontra l-Kriżijiet tal-Komunità Ekonomika Ewro-Asjatika (“EurAsEC”) (fil-forma ta’ self b’imgħax baxx). Madankollu, l-għoti ta’ dan is-self qiegħed jiddewwem ripetutament. Bejn Settembru u Diċembru tal-2010, ġiet implimentata l-Faċilità ta’ Kreditu Rapidu tal-FMI ta’ SDR 22.2 miljun. L-awtoritajiet laħqu l-miri kollha tal-programm tal-Faċilità ta’ Kreditu Rapidu, u b’hekk bnew rekord tajjeb għall-programm ta’ segwitu. Madankollu, minħabba li l-Faċilità ta’ Kreditu Rapidu mhijiex arranġament komplut ta’ kreditu tas-segment li jinsab fil-parti ta’ fuq u minħabba li hija ta’ natura qasira ħafna, din il-faċilità ma kinitx biżżejjed għall-Kummissjoni biex, f’dak l-istadju, tkun tista’ tikkunsidra li tressaq proposta għall-għajnuna makrofinanzjarja. F’Ġunju tal-2011, il-FMI laħaq ftehim mal-awtoritajiet Kirgiżi dwar Faċilità ta’ Kreditu Estiż li tammonta għal SDR 66.6 miljun (USD 106 miljun) bħala appoġġ għal programm ta’ tliet snin ta’ aġġustament makroekonomiku u riformi strutturali. Il-Faċilità ta’ Kreditu Estiż waqqfet qafas għall-politiki u r-riformi ekonomiċi għall-perjodu medju taż-żmien. Il-FMI laħaq ftehim fil-livell tal-persunal mal-awtoritajiet Kirgiżi dwar l-ewwel reviżjoni tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiż f’Settembru tal-2011, li jipprevedi miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali li huma saħansitra aktar ambizzjużi fid-dawl ta’ prestazzjoni ekonomika u fiskali li kienet aħjar milli kien mistenni. Ir-Repubblika Kirgiża, b’appoġġ minn bosta donaturi (il-KE, il-Bank Asjatiku għall-iżvilupp, il-Bank Dinji u n-NU), ħejjiet Strateġija għall-Iżvilupp tal-Pajjiż għall-perjodu mill-2012 sal-2014, li diġà ġiet approvata mill-gvern. L-Istrateġija għall-Iżvilupp tal-Pajjiż tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma tal-politika li jvarjaw mill-politika makroekonomika ġudizzjarja għall-ordni pubblika, ir-riforma ġudizzjarja, il-kummerċ u l-politika ambjentali. |

Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta L-ebda dispożizzjoni. |

140 | Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni Il-kooperazzjoni tal-UE mar-Repubblika Kirgiża hija bbażata fuq Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) li daħal fis-seħħ fl-1999. L-UE tagħti trattament tas-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) lir-Repubblika Kirgiża. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar ir-Repubblika Kirgiża, il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE laqa’ l-isforzi tal-gvern il-ġdid Kirgiż sabiex jistabbilixxi qafas istituzzjonali demokratiku u stieden lill-Kummissjoni “tkompli tipprovdi assistenza, inklużi programmi ġodda ta’ assistenza, lill-awtoritajiet Kirgiżi fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ riforma tagħhom u biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-pajjiż”. F’Ottubru tal-2010, ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sinjura Ashton, laqgħet it-twettiq paċifiku tal-elezzjonijiet Parlamentari u tenniet li l-UE tinsab lesta li tgħin lir-Repubblika Kirgiża, inkluż fil-promozzjoni tal-irkupru ekonomiku. Il-Kummissjoni Ewropea wegħdet għajnuna li tammonta għal massimu ta’ EUR 117.9 miljun lir-Repubblika Kirgiża waqt il-Laqgħa tad-Donaturi ta’ Livell Għoli li saret f’Lulju tal-2010. Is-sorsi tal-finanzjament jinkludu l-istrumenti tal-kriżi, bħall-istrument għall-istabilità, l-għajnuna umanitarja u l-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-allokazzjonijiet taħt għadd ta’ linji baġitarji tematiċi. L-għajnuna tiffoka l-aktar fuq is-settur tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-settur tal-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u r-riformi legali. L-UE beħsiebha tipprovdi appoġġ baġitarju settorjali lir-Repubblika Kirgiża fil-kuntest tal-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li jammonta għal għadd totali ta’ EUR 33 miljun matul il-perjodu mill-2011 sal-2013, sabiex jiġu appoġġati r-riformi fil-ħarsien soċjali, fl-edukazzjoni u fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-ħlasijiet skont dawn il-programmi u proġetti qegħdin isiru fuq perjodu medju taż-żmien u jiddependu fuq l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet miftehma min-naħa tal-awtoritajiet Kirgiżi. L-għajnuna makrofinanzjarja se tappoġġa l-effettività tal-interventi msemmija hawn fuq, billi tappoġġa l-adozzjoni ta’ qafas xieraq għar-riforma makroekonomika u strutturali. |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

219 | L-għajnuna makrofinanzjarja qed tingħata bħala parti integrali mill-appoġġ internazzjonali għall-programm ta’ rkupru u stabbilizzazzjoni ekonomika tar-Repubblika Kirgiża. Is-servizzi tal-Kummissjoni kkooperaw mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji fil-preparamenti għal-Laqgħa tad-Donaturi ta’ Livell Għoli u saru konsultazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett imwiegħed mad-donaturi bilaterali u multilaterali. Matul it-tħejjija ta’ din il-proposta għall-għajnuna makrofinanzjarja, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonsultaw lill-Fond Monetarju Internazzjonali. Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri tal-UE fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsillieri Finanzjarji qabel ippreżentat il-proposta tagħha għall-għajnuna makrofinanzjarja. Il-Kummissjoni kienet ukoll f’kuntatt regolari mal-awtoritajiet Kirgiżi. |

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert |

229 | Il-Kummissjoni se twettaq Valutazzjoni Operattiva, bl-għajnuna ta’ esperti esterni, li tivverifika l-kwalità u l-affidabbiltà taċ-ċirkwiti finanzjarji pubbliċi u tal-proċeduri amministrattivi tar-Repubblika Kirgiża. |

230 | Il-valutazzjoni tal-impatt L-għajnuna makrofinanzjarja u l-programm ta’ riformi u aġġustamenti ekonomiċi assoċjat magħha għandhom jgħinu sabiex jittaffew il-ħtiġijiet finanzjarji tar-Repubblika Kirgiża fil-perjodu qasir taż-żmien, filwaqt li jappoġġaw il-miżuri ta’ politika maħsuba biex isaħħu l-bilanċ tal-pagamenti u s-sostenibbiltà fiskali fil-perjodu medju taż-żmien u biex iżidu t-tkabbir sostenibbli kif maqbul mal-FMI. B’mod partikulari, hija se tgħin biex jittejbu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Saret evalwazzjoni ex ante li hija mehmuża ma’ din il-proposta. Din tanalizza l-qagħda makroekonomika, l-isfidi tar-riforma, ir-riskji u l-valur miżjud tal-UE għal din l-operazzjoni. |

L-elementi legali tal-proposta |

305 | Sommarju tal-azzjoni proposta L-Unjoni Ewropea għandha tqiegħed għajnuna makrofinanzjarja għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Kirgiża li tammonta għal ammont massimu totali ta’ EUR 30 miljun, li nofsu għandu jingħata bħala self u n-nofs l-ieħor bħala għotjiet. L-għajnuna se tikkontribwixxi biex jiġu koperti l-ħtiġijiet ta’ finanzjament estern li jibqa’ tar-Repubblika Kirgiża fl-2012, kif identifikati mill-Kummissjoni abbażi tal-istimi tal-FMI. L-għajnuna mistennija titħallas fl-2012 f’żewġ pagamenti parzjali ndaqs, li kull wieħed minnhom ikun jikkonsisti minn żewġ elementi - element ta’ għotja u element ta’ self. Il-ġestjoni tal-għajnuna se tkun f’idejn il-Kummissjoni. Għall-għajnuna japplikaw dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-prevenzjoni tal-frodi u ta’ irregolaritajiet oħrajn, b’mod konsistenti mar-Regolament Finanzjarju. Il-ħlas tal-ewwel pagament parzjali huwa mistenni li jsir fl-ewwel semestru tal-2012. It-tieni pagament parzjali, li jiddependi fuq għadd ta’ miżuri tal-politika, jista’ jitħallas fit-tieni semestru tal-2012. Bħalma jiġri s-soltu fl-istrument tal-għajnuna makrofinanzjarja, il-ħlasijiet se jkunu jiddependu fuq reviżjonijiet tal-programm li jsiru b’suċċess skont l-arranġament finanzjarju tal-FMI (il-Faċilità ta’ Kreditu Estiż). Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Kirgiżi se jaqblu dwar miżuri speċifiċi ta’ riforma strutturali f’Memorandum ta’ Ftehim. Il-Kummissjoni se timmira għal riformi strutturali mmirati biex itejbu l-ġestjoni makroekonomika globali u l-kundizzjonijiet għat-tkabbir sostenibbli (pereżempju; billi jkun hemm fil-mira t-trasparenza u l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, ir-riformi fiskali u l-istabilità finanzjarja). Id-deċiżjoni li titħallas nofs l-għajnuna proposta f’għotjiet u n-nofs l-ieħor f’self hija ġġustifikata mil-livell ta’ żvilupp tar-Repubblika Kirgiża (kif imkejjel mid-dħul tagħha ras għal ras) u mill-indikaturi tad-dejn tagħha. Hija konsistenti wkoll mat-trattament mogħti lir-Repubblika Kirgiża mill-Bank Dinji, mill-Bank Asjatiku għall-iżvilupp u mill-FMI, bħala pajjiż tal-IDA biss b’aċċess għall-faċilitajiet ta’ finanzjament ta’ dawn l-istituzzjonijiet f’termini konċessjonarji ħafna. |

310 | Il-bażi legali Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 209 tat-TFUE billi r-Repubblika Kirgiża għandha titqies bħala pajjiż li qiegħed jiżviluppa fis-sens tal-Artikolu 208 tat-TFUE. Skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, ir-Repubblika Kirgiża taqa’ taħt il-kategorija tal-“ekonomiji emerġenti u li qegħdin jiżviluppaw”; skont il-Bank Dinji, ir-Repubblika Kirgiża hija parti mill-grupp ta’ “ekonomiji bi dħul baxx” u tal-“pajjiżi tal-IDA”; skont il-UN-OHRLLS[1], ir-Repubblika Kirgiża taqa’ taħt il-kategorija tal-“pajjiżi maqtugħin mill-baħar li qegħdin jiżviluppaw"; skont il-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, ir-Repubblika Kirgiża hija fil-lista tal-“pajjiżi l-oħra bi dħul baxx”. |

329 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza mħallta tal-UE. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sal-punt li l-għanijiet li tiġi stabbilita mill-ġdid l-istabilità makroekonomika fil-perjodu taż-żmien qasir fir-Repubblika Kirgiża ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar mill-Unjoni Ewropea. Ir-raġunijiet ewlenin huma l-limitazzjonijiet baġitarji ffaċċjati fil-livell nazzjonali u l-ħtieġa għal koordinazzjoni b’saħħitha tad-donaturi sabiex jitkabbru kemm jista’ jkun l-iskala u l-effettività tal-għajnuna. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità |

331 | Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità: hija tillimita ruħha għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-istabilità makroekonomika fil-perjodu qasir taż-żmien u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak l-iskop. |

332 | Kif identifikat mill-Kummissjoni abbażi tal-istimi tal-FMI fil-kuntest tal-Arranġament tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiż, l-ammont tal-għajnuna jikkorrispondi għal 12.4 % tan-nuqqas fil-finanzjament li jibqa’ għall-perjodu mill-2011 sal-2012. Dan huwa konsistenti mar-regoli standard dwar il-qsim tal-piż għall-operazzjonijiet tal-għajnuna makrofinanzjarja. Meta wieħed iqis l-għajnuna mwegħda lir-Repubblika Kirgiża minn donaturi u kredituri bilaterali u multilaterali oħrajn, dan jitqies bħala livell xieraq ta’ qsim tal-piż għall-UE. |

L-għażla tal-istrumenti |

342 | Strumenti oħrajn mhux se jkunu adegwati, minħabba li, fin-nuqqas ta’ regolament ta’ qafas għall-istrument tal-Għajnuna Makrofinanzjarja, id-deċiżjonijiet ad hoc tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill skont l-Artikolu 209 jew 212 tat-TFUE huma l-istrumenti legali x-xierqa għal din l-għajnuna. Il-finanzjament jew l-għajnuna teknika għall-proġetti mhux se jkunu xierqa jew suffiċjenti biex jindirizzaw dawn l-għanijiet makroekonomiċi. Il-valur miżjud ewlieni tal-għajnuna makrofinanzjarja, meta mqabbla ma’ strumenti oħrajn tal-UE, se jkun li hija ttaffi l-limitazzjoni finanzjarja esterna u tgħin sabiex jinħoloq qafas makroekonomiku stabbli, inkluż billi tippromwovi bilanċ tal-pagamenti u sitwazzjoni baġitarja sostenibbli, kif ukoll qafas xieraq għar-riformi strutturali. Billi tgħin biex jiġi stabbilit qafas ġenerali xieraq għall-politiki makroekonomiċi u strutturali, l-għajnuna makrofinanzjarja tista’ żżid l-effettività tal-azzjonijiet iffinanzjati fir-Repubblika Kirgiża minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-UE li huma ffukati iktar. |

Implikazzjonijiet baġitarji |

401 | L-element tal-għotja tal-għajnuna (EUR 15-il miljun) se jiġi ffinanzjat mill-approprjazzjonijiet tal-impenn tal-baġit għall-2012, taħt il-linja baġitarja 01 03 02 (l-għajnuna makroekonomika), u l-pagamenti se jsiru fl-2012. F’konformità mar-Regolament tal-Fond ta’ Garanzija[2], il-forniment tal-Fond ta’ Garanzija mistenni jseħħ fl-2014 u mistenni jammonta għal massimu ta’ EUR 1.35 miljun. Dan jikkorrispondi għal 9 % tas-self ta’ EUR 15-il miljun li mistenni jitħallas fl-2012. |

Informazzjoni addizzjonali |

Analiżi/reviżjoni/klawżola sunset |

533 | Il-proposta tinkludi klawżola sunset. L-għajnuna makrofinanzjarja proposta għandha tkun disponibbli għal sentejn, li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Ftehim. |

2. 2011/0458 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 209 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[4],

Billi:

3. Il-kooperazzjoni mal-UE hija bbażata fuq Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) li daħal fis-seħħ fl-1999. L-UE tagħti trattament tas-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) lir-Repubblika Kirgiża.

4. L-ekonomija Kirgiża kienet affettwata mill-kriżi finanzjarja internazzjonali tal-2009 u mill-vjolenza etnika ta’ Ġunju 2010, li ħarbtu l-attivitajiet ekonomiċi, ħolqu ħtiġijiet ta’ infiq pubbliku sostanzjali għar-rikostruzzjoni u l-għajnuna soċjali, u wasslu għal nuqqasijiet kbar fil-finanzjament estern u fil-baġit.

5. Waqt il-Laqgħa tad-Donaturi ta’ Livell Għoli li saret f’Lulju 2010, il-komunità internazzjonali wegħdet li tagħti USD 1.1 biljun bħala appoġġ ta’ emerġenza sabiex tgħin fl-irkupru tar-Repubblika Kirgiża. Waqt din il-Laqgħa tad-Donaturi ta’ Livell Għoli, l-UE ħabbret li hija se tipprovdi ammont massimu ta’ EUR 117.9 miljun bħala għajnuna finanzjarja.

6. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar ir-Repubblika Kirgiża, il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-UE laqa’ l-isforzi tal-gvern il-ġdid Kirgiż sabiex jistabbilixxi qafas istituzzjonali demokratiku u stieden lill-Kummissjoni “tkompli tipprovdi assistenza, inklużi programmi ġodda ta’ assistenza, lill-awtoritajiet Kirgiżi fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ riforma tagħhom u biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-pajjiż”.

7. L-appoġġ politiku u ekonomiku tal-UE għad-demokrazija parlamentari tar-Repubblika Kirgiża li għadha fil-bidu tagħha se jipprovdi sinjal politiku ta’ appoġġ qawwi min-naħa tal-UE għar-riformi demokratiċi fl-Asja Ċentrali, b’mod konsistenti mal-politika tal-UE għal dan ir-reġjun li ġiet deskritta fl-Istrateġija għall-Asja Ċentrali għall-perjodu mill-2007 sal-2013 u fid-dikjarazzjonijiet li għamlu l-mexxejja tal-UE.

8. Il-proċess ta’ riforma u aġġustament ekonomiku tar-Repubblika Kirgiża huwa appoġġat minn għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). F’Ġunju tal-2011, l-awtoritajiet Kirgiżi qablu mal-Faċilità ta’ tliet snin ta’ Kreditu Estiż tal-FMI li tammonta għal SFR 66.6 miljun bħala appoġġ għall-pajjiż.

9. L-UE beħsiebha tipprovdi appoġġ baġitarju settorjali lir-Repubblika Kirgiża fil-kuntest tal-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp li jammonta għal għadd totali ta’ EUR 33 miljun matul il-perjodu mill-2011 sal-2013, sabiex jiġu appoġġati r-riformi fil-ħarsien soċjali, fl-edukazzjoni u fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

10. Fl-2010, ir-Repubblika Kirgiża talbet lill-UE għall-għajnuna makrofinanzjarja minħabba l-qagħda ekonomika u l-prospetti ekonomiċi li kienu dejjem sejrin għall-agħar.

11. Minħabba li, wara li jitqies l-appoġġ makroekonomiku mogħti mill-FMI u mill-Bank Dinji, għad hemm nuqqas ta’ finanzjament fil-bilanċ tal-pagamenti, u minħabba l-vulnerabbiltà tal-pożizzjoni esterna għax-xokkijiet esoġeni li teħtieġ li jinżamm livell xieraq ta’ riservi tal-kambju barrani, l-għajnuna makrofinanzjarja qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba tar-Repubblika Kirgiża fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali attwali. Il-programm tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-UE għar-Repubblika Kirgiża (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni”) se jappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-pajjiż u l-aġenda tar-riforma strutturali, billi jissupplimenta r-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-FMI skont l-arranġament finanzjarju tiegħu.

12. L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni m’għandhiex tissupplimenta biss il-programmi u r-riżorsi mogħtija mill-FMI u mill-Bank Dinji, iżda għandha tiżgura wkoll il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.

13. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-miżuri meħudin fl-oqsma differenti tal-azzjoni esterna u mal-politiki rilevanti l-oħra tal-Unjoni.

14. L-għanijiet speċifiċi tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fir-Repubblika Kirgiża. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment dawn l-għanijiet.

15. Il-kundizzjonijiet li fuqhom jiġi bbażat il-forniment tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jirriflettu l-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-Unjoni għar-Repubblika Kirgiża.

16. Sabiex ikun żgurat il-ħarsien effiċjenti tal-interessi finanzjarji tal-UE marbuta ma’ din l-għajnuna makrofinanzjarja, jeħtieġ li r-Repubblika Kirgiża tadotta miżuri xierqa marbutin mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra marbuta ma’ din l-għajnuna u miżuri xierqa marbutin mal-ġlieda kontrihom. Jeħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tipprovdi għall-kontrolli x-xierqa u li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi għall-verifiki x-xierqa.

17. Ir-rilaxx tal-għajnuna finanzjarja tal-UE huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtorità baġitarja.

18. Il-ġestjoni tal-għajnuna għandha tkun f’idejn il-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jkunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

19. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[5].

20. L-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni se tkun marbuta ma’ kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li għandhom jiġu stabbiliti f’Memorandum ta’ Ftehim. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta’ effiċjenza, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kundizzjonijiet mal-awtoritajiet Kirgiżi taħt is-superviżjoni tal-Kumitat tal-Istati Membri previst mir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Il-fatt li l-għajnuna hija ta’ ammont massimu limitat jipprovdi għall-ġustifikazzjoni x-xierqa meħtieġa mit-tieni sentenza tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 sabiex l-adozzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim issir permezz tal-proċedura konsultattiva.

21. Skont il-Fond Monetarju Internazzjonali, ir-Repubblika Kirgiża taqa’ taħt il-kategorija tal-“ekonomiji emerġenti u li qegħdin jiżviluppaw”; skont il-Bank Dinji, ir-Repubblika Kirgiża hija parti mill-grupp ta’ “ekonomiji bi dħul baxx” u tal-“pajjiżi tal-IDA”; skont il-UN-OHRLLS[6], ir-Repubblika Kirgiża taqa’ taħt il-kategorija tal-“pajjiżi maqtugħin mill-baħar li qegħdin jiżviluppaw"; skont il-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, ir-Repubblika Kirgiża hija fil-lista tal-“pajjiżi l-oħra bi dħul baxx”. Għalhekk, ir-Repubblika Kirgiża għandha titqies bħala pajjiż li qiegħed jiżviluppa fis-sens tal-Artikolu 208 tat-TFUE, li jiġġustifika l-għażla tal-Artikolu 209 tat-TFUE bħala l-bażi legali għal din id-Deċiżjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

22. L-Unjoni Ewropea għandha tqiegħed għajnuna makrofinanzjarja għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Kirgiża li tammonta għal ammont massimu ta’ EUR 30 miljun, bil-għan li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tal-pajjiż u tkopri l-ħtiġijiet tiegħu marbuta mal-bilanċ tal-pagamenti kif identifikati fil-programm attwali tal-FMI. Minn dan l-ammont, sa EUR 15-il miljun għandhom jingħataw bħala self u sa EUR 15-il miljun għandhom jingħataw bħala għotjiet. Ir-rilaxx tal-għajnuna makrofinanzjarja jiddependi fuq l-approvazzjoni tal-Baġit għall-2012 mill-awtorità baġitarja. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissellef ir-riżorsi meħtieġa f’isem l-Unjoni Ewropea sabiex tiffinanzja l-komponent tas-self tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni. Is-self għandu jkollu maturità massima ta’ 15-il sena.

23. Ir-rilaxx tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għandu jkun amministrat mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u r-Repubblika Kirgiża u mal-prinċipji u l-għanijiet ewlenin tar-riformi ekonomiċi stabbiliti fil-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Kirgiża u fl-Istrateġija għall-Asja Ċentrali għall-perjodu mill-2007 sal-2013. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju bl-iżviluppi fil-ġestjoni tal-għajnuna u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

24. L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni għal sentejn li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta’ Ftehim imsemmi fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 2

1. Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 6(2), għandha tingħata s-setgħa tilħaq ftehim mal-awtoritajiet tar-Repubblika Kirgiża dwar il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji marbutin mal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni Ewropea, li għandhom jitniżżlu f’Memorandum ta’ Ftehim li għandu jinkludi perjodu taż-żmien għat-twettiq tagħhom (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Memorandum ta’ Ftehim”). Il-politika ekonomika u l-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 1(3). Dawn il-kundizzjonijiet se jimmiraw, b’mod partikulari, li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-għajnuna, inklużi tas-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fir-Repubblika Kirgiża. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja regolarment il-progress li jkun qed isir biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. It-termini finanzjarji ddettaljati tal-għajnuna għandhom jiġu stabbiliti fil-Ftehim tal-Għotja u fil-Ftehim tas-Self li għandhom jiġu miftehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Repubblika Kirgiża.

2. Matul l-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-validità tal-arranġamenti finanzjarji tar-Repubblika Kirgiża, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern u estern li huma rilevanti għal din l-għajnuna u ż-żamma tal-perjodu taż-żmien miftiehem.

3. Il-Kummissjoni għandha tivverifika, f’intervalli regolari, li l-politiki ekonomiċi tar-Repubblika Kirgiża jkunu skont l-għanijiet tal-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni u li l-kundizzjonijiet miftehma tal-politika ekonomika jkunu qegħdin jiġu ssodisfati b’mod sodisfaċenti. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Artikolu 3

1. Suġġetta għall-kundizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-Repubblika Kirgiża l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea f’żewġ pagamenti parzjali, li kull wieħed minnhom ikun jikkonsisti f’element ta’ għotja u element ta’ self. Id-daqs ta’ kull pagament parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta’ Ftehim.

2. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali, suġġett għall-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika miftehma fil-Memorandum ta’ Ftehim. Il-ħlas tat-tieni pagament parzjali għandu jseħħ mill-inqas tliet xhur wara li jsir l-ewwel pagament parzjali.

3. Il-fondi tal-Unjoni Ewropea għandhom jitħallsu lill-Bank Nazzjonali tar-Repubblika Kirgiża. Suġġett għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftehma fil-Memorandum ta’ Ftehim, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji li baqa’, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lit-Teżor tar-Repubblika Kirgiża bħala l-benefiċjarju finali.

Artikolu 4

1. L-operazzjonijiet tal-għoti jew tat-teħid ta’ self marbutin mal-komponent ta’ self tal-għajnuna tal-Unjoni Ewropea għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u m’għandhomx jinvolvu lill-Unjoni Ewropea fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, fi kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew fi kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, jekk ir-Repubblika Kirgiża titlob dan, biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar il-ħlas lura kmieni fit-termini u l-kundizzjonijiet tas-self u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet tat-teħid ta’ self.

3. Fuq talba tar-Repubblika Kirgiża u meta ċ-ċirkustanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self, il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja mill-ġdid is-self inizjali kollu jew parti minnu jew tirristruttura l-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta’ finanzjament mill-ġdid jew ta’ ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 u m’għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità medja tas-self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta’ kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4. L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni Ewropea li huma marbutin mal-operazzjonijiet tal-għoti jew tat-teħid ta’ self skont din id-Deċiżjoni għandhom jitħallsu mir-Repubblika Kirgiża.

5. Il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju għandhom jinżammu infurmati dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 5

L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi implimentata skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[7] u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. B’mod partikulari, il-Memorandum ta’ Ftehim, il-Ftehim tas-Self u l-Ftehim tal-Għotja li għandhom jiġu miftehma mal-awtoritajiet tar-Repubblika Kirgiża għandhom jipprovdu għall-miżuri x-xierqa marbutin mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u irregolaritajiet oħrajn li jaffettwaw l-għajnuna u mal-ġlieda kontrihom. Sabiex tkun żgurata iktar trasparenza fil-ġestjoni u fil-ħlas tal-fondi, il-Memorandum ta’ Ftehim, il-Ftehim tas-Self u l-Ftehim tal-Għotja għandhom jipprovdu wkoll għal kontrolli, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, inkluż mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi. Barra minn hekk, dawk id-dokumenti għandhom jipprovdu għal verifiki, inklużi, fejn ikun xieraq, verifiki fuq il-post, mill-Qorti tal-Awdituri.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 7

1. Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fis-sena ta’ qabel, inkluża evalwazzjoni ta’ din l-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu jindika r-rabta bejn il-kundizzjonijiet ta’ politika ekonomika kif stabbiliti fil-Memorandum ta’ Ftehim, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali li tkun għaddejja tar-Repubblika Kirgiża u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-pagamenti parzjali tal-għajnuna.

2. Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta’ disponibbiltà msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta’ evalwazzjoni ex post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1. QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

1.1. Titlu tal-proposta/tal-inizjattiva

1.2. Il-qasam/l-oqsma tal-politika kkonċernat/i fl-istruttura tal-ABM/ABB

1.3. In-natura tal-proposta/tal-inizjattiva

1.4. L-għan/l-għanijiet

1.5. Ir-raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva

1.6. It-tul ta’ żmien u l-impatt finanzjarju

1.7. Il-metodu/i ta’ ġestjoni previst/i

2. IL-MIŻURI TA’ ĠESTJONI

2.1. Regoli tal-monitoraġġ u tar-rappurtar

2.2. Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

2.3. Miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-irregolaritajiet

3. STIMA TAL-IMPATT FINANZJARJU TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

3.1. Intestatura/i tal-qafas finanzjarju multiannwali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i

3.2. L-impatt stmat fuq in-nefqa

3.2.1. Sinteżi tal-impatt stmat fuq in-nefqa

3.2.2. L-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operattivi

3.2.3. L-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

3.2.4. Il-kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali

3.2.5. Il-parteċipazzjoni ta’ partijiet terzi fil-finanzjament

3.3. L-impatt stmat fuq id-dħul

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

Titlu tal-proposta/tal-inizjattiva

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża

Il-qasam/l-oqsma tal-politika kkonċernat/i fl-istruttura tal-ABM/ABB [8]

Il-qasam tal-politika: It-Titolu 01 – L-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji

L-attività: 03 – L-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali

In-natura tal-proposta/tal-inizjattiva

X Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ġdida

( Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja[9]

( Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata mal- estensjoni ta’ azzjoni eżistenti

( Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’ azzjoni diretta mill-ġdid lejn azzjoni ġdida

L-għanijiet

L-għan/l-għanijiet strateġiku/ċi multiannwali tal-Kummissjoni fil-mira tal-proposta/tal-inizjattiva

“Il-promozzjoni tal-prosperità lil hinn mill-UE”

Il-qasam ewlieni tal-attività marbuta mad-DĠ ECFIN huwa dan li ġej:

L-iżvilupp, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni ta’ għajnuna makrofinanzjarja għal pajjiżi terzi msieħba, b’kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti.

L-għan/l-għanijiet speċifiku/ċi u l-attività/l-attivitajiet tal-ABM/ABB ikkonċernati

L-għan speċifiku numru 3: “Li tingħata għajnuna makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi sabiex isolvu l-kriżijiet tagħhom marbutin mal-bilanċ tal-pagamenti u sabiex jerġgħu jistabbilixxu s-sostenibbiltà tad-dejn estern”

L-attività/l-attivitajiet tal-ABM/ABB ikkonċernati: Ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali, it-tmexxija globali.

Ir-riżultat/i u l-impatt mistennija

L-għajnuna proposta tikkonsisti f’self mill-UE ta’ EUR 15-il miljun u għotja ta’ ammont massimu ta’ EUR 15-il miljun lir-Repubblika Kirgiża (l-għotja għandha tiġi ffinanzjata mill-Baġit Ġenerali), bil-għan li tikkontribwixxi għal sitwazzjoni aktar sostenibbli tal-bilanċ tal-pagamenti. Kemm il-komponent tas-self kif ukoll dak tal-għotja tal-għajnuna se jitħallsu f’żewġ pagamenti parzjali. L-għajnuna se tgħin lill-pajjiż jegħleb it-tbatija ekonomika u soċjali mġarrba minħabba l-vjolenza etnika u politika u minħabba l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja globali. Hija se tippromwovi wkoll riformi strutturali mmirati biex iżidu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u biex itejbu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

F’Settembru u Ottubru tal-2011, is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu evalwazzjoni ex ante (ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni). Din l-evalwazzjoni kkonkludiet li l-għajnuna makrofinanzjarja tal-UE kienet iġġustifikata.

Indikaturi tar-riżultati u tal-impatt

L-awtoritajiet, u b’mod partikulari l-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika Kirgiża, se jkunu mitluba jirrappurtaw lis-servizzi tal-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar sett ta’ indikaturi. Huma għandhom jipprovdu wkoll rapport komprensiv dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet tal-politika miftehma qabel ma jitħallas it-tieni pagament parzjali tal-għajnuna.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu jimmonitorjaw il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, wara l-valutazzjoni operattiva taċ-ċirkwiti finanzjarji u tal-proċeduri amministrattivi li se titwettaq fir-Repubblika Kirgiża bi tħejjija għal din l-operazzjoni. Id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Kirgiża se tipprovdi wkoll rappurtar regolari dwar kwistjonijiet li huma rilevanti għall-monitoraġġ tal-għajnuna. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jibqgħu f’kuntatt mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji sabiex jibbenefikaw mill-għarfien tagħhom miksub mill-attivitajiet tagħhom li jkunu għaddejjin fir-Repubblika Kirgiża.

Din l-operazzjoni se ssirilha evalwazzjoni ex post fi żmien sentejn minn meta jiskadi l-perjodu ta’ implimentazzjoni tagħha.

Fid-deċiżjoni proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa previst rapport annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, li jinkludi valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni ta’ għajnuna.

Ir-raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva

Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq medda qasira jew twila taż-żmien

Il-ħlas tal-għajnuna se jkun jiddependi fuq rekord sodisfaċenti fl-implimentazzjoni tal-arranġament attwali ta’ tliet snin maqbul bejn ir-Repubblika Kirgiża u l-FMI skont il-Faċilità ta’ Kreditu Estiż tal-Fond. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tilħaq ftehim mal-awtoritajiet Kirgiżi dwar għadd ta’ kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika li għandhom jiġu ssodisfati qabel ma l-Kummissjoni tirrilaxxa t-tieni pagament parzjali. Dawn il-miżuri ta’ politika għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet milħuqa mir-Repubblika Kirgiża mal-FMI. Qabel titħallas l-għajnuna, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jivverifikaw, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, li l-kundizzjonijiet ta’ politika jkunu ġew issodisfati.

Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni Ewropea

Ir-Repubblika Kirgiża hija l-pajjiż fir-reġjun impenjat li jimplimenta riformi demokratiċi. Billi tgħin lill-pajjiż jegħleb ix-xokk ekonomiku kkawżat mir-riċessjoni globali u mill-kunflitt interetniku, l-għajnuna makrofinanzjarja proposta se tikkontribwixxi biex tippromwovi l-istabilità makroekonomika, ir-riformi ekonomiċi u l-progress politiku fil-pajjiż. Billi tikkumplimenta r-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, mill-UE u minn donaturi oħrajn, hija tikkontribwixxi għall-effettività ġenerali tal-pakkett ta’ appoġġ finanzjarju maqbul mill-komunità internazzjonali ta’ donaturi wara l-kriżi.

Minbarra l-impatt finanzjarju tal-għajnuna makrofinanzjarja, il-programm propost se jsaħħaħ l-impenn tal-gvern favur ir-riforma u l-aspirazzjoni tiegħu li jkollu relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-UE. Dan ir-riżultat se jinkiseb, fost l-oħrajn, permezz ta’ kundizzjonalità xierqa għall-ħlas tal-għajnuna. F’kuntest akbar, il-programm se juri lill-pajjiżi l-oħra fir-reġjun li l-UE hija lesta tappoġġa pajjiżi bħar-Repubblika Kirgiża, li jkunu qed jaqbdu triq ċara lejn id-demokratizzazzjoni u r-riformi politiċi, f’mumenti ta’ diffikultajiet ekonomiċi.

Tagħlim miksub minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

L-evalwazzjonijiet esterni riċenti tal-programmi ta’ għajnuna makrofinanzjarja jindikaw li l-prattika li jingħażel għadd limitat ta’ riformi strutturali ewlenin kienet ta’ suċċess u jissuġġerixxu li din il-prattika għandha titkompla u li għandu jkun hemm monitoraġġ adegwat u djalogu politiku mill-qrib matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna.

Koerenza u sinerġija possibbli ma’ strumenti finanzjarji rilevanti oħrajn

L-UE kienet fost id-donaturi ewlenin fil-konferenza tad-donaturi li saret f’Lulju tal-2010 u wegħdet li tagħti EUR 117.9 miljun bħala appoġġ għal għadd ta’ oqsma kritiċi. Parti minn dawn l-impenji kienet taqa’ taħt l-istrumenti ta’ emerġenza (bħall-istrument għall-istabbiltà u l-għajnuna umanitarja tad-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (l-ECHO)). Parti oħra, li ġejja l-aktar mill-allokazzjoni taħt l-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u mill-allokazzjonijiet taħt għadd ta’ linji baġitarji tematiċi, kienet tikkonsisti fiż-żieda u l-aċċellerazzjoni tal-ħlasijiet taħt programmi/proġetti li diġà ġew approvati. L-għajnuna tiffoka l-aktar fuq is-settur tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-settur tal-edukazzjoni, is-sigurtà soċjali u r-riformi legali. L-appoġġ mogħti skont l-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jinkludi Programm ta’ Appoġġ għall-Politika Settorjali li jammonta għal EUR 33 miljun matul il-perjodu mill-2011 sal-2013 sabiex jiġu appoġġati r-riformi fil-ħarsien soċjali, fl-edukazzjoni u fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-valur miżjud ewlieni tal-għajnuna makrofinanzjarja, meta mqabbla ma’ strumenti oħrajn tal-UE, se jkun li hija tgħin sabiex jinħoloq qafas makroekonomiku stabbli, inkluż billi tippromwovi bilanċ tal-pagamenti u sitwazzjoni baġitarja sostenibbli, kif ukoll qafas xieraq għar-riformi strutturali.

L-għajnuna makrofinanzjarja la tipprovdi appoġġ finanzjarju regolari u lanqas ma hija maħsuba biex tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi li jirċevuha. L-għajnuna makrofinanzjarja għandha titwaqqaf hekk kif is-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiż tkun reġgħet qabdet triq sostenibbli. Wara, għandhom jiġu implimentati strumenti regolari tal-għajnuna għall-kooperazzjoni tal-UE, b’mod partikulari l-appoġġ baġitarju dirett ipprovdut skont l-istrument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

L-għajnuna makrofinanzjarja hija maħsuba wkoll biex tikkumplimenta l-interventi mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali; b’mod partikulari l-programmi ta’ riformi u aġġustamenti appoġġati mill-FMI. L-għajnuna ta’ natura makroekonomika tingħata biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika u finanzjarja.

It-tul taż-żmien u l-impatt finanzjarju

X Proposta/inizjattiva ta’ tul ta’ żmien limitat

- X Proposta/inizjattiva fis-seħħ għal sentejn minn meta jidħol fis-seħħ il-Memorandum ta’ Ftehim, kif iddikjarat fl-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni proposta.

- X Impatt finanzjarju mill-2012 sal-2014 (il-forniment tal-Fond ta’ Garanzija u l-evalwazzjoni ex post )

( Proposta/inizjattiva ta’ tul ta’ żmien mhux limitat

- Implimentazzjoni b’perjodu tal-bidu minn SSSS sa SSSS,

- segwita minn operazzjoni fuq skala sħiħa.

Il-metodu/i ta’ ġestjoni previst/i[10]

X Ġestjoni ċentralizzata diretta mill-Kummissjoni

( Ġestjoni ċentralizzata indiretta b’delega tal-kompiti ta’ implimentazzjoni lil:

- ( aġenziji eżekuttivi

- ( korpi stabbiliti mill-Komunitajiet[11]

- ( korpi mis-settur pubbliku nazzjonali/korpi b’missjoni ta’ servizz pubbliku

- ( persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u identifikati fl-att bażiku rilevanti skont it-tifsira tal-Artikolu 49 tar-Regolament Finanzjarju

( Ġestjoni flimkien mal-Istati Membri

( Ġestjoni deċentralizzata ma’ pajjiżi terzi

( Ġestjoni konġunta ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (li għandhom jiġu speċifikati)

Kummenti

Se tintalab kooperazzjoni attiva min-naħa tal-kwartieri ġenerali tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (is-SEAE) u tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-monitoraġġ tal-għajnuna.

IL-MIŻURI TA’ ĠESTJONI

Regoli tal-monitoraġġ u tar-rappurtar

Din l-għajnuna hija ta’ natura makroekonomika u hija mfassla b’mod li tkun konsistenti mal-programm ekonomiku appoġġat mill-FMI. Il-monitoraġġ tal-azzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni se jsir fuq il-bażi tal-progress fl-implimentazzjoni tal-arranġament tal-Faċilità ta’ Kreditu Estiż u tal-miżuri speċifiċi ta’ riforma li għandhom jiġu miftehma mal-awtoritajiet Kirgiżi f’Memorandum ta’ Ftehim. L-awtoritajiet, u b’mod partikulari l-Ministeru tal-Finanzi, se jkunu mitluba jirrappurtaw lis-servizzi tal-Kummissjoni fuq bażi ta’ kull tliet xhur dwar sett ta’ indikaturi u għandhom jipprovdu rapport komprensiv dwar il-konformità qabel ma jitħallas it-tieni pagament parzjali tal-operazzjoni.

Is-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu jimmonitorjaw il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, wara l-valutazzjoni operattiva taċ-ċirkwiti finanzjarji u tal-proċeduri amministrattivi li se titwettaq fir-Repubblika Kirgiża bi tħejjija għal din l-operazzjoni. Id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Kirgiża se tipprovdi wkoll rappurtar regolari dwar kwistjonijiet li huma rilevanti għall-monitoraġġ tal-għajnuna. Is-servizzi tal-Kummissjoni se jibqgħu f’kuntatt mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji sabiex jibbenefikaw mill-attivitajiet tagħhom li jkunu għaddejjin fir-Repubblika Kirgiża.

Fid-deċiżjoni proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa previst rapport annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, li jinkludi valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni ta’ għajnuna. Barra minn hekk, huwa ppjanat li l-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti awtorizzati kif xieraq tagħha jwettqu evalwazzjoni ex post indipendenti tal-għajnuna fi żmien sentejn minn meta jiskadi l-perjodu ta’ implimentazzjoni tagħha.

Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

Riskji identifikati

Hemm riskji fiduċjarji, ta’ politika u politiċi marbutin ma’ din l-operazzjoni ta’ għajnuna makrofinanzjarja.

Hemm ir-riskju li l-għajnuna makrofinanzjarja, li mhijiex iddedikata għal spejjeż speċifiċi (għall-kuntrarju tal-finanzjament tal-proġetti, pereżempju), tista’ tintuża b’mod qarrieqi. F’termini ġenerali, dan ir-riskju huwa marbut ma’ fatturi bħall-indipendenza tal-bank ċentrali, il-kwalità tas-sistemi ta’ ġestjoni u tal-proċeduri amministrattivi, il-funzjonijiet ta’ kontroll u ta’ sorveljanza fiċ-ċirkwiti finanzjarji, is-sigurtà tas-sistemi tal-IT u l-kapaċitajiet adegwati ta’ verifika interna u esterna.

F’dak li għandu x’jaqsam mar-riskji ta’ politika, is-suppożizzjoni ewlenija hija li l-Gvern tar-Repubblika Kirgiża se jibqa’ impenjat favur l-aġġustament fiskali u l-konformità mal-ftehim tiegħu mal-FMI. Dan se jiġi vvalidat fuq il-bażi tal-monitoraġġ regolari tal-FMI tal-indikaturi tal-prestazzjoni u tal-punti ta’ referenza strutturali. Madankollu, hemm ir-riskju li l-Gvern tar-Repubblika Kirgiża ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet tal-programm tal-FMI, minħabba li jista’ jagħti l-każ li jkun aktar diffiċli li jintlaħqu l-miri tal-programm milli kien maħsub, kif ukoll minħabba li l-kundizzjonijiet politiċi fil-pajjiż jistgħu jinbidlu. Barra minn hekk, ir-Repubblika Kirgiża se tibqa’ vulnerabbli għall-bidliet negattivi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ li ġejjin mix-xokkijiet esoġeni possibbli. Madankollu, s’issa, l-awtoritajiet urew impenn qawwi li jaħdmu mal-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali sabiex jimplimentaw l-aġenda tar-riforma. Ir-rekord tajjeb fl-operazzjoni preċedenti tal-FMI għal perjodu taż-żmien qasir fir-Repubblika Kirgiża jawgura tajjeb f’dan ir-rigward.

Riskji oħrajn huma marbutin ma’ riattivazzjoni possibbli tat-tensjoni interetnika u mal-instabilità politika. Fil-pajjiż saru l-elezzjonijiet presidenzjali fit-30 ta’ Ottubru 2011, u dawn twettqu b’mod paċifiku u kienu osservati minn Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni. Ir-riskji politiċi jibqgħu maniġġabbli, meta wieħed iqis l-isforzi impressjonanti li saru dan l-aħħar mill-awtoritajiet Kirgiżi biex jistabbilixxu istituzzjonijiet demokratiċi leġittimi.

Metodu/i ta’ kontroll previst/i

L-għajnuna makrofinanzjarja se tkun suġġetta għal proċeduri ta’ verifika, kontroll u awditjar taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, inkluż l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF), u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-irregolaritajiet

Is-servizzi tal-Kummissjoni implimentaw programm ta’ valutazzjonijiet operattivi taċ-ċirkwiti finanzjarji u tal-proċeduri amministrattivi fil-pajjiżi terzi kollha li jibbenefikaw mill-għajnuna makrofinanzjarja tal-Unjoni Ewropea sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju li japplikaw għall-Baġit Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Jitqiesu wkoll il-konklużjonijiet tal-Valutazzjonijiet ta’ Salvagwardja tal-FMI li huma disponibbli u ta’ rapporti rilevanti oħrajn tal-FMI u tal-Bank Dinji.

Fir-Repubblika Kirgiża, is-servizzi tal-Kummissjoni, bl-appoġġ ta’ esperti esterni maħtura kif xieraq, se jwettqu valutazzjoni operattiva taċ-ċirkwiti finanzjarji u tal-proċeduri amministrattivi li hemm fil-Ministeru tal-Finanzi u fil-bank ċentrali. Din ir-reviżjoni se tkopri oqsma bħall-istruttura u l-organizzazzjoni tal-ġestjoni, il-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi, is-sigurtà tas-sistemi tal-IT, il-kapaċità tal-verifika interna u esterna, kif ukoll l-indipendenza tal-bank ċentrali.

Il-bażi legali proposta għall-għajnuna makrofinanzjarja għar-Repubblika Kirgiża tinkludi dispożizzjoni dwar il-miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi. Dawn il-miżuri se jiġu deskritti f’aktar dettall f’Memorandum ta’ Ftehim. Hu maħsub li mal-għajnuna jintrabtu għadd ta’ kundizzjonijiet speċifiċi tal-politika, l-aktar fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, bil-għan li jissaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha tenfasizza fuq ir-riformi fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-kundizzjonalità tal-politika marbuta ma’ din l-operazzjoni.

STIMA TAL-IMPATT FINANZJARJU TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

Intestatura/i tal-qafas finanzjarju multiannwali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i

- Linji baġitarji tan-nefqa eżistenti

Intestatura tal-qafas finanzjarju multiannwali | Linja baġitarja | Tip ta’ nefqa | Kontribuzzjoni |

Numru [Deskrizzjoni………………………...……….] | Diff./mhux diff. ([12]) | mill-pajjiżi tal-EFTA[13] | mill-pajjiżi kandidati[14] | minn pajjiżi terzi | skont it-tifsira tal-Artikolu 18(1)(aa) tar-Regolament Finanzjarju |

4 | 01 03 02 Għajnuna makroekonomika | Diff. | LE | LE | LE | LE |

4 | 01 04 01 14 Forniment tal-Fond ta’ Garanzija | Diff. | LE | LE | LE | LE |

Il-forniment tal-Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni għandu jsir skont ir-Regolament tal-Fond, kif emendat. Skont dan ir-Regolament, l-għotjiet ta’ self huma bbażati fuq l-ammont pendenti fi tmiem is-sena. L-ammont tal-forniment jiġi kkalkulat fil-bidu tas-sena “n” bħala d-differenza bejn l-ammont fil-mira u l-assi netti tal-Fond fi tmiem is-sena “n-1”. Dan l-ammont tal-forniment jiddaħħal fis-sena “n” fil-baġit preliminari tas-sena “n+1” u jitħallas effettivament fi tranżazzjoni waħda fil-bidu tas-sena “n+1” mil-linja baġitarja msejħa “il-forniment tal-Fond ta’ Garanzija” (il-linja baġitarja 01 04 01 14). Minħabba f’hekk, għall-kalkolu tal-forniment tal-Fond, se jitqies 9 % (massimu ta’ EUR 1.35 miljun) tal-ammont effettivament imħallas fl-ammont fil-mira fi tmiem is-sena “n-1”.

L-annotazzjoni baġitarja (“p.m.”) li tirrifletti l-garanzija baġitarja għas-self (EUR 15-il miljun) se tiġi attivata biss f’każ ta’ sejħa effettiva għall-garanzija. Mhuwiex mistenni li jkun hemm sejħa għall-garanzija baġitarja.

- Linji baġitarji ġodda mitlubin: L-ebda linja baġitarja

L-impatt stmat fuq in-nefqa

Sinteżi tal-impatt stmat fuq in-nefqa

f’miljuni ta’ Euro (sa tliet ċifri wara l-punt deċimali)

Intestatura tal-qafas finanzjarju multiannwali: | 4 | L-UE bħala msieħba globali |

f’miljuni ta’ Euro (sa tliet ċifri wara l-punt deċimali)

-

Stima tar-riżorsi umani meħtieġa

- ( Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtiġx l-użu ta’ riżorsi umani

- X Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

L-istima għandha tingħata f’ammonti sħaħ (jew l-iżjed f’ammont b’ċifra waħda biss wara l-punt deċimali)

Sena N | Sena N+1 | Sena N+2 | Sena N+3 | Daħħal is-snin kollha meħtieġa biex turi t-tul ta’ żmien tal-impatt (ara l-punt 1.6) |

( Karigi previsti fil-pjan ta’ twaqqif (uffiċjali u aġenti temporanji) |

XX 01 01 01 (fil-kwartieri ġenerali u fl-uffiċċji ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni) | 0.3 | 0.1 | 0.1 |

XX 01 01 02 (fid-delegazzjonijiet) |

XX 01 05 01 (għar-riċerka indiretta) |

10 01 05 01 (għar-riċerka diretta) |

( Persunal estern (f’ekwivalenti għall-full-time – FTE)[22] |

XX 01 02 01 (AK, INT, ENS mill-“pakkett globali”) |

XX 01 02 02 (AK, INT, JED, AL u ENS fid-delegazzjonijiet) |

10 01 05 02 (AK, INT, ENS – Riċerka diretta) |

Linji baġitarji oħrajn (speċifika) |

L-AMMONT TOTALI | 0.3 | 0.1 | 0.1 |

XX huwa l-qasam politiku jew it-titolu baġitarju kkonċernat.

Ir-riżorsi umani meħtieġa se jintlaħqu mill-persunal mid-Direttorat Ġenerali li huwa diġà assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà ġie spustat fid-Direttorat Ġenerali, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-Direttorat Ġenerali li jkun qed imexxi l-azzjoni skont il-proċedura ta’ allokazzjoni annwali u fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji.

L-ispiża tal-persunal meħtieġa hija stmata fuq il-bażi ta’ 30 % tan-nefqa annwali għal uffiċjal fil-grad ta’ AD5 sa AD12.

Deskrizzjoni tal-kompiti li għandhom jitwettqu:

Uffiċjali u aġenti temporanji | It-tħejjija tal-Memorandum ta’ Ftehim u tal-Ftehimiet tas-Self u tal-Għotja, il-koordinazzjoni mal-awtoritajiet u mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, il-koordinazzjoni ma’ esperti esterni għall-valutazzjoni operattiva u għall-evalwazzjoni ex post, it-twettiq ta’ missjonijiet ta’ analiżi u t-tħejjija ta’ rapporti tal-persunal tal-Kummissjoni, it-tħejjija ta’ proċeduri tal-Kummissjoni marbutin mal-ġestjoni tal-għajnuna. |

Persunal estern |

Il-kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali

- X Il-proposta/l-inizjattiva hija kompatibbli mal-qafas finanzjarju multiannwali attwali.

- ( Il-proposta/l-inizjattiva se tinvolvi l-ipprogrammar mill-ġdid tal-intestatura rilevanti fil-qafas finanzjarju multiannwali.

- ( Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-applikazzjoni tal-istrument tal-flessibbiltà jew ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju multiannwali[25].

Kontribuzzjonijiet minn terzi persuni

- Il-proposta/l-inizjattiva ma tipprevedix il-kofinanzjament minn terzi persuni.

L-impatt stmat fuq id-dħul

- X Il-proposta/l-inizjattiva m’għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

- ( Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

- ( fuq ir-riżorsi proprji

- ( fuq dħul varju

[1] L-Uffiċċju tar-Rappreżentanza Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għall-pajjiżi l-inqas żviluppati, il-pajjiżi maqtugħin mill-baħar li qegħdin jiżviluppaw u l-istati gżejjer żgħar li qegħdin jiżviluppaw.

[2] L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta’ Garanzija għall-azzjonijiet esterni (verżjoni kkodifikata). Il-forniment jingħata mil-linja baġitarja msejħa “il-forniment tal-Fond ta’ Garanzija” (il-linja baġitarja 01 04 01 14).

[3] ĠU C […], […], p. […].

[4] Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ … 2012 u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ … 2012.

[5] ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[6] L-Uffiċċju tar-Rappreżentanza Għolja tan-Nazzjonijiet Uniti għall-pajjiżi l-inqas żviluppati, il-pajjiżi maqtugħin mill-baħar li qegħdin jiżviluppaw u l-istati gżejjer żgħar li qegħdin jiżviluppaw.

[7] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

[8] ABM: Ġestjoni Bbażata fuq l-Attività (“Activity-Based Management”) – ABB: Baġit Ibbażat fuq l-Attività (“Activity-Based Budgeting”).

[9] Kif imsemmi fl-Artikolu 49(6)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.

[10] Id-dettalji dwar il-metodi ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jinsabu fuq is-sit tal-internet tal-baġit (BudgWeb) li ġej: http://www.cc.cec/budg/man/budgmanag/budgmanag_en.html.

[11] Kif imsemmi fl-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju.

[12] Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati/Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.

[13] EFTA = l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.

[14] Il-pajjiżi kandidati u, fejn ikun applikabbli, il-pajjiżi li huma kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent.

[15] Is-sena N hija s-sena li fiha tibda l-implimentazzjoni tal-proposta/tal-inizjattiva (l-2012).

[16] L-assistenza u n-nefqa teknika u/jew amministrattiva li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE u/jew l-azzjonijiet tal-UE (dawk li qabel kienu l-linji “BA”), ir-riċerka indiretta u r-riċerka diretta.

[17] Is-sena N hija s-sena li fiha tibda l-implimentazzjoni tal-proposta/tal-inizjattiva.

[18] Ir-riżultati huma l-prodotti u s-servizzi li għandhom jiġu pprovduti (pereżempju l-għadd ta’ skambji ta’ studenti ffinanzjati, l-għadd ta’ kilometri ta’ toroq mibnija, eċċ.).

[19] Kif deskritt fit-Taqsima 1.4.2. “L-għan/l-għanijiet speċifiku/ċi...”.

[20] Is-sena N hija s-sena li fiha tibda l-implimentazzjoni tal-proposta/tal-inizjattiva.

[21] L-assistenza u n-nefqa teknika u/jew amministrattiva li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE u/jew l-azzjonijiet tal-UE (dawk li qabel kienu l-linji “BA”), ir-riċerka indiretta u r-riċerka diretta.

[22] AK = aġent kuntrattwali; INT = persunal tal-aġenzija (“Intérimaire”); JED = espert żgħir fid-delegazzjonijiet (“Jeune Expert en Délégation”); AL = aġent lokali; ENS = espert nazzjonali ssekondat.

[23] Taħt il-limitu massimu għall-persunal estern mill-approprjazzjonijiet operattivi (dawk li qabel kienu l-linji “BA”).

[24] Essenzjalment għall-Fondi Strutturali, għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) u għall-Fond Ewropew għas-Sajd (l-FES).

[25] Ara l-punti 19 u 24 tal-Ftehim Interistituzzjonali.