52011DC0899

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Innovazzjoni għal Futur sostenibbli - Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP) /* KUMM/2011/0899 finali */


1. INTRODUZZJONI

B'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-istrateġija Ewropa 2020[1] issaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex twassal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. L-għanijiet tal-istrateġija qed jiġu implimentati permezz ta' għadd ta' inizjattivi ewlenin li jindirizzaw l-isfidi prinċipali.

L-Inizjattiva Ewlenija għall-Unjoni tal-Innovazzjoni[2] se tiżgura li ideat innovattivi jinqalbu f'prodotti u f'servizzi li joħolqu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi u jindirizzaw l-isfidi kbar tas-soċjetà tal-Ewropa. Bħala pass f'din id-direzzjoni din l-Inizjattiva Ewlenija hija ddedikata għall-iżvilupp ta' Pjan ta’ Azzjoni għall-Eko-innovazzjoni li jibni fuq l-Unjoni tal-Innovazzjoni u jiffoka fuq ostakli, sfidi u opportunitajiet speċifiċi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali permezz tal-innovazzjoni.

Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (EcoAP) jikkomplementa wkoll Inizjattivi Ewlenin oħrajn tal-Ewropa 2020. Ta' importanza fondamentali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika hija l-Inizjattiva Ewlenija "Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza"[3] u l-pjan direzzjonali tagħha[4], billi toħloq u ssaħħaħ id-domanda għal ekoinnovazzjoni u għall-investiment relatat. . Il-"Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni"[5] tqis l-EcoAp bħala għodda partikolari għall-identifikazzjoni u għall-implimentazzjoni ta' miżuri għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ambjentali prinċipali, sabiex jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri u sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda. L-Aġenda għall-Ħiliet ġodda u l-Impjiegi[6] titlob biex l-EcoAP jappoġġa l-kompetenzi għall-iżvilupp sostenibbli, u jippromwovi l-iżvilupp xieraq tal-ħiliet kif ukoll jindirizza d-diskrepanza bejn il-ħiliet u l-impjiegi.

L-EcoAP għalhekk se jiffoka fuq l-ixprunar tal-innovazzjoni li jirriżulta fi jew jimmira li jnaqqas il-pressjonijiet fuq l-ambjent u d-diverġenza bejn l-innovazzjoni u s-suq. Fost oħrajn, dan il-pjan se jressaq 'il quddiem ċerti azzjonijiet identifikati fil-Pjan Direzzjonali għall-Effiċjenza fir-Riżorsi.

L-Eko-Innovazzjoni[7] hija kwalunkwe forma ta' innovazzjoni li tirriżulta fi jew li timmira lejn progress sinifikanti u li jista' jintwera għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli, billi jitnaqqsu l-impatti fuq l-ambjent, tittejjeb ir-reżistenza għall-pressjonijiet ambjentali, jew billi jintlaħaq użu iktar effiċjenti u responsabbli tar-riżorsi naturali.

Bħala parti mill-qafas finanzjarju multiannwali għall-2007-2013, il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa proġetti ta' riċerka u ta' wiri għal teknoloġiji ekoinnovattivi u għall-penetrazzjoni tagħhom fis-suq permezz ta' (1) is-Seba’ (7) Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7), (2) il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), l-Ewwel Applikazzjoni tal-Eko-Innovazzjoni u Proġetti tar-Replikazzjoni fis-Suq, (3) il-Pjattaforma Ewropea għall-Ekoinnovazzjoni, u (4) il-Parti Ambjentali tal-LIFE+. F’sinerġija ma’ dawn il-programmi, l-Istati Membri u r-reġjuni jistgħu wkoll jibnu fuq l-appoġġ għall-Politika ta' Koeżjoni għal introduzzjoni u replikazzjoni aktar mifruxa tal-ekoinnovazzjoni.

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Baġit għall-Ewropa 2020[8], il-Kummissjoni indikat li r-riċerka u l-innovazzjoni se jkunu strutturati madwar tliet temi li jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku (1) l-eċċellenza fil-bażi xjentifika; (2) jingħelbu l-isfidi tas-soċjetà; (3) ħolqien ta' tmexxija industrijali u ta' oqfsa kompetittivi. Il-Kummissjoni tat ukoll l-impenn tagħha li tintegra l-azzjoni għall-klima fil-programmi ta' nfiq tal-UE u li tidderieġi tal-inqas 20% mill-baġit tal-Unjoni lejn l-objettivi relatati mal-klima.

Orizzont 2020[9], il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-2014-2020 se jsaħħaħ ir-rwol tal-ekoinnovazzjoni u se jipprovdi l-mezzi finanzjarji adegwati għall-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta 'Azzjoni wara l-2013. B'mod partikolari, l-azzjonijiet li jippermettu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u li tkun reżistenti għall-klima kif previst fil-kuntest tal-Isfida tas-Soċjetà "Azzjoni għall-Klima, l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u tal-Materja Prima” huma ta’ rilevanza kbira.

L-approċċ tas-sħubija[10] fir-riċerka u l-innovazzjoni se jħaffef il-perkors tar-riċerka innovattiva lejn l-applikazzjonijiet fis-suq.

2. L-ISFIDA TAL-EKOINNOVAZZJONI

L-ekoinnovazzjoni jeħtieġ li tiġi aċċellerata b'tali mod li ssaħħaħ il-produttività tar-riżorsi, l-effiċjenza, il-kompetittività u tgħin biex tissalvagwardja l-ambjent. Aktar sfidi ambjentali u dejjem aktar severi u limitazzjonijiet tar-riżorsi wasslu għal domanda li qed tikber madwar id-dinja kollha, għal teknoloġiji, prodotti u servizzi ambjentali u ffaċilitaw l-emerġenza tal-industriji ekoloġiċi (ara l-Anness 1). L-adozzjoni tal-introduzzjoni fis-suq tal-ekoinnovazzjoni kif ukoll it-tixrid tagħha aktar mħaffa għandhom iwasslu għal prestazzjoni ambjentali u reżistenza mtejba fl-ekonomija kollha u fl-istess ħin huma kosteffettivi u tajbin għan-negozju u għas-soċjetà inġenerali.

3. Ostakli u fatturi favorevoli għall-ekoinnovazzjoni fl-SMEs

Il-penetrazzjoni tal-ekoinnovazzjoni fis-swieq s'issa kienet waħda relattivament bil-mod, bl-eċċezzjoni tal-enerġija rinnovabbli bir-riżultat tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima. L-ostakli għall-ekoinnovazzjoni jinkludu n-nuqqas li l-prezzijiet tas-suq jirriflettu b'mod preċiż l-ispejjeż u l-benefiċċji ambjentali, strutturi ekonomiċi riġidi, xkiel fl-infrastruttura u ostakli inerenti fis-sistema, u inċentivi u sussidji ta' ħsara. Aspetti oħra li jxekklu t-tixrid tal-ekoinnovazzjoni jinkludu l-għarfien u ċ-ċertezza limitati tas-swieq. Għalkemm ħafna minn dawn l-ostakli huma simili għal dawk li jħabbtu wiċċhom magħhom in-negozji innovattivi fil-biċċa l-kbira tagħhom, hemm it-tendenza li jkunu iktar severi għan-negozji li jiffokaw fuq l-ekoinnovazzjoni.

Sabiex tindirizza wħud mill-ostakli, fl-2004 l-Kummissjoni Ewropea kienet diġà nediet Pjan ta’ Azzjoni għal Teknoloġiji Ambjentali[11] (Environmental Technologies Action Plan - ETAP).

Stħarriġ riċenti tal-Eurobarometer dwar l-attitudnijiet tal-SMEs Ewropej għall-ekoinnovazzjoni[12] jagħti idea tajba dwar l-ostakli pperċepiti kif ukoll il-fatturi li jinkoraġixxu l-ekoinnovazzjoni.

L-ostakli għall-kumpaniji biex iħaffu l-introduzzjoni u l-iżvilupp tal-ekoinnovazzjoni

Fatturi li jistgħu jħaffu l-introduzzjoni u l-iżvilupp tal-ekoinnovazzjoni

Dan l-istħarriġ juri li d-domanda inċerta li tirriżulta mit-tqegħid fis-suq u l-qligħ fuq l-investiment jikkostitwixxu tnejn mill-akbar ostakli, filwaqt li l-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-materjali, ir-regolamenti u l-istandards ġodda, u l-aċċess għall-għarfien huma meqjusa fost l-fatturi prinċipali.

Billi tibni fuq l-Inizjattivi Ewlenin tal-Ewropa 2020 u fuq it-tagħlim miksub mill-ETAP, l-UE tista’ tkompli taċċellera l-ekoinnovazzjoni permezz ta' politiki u azzjonijiet immirati b'mod tajjeb. B'mod partikolari, miżuri fl-oqsma ta’ inċentivi regolatorji, tal-akkwist privat u pubbliku u tal-miri tal-istandards u tal-prestazzjoni jkunu jistgħu jgħinu fil-ħolqien ta' domanda tas-suq aktar b’saħħitha u stabbli għall-ekoinnovazzjoni. Għandu wkoll ikun mobilizzat finanzjament addizzjonali għall-investiment fl-ekoinnovazzjoni u huma meħtieġa miżuri tal-politika għat-tnaqqis u l-ġestjoni tar-riskji għall-intraprendituri u għall-investituri.

Strateġija fit-tul dwar l-ekoinnovazzjoni, li tkun ibbażata fuq is-sħubija, għandha ssaħħaħ l-ekoinnovazzjoni billi żżid il-massa kritika meħtieġa għall-innovazzjoni, billi jkun hemm l-iskambju ta’ ideat u ta’ prassi tajba u billi jinħolqu netwerks u relazzjonijiet kummerċjali.

4. L-opportunitajiet għall-ekoinnovazzjoni u l-azzjoni tal-UE

L-eko-innovazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-mod kif nużaw ir-riżorsi naturali tagħna u kif nipproduċu u nikkunsmaw. Il-benefiċċji ambjentali, tas-soċjetà u kummerċjali mistennija mill-adozzjoni mifruxa tal-ekoinnovazzjoni jistgħu jkunu konsiderevoli. L-ekoindustriji Ewropej diġà jikkostitwixxu settur ekonomiku importanti, b'bejgħ gross annwali stmat għal EUR 319 biljun jew madwar 2,5 % tal-prodott domestiku gross tal-UE (PDG)[13]. Fis-sentejn li għaddew 45 % tal-kumpaniji Ewropej li joperaw fl-oqsma tal-manifattura, tal-agrikoltura, tal-ilma u tas-servizzi tal-ikel daħħlu l-ekoinnovazzjoni u bbenefikaw minnha.

Matul l-2012-2013, fil-qafas kurrenti tal-finanzjament tal-UE, l-EcoAP se jappoġġa l-introduzzjoni u ż-żieda fl-iskala tat-teknoloġiji ambjentali fis-suq, b'mod partikolari billi jappoġġa proġetti ta' wiri. Dan se jwitti t-triq għal azzjonijiet ta' segwitu iktar komprensivi fil-kuntest tal-Inizjattivi Ewlenin tal-UE 2020 u tal-Orizzont 2020

Fiż-żmien medju u twil, fl-2013-2020, l-ekoinnovazzjoni għandha tibbenefika mill-istrumenti u l-għodod emerġenti tal-UE tal-Inizjattivi Ewlenin tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u tal-Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza kif ukoll mill-Politika ta' Koeżjoni wara l-2013 u mill-inizjattiva Orizzont 2020. Pereżempju, il-Kummissjoni pproponiet komponent innovattiv qawwi fi ħdan id-dispożizzjonijiet tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-2014-2020, li se jagħti aktar prijoritizzazzjoni għall-innovazzjoni minħabba l-kundizzjonijiet espliċiti għall-Istati Membri f'din id-direzzjoni.

Aktar analiżi tal-isfidi u l-opportunitajiet se twassal għal aktar azzjonijiet sabiex titħaffef l-ekoinnovazzjoni. Din il-ħidma għandha tkun ibbażata fuq grupp magħmul mill-partijiet interessati multilaterali u fuq l-approċċ tas-sħubija b'bidu mill-2012.

5. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni

Il-Pjan jinkludi azzjonijiet immirati kemm lejn in-naħa tad-domanda kif ukoll tal-provvista, lejn ir-riċerka u l-industrija u lejn l-istrumenti finanzjarji u tal-politika. L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet se tkun appoġġata mill-approċċ tas-sħubija bejn il-partijiet interessati, is-settur privat u pubbliku, u l-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-fatturi ewlenin għall-introduzzjoni fis-suq tal-ekoinnovazzjoni permezz ta':

· l-użu tal-politika u tal-leġiżlazzjoni ambjentali bħala fattur li jippromwovi l-ekoinnovazzjoni (Azzjoni 1);

· l-appoġġ għal proġetti ta’ wiri u ta' sħubiji biex jiddaħħlu fis-suq teknoloġiji operattivi promettenti, intelliġenti u ambizzjużi li kienu qed jonqsu minħabba livell baxx ta' adozzjoni (Azzjoni 2);

· l-iżvilupp ta' standards ġodda li jagħtu spinta lill-ekoinnovazzjoni (Azzjoni 3);

· il-mobilizzazzjoni ta' strumenti finanzjarji u ta' servizzi ta’ appoġġ għall-SMEs (Azzjoni 4);

· il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali (Azzjoni 5);

· l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet u ta' impjiegi emerġenti u għall-programmi ta’ taħriġ relatati biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol (Azzjoni 6);

· il-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni bis-saħħa tas-Sħubijiet Ewropej fl-Innovazzjoni previsti fl-Unjoni tal-Innovazzjoni (Azzjoni 7).

5.1. Azzjoni 1:      Il-politika u r-regolamenti ambjentali li jippromwovu l-ekoinnovazzjoni

Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE tradizzjonalment kienet waħda mill-aktar fatturi favorevoli importanti għall-ekoinnovazzjoni u għall-iżvilupp ta' industriji Ewropej b'saħħithom f'oqsma bħalma huma l-ilma, it-tniġġis tal-arja, il-ġestjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ, u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-politika ambjentali tista' wkoll tidderieġi l-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp u tistabbilixxi l-pass għall-bidla teknoloġika.

Pereżempju, ir-Regolament REACH[14] jelenka s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna (substances of very high concern - SVHC) li jirrikjedu sostituzzjoni meta sustanzi jew teknoloġiji alternattivi aktar sikuri jkunu teknikament u ekonomikament fattibbli. Dan iħeġġeġ it-tiftix attiv għal alternattivi u jistimola l-attivitajiet tar-R&Ż sabiex jitwasslu sostituti kompetittivi u aktar sikuri. Ir-Regolament REACH huwa wkoll eżempju ta' kif il-politiki tal-UE jistgħu jixprunaw l-innovazzjoni madwar id-dinja kollha. Il-kumpaniji tal-kimika madwar id-dinja jsegwu lir-REACH meta jiżviluppaw prodotti li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-swieq tal-UE.

Min-naħa l-oħra qafas regolatorju li joħloq xkiel minħabba standards jew teknoloġiji skaduti jew li mhumiex ambizzjużi biżżejjed jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għall-ekoinnovazzjoni. Il-leġiżlazzjoni għandha għalhekk tkun riveduta u msaħħa sabiex jitwasslu inċentivi qawwija u stabbli li jistimolaw l-ekoinnovazzjoni kif ukoll ikun hemm prevedibbiltà suffiċjenti għall-investituri.

Kif previst fl-Unjoni tal-Innovazzjoni l-Kummissjoni se twettaq skrining tal-qafas regolatorju fil-qasam ambjentali. F'dan il-kuntest se jiġu identifikati d-diskrepanzi possibbli, se jkunu implimentati regoli ġodda u dawk eżistenti se jiġu riveduti sabiex jingħata qafas leġiżlattiv koerenti li jippromwovi l-ekoinnovazzjoni.

Pereżempju, fil-ġejjieni, waqt it-tfassil u r-reviżjoni ta' leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni u ta' politiki dwar l-ambjent, għandha tingħata attenzjoni għal dawn li ġejjin:

(a) il-potenzjal tal-innovazzjoni sabiex pereżempju jitjieb l-ambjent billi jitħalla lok għall-flessibbiltà f'soluzzjoni teknoloġika preskritta jew billi jingħata spazju għal standards ambjentali aktar stretti u robusti (sabiex jiġi evitat xkiel teknoloġiku);

(b) l-ostakli għall-innovazzjoni fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni ambjentali u l-implimentazzjoni tagħha;

(c) il-ħtieġa li jkun iffaċilitat il-ħruġ ta' prodotti jew prattiki ġodda li huma kummerċjalment vijabbli;

(d) il-ħtieġa li titħaffef l-integrazzjoni tal-ekoinnovazzjoni fl-oqsma ta' politika kollha.

Xogħol siewi li diġà twettaq f'kooperazzjoni mal-OECD[15] jirrikonoxxi l-ħtieġa li jittejbu l-politiki sabiex l-ekoinnovazzjoni tkun appoġġata b'mod aħjar billi jittieħdu f'kunsiderazzjoni fatturi bħad-dinamiki tas-suq, it-trajettorji teknoloġiċi, il-koordinazzjoni u l-konsistenza ta' strumenti ta' politika differenti.

Passi importanti

· Fuq il-bażi tal-ħidma eżistenti fl-2012 il-Kummissjoni se tiżviluppa metodoloġija bil-għan li fil-kuntest tal-ekoinnovazzjoni, jiġu vvalutati l-ostakli probabbli, il-fatturi favorevoli u l-impatti tal-leġiżlazzjoni ambjentali, l-inizjattivi ta' politika u l-inizjattivi regolatorji flimkien mal-għan li tiġi ottimizzata d-diffużjoni tagħha fis-suq.

· Billi tirrevedi l-politika dwar l-ilma, l-istandards tal-kwalità tal-arja u għall-emissjonijiet, l-standards tal-bini, il-miri għall-prevenzjoni, għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ, għall-irkupru u l-miri ta’ devjazzjoni mill-miżbla [landfill deviation] kif inhuma bħalissa, kif previst fil-qafas tal-Pjan Direzzjonali għall-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi fl-2012, 2013 u 2014 rispettivament, il-Kummissjoni se tintegra l-għanijiet tal-ekoinnovazzjoni.

· Il-potenzjal għall-ekoinnovazzjoni għandu jkun fiċ-ċentru tar-reviżjoni tal-istandards eżistenti tal-infrastruttura, inkluż it-trasport, l-enerġija, il-bini, u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni [ICT], filwaqt li fl-istess ħin dan iwassal għal reżistenza msaħħa għall-klima.

· Meta fl-2012 il-Kummissjoni tiżviluppa miżuri ta' implimentazzjoni skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u skont leġiżlazzjoni oħra dwar l-iskart, hija tista’ pereżempju:

– tippromwovi l-ekodisinn għall-implimentazzjoni ta’ ELV (End-of-Life Vehicles) [Vetturi li Ma Għadhomx Jintużaw], WEEE (Waste Electrical and Electronic Equipment) [Skart ta’ Tagħmir Elettriku u Elettroniku], RoHS (Restriction of Hazardous Substances) [Ir-Restrizzjoni ta' Sustanzi Perikolużi], u d-Direttivi dwar Batteriji u Akkumulaturi, u dwar l-Imballaġġ;

– tiżviluppa kriterji dwar ir-rimi tal-iskart skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart għar-ramm, il-karta, il-ħġieġ, il-plastik, il-kompost u, possibbilment, flussi oħra ta’ skart solidu. Dawn il-kriterji se jkunu mfassla għall-iżvilupp tad-domanda u tal-fiduċja f’materja prima sekondarja u għall-appoġġ u l-istimolu ta' teknoloġiji innovattivi tal-ġbir, tas-separazzjoni u tat-trattament tal-iskart, għal materjali sekondarji ta' kwalità għolja;

– tiżviluppa l-istandards minimi għall-attivitajiet tat-trattament tal-iskart fil-livell tal-UE bi tweġiba għall-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, fejn standards bħal dawn għandhom ikunu kosteffiċjenti, ibbażati fuq l-aħjar tekniki disponibbli u fuq soluzzjonijiet innovattivi.

5.2. Azzjoni 2:      Proġetti ta' wiri u sħubijiet għall-ekoinnovazzjoni

Minkejja l-programmi ta' finanzjament u l-inizjattivi għaddejjin, għad hemm diskrepanza sinifikanti bejn id-disponibbiltà tat-teknoloġiji l-ġodda u l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom fi prodotti adattati għas-suq. Dan huwa il-każ pereżempju rigward it-teknoloġiji innovattivi tat-trattament tad-drenaġġ u tal-purifikazzjoni tal-ilma[16], bħal membrani, jew teknoloġiji ġodda għat-tneħħija bijoloġika tal-ammonju żviluppat bis-saħħa tal-proġett ICON[17][18].

Fir-rapport finali tagħhom fit-28 ta’ Ġunju 2011[19] lill-Kummissjoni, il-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ (Key Enabling Technologies - KET) enfasizzaw l-importanza ta' opportunitajiet ta' finanzjament għall-iżvilupp tal-prodott u għall-attivitajiet ta' wiri sabiex timtela l-lakuna li hemm bejn it-teknoloġija u l-introduzzjoni fis-suq u sabiex il-kompetittività Ewropea tiżdied.

Mill-2012 il-Kummissjoni se tappoġġa proġetti mmirati ta' wiri tal-ekoinnovazzjoni u sħubijiet ad hoc li jimplimentaw teknoloġiji innovattivi u li minkejja l-potenzjal għoli tagħhom kemm ambjentali kif ukoll kummerċjali ma rnexxilhomx jaslu fis-suq. Se tingħata prijorità għal teknoloġiji adattati biex b’mod effettiv u effiċjenti jintlaħqu standards ambjentali aktar stretti, aktar intelliġenti u ambizzjużi minn dawk attwalment fis-seħħ. L-għan ġenerali ta’ din l-azzjoni huwa li turi l-vijabilità tas-suq ta' dawn it-teknoloġiji

B'bidu mill-2014, Orizzont 2020 se jkompli jappoġġa tali proġetti ta' wiri kif ukoll proġetti li jimplimentaw l-innovazzjoni teknoloġika u tas-soċjetà.

Passi importanti

· Għażla tal-proġetti ta' wiri teknoloġiku deskritti hawn fuq sa tmiem l-2012 bħala parti mill-aħħar sejħa għall-proposti tal-FP7. Il-parteċipazzjoni għandha tkun miftuħa għas-setturi industrijali kollha. L-oqsma possibbli jinkludi l-iskart mit-twaqqigħ tal-bini - l-akbar fluss ta’ skart solidu -; ir-riabilitazzjoni tal-ħamrija, tas-sedimenti u tal-ilma ta' taħt l-art; it-trattament tad-drenaġġ u tal-ħama; il-pestiċidi u l-fertilizzanti fl-agrikoltura; it-tħaffir fil-minjieri urbani; l-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, inklużi elementi rari u d-deheb; l-adattament għat-tibdil fil-klima.

· Għażla ta' proġetti ta' wiri teknoloġiku u tas-soċjetà mill-2014 u ’l quddiem li jistgħu jiġu appoġġati u implimentati fil-qafas ta' Orizzont 2020.

5.3. Azzjoni 3:      Standards u miri ta' prestazzjoni għal prodotti, proċessi u servizzi ewlenin sabiex titnaqqas l-impronta ambjentali tagħhom

Standards u miri tal-prestazzjoni ġodda u ambizzjużi huma għodda qawwija li jappoġġaw l-innovazzjoni, iżidu l-produttività u jiftħu opportunitajiet tas-Suq Uniku.

B'żieda ma' dawn, l-iskemi tat-tikkettar li jindikaw l-istandards tal-prestazzjoni ta' prodott jistgħu jkunu għodda qawwija għall-komunikazzjoni tal-benefiċċji tal-ekoinnovazzjoni. Pereżempju, mill-adozzjoni tal-politika għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tad-Direttiva dwar it-Tikkettar tal-Enerġija[20] is-suq ta' tagħmir domestiku ġie ttrasformat f'suq ta' prodotti effiċjenti fl-enerġija, li rriżulta fl-iffrankar tal-enerġija ta' 700 TWH[21] u li żied il-kompetittività tal-industrija Ewropea.

Filwaqt li tibni fuq il-pakkett tal-istandardizzazzjoni[22] l-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati, se tiżgura li l-istandards ġodda jew riveduti jirriżultaw f'inċentivi qawwija għall-innovazzjoni, ma joħolqux inerzja jew xkiel, huma marbuta mal-prestazzjoni, u jqisu t-tħassib dwar l-effiċjenza tar-riżorsi, it-tħassib ambjentali u t-tibdil fil-klima.

Passi importanti

Il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Istati Membri u f'kooperazzjoni mal-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni se jistabbilixxu proċess interattiv li jidentifika u jipprijoritizza dawk l-oqsma fejn l-iżvilupp tal-istandards u tal-miri tal-prestazzjoni għandu l-akbar potenzjal f'termini tal-ixprunar tal-ekoinnovazzjoni.

Xi eżempji ta’ tali oqsma li jistgħu jitqiesu mill-2012 huma:

· verifika fuq il-post ta' karatterizzazzjoni tal-iskart;

· l-ilma tax-xorb u l-pajpijiet tas-sistema għall-ġbir tad-drenaġġ;

· l-attivitajiet tat-trattament tal-iskart bi tweġiba għall-Artikolu 27 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.;

· materjali tal-kostruzzjoni sostenibbli u l-iżolazzjoni tal-bini biex b'appoġġ għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini[23].

5.4. Azzjoni 4:      Finanzjament u servizzi ta' appoġġ għall-SMEs

Il-finanzjament tas-settur pubbliku huwa meħtieġ u ġġustifikat sabiex titħaffef l-ekoinnovazzjoni fis-settur privat, b’mod partikolari l-SMEs. Minħabba l-immaturità relattiva tas-suq, l-aċċess għall-finanzjament huwa diffiċli b'mod speċjali għan-negozji ż-żgħar involuti fl-ekoinnovazzjoni li għalihom il-perċezzjoni tar-riskju kummerċjali hija akbar. Il-finanziera u l-investituri għandhom it-tendenza li jirraġunaw bl-istess mod għall-investiment fl-ekoinnovazzjoni kif jagħmlu għal investimenti oħrajn jiġifieri jistennew l-istess qligħ u jaċċettaw l-istess livell ta' riskji. Barra minn hekk, il-valur miżjud li jirriżulta mit-tnaqqis tal-pressjonijiet ambjentali mhuwiex ikkunsidrat u jservi biss rwol marġinali f’deċiżjonijiet ta’ investiment.

Il-miżuri ta' politika jistgħu jgħinu sabiex jinħolqu kundizzjonijiet finanzjarji aktar favorevoli u aktar flessibbli għat-tqassim tar-riskju. Aktar appoġġ għall-SMEs għandhom ikunu mobilizzati sabiex jittebju l-prontezza għall-investiment, l-opportunitajiet ta’ netwerking kif ukoll il-fiduċja tas-suq fl-ekoinnovazzjoni.

L-ETAP u politiki u inizjattivi oħra Ewropej, bħall-Politika ta’ Koeżjoni, diġà ħadu xi passi biex jimmobilizzaw il-finanzjament favur l-ekoinnovazzjoni. L-isforzi għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjament fl-ekoinnovazzjoni se jkomplu bħala parti mill-qafas finanzjarju multiannwali attwali għall-2007-2013 u se jissaħħu fil-kuntest tal-Programmi Speċifiċi ta' Orizzont 2020 “Nindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà" u "Il-ħolqien ta' tmexxija industrijali u ta' oqfsa kompetittivi". Il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra l-allokazzjoni ta’ finanzjament għall-ekoinnovazzjoni, sabiex tiġi indirizzata l-isfida speċifika għall-finanzjament f’dan il-qasam.

Passi importanti

Fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali attwali:

· Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni ma' Enterprise Europe Network[24], se tespandi l-attivitajiet tal-"assistenti ambjentali għall-SMEs". L-assistenti se jgħinu lill-SMEs jaħtfu l-opportunitajiet ta’ negozju li jinħolqu mill-ekoinnovazzjoni. L-iskema se tikkonsolida l-approċċi ambjentali razzjonali fl-SMEs, se tħeġġeġ is-sensibilizzazzjoni tagħhom u se tiffaċilita l-ksib ta' ħiliet li jistimolaw l-ekoinnovazzjoni.

· Fl-2012 il-Kummissjoni se tistabbilixxi netwerk Ewropew ta' finanzieri u investituri fl-ekoinnovazzjoni bil-għan li timmobilizzahom u tiddefinixxi l-ħtiġijiet ta' politika tagħhom sabiex ikun hemm investiment u finanzjament aktar malajr.

· Il-Kummissjoni se tgħin lill-intrapriżi ekoinnovattivi Ewropej jiksbu aċċess aħjar għas-swieq globali. Il-Enterprise Europe Network, iċ-ċentri Ewropej tat-teknoloġija barra mill-Ewropa u d-delegazzjonijiet tal-UE se jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-parteċipazzjoni f'fieri tal-kummerċ u f'żjarat kummerċjali, għall-konnessjonijiet bejn in-netwerks ta’ appoġġ għall-SMEs fl-Ewropa u bnadi oħra u għall-intelliġenza tas-suq u l-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tat-teknoloġiji.

· Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea se tiżviluppa inizjattivi sabiex tittejjeb il-fiduċja f’teknoloġiji ambjentali ġodda u f'soluzzjonijiet ekoinnovattivi li jidħlu fis-swieq globali u tal-UE, bis-saħħa tal-informazzjoni miksuba mir-riżultati ta' programm pilota volontarju esperimentali dwar il-verifika tat-teknoloġija ambjentali (environmental technology verification - ETV), li l-prinċipji u l-benefiċċji tagħha huma deskritti fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal mehmuż mal-Pjan ta’ Azzjoni.

Mill-2014, fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, inkluż Orizzont 2020 u l-Politika ta' Koeżjoni, il-Kummissjoni se tieħu l-inizjattivi xierqa biex:

· Taħdem mal-Istati Membri u r-reġjuni biex tintegra l-ekoinnovazzjoni fil-programmi operattivi tal-Politika ta’ Koeżjoni għall-2014-2020, b’mod partikolari permezz ta’ strateġiji reġjonali ta' innovazzjoni għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, li huma proposti bħala kondizzjonalità ex-ante .

· Tiżviluppa żewġ strumenti finanzjarji innovattivi: Servizz ta' Self u ta' Garanzija tal-UE u Strument Azzjonarju għar-riċerka u l-innovazzjoni. L-ewwel wieħed se jkollu komponent xprunat mid-domanda kif ukoll komponet xprunat mill-politika li se jinkludi l-ekoinnovazzjoni. It-tieni se jikkonċentra fuq il-fażi tal-bidu u tat-tkabbir u se jkollu fokus tematiku marbut mal-ekoinnovazzjoni. Iż-żewġ strumenti se jinkludu inċentivi ad-hoc ta' investiment li jippromwovu l-mobilizzazzjoni ta' finanzjament privat fil-qasam tal-ekoinnovazzjoni;

· L-iżvilupp ta' skemi ta' assistenza teknika li jgħinu lill-SMEs u lis-settur finanzjarju biex jiżviluppaw proġetti li jiggarantixxu l-profitti, jivvalutaw il-profittabbiltà tagħhom u jimplimentaw proġetti li jibbenefikaw minn finanzjament tar-riskju;

· Orizzont 2020 se jsaħħaħ ir-rwol tal-ekoinnovazzjoni u fost oħrajn jappoġġa l-SMEs ekoinnovattivi fl-istadju bikri tal-penetrazzjoni tagħhom tas-suq.

5.5. Azzjoni 5:      Kooperazzjoni internazzjonali

L-ekoinnovazzjoni hija essenzjali biex tiffaċilita t-tranżizzjoni globali lejn l-iżvilupp sostenibbli permezz tal-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija. F’dan il-kuntest il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Rio+20[25] tenfasizza fost l-oħrajn il-bżonn li jidħlu fis-seħħ miżuri tas-suq u regolatorji li jrawwmu l-ekoinnovazzjoni globalment u jiżguraw l-infurzar tagħhom.

Il-Komunikazzjoni “Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u t-teknoloġija”[26], il-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet biex titkabbar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (European Research Area - ERA) permezz ta’ iktar integrazzjoni u koordinazzjoni transkonfinali ta' investimenti u attivitajiet tar-riċerka. Hija għandha l-għan, fost l-oħrajn li żżid l-attrazzjoni tal-Ewropa bħala post ta' investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.

F'dan il-kuntest ġie stabbilit Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fl-Oqsma tax-Xjenza u t-Teknoloġija (Strategic Forum for International Science and Technology Cooperation - SFIC) biex immexxi 'l quddiem il-kooperazzjoni tas-Sħubija Ewropea għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Bħala l-għanijiet tiegħu dan il-forum se jkollu l-identifikazzjoni u l-koordinazzjoni tal-inizjattivi konġunti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni vis-à-vis il-pajjiżi terzi. L-inizjattivi jistgħu jinkludu l-ekoinnovazzjoni u l-bini tal-kapaċità għall-eko-innovazzjoni u l-adattament skont il-bżonnijiet tal-pajjiżi destinatarji.

L-ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u r-Russja joffru opportunitajiet sinifikanti tas-suq u għas-sħubija għall-ekoinnovaturi Ewropej. Madankollu, l-aċċess għal dawk is-swieq għadu sfida minħabba r-riskji għolja u mhux identifikati, minħabba l-protezzjoni tal-investiment u minħabba l-protezzjoni laxka tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Biex tappoġġa l-aċċess għas-suq u s-sħubijiet, il-Kummissjoni se tieħu l-inizjattivi xierqa biex:

· Tippromovi l-valutazzjoni komparattiva u l-armonizzazzjoni tal-istandards u r-rekwiżiti għal prodotti u servizzi ambjentali u għall-prestazzjoni ambjentali ta’ prodotti. Dan għandu jitħeġġeġ fil-kuntest tad-djalogi bilaterali u reġjonali mal-ekonomiji emerġenti. Programmi u proġetti rilevanti se jkunu appoġġati fil-qafas tal-programmi ta' kooperazzjoni bħall-Programm SWITCH Asia[27] biex jippromwovu l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. L-espansjoni ta' tali programmi għal reġjuni oħrajn, b'mod partikolari fl-Afrika u l-Amerika Latina se jiġu esplorati.

· Tippromwovi, fi djalogi ta’ politika bilaterali u multilaterali kif ukoll permezz tan-negozjati u tal-ftehimiet kummerċjali, l-iskambji dwar politiki għall-ekoinnovazzjoni inklużi miżuri għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ f'prodotti u f'servizzi ambjentali, l-eliminazzjoni tal-ostakli tal-ispejjeż għall-involviment tal-SMEs f’katini globali ta’ valur, il-protezzjoni tal-investiment u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. In-netwerking bejn l-investituri, il-finanzieri u l-intrapriżi se jkun promoss ukoll.

· Tinkludi t-teknoloġiji ambjentali u l-ekoinnovazzjoni f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, bħas-Sħubija tal-Lvant[28], is-Sħubija għad-Demokrazija u għall-Prosperità kondiviża man-Nofsinhar tal-Mediterran, u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed.

· Tikkoopera mal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti (United Nations Environment Programme - UNEP) u l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Industrijali (United Nations Industrial Development Organisation - UNIDO) fir-rinfurzar tan-Netwerk ta' ċentri nazzjonali ta' produzzjoni iktar nadifa. Dawn iċ-ċentri se jiffaċilitaw id-disseminazzjoni tal-aħjar prassi fil-qasam tal-ekoinnovazzjoni u se jiffaċilitaw in-netwerking bejn l-ekoinnovaturi fl-ekonomiji żviluppati u dawk emerġenti.

Passi importanti

· Fl-2012 il-Kummissjoni Ewropea se tiżviluppa sett ta’ għodod ta' politika b'appoġġ għat-trasferiment tat-teknoloġija ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet ambjentali stabbiliti.

· Bħala parti mill-proċess ta' Rio+20 il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-imsieħba internazzjonali se tikkontribwixxi sabiex fl-2020 jitwaqqaf qafas għall-integrazzjoni tal-ekoinnovazzjoni fid-djalogu u r-riżultati dwar is-sostenibbiltà internazzjonali tas-samit Rio+20, bħala fattur possibbli li jinkoraġġixxi l-aċċelerazzjoni tat-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika.

5.6. Azzjoni 6: Ħiliet u impjiegi ġodda

Huma meħtieġa ħiliet ġodda għall-iffaċilitar tat-tranżizzjoni għal ekonomija iktar ekoloġika u biex jipprovdu forza msaħħa tal-ħaddiema b'ħiliet għan-negozji. L-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi tenfasizza l-ħtieġa li l-provvista tal-ħiliet imqabbla mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari f'termini ta' ħiliet emerġenti ġodda u li qed jiżdiedu bħal dawk meħtieġa minn impjiegi ekoloġiċi u aktar ekoloġiċi.

Se jkun stabbilit Kunsill Ewropew tas-Settur dwar il-ħiliet għal impjiegi ekoloġiċi u aktar ekoliġiċi biex jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-profili tal-ħiliet, programmi ta' taħriġ u d-diskrepanzi fl-industrija tal-prodotti u servizzi ambjentali f'industriji relevanti oħra.

Passi importanti

· Mill-2012, bit-twaqqif ta' "Panorama tal-Ħiliet tal-UE" il-Kummissjoni se tikkontribwixxi għal żieda fil-mobbiltà fis-suq tax-xogħol billi tipprovdi informazzjoni dwar il-provvista u d-diskrepanzi tal-ħiliet attwali u futuri. Se tinkludi enfażi speċifika fuq il-ħiliet għal impjiegi ekoloġiċi.

5.7. Azzjoni 7:      Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni

Sħubijiet Ewropej għall-Innnovazzjoni (European Innovation Partnerships - EIPs) huma proposti fil-qafas tal-Inizjattiva Ewlenija ta' Ewropa 2020 għal Unjoni tal-Innovazzjoni. L-għanijiet ta' dawn l-EIPs huma li jissieħbu atturi u riżorsi madwar miri komuni sabiex jitħaffu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji għas-soluzzjoni tal-isfidi speċifiċi tas-soċjetà fejn jinsab ukoll suq potenzjali kbir għan-negozju tal-UE.

L-effiċjenza fir-riżorsi hija prijorità notevolment fl-oqsma tal-materja prima, l-agrikoltura sostenibbli u l-ilma, oqsma fejn EIPs qed jiġu kkunsidrati bħalissa. Billi tnaqqas id-distakk bejn ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi, miri ambjentali u opportunitajiet tan-negozju ambizzjużi l-ekoinnovazzjoni hija għodda ewlenija li tappoġġa dawn l-EIPs.

Passi importanti

· Azzjonijiet potenzjali jistgħu jinkludu l-ittestjar tal-akkwist pubbliku u privat fil-qasam ekoloġiku għall-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni. Jistgħu jiġu stabbiliti netwerks tal-akkwirenti u xerrejja pubbliċi u privati u jistgħu jiġu ttestjati u żviluppati l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħiet għall-offerti u għall-użu aktar mifurx fis-setturi pubbliċi u privati;

· Oqsma promettenti oħra li jistgħu jiġu kkunsidrati jinkludu l-bijogass mill-bijoskart, il-kimika sostenibbli u s-servizzi tal-ekosistema. L-aħjar approċċi sabiex il-miżuri fuq in-naħa tad-domanda jingħaqdu ma' dawk fuq in-naħa tal-provvista f'dawn l-oqsma se jiġu identifikati mill-Kummissjoni f'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati u mal-Istati Membri.

6. Governanza u Sensibilizzazzjoni: 6.1. Struttura ta' governanza

L-attivitajiet u l-iskemi ta' netwerking relatati b'mod speċifiċi mal-governanza sabiex jittejbu l-bażi tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni dwar l-ekoinnovazzjoni se jiġu stabbiliti fil-qafas tal-Unjoni tal-Innovazzjoni kif ukoll tal-Orizzont 2020. Sistemi sempliċi u flessibbli huma previsti li fihom il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati ewlenin hija waħda mifruxa u bbilanċjata[29].

F'dan il-kuntest, u filwaqt li jibni fuq l-esperjenza pożittiva tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli (tal-ETAP), se jitwaqqaf Grupp ta’ Tmexxija ta’ Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Multilaterali għall-Ekoinnovazzjoni għas-simplifikazzjoni tal-ekoinnovazzjoni, għall-iffaċilitar tat-tagħlim tal-politika, għar-reviżjoni mill-esperti tal-miżuri meħuda, kif ukoll għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni.

Barra minn hekk, il-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli ddedikat se jkompli jġib flimkien l-Istati Membri biex jiffaċilita l-iskambji ta' informazzjoni, u jipprovdi gwida politika msaħħa, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livelli nazzjonali.

Il-Forum tal-Partijiet Interessati tal-ETAP li jimmobilizza u jiffaċilita n-netwerking bejn l-partijiet interessati settorjali se jkollu orjentazzjoni aktar iffokata fuq in-negozju u se jiżviluppa rakkomandazzjonijiet immirati u aċċessibbli li jistgħu jiġu integrati fil-politiki nazzjonali u tal-UE.

Passi importanti

· Mill-2012, dan il-Grupp ta' Tmexxija ta’ Livell Għoli tal-Partijiet Interessati Multilaterli, magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri, min-negozju, mill-industrija, partikolarment l-SMEs, mir-riċerka u minn partijiet interessati ewlenin oħrajn, se jappoġġa miżuri għall-introduzzjoni tal-ekoinnovazzjoni, jekk ikun hemm bżonn bl-appoġġ tal-gruppi ta' ħidma tal-esperti speċifiċi u tematiċi tal-Partijiet Interessati Multilaterali.

6.2. Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri

Huma essenzjali skambji regolari ta' informazzjoni u ta' prassi tajba bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn ir-reġjuni dwar il-politiki tal-ekoinnovazzjoni. Għarfien aħjar dwar punti ta' pressjoni, politiki u swieq fil-qasam tal-ambjent u l-industrija tal-prodotti u s-servizzi ambjentali se jkunu meħtieġa wkoll biex jippromwovu l-ekoinnovazzjoni fl-Ewropa u jwasslu għal politiki xierqa.

Passi importanti

· Fuq il-bażi tat-tagħlimiet miksuba mill-Pjanijiet Direzzjonali tal-ETAP, l-pjanijiet direzzjonali nazzjonali tal-ekoinnovazzjoni fuq bażi volontarja se jiġu miftiehma mal-Istati Membri bil-għan li jiġu identifikati l-politiki l-aktar effiċjenti, jiġi ffaċilitat it-tagħlim tal-politika bejn l-Istati Membri kif ukoll jiġi stabbilit il-livell xieraq meħtieġ ta' implimentazzjoni biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-ekoinnovazzjoni. Dawn il-Pjanijiet Direzzjonali se jibnu fuq inizjattivi eżistenti għall-promozzjoni tat-teknoloġija ambjentali iżda b'attenzjoni aktar qawwija fuq l-ekoinnovazzjoni fis-settur privat u dak pubbliku u se jqisu l-għanijiet għas-sostenibilità globali biex jikkontribwixxu għall-ksib tagħhom.

· Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali rilevanti biex jintegraw l-ekoinnovazzjoni fl-inizjattivi tal-Politika ta’ Koeżjoni u l-Politika għall-Iżvilupp Rurali fil-qasam tal-innovazzjoni. F’dan ir-rigward l-iżvilupp kontinwu tal-“Pjattaforma għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti"[30] jirrappreżenta strument ewlieni biex tinbena l-kapaċità adegwata ta' governanza.

· Il-Kummissjoni se tibni fuq l-esperjenzi tat-"Tabella tal-Valutazzjoni tal-Ekoinnovazzjoni"[31] u l-indikaturi rilevanti oħrajn għall-ekoinnovazzjoni biex tissorvelja u tirrevedi miżuri u azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri u mill-UE.

· L-inizjattiva "Inħaffu l-politiki tal-ekoinnovazzjoni"[32] biex jiġu identifikati l-aħjar prassi fit-tfassil tal-politika tal-ekoinnovazzjoni se tkun rinforzata sabiex il-prassi tajba fl-Istati Membri jiżdiedu.

6.3. Tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet tal-ekoinnovazzjoni

Inċertezza dwar d-domanda mis-suq hija waħda mill-akbar ostakli għall-introduzzjoni malajr tal-ekoinnovazzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm aktar approvazzjoni soċjali għal teknoloġiji, proċessi, servizzi u prodotti ekoinnovattivi.

Din l-approvazzjoni soċjali tista' tinkiseb jekk il-partijiet interessati kollha jagħmlu l-isforzi biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-ekoinnovazzjoni, inklużi l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-industrija u s-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni se tieħu wkoll azzjonijiet biex tinforma dwar l-importanza tal-ekoinnovazzjoni bħala l-fattur ewlieni lejn ekonomija aktar ekoloġika u aktar sostenibbli, b’enfasi partikolari fuq il-potenzjal li hemm fiha li tiġġenera t-tkabbir u toħloq impjiegi ġodda. Dawn l-isforzi jibnu fuq attivitajiet eżistenti tal-komunikazzjoni mwettqa bħala parti mill-komunikazzjoni korporattiva tal-Kummissjoni Ewropea, bħal dik dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi.

7. RIMARKI TA’ KONKLUŻJONI

Ħames snin ta' implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar teknoloġiji ambjentali, u l-ħolqien ta' negozji vibranti ekoloġiċi fl-UE, urew il-potenzjal tal-ekoinnovazzjoni għall-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda tan-negozju u tat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa.

Madankollu, għad fadal aktar xi jsir u jeħtieġ azzjonijiet msaħħa u aktar mifruxa. Din hija r-raġuni għaliex għandhom jiġu intensifikati l-azzjonijiet li jinsabu għaddejjin bħalissa, u għaliex għandu jkun ottimizzat l-użu tar-riżorsi eżistenti u jiġu mmobilizzati riżorsi finanzjarji addizzjonali. Il-Pjan ta' Azzjoni jagħti spinta għall-isforzi fl-ekoinnovazzjoni, jipprovdi triq ċara ’l quddiem u għalhekk huwa s-suċċessur loġiku tal-ETAP.

Aġenda ambizzjuża tal-UE għall-ekoinnovazzjoni se tgħin ukoll sabiex inwieġbu aħjar għall-isfidi ambjentali globali u biex jinħatfu l-opportunitajiet fis-swieq globali f'konformità mal-għanijiet tal-istrateġija ta' Ewropa 2020. Permezz ta' din l-aġenda l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri se jingħataw għodod ġodda għall-ksib tal-miri ta' Ewropa 2020 u se jkun stabbilit qafas tal-ġejjieni għall-ekoinnovazzjoni. Ir-reviżjoni intermedja tal-perspettiva finanzjarja li jmiss se tipprovdi opportunità tajba għall-valutazzjoni tal-kisba tal-għanijiet stabbiliti f’dan il-Pjan ta’Azzjoni.

Anness 1. L-ekoinnovazzjoni hija ta' benefiċċju għan-negozju u għall-ambjent

L-ekonomija globali mhi se jkollha l-ebda għażla għajr l-aġġustament għal-limitazzjonijiet ambjentali u tar-riżorsi u dan jirrikjedi l-ekoinnovazzjoni. L-ekoinnovazzjoni tista' wkoll tiġġenera t-tkabbir u l-impjiegi u hija essenzjali għall-kompetittività tal-ekonomija, b'mod partikolari fl-Ewropa, li storikament ibbażat it-tkabbir ekonomiku tagħha fuq l-użu intensiv tar-riżorsi.

L-UE tinsab f'pożizzjoni tajba biex tassumi r-rwol tagħha fit-tranżizzjoni globali lejn ekonomija aktar sostenibbli

Il-politiki ambjentali tal-Ewropa u l-isfidi ambjentali globali li qed jiżdiedu wasslu biex irriżultaw f'settur tal-oġġetti u tas-servizzi ambjentali fl-Ewropa li huwa sinifikanti u kompetittiv.

Pereżempju, l-ekoindustriji Ewropej diġà jikkostitwixxu settur ekonomiku importanti, b'bejgħ gross annwali stmat għal EUR 319 biljun jew madwar 2,5 % tal-prodott domestiku gross tal-UE[33] (PDG). Dan ifisser li huma akbar mill-industriji tal-azzar, tal-farmaċewtiċi jew tal-karozzi. Reċentement, l-ekoindustriji kienu qed jikbru b'madwar 8 % fis-sena. Is-subsetturi prinċipali jittrattaw il-ġestjoni tal-iskart (30 %), il-provvista tal-ilma (21 %), il-ġestjoni tal-ilma tad-drenaġġ (13 %) u l-materjali riċiklati (13 %). Dan is-settur jimpjega b'mod dirett 3.4 miljun ruħ, madwar 1,5 % tal-Ewropej kollha li jinsabu f'impjieg. Madwar 600 000 impjieg addizzjonali nħolqu bejn l-2004 u l-2008. Ir-rata annwali tat-tkabbir fl-impjiegi fis-subsetturi kollha bejn l-2000 u l-2008 kienet ta' madwar 7 %.

In-negozji Ewropej jirrikonoxxu l-opportunità

Il-potenzjal tal-ekoinnovazzjoni huwa rikonoxxut mill-komunità tan-negozju. L-investimenti fil-kapital ta’ riskju (VC - Venture Capital) fl-Ewropa[34] żdiedu ħafna matul l-aħħar għaxar snin. Fl-2010, dawn ammontaw għal madwar EUR 1.3 biljun f'dan is-settur, żieda mill-EUR 0.3 biljun tal-2004. Minkejja l-inċertezza tas-suq li qed tikber iċ-ċifra kienet biss b'7 % minn taħt meta mqabbla ma' tal-2009, li juri r-reżistenza u l-potenzjali kbar tas-settur. Il-ġenerazzjoni u l-effiċjenza fl-enerġija jiddominaw f'dawn l-investimenti. Dawn iż-żewġ setturi weħedhom fir-raba' trimestru tal-2009 kienu jikkostitwixxu 71 % tal-kapital investit.

Prodotti, proċessi u servizzi li huma ambjentalment sikuri u effiċjenti fl-enerġija u fir-riżorsi, qegħdin dejjem aktar iżidu l-vantaġġ kompetittiv fost ħafna negozji u setturi. L-impriżi tal-manifattura warrbu soluzzjonijiet tat-“tmiem tal-katina” favur approċċi ta' “ċiklu magħluq” li jimminimizzaw flussi ta' materjal u tal-enerġija billi jbiddlu l-prodotti u l-metodi ta' produzzjoni u jużaw mill-ġdid l-iskart bħala riżors ġdid għall-produzzjoni – dan kollu jnaqqas l-ispejjeż. Madankollu, l-istaġnar u l-ostakli għadhom qed ixekklu l-isfruttament sħiħ ta' tali potenzjal.

Il-protezzjoni kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima u tad-diżastri relatati mat-temp se tipprovdi wkoll minjiera ta' opportunitajiet. Mill-1980, madwar 95 % tat-telf ekonomiku kkawżat minn avvenimenti katastrofiċi fl-Ewropa rriżultaw minn avvenimenti marbuta mat-temp u mal-klima, u din ix-xejra se tmur għall-agħar minħabba t-tibdil fil-klima. Fil-qasam tal-adattament għat-tibdil fil-klima u tal-Prevenzjoni tar-Riskju mid-Diżastri (Disaster Risk Prevention - DRR), l-għażliet għall-investiment se jitkattru u se jkunu meħtieġa finanzjament innovattiv u skemi għall-protezzjoni kontra l-klima. L-industrija tal-assigurazzjoni wkoll se taffaċċa sfidi u opportunitajiet ġodda.

L-opportunitajiet globali tal-ġejjieni għandhom jinħatfu

L-UE għandha l-kapaċità teknoloġika li ssir attur ewlieni għal prodotti, proċessi u servizzi ekoloġiċi. L-UE għandha komunità tar-riċerka f'saħħitha u predominanza teknoloġika f’ħafna oqsma. Dan huwa rifless fil-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett fil-kummerċ dinji, kif muri hawn taħt (eskluż il-kummerċ intra-UE).

Is-settur Ewropew tal-ekoindustrija huwa ppożizzjonjat b'mod tajjeb fil-livell globali [35]

Is-suq globali għall-industriji ambjentali kien jiswa EUR 1 triljun fl-2007, minħabba s-sehem kbir tat-teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija (EUR 450 biljun). Is-sehem tas-suq tal-Ewropa ivarja minn settur għall-ieħor. Pereżempju, fil-każijiet ta' separazzjoni awtomatika ta' materjali u tal-impjanti tal-enerġija mix-xemx, l-Ewropa tikkostitwixxi aktar minn 70 % tas-suq totali. Fl-oqsma tal-bijofjuwils sintetiċi, is-sistemi tat-tkessiħ bix-xemx u t-teknoloġija tal-ħżin tal-enerġija, l-industrija Ewropea qiegħed fil-pożizzjoni ta' quddiem fir-R&Ż. Is-sehem medju fis-suq tal-kumpaniji Ewropej kien 'il fuq minn 30 % fl-oqsma tal-ġestjoni tal-iskart u r-riċiklaġġ, tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, tal-mobbiltà sostenibbli, tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-ġestjoni sostenibbli tal-ilma.

Is-suq dinji għal dawn il-prodotti u s-servizzi qed jikber b'5 % fis-sena u huwa mistenni li sal-2030 jittripla (ara l-grafika hawn taħt għall-projezzjonijiet tat-tkabbir). L-UE tirrappreżenta madwar terz mis-suq dinji u hija esportatur nett. Madankollu, qed jitfaċċaw kompetituri globali. Fis-settur tal-enerġija mir-riħ, il-fornituri stabbiliti tal-UE qed jaffaċċaw operaturi ġodda li jfittxu japprofittaw mill-isforzi globali tal-limitazzjoni tat-tibdil fil-klima. L-UE għandha tibni fuq il-kapaċitajiet tagħha u għandha tagħti spinta lill-fatturi sottostanti sabiex tikkonsolida l-pożizzjoni fuq quddiem tagħha u taħtaf l-opportunitajiet emerġenti.

It-twessigħ tas-Swieq Globali għall-ekoindustriji[36]

L-SMEs tal-UE għandhom jibbenefikaw mit-tranżizzjoni

L-istruttura tal-ekoindustriji tvarja ħafna bejn settur u ieħor. Pereżempju, għall-ġestjoni tal-iskart, ir-rijabilitazzjoni tal-ħamrija, l-enerġija mir-riħ u l-enerġija rinnovabbli, madwar 10 % tal-kumpaniji jikkostitwixxu kważi 80 % tal-bejgħ gross. Min-naħa l-oħra, kumpaniji żgħar huma aktar b'saħħithom fis-swieq ġodda mmexxija mir-regolamenti, bħall-ekokostruzzjoni u l-enerġija rinnovabbli. Tajjeb ukoll li wieħed jinnota li fir-rigward tal-SMEs il-potenzjal tagħhom għall-ekoinnovazzjoni u bir-riżultat ta' dan għat-titjib fil-produttività tar-riżorsi, mistenni li jkun ogħla mill-potenzjal tal-intrapriżi l-kbar. L-studji skont il-każ dwar it-titjib fl-effiċjenza fl-użu razzjonali tal-materjali fil-Ġermanja wrew li fuq medja kien hemm iffrankar ta' madwar EUR 200 000 għal kull kumpanija, u l-ispejjeż tal-investiment kienu jammontaw għal anqas minn EUR 10 000 għal kważi nofs il-kumpaniji[37].

B'kollox ma' kollox, l-ekoindustriji huma kkaratterizzati mill-preżenza ta’ għadd kbir ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Dawn il-kumpaniji jirrappreżentaw madwar nofs l-impjieg totali. Għalhekk, l-SMEs fi sħubija mal-industriji għandu jkollhom rwol dejjem jikber fl-innovazzjoni ta' teknoloġiji ġodda u ta' soluzzjonijiet kif ukoll fl-użu tagħhom. Il-politiki pubbliċi u l-azzjoni pubblika għandhom joħolqu kondizzjonijiet aħjar għall-ekoinnovazzjoni

[1]               COM(2010) 2020: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv".

[2]               COM(2010) 546: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "Inizjattiva ewlenija Ewropa 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni".

[3]               COM(2011) 21: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza – Inizjattiva Ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020".

[4]               COM(2011) 571 finali.

[5]               COM(2010) 614: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni: Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali".

[6]               COM (2010) 682 finali: Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: "Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi".

[7]               Adattament tad-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

[8]               COM(2011) 500. Baġit għall-Ewropa 2020 - Parti II: Skedi ta' Politika

[9]               COM (2011) 808/3 finali: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Orizzont 2020 – Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

[10]             COM (2011) 572 finali: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni

[11]             COM (2004) 38 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Stimulating technologies for sustainable development: An Environmental Technologies Acton Plan for the European Union [Jitħeġġu t-teknoloġiji għall-iżvilupp sostenibbli: Pjan ta' Azzjoni għal Teknoloġiji Ambjentali għall-Unjoni Ewropea]

[12]             Flash Eurobarometer 315: Attitudes of European entrepreneurs towards eco-innovation [L-attitudnijiet tal-intraprendituri Ewropej lejn l-ekoinnovazzjoni], Marzu 2011

[13]             IDEA Consulting and Ecorys, ‘Study on the competitiveness of the EU eco-industry’ [Studju dwar il-kompetittività tal-ekoindustrija tal-UE], 2009; Roland Berger, ‘Innovative environmental growth markets from a company perspective’ [Is-swieq tat-tkabbir ambjentali innovattiv minn perspettiva ta' kumpanija] , 2007.

[14]             Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH)

[15]             OECD, ‘OECD studies on Environmental Innovation – Better policies to support eco-innovation’ [Studji tal-OECD dwar l-Innovazzjoni Ambjentali - Politiki aħjar li jappoġġjaw l-ekoinnovazzjoni], 2011.

[16]             "EIO Thematic Report: Water Innovation" Eco-Observatory, Mejju 2011.

[17]             http://tnw.tudelft.nl/en/about-faculty/departments/biotechnology/research/research-cooperation/icon/

[18]             http://ec.europa.eu/research/water-initiative/pdf/4th_wwf_brochure_en.pdf

[19]             http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/key_technologies/kets_high_level_group_en.htm

[20]             Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skont l-apparat tad-dar

[21]             L-iffrankar stmat minħabba t-tikkettar tal-enerġija għal tagħmir tat-tkessiħ, tal-ħasil tal-platti u għal magni tal-ħasil bejn l-1996 u l-2020.

[22]             COM (2011) 311 finali: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: Il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020

[23]             Id-Direttiva 2002/91/KE, id-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini

[24]             http://www.enterprise-europe-network.ec.europa.eu/index_en.htm.

[25]             COM(2011) 363 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, "Rio+20: lejn l-ekonomija ekoloġika u governanza aħjar

[26]             COM(2008) 588 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, "Qafas strateġiku Ewropew għall-kooperazzjoni internazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija"

[27]             Il-Programm SWITCH-Asia huwa programm ta' għotjiet iffinanzjat permezz tal-Programm tal-UE għall-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (Development Co-operation Instrument - DCI), ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 (ĠU L 378/41) - http://ec.europa.eu/europeaid/where/asia/regional-cooperation/environment/switch_en.htm

[28]             COM (2008) 823 finali: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-          Kunsill: ‘Is-Sħubija tal-Lvant’.

[29]             SEC (2011) 1028 finali, "The pilot European Innovation Partnership on Active and Healthy Aging (AHA). First experiences on governance and processes" [Il-proġett pilota tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal Xjuħija Attiva u f 'Saħħitha (Active and Healthy Aging (AHA). L-ewwel esperjenzi dwar il-governanza u l-proċessi]

[30]             http://ipts.jrc.ec.europa.eu/activities/research-and-innovation/s3platform.cfm

[31]             Ara proġett iffinanzjat mill-UE l-Osservatorju tal-Eko-Innovazzjoni; http://www.eco-innovation.eu/

[32]             Ara l-proġett iffinanzjat mill-UE "Accelerating eco-innovation policies" [Inħaffu l-politiki tal-ekoinnovazzjoni], http://www.ecopol-project.eu/

[33]             IDEA Consulting and Ecorys, ‘Study on the competitiveness of the EU eco-industry’ [Studju dwar il-kompetittività tal-ekoindustrija tal-UE], 2009; Roland Berger, ‘Innovative environmental growth markets from a company perspective’ [Is-swieq tat-tkabbir ambjentali innovattiv minn perspettiva ta' kumpanija], 2007.

[34]             Stqarrija għall-istampa tas-7 ta' Jannar, 2010 mill-Cleantech Grupp dwar Cleantech venture capital investments in 2010. Iċ-ċifri pprovduti jirreferu għall-investimenti tal-Cleantech għar-reġjun tal-Ewropa/tal-Iżrael.

[35]             Sors: IDEA Consult, ECORYS, 2009. Studju dwar il-kompetittività tal-ekoindustrija tal-UE; Il-Ministeru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari, 2009, "Greentech – Made in Germany 2.0"

[36]             Sors: IDEA Consult, ECORYS, 2009. Studju dwar il-kompetittività tal-ekoindustrija tal-UE; Il-Ministeru Federali għall-Ambjent, il-Konservazzjoni tan-Natura u s-Sikurezza Nukleari, 2009, "Greentech – Made in Germany 2.0"

[37]             Eco-innovation Observatory, Ir-Rapport Annwali għall-2010, “Business perspective: Saving material costs” [Il-perspettiva min-naħa tan-negozju: L-iffrankar fl-ispejjeż tal-materjali].