Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju /* KUMM/2011/0860 finali - 2011/0417 (COD) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
1.
IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
Meta mqabbla
maċ-ċentri globali tat-teknoloġija avvanzata u l-innovazzjoni,
li jikkompetu magħha, b’mod partikolari l-Istati Uniti, l-industrija tal-kapital
ta’ riskju Ewropea tidher fframmentata u mxerrda. Din il-frammentazzjoni kif
ukoll it-tixrid inisslu nuqqas ta' rieda, statistikament sinifikanti,
fl-investituri biex jinvestu f’fondi ta’ kapital ta’ riskju: Xi Stati Membri
għandhom reġimi tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju ddedikati b’regoli
dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, it-tekniki tal-investiment u l-miri
tal-investiment eliġibbli. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati
Membri m’għandhomx reġimi speċifiċi bħal dawn tal-fondi
ta’ kapital ta’ riskju, u minflok huma japplikaw regoli ġenerali tal-liġi
tal-kumpaniji u l-obbligi tal-prospett għall-attivitajiet
tal-maniġers tal-fondi kollha li jixtiequ joffru ‘allokazzjonijiet privati’
tal-kapital ta’ riskju fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom. Bħala
konsegwenza tal-frammentazzjoni fir-regolamenti, investituri potenzjali tal-'kapital
ta’ riskju' bħal ma huma individwi għonja, fondi tal-pensjonijiet jew
kumpaniji tal-assigurazzjoni jsibuha diffiċli u aktar għalja li
jibdew jindirizzaw uħud mill-investimenti tagħhom lejn il-kapital ta’
riskju. Frammentazzjoni fir-regolamenti timpedixxi wkoll lill-fondi
speċjalizzati ta' kapital ta’ riskju milli jżidu ammont sinifikanti
ta’ kapital minn barra l-pajjiż. Marbuta mill-qrib
mal-problema deskritta hawn fuq hija l-kwistjoni rigward jekk l-Ewropa ma tiddedikax
biżżejjed fondi għall-finanzjament tal-industriji innovattivi li
għadhom jibdew. Waqt li l-Istati Uniti, fil-perjodu mill-2003 sal-2010,
indirizzat madwar EUR 131 biljun għall-Venture Capital Funds (VCFs),
il-VCFs Ewropej irnexxilhom jiġbru EUR 28 biljun biss f’dan
il-perjodu. Il-preferenza
attwali tal-investituri potenzjali hija li jippreferu l-investimenti ta' ekwità
privata minflok ta' kapital ta’ riskju. Fil-perjodu ta’ referenza 2003-2010, il-fondi
ddedikati għall-kapital ta’ riskju ammontaw għal EUR 64 biljun
minn total ta’ EUR 437 biljun investiti fil-qasam aktar wiesa’
tal-ekwità privata. Għaldaqstant il-kapital ta’ riskju jirrappreżenta
biss 14.6% tal-ammont konġunt – bl-ekwità privata tirrapreżenta 85.4%.
Meta wieħed iħares lejn dan il-perjodu ta’ referenza fuq bażi
annwali, il-flus miżjuda mill-ekwità privata kull sena jaqbżu
b’ammont kbir il-flus miżjuda mill-kapital ta’ riskju. Sakemm tippersisti
din il-preferenza favur l-ekwità privata – settur li jinvesti f’kumpaniji
maturi u jorganizza x-xiri b’azzjoni ta’ lieva finanzjarja – il-fondi
disponibbli mhumiex indirizzati lejn il-finanzjament ta’ ekwità
għat-tnissil u l-bidu ta’ impriżi li jinsabu fil-fażi li jew
jirnexxu jew ifallu fl-iżvilupp korporattiv tagħhom. In-nuqqas ta’
riżorsi finanzjarji li attwalment huma diretti lejn il-kapital ta’ riskju huwa
direttament responsabbli għad-daqs subottimali tal-VCF medja Ewropea. Id-daqs medju ta’ fond
ta’ kapital ta’ riskju Ewropew huwa inqas, b’mod sinifikanti, mid-daqs ottimali
għal dan it-tip ta’ strument ta’ finanzjament. Waqt li fond ta’ kapital
ta’ riskju (VCF) medju fl-Istati Uniti jiġbor EUR 130 miljun ta’
assi fil-ġestjoni, id-daqs medju ta’ VCF Ewropew huwa ta’ madwar EUR 60 miljun. Bħala
konsegwenza, il-kapital ta’ riskju, f’dan l-istadju, iwettaq rwol minuri
fil-finanzjament tal-SMEs. L-SMEs jiddependu primarjament fuq is-self
mill-banek. Is-self bankarju jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-finanzjament
tagħhom, filwaqt li 2 % biss tal-finanzjament tagħhom huwa
fornut mill-ispeċjalisti tal-kapital ta’ riskju. Iċ-ċifra
korrispondenti għall-Istati Uniti hija ta’ 14 %. Dawn
ir-riżultati huma partikolarment impressjonanti minħabba l-fatt li
ħafna SMEs, wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-2009, kellhom
iħallsu rati tal-imgħax aktar għolja għas-self bankarju.[1] Barra minn hekk, bħala
konsegwenza tal-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-2009, il-provvediment u
l-estensjoni tal-linji tal-kreditu mill-banek lill-SMEs naqsu b’mod sinifikanti,
u għalhekk it-tfittxja u d-domanda tal-SMEs għal sorsi ta’
finanzjament alternattivi saru aktar urġenti.[2] Madankollu, il-kapital ta’
riskju, minħabba nuqqas ta’ riżorsi kapitali suffiċjenti, ma
kienx kapaċi jimla dan il-vojt evidenti. L-assenza ta’
settur ta’ kapital ta’ riskju effiċjenti twassal biex l-innovaturi u
l-impriżi tan-negozju innovattivi Ewropej jaħdmu f’livell aktar baxx
mill-potenzjal kummerċjali tagħhom. Dan, imbagħad, huwa negattiv
għall-kompetittività globali tal-Ewropa. Dan il-punt jista’ jkun indikat
billi titqabbel l-importanza relattiva tal-investimenti tal-kapital ta’ riskju bħala
strument ta’ finanzjament (espressa bħala perċentwal tal-PDG) f’suq
innovattiv ħafna, bħall-Istati Uniti (0.14 %), mal-medja Ewropea
(0.03 %). Din is-sitwazzjoni hija kkonfermata wkoll meta tiġi vvalutata
mill-perspettiva tal-portafoll ġenerali tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju ġestiti
minn maniġer ta’ fond partikolari. Skont l-aħħar ċifri
disponibbli mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ekwità Privata u l-kapital ta’
riskju (EVCA), 98 % tal-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju jiġġestixxu
portafoll ta’ fondi li jkun aktar baxx mil-limitu ta’ EUR 500 miljun
tad-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (AIFMD).[3] L-indirizzar ta’ dawn il-problemi u
l-appoġġ għall-imprendituri Ewropej huma għaldaqstant
kruċjali. Suq Ewropew tal-kapital ta’ riskju li qed jikseb
suċċess huwa objettiv tal-Istrateġija Ġenerali Ewropa 2020,[4] waqt li l-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2011
għamel sejħa għat-tneħħija tal-ostakli regolatorji li
għad baqa’ għall-kapital ta’ riskju transkonfinali. Bħala
xogħol ta’ segwitu, il-Kummissjoni Ewropea mpenjat ruħha fl-Att dwar
is-Suq Uniku[5]
(SMA) biex tiżgura li sal-2012 il-fondi ta’ kapital ta’ riskju stabbiliti
fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jżidu l-kapital u jinvestu
b’mod liberu fl-UE kollha. Qafas ġdid għall-fondi ta’ kapital ta’
riskju huwa wkoll wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-pjan ta’ azzjoni
għall-SMEs [daħħal referenza] li għandu l-għan li
jkattar it-tkabbir tal-SMEs billi jtejjeb l-aċċess tagħhom
għall-finanzjament. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Pjan
Direzzjonali lejn l-Istabbiltà u t-Tkabbir" adottata fit-12 ta’ Ottubru 2011
identifikat ukoll it-tkattir tal-aċċess għall-kapital ta’ riskju
bħala strument importanti biex tingħata spinta lit-tkabbir fi
ħdan l-UE u għaldaqstant tagħmel sejħa għal adozzjoni
rapida tal-proposti rilevanti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.[6] Ir-Regolament propost jindirizza dawn
il-problemi. Huwa introduċa rekwiżiti uniformi
għall-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li joperaw
taħt id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju". Huwa
jintroduċi rekwiżiti rigward il-portafoll tal-investiment, it-tekniki
tal-investiment u l-impriżi eliġibbli li fond li
jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jista’ jindirizza.
Huwa jintroduċi wkoll regoli uniformi rigward liema kategoriji ta’
investituri jistgħu jkunu indirizzati minn fond li
jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju u rigward
l-organizzazzjoni interna tal-maniġers li jikkummerċjalizzaw fondi li jikkwalifikaw bħal dawn. Minħabba li
l-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li joperaw taħt
id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" se jkunu
suġġetti għal regoli sostantivi identiċi fl-UE kollha, huma
se jibbenefikaw minn rekwiżiti uniformi għar-reġistrazzjoni u
passaport għall-UE kollha, li se jgħinu biex jinħolqu kundizzjonijiet
ekwi għall-parteċipanti kollha fis-suq ta' kapital ta’ riskju. Regoli uniformi għall-fondi ta’ kapital
ta’ riskju jistgħu jagħtu wkoll spinta importanti lill-iżvilupp
ta’ oqsma oħra tar-regolamentazzjoni tal-investimenti tal-kapital ta’
riskju. Oqfsa prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni (Solvenza II) u l-banek (Regolament u Direttiva tar-Rekwiżiti
Kapitali) jittrattaw l-investimenti tal-kapital ta’ riskju bħala riskju
għoli għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali. Il-Kummissjoni
se tivvaluta l-impatti ta’ rekwiżiti bħal dawn, sabiex tidentifika
jekk dawn ir-rekwiżiti kapitali għandhomx bżonn jinbidlu fuq
medda ta’ żmien medja jew fit-tul. L-istabbiliment ta’ qafas għall-UE
kollha għall-fondi ta’ kapital ta’ riskju b’sett uniformi ta’ regoli dwar
il-kompożizzjoni tal-portafoll u l-kundizzjonijiet operattivi kif previsti
minn dan ir-Regolament jista’ jħaffef tali valutazzjoni. Kif hemm enfasizzat ukoll fil-pjan ta’ azzjoni
tal-SMEs, kunċett komuni ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju se jkun punt
tat-tluq tajjeb għal aktar tiftix mal-Istati Membri għal
soluzzjonijiet għall-problemi tat-taxxi li jistgħu jxekklu
l-investimenti transkonfinali minn fondi bħal dawn. Fl-2012,
il-Kummissjoni se tlesti l-eżami tagħha rigward l-ostakli tat-taxxi
għall-investiment transkonfinali ta' kapital ta’ riskju bil-għan li
tippreżenta s-soluzzjonijiet fl-2013 immirati lejn l-eliminazzjoni
tal-ostakli waqt li fl-istess ħin ma tħallix l-evitar u
l-evażjoni tat-taxxa. Tali soluzzjonijiet – għalkemm indipendenti
minn dan ir-Regolament – huma kumpliment importanti għalih, sabiex ikun
żviluppat suq funzjonali b’mod sħiħ għall-fondi ta’ kapital
ta’ riskju u għall-SMEs fi ħdan l-UE. Huma jiżguraw il-fluss
effiċjenti tal-kapital għall-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’
riskju u finalment l-impriżi li jikkwalifikaw fil-portafoll li fihom
il-fondi jinvestu. Ir-Regolament propost huwa kumplimentari
għar-Regolament propost dwar il-Fondi tal-Intraprenditorija Soċjali
Ewropea (EuSEFs). Iż-żewġ proposti għandhom l-għan li
jilħqu għanijiet differenti u ż-żewġ proposti, jekk
ikunu adottati, se jeżistu flimkien bħala atti legali awtonomi
f’indipendenza reċiproka.
2.
RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U
L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
2.1.
Konsultazzjoni mal-partijiet interessati
Il-bidu tax-xogħol fuq il-kapital ta’
riskju jmur lura għall-1998 meta l-importanza tal-ħolqien ta’ suq
tal-kapital ta’ riskju li jiffunzjona tajjeb,[7] bil-kapital
ta’ riskju bħala parti essenzjali, kienet diġà rrikonoxxuta
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kapital
ta’ Riskju (Risk Capital Action Plan - RCAP).[8] Minn dak
iż-żmien, il-Kummissjoni ġabret aktar evidenza permezz ta’
workshops , konsultazzjonijiet u gruppi ta’ esperti ddedikati, hekk kif indirizzat
l-ostakli legali, regolatorji u tat-taxxi eżistenti li jxekklu
l-funzjonament ottimali tas-swieq tal-kapital ta’ riskju. Fil-15 ta’ Ġunju 2011, is-servizzi
tal-Kummissjoni nedew konsultazzjoni pubblika[9] dwar
l-elementi ewlenin ta’ qafas Ewropew potenzjali għall-fondi ta’ kapital
ta’ riskju, li għalqet fl-10 ta’ Awwissu 2011. Waslu
tmienja u erbgħin risposta li jistgħu jkunu kkonsultati fil-websajt
li ġejja http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2011/venture_capital_en.htm.
2.2.
Valutazzjoni tal-impatt
F’konformità mal-politika tagħha dwar
"regolamenti aħjar", il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni
tal-impatt ta’ alternattivi politiċi. Dawn l-alternattivi fihom firxa
wiesgħa ta’ għażliet potenzjali: ·
L-introduzzjoni ta’ passaport ġdid tal-kapital
ta’ riskju fi ħdan id-Direttiva 2011/61/KE (AIFMD) ·
It-tnaqqis jew it-tneħħija tal-livelli
tal-AIFMD ·
Il-ħolqien ta’ regoli speċjali
għall-kapital ta’ riskju bħala parti mid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni
tal-AIFM-D ('livell 2') ·
Il-ħolqien ta’ passaport tal-kapital ta’
riskju bħala strument legali awtonomu ·
Il-ħolqien ta’ netwerk amministrattiv biex jissaħħaħ
ir-rikonoxximent miż-żewġ naħat tar-regoli nazzjonali li
jirregolaw il-kapital ta’ riskju jew 'il-allokazzjonijiet privati'. Dawn l-għażliet kollha kienu
analizzati fil-kuntest tal-objettivi ġenerali, jiġifieri li l-SMEs
Ewropej isiru aktar kompetittivi f’suq globali, imma wkoll fil-kuntest
tal-objettivi aktar speċifiċi u operattivi ta’ din l-inizjattiva: (i)
li jkun stabbilit kunċett Ewropew ta’ "fond ta’ kapital ta’ riskju"
(ii) li tinħoloq sistema Ewropea li tippromwovi ż-żieda
transkonfinali tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju, (iii) li jinħoloq
approċċ regolatorju komuni li jirregola fondi bħal dawn,
inkluż il-ħolqien ta’ netwerk għall-kooperazzjoni regolatorja
fis-superviżjoni ta’ fondi tal-investiment bħal dawn. L-impatti inklużi l-ispejjeż u
l-benefiċċji għall-manigers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju, l-SMEs,
is-soċjetà, l-ekonomija b’mod ġenerali, l-ambjent u l-kuntest globali
kienu analizzati wkoll. Tali analiżi kkonkludiet favur il-ħolqien ta’
passaport tal-kapital ta’ riskju bħala strument awtonomu. L-impatt
tal-għażla ppreferuta mistenni li jkun ta' benefiċċju għall-maniġers
tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju billi jtejjeb il-kundizzjonijiet operattivi
tagħhom fl-UE li mbagħad għandhom iwasslu għal konformità u
tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi u l-ħolqien ta’ opportunitajiet
ġodda għal żieda fil-fondi. Dan għandu jirriżulta
f’aktar opportunitajiet ta’ negozju u f’aktar finanzjament li jkun indirizzat
lejn l-SMEs ġodda u innovattivi u dan kollu imbagħad għandu
jagħti spinta lil-kompetittività u t-tkabbir tal-Ekonomija Ewropea. Tqiesu l-kummenti mill-Bord tal-Valutazzjoni
tal-Impatt espressi fl-opinjoni tagħhom tal-11 ta’ Novembru .
B’mod partikolari, l-analiżi tal-problemi ġiet imsaħħa bi
spjegazzjoni sa fejn il-livelli baxxi ta’ żieda fil-fondi transkonfinali ta'
kapital ta’ riskju jistgħu jkunu attribwiti għall-frammentazzjoni
tar-regoli fl-UE. L-għażliet intrabtu b’mod aħjar mal-problemi
speċifiċi identifikati u l-analiżi tal-impatti tagħhom
ġiet approfondita. Finalment, l-arranġamenti għall-monitoraġġ
u l-konformità ġew iċċarati aktar.
3.
ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
3.1.
Il-bażi legali
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114
tat-TFUE bħala l-aktar bażi legali xierqa f’dan il-qasam. Prinċipalment
il-proposta għandha l-għan li ttejjeb l-affidabbiltà u ċ-ċertezza
legali tal-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni mwettqa mill-operaturi li
jużaw id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju". Biex
jintlaħaq dan il-għan, il-proposta tintroduċi standards uniformi
rigward il-kompożizzjoni tal-portafoll tal-"Fondi Ewropej ta' Kapital
ta’ Riskju", l-istrumenti ta’ investiment li jistgħu jużaw tali
fondi, u l-miri tal-investiment li huma eliġibbli għal finanzjament
minn fondi tal-investiment kolletivi li joperaw taħt id-denominazzjoni
"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju". Il-proposta tintroduċi wkoll regoli
uniformi fir-rigward tal-kategoriji tal-investituri li jitqiesu bħala
eliġibbli li jinvestu f’"Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju". Regolament
jitqies bħala l-istrument legali l-aktar xieraq biex jintroduċi
rekwiżiti uniformi diretti lejn il-parteċipanti kollha fis-suq tal-kapital
ta’ riskju – l-investituri tal-kapital ta’ riskju, il-fondi ta’ kapital ta’
riskju u l-kumpaniji fil-mira tal-finanzjament tal-kapital ta’ riskju.
Regolament jitqies ukoll bħala l-aktar strument xieraq biex jinħolqu
regoli uniformi rigward min jista’ jkun investitur tal-kapital ta’ riskju, rigward
min jista’ juża d-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju"
u rigward it-tipi ta’ impriżi li jistgħu jirċievu finanzjament minn
tali fondi li jikkwalifikaw. Fl-aħħar
nett, Regolament jitqies bħala l-aktar strument xieraq biex ikun
żgurat li l-parteċipanti kollha huma suġġetti għal
rekwiżiti uniformi rigward is-sottoskrizzjoni għal "Fondi Ewropej
ta' Kapital ta’ Riskju" u l-istrateġiji tal-investiment segwiti u
l-istrumenti tal-investiment użati mill-"Fondi
Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju".
3.2.
Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
Essenzjalment, il-proposta għandha
l-għan li toħloq ambjent ta’ kummerċjalizzazzjoni affidabbli,
sikur u legalment stabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tal-Fondi Ewropej
ta' Kapital ta’ Riskju. Id-determinazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali
ta’ Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju, f’termini tal-kompożizzjoni
tal-portafoll tiegħu, il-miri tal-investiment u l-gruppi ta’ investituri
eliġibbli, ma tistax titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri
minħabba li dan inissel applikazzjoni differenti u mhux konsistenti ta’
dawn ir-rekwiżiti li jiddefinixxu fl-UE kollha. Definizzjonijiet u
rekwiżiti operattivi uniformi jridu jwettqu rwol ċentrali
fl-istabbiliment ta’ sett ta’ regoli komuni għas-suq Ewropew għall-fondi
ta’ kapital ta’ riskju tal-UE u l-maniġers tagħhom. Barra minn hekk, il-maniġers
kollha tal-fondi ta’ investiment kollettivi li joperaw f’dan is-suq u jużaw
id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" iridu jkunu
suġġetti għall-istess rekwiżiti organizzattivi u
tat-twettiq tan-negozju. Fir-rigward tar-reġistrazzjoni u
s-superviżjoni tal-maniġers tal-"Fondi Ewropej ta' Kapital ta’
Riskju" il-proposta għandha l-għan li ssib bilanċ bejn
il-ħtieġa għal superviżjoni effettiva tal-Fondi Ewropej ta'
Kapital ta’ Riskju, l-interess tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali meta tali
fondi huma jew iddomiċiljati jew offruti lill-kategoriji ta’ investituri eliġibbli
u l-irwol koordinattiv tal-AETS. Sabiex jinħoloq proċess kontinwu
għas-superviżjoni, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn
il-maniġer ta’ "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" li jikkwalifikaw huwa ddomiċiljat għandha
tivverifika d-dokumenti tar-reġistrazzjoni sottomessi mill-maniġer
applikant u, wara li tivvaluta jekk l-applikant ipprovdiex garanzija
biżżejjed tal-kapaċità tiegħu li jikkonforma
mar-rekwiżiti tar-Regolament, tirreġistra lill-applikant. Meta
tissorvelja l-maniġer irreġistrat, l-awtorità kompetenti li
rreġistrat lill-maniġer għandha tikkoopera mal-awtoritajiet
kompetenti f’dawk l-Istati Membri fejn huwa kkummerċjalizzat il-fond li jikkwalifika. L-AETS għandha
żżomm bażi ta' dejta ċentrali li telenka l-maniġers
irreġistrati kollha li huma eliġibbli li jużaw id-denominazzjoni
fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju. Fir-rigward tal-proporzjonalità, il-proposta
ssib il-bilanċ xieraq bejn l-interess pubbliku li jippromwovi
l-iżvilupp ta’ swieq tal-kapital ta’ riskju aktar likwidi u l-kosteffiċjenza
tal-miżuri proposti. Meta pprevediet sistema ta’ reġistrazzjoni
sempliċi, il-proposta qieset b’mod sħiħ il-ħtieġa li
jinstab bilanċ bejn is-sigurtà u l-affidabilità assoċjata
mal-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju"
mal-operat effiċjenti tas-suq tal-kapital ta’ riskju u l-ispiża
għall-partijiet interessati differenti tiegħu.
3.3.
Konformità mal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE
Fit-23 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni
adottat proposti għal Regolamenti li jistabbilixxu l-ABE, l-AEAPX, u
l-AETS. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tixtieq tfakkar id-Dikjarazzjonijiet
fir-rigward tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE li hija għamlet
fl-adozzjoni tar-Regolamenti li jistabbilixxu l-Awtoritajiet Superviżorji
Ewropej u li skont dawn: "Fir-rigward tal-proċess
għall-adozzjoni ta' standards regolatorji, il-Kummissjoni tenfasizza
n-natura unika tas-settur tas-servizzi finanzjarji, li jkompli mal-istruttura
Lamfalussy u li kien speċifikament rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni 39
għat-TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni għandha dubji serji dwar jekk
ir-restrizzjonijiet fuq ir-rwol tagħha meta tadotta atti delegati u
provvedimenti ta' implimentazzjoni humiex skont l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE."
3.4.
Preżentazzjoni tal-Proposta
Artikolu 1 – Skop L-Artikolu 1 juri
l-iskop tar-Regolament previst. L-Artikolu jagħmilha ċara li d-denominazzjoni
"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" għandha tkun irriżervata
għal dawk il-maniġers tal-fondi li jikkonformaw ma’ sett ta’ kriterji
tal-kwalità uniformi li japplikaw għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi
li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju tagħhom fl-Unjoni. F’dan
ir-rigward, l-Artikolu 1 jenfasizza l-għan li jkun stabbilit
kunċett uniformi ta’ dak li jikkostitwixxi fond li jikkwalifika ta' kapital
ta’ riskju. Dan il-kunċett huwa żviluppat sabiex tkun żgurata
l-kummerċjalizzazzjoni bla xkiel ta’ fondi bħal dawn fl-Unjoni kollha. Artikolu 2 – Il-kamp ta' applikazzjoni L-Artikolu 2 jispeċifika
li dan ir-Regolament japplika għall-maniġers tal-impriżi ta’
investiment kollettiv kif iddefiniti fl-Artikolu 3(b) ta’ dan
ir-Regolament, sakemm dawn il-maniġers huma stabbiliti fl-Unjoni u
rreġistrati mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom
skont id-Direttiva 2011/61/KE u huma jiġġestixxu portafolji ta’
fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, li l-assi ġestiti
tagħhom b’kollox ma jaqbżux il-limitu ta’ EUR 500 miljun. Artikolu 3 - Definizzjonijiet L-Artikolu 3 fih
definizzjonijiet essenzjali li jiddelimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament
propost. Kunċetti ewlenin bħal fond li jikkwalifikaw ta' kapital ta’
riskju, l-istrumenti li jikkwalifikaw tal-investiment u l-miri li jikkwalifikaw
tal-investiment huma ddefiniti. Essenzjalment, dawn id-definizzjonijiet
għandhom l-għan li jiġbdu linja ċara ta’ demarkazzjoni bejn
il-kunċett ta’ fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju u fondi
oħra li jidħlu għal strateġiji oħra ta’ investiment,
anqas speċjalizzati, pereżempju l-ekwità privata. F’konformità mal-għan li jkunu llimitati b’mod preċiż il-fondi
li jikkwalifkaw u li fir-rigward tagħhom maniġer ta’ fond ta’ kapital
ta’ riskju għandu jibbenefika mid-drittijiet skont dan ir-Regolament, l-Artikolu 3,
paragrafu (a) jistipula li fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju
għandu jkun fond li jiddedika mill-inqas 70 fil-mija
tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati tiegħu u l-kapital impenjat mhux
mitlub għal investimenti f’impriżi
żgħar u medji (SME) li joħorġu strumenti ta’ ekwità jew
kważi ekwità direttament lill-investitur tal-kapital ta’ riskju ("miri
tal-investiment"). Dan jimplika li pereżempju l-ispejjeż
operattivi li għandhom ikunu ddebitati lill-fond li jikkwalifika ta' kapital
ta’ riskju kif jista’ jkun maqbul mal-investituri, jridu jsiru mit-30 fil-mija
li baqa’ tal-kontribuzzjonijiet kapitali impenjati. Huwa importanti li jkun iċċarat li
l-fond ta’ kapital ta’ riskju jrid jikseb dawn l-istrumenti direttament
mingħand l-SME li toħroġhom. L-akkwist dirett huwa salvagwardja
essenzjali minħabba li għandu l-għan li jiddifferenzja l-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju mill-kategorija aktar wiesgħa
tal-fondi ta’ ekwità privata (li huma kkummerċjalizzati f’titoli
maħruġa fi swieq sekondarji). L-Artikolu 3 fih aktar
definizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament
propost. Artikolu 4 – L-użu tad-denominazzjoni
"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" L-Artikolu 4 jinkludi
l-prinċipju ewlieni li l-fondi biss li jikkonformaw mal-kriterji uniformi
stabbiliti minn dan ir-Regolament huma eliġibbli li jużaw id-denominazzjoni
"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" biex jikkummerċjalizzaw
il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju fl-Unjoni. Artikolu 5 – Kompożizzjoni
tal-portafoll L-Artikolu 5 jinkludi
dispożizzjoni ddettaljata dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll li
jikkaratterizza Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5
jinkludi regoli uniformi dwar il-miri tal-investiment għall-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, strumenti tal-investiment eliġibbli,
regoli dwar il-limiti li bihom fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jista’
jkabbar l-iskopertura tiegħu. Sabiex il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju jkollhom ċertu grad ta’ flessibilità fil-ġestjoni
tal-investiment u l-likwidità tagħhom, kummerċjalizzazzjoni
sekondarja se tkun permessa sa' limitu massimu ta’ mhux aktar minn 30 fil-mija
tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-investimenti kapitali mhux
mitluba. Artikolu 6 – Investituri
eliġibbli L-Artikolu 6 jinkludi
dispożizzjonijiet dettaljati dwar l-investituri eliġibbli li jinvestu
f’fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju: skont dan l-Artikolu, il-fondi
li jikkwalifikaw jistgħu jkunu kkummerċjalizzati biss lil investituri
rikonoxxuti bħala investituri professjonali fid-Direttiva 2004/39/KE. Il-kummerċjalizzazzjoni lil investituri oħra bħal ma
huma ċerti individwi ta’ valur għoli hija permessa biss jekk huma
jimpenjaw 'biljett' minimu ta’ EUR 100 000 għall-fond u jekk
ċerti proċeduri jkunu segwiti mill-maniġer tal-fond sabiex
il-maniġer tal-fond ikun assigurat b’mod raġonevoli li dawn l-investituri
oħra huma kapaċi jagħmlu d-deċiżjonijiet
tal-investiment tagħhom proprju u jifhmu r-riskji involuti. Artikolu 7 – Regoli tal-imġiba u
l-evitar tal-kunflitti ta’ interess L-Artikolu 7 fih
prinċipji ġenerali li jirregolaw l-imġiba ta’ maniġer li jikkwalifika
ta' kapital ta’ riskju, notevolment fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu u
r-relazzjoni tiegħu mal-investituri. Artikolu 8 – Kunflitti ta’ interess L-Artikolu 8 fih
regoli għall-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess
mill-maniġer tal-kapital ta’ riskju. Dawn ir-regoli jirrikjedu wkoll
lill-maniġer li jkollu l-arranġamenti organizzattivi u
amministrattivi meħtieġa fis-seħħ biex jiżgura l-ġestjoni
xierqa tal-kunflitti ta’ interess. Artikolu 9 – Arranġamenti
organizzattivi oħra L-Artikolu 9 jirrikjedi
li maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju jżomm riżorsi umani u
tekniċi adegwati kif ukoll fondi proprji biżżejjed skont kif
meħtieġ għal ġestjoni xierqa tal-fondi li jikkwalifikaw ta'
kapital ta’ riskju. Artikolu 10 – Valutazzjoni L-Artikolu 10
jindirizza l-valutazzjoni tal-assi tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’
riskju. Ir-regoli dwar dan għandhom ikunu stabbiliti fid-dokumenti
statutorji ta’ kull fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju. L-Artikolu 11
– Rapport annwali L-Artikolu 11
jinkludi regoli dwar ir-rapporti annwali li l-maniġers tal-fond ta’
kapital ta’ riskju jridu jħejju fir-rigward tal-fondi li jikkwalifikaw ta'
kapital ta’ riskju li huma jiġġestixxu. Ir-rapport għandu
jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-fond u l-attivitajiet
tas-sena li tkun għaddiet. Artikolu 12 – Żvelar
lill-investituri L-Artikolu 12
jinkludi r-rekwiżiti ewlenin tal-iżvelar li jridu jsiru mill-maniġer
tal-fond ta’ kapital ta’ riskju fir-rigward tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju. L-aktar importanti hu li dawn ir-rekwiżiti jistabbilixxu
l-obbligi tal-iżvelar prekuntrattwali relatati mal-istrateġija u
l-objettivi tal-fond li jikkwalifika tal-investiment, l-istrumenti
tal-investiment li jintużaw, l-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-imposti
assoċjati, u l-profil tar-riskji u l-benefiċċji tal-investiment
propost minn fond li jikkwalifika. Dan jinkludi wkoll l-informazzjoni dwar kif
hija kkalkulata r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’
riskju. Artikolu 13 – Superviżjoni L-Artikolu 13: sabiex ikun żgurat li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’
domiċilju se tkun tista’ tissorvelja l-konformità tal-maniġer tal-fond
ta’ kapital ta’ riskju mar-rekwiżiti uniformi stabbiliti f’dan
ir-Regolament, il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju għandu
jinforma lill-awtorità kompetenti dwar l-intenzjoni tiegħu li
jikkummerċjalizza l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju taħt
id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju." Il-maniġer
għandu jipprovdi wkoll l-informazzjoni meħtieġa inkluża dik
dwar l-arranġamenti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u l-fondi li
huwa għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza. Meta l-awtorità
kompetenti tkun sodisfatta li l-informazzjoni meħtieġa hija kompluta
u li l-arranġamenti huma adattati għall-konformità mar-rekwiżiti
stabbiliti f’dan ir-Regolament, hija għandha tirreġistra
l-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju. Din ir-reġistrazzjoni
għandha tkun valida fl-Unjoni kollha u tippermetti lill-maniġer ta’ fond
ta’ kapital ta’ riskju li jikkummerċjalizza l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju taħt id-denominazzjoni "Fondi Ewropej ta' Kapital ta’
Riskju". Artikolu 14 – Aġġornament
tal-informazzjoni dwar il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju L-Artikolu 14
jinkludi regoli dwar iċ-ċirkustanzi meta l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità
kompetenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tkun teħtieġ li
tiġi aġġornata. Artikolu 15 – Notifiki transkonfinali L-Artikolu 15
jiddeskrivi l-proċess tan-notifiki transkonfinali bejn l-awtoritajiet
superviżorji kompetenti li huwa skattat mir-reġistrazzjoni
tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju. Artikolu 16 – bażi ta' dejta tal-AETS L-Artikolu 16
jafda l-AETS bil-kompitu li żżomm bażi ta' dejta ċentrali
li telenka l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju kollha li huma
rreġistrati fl-Unjoni. Artikolu 17 – Superviżjoni minn
awtorità kompetenti L-Artikolu 17
jistipula li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tissorvelja
r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 18 – Setgħat
superviżorji L-Artikolu 18
jispeċifika lista ta’ setgħat superviżorji li l-awtoritajiet
kompetenti għandhom ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom
biex jiżguraw il-konformità mal-kriterji uniformi tar-Regolament. Artikolu 19 – Sanzjonijiet L-Artikolu 19
fih dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet biex ikun żgurat infurzar
xieraq tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 20 – Ksur ta’
dispożizzjonijiet ewlenin L-Artikolu 20
jispeċifika li l-ksur ta’ dispożizzjonijiet ewlenin ta’ dan
ir-Regolament bħall-kompożizzjoni tal-portafoll, l-investituri
eliġibbli u l-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital
ta’ Riskju" għandu jkun issanzjonat bil-projbizzjoni tal-użu
tad-denominazzjoni u t-tneħħija tal-maniġer tal-fond ta’ kapital
ta’ riskju mir-reġistru. Artikolu 21 – Kooperazzjoni superviżorja L-Artikolu 21
jinkludi regoli dwar l-iskambju tal-informazzjoni superviżorja bejn
l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ta’ domiċilju u ospitanti u
l-AETS. Artikolu 22 – Segretezza professjonali L-Artikolu 22
jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-livell meħtieġ ta’ segretezza
professjonali li għandu japplika għall-awtoritajiet nazzjonali
rilevanti kollha u għar-Regolatur Ewropew tat-Titoli u s-Swieq (AETS). Artikolu 23 – Kundizzjonijiet
għall-għoti tas-setgħa L-Artikolu 23
jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tingħata
s-setgħa li tadotta atti ddelegati. Artikolu 24 - Analiżi L-Artikolu 24
jinkludi klawsoli rigward l-analiżi tar-Regolament propost u proposti
potenzjali tal-Kummissjoni għal modifika ta’ dan tal-aħħar.
4.
IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ma jinħolqu l-ebda implikazzjonijiet
baġitarji. 2011/0417 (COD) Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114
tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea,[10] Wara li ntbagħat l-abbozz tal-att
leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank
Ċentrali Ewropew,[11] Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Soċjali Ewropew,[12] Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: (1)
Il-kapital ta’ riskju jipprovdi finanzjament lill-impriżi
li ġeneralment huma żgħar ħafna, fl-istadji inizjali
tal-eżistenza korporattiva tagħhom u li juru potenzjal qawwi
għal tkabbir u espansjoni. Barra minn hekk, il-fondi ta’ kapital ta’
riskju jipprovdu lil dawn l-impriżi b’kompetenzi u għarfien prezzjużi,
kuntatti tan-negozju, l-ekwità tad-ditti u pariri strateġiċi. Meta
jipprovdu finanzjament u pariri lil dawn l-impriżi, il-fondi ta’ kapital
ta’ riskju jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, jikkontribwixxu
għall-ħolqien tal-impjiegi, jagħtu spinta lill-impriżi
innovattivi, iżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka u
l-iżvilupp u jkattru l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u
l-kompetittività fl-Unjoni. (2)
Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas
komuni ta’ regoli rigward l-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital
ta’ Riskju", b’mod partikolari l-kompożizzjoni tal-portafoll
tal-fondi li joperaw taħt din id-denominazzjoni, il-miri tal-investiment
eliġibbli tagħhom, l-istrumenti ta’ investiment li jistgħu
jutilizzaw u l-kategoriji tal-investituri li huma eliġibbli li jinvestu
f’fondi bħal dawn b’regoli uniformi fl-Unjoni. Fl-assenza ta’ qafas komuni
bħal dan, hemm ir-riskju li l-Istati Membri jwettqu miżuri
diverġenti fil-livell nazzjonali li jkollhom impatt negattiv b’mod dirett
fuq, u l-ħolqien ta’ ostakli għal, il-funzjonament tajjeb tas-suq
intern, minħabba li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jixtiequ joperaw
fl-Unjoni jkunu suġġetti għal regoli differenti fi Stati Membri
differenti. Barra minn hekk, rekwiżiti tal-kwalità diverġenti dwar
il-kompożizzjoni tal-portafoll, il-miri tal-investiment u l-investituri
eliġibbli jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta’
protezzjoni tal-investitur u konfużjoni ġenerali rigward il-proposta
tal-investiment assoċjata mal-"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju".
Barra minn hekk, l-investituri għandhom ikunu jistgħu jqabblu
l-proposti tal-investiment ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju differenti. Huwa
meħtieġ li jitneħħew ostakli sinifikanti għal żieda
fil-fondi transkonfinali mill-fondi ta’ kapital ta’ riskju u li jkunu evitati
distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn dawn il-fondi, u li kwalunkwe ostakli
potenzjali oħra għall-kummerċ u distorsjonijiet sinifikanti
tal-kompetizzjoni ma jitħallewx jitnisslu fil-ġejjieni.
Konsegwentement, il-bażi legali xierqa hija l-Artikolu 114 tat-TFUE, kif
interpretat skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja
tal-Unjoni Ewropea. (3)
Huwa meħtieġ li jkun adottat Regolament
li jistabbilixxi regoli uniformi applikabbli għall-Fondi Ewropej ta' Kapital
ta’ Riskju u jimponi obbligi korrispondenti fuq il-maniġers tagħhom
fl-Istati Membri kollha li jixtiequ jżidu l-kapital fl-Unjoni permezz tad-denominazzjoni
"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju". Dawn ir-rekwiżiti
għandhom jiżguraw il-fiduċja tal-investituri li jixtiequ
jinvestu f’fondi ta’ kapital ta’ riskju. (4)
Id-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-kwalità
għall-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’
Riskju" f’forma ta’ Regolament għandha tiżgura li dawk ir-rekwiżiti
jkunu applikabbli b’mod dirett għall-maniġers ta’ impriżi ta’
investiment kollettiv li jżidu l-fondi permezz ta’ din id-denominazzjoni. Dan
għandu jiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-użu ta’ din
id-denominazzjoni billi jkunu evitati rekwiżiti nazzjonali diverġenti
bħala riżultat tat-traspożizzjoni ta’ Direttiva. Dan
ir-Regolament għandu jwassal biex il-maniġers tal-impriżi ta’
investiment kollettiv li jużaw din id-denominazzjoni jkollhom isegwu
l-istess regoli fl-Unjoni kollha, u dan għandu jkabbar il-fiduċja
tal-investituri li jixtiequ jinvestu fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju. Ir-Regolament
għandu jnaqqas ukoll il-kumplessità regolatorja u l-ispiża
tal-konformità tal-maniġers ma’ regoli nazzjonali ta’ spiss
diverġenti li jirregolaw il-fondi ta’ kapital ta’ riskju, speċjalment
għal dawk il-maniġers li jixtiequ jżidu l-kapital fuq bażi
transkonfinali. Regolament għandu jikkontribwixxi wkoll
għall-eliminazzjoni ta’ distorsjonijiet kompetittivi. (5)
Sabiex tkun iċċarata r-relazzjoni bejn
dan ir-Regolament u r-regoli dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv u
l-maniġers tagħhom, huwa meħtieġ li jkun stabbilit li dan
ir-Regolament għandu japplika biss għall-maniġers ta’
impriżi ta’ investiment kollettiv, apparti l-UCITS skont l-Artikolu 1
tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009
dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet
amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli
trasferibbli (UCITS),[13]
li huma stabbiliti fl-Unjoni u huma rreġistrati mal-awtorità kompetenti fl-Istat
Membru ta’ domiċilju tagħhom skont id-Direttiva 2011/61/KE tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar
Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE
u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010.[14]
Barra minn hekk, dan għandu japplika biss għall-maniġers li
jiġġestixxu portafolli ta’ fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju li l-assi amministrati tagħhom ma jaqbżux
bħala total il-limitu ta’ EUR 500 miljun. Sabiex il-kalkolu ta’
dan il-limitu jsir operattiv, is-setgħa li jkunu adottati atti skont l-Artikolu 290
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun
iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-kalkolu
ta’ dan il-livell. Meta teżerċita din is-setgħa, il-Kummissjoni
għandha, sabiex tiżgura l-konsistenza fir-regoli dwar l-impriżi
ta’ investiment kollettiv, tqis il-miżuri adottati mill-Kummissjoni skont
il-punt (a) tal-Artikolu 3(6) tad-Direttiva 2011/61/KE. (6)
Meta l-maniġers tal-impriżi ta’
investiment kollettiv ma jkunux jixtiequ jużaw id-denominazzjoni "Fond
Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju", dan ir-Regolament m’għandux japplika.
F’dawn il-każijiet, għandhom ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali u
r-regoli ġenerali tal-Unjoni eżistenti. (7)
Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli
uniformi dwar in-natura tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, notevolment
dwar l-impriżi tal-portafoll li fihom il-fondi li jikkwalifikaw tal-kapital
ta’ riskju għandhom ikunu permessi jinvestu kif ukolll-istrumenti
tal-investiment li għandhom jintużaw. Dan huwa meħtieġ
sabiex tkun tista’ tinġibed linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn il-fondi
li jikkwalifikaw tal-kapital ta’ riskju u fondi ta’ investiment alternattivi
oħra li jadottaw strateġiji ta’ investiment oħra anqas
speċjalizzati, pereżempju l-ekwità privata. (8)
F’konformità mal-għan li jkunu llimitati b’mod
preċiż l-impriżi ta’ investiment kollettiv li se jkunu koperti
minn dan ir-Regolament u sabiex ikun żgurat li jkunu ffokati fuq
il-provvediment ta’ kapital lill-impriżi żgħar fl-istadji
inizjali tal-eżistenza korporattiva tagħhom, id-denominazzjoni "Fond
Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" għandha tkun limitata biss għal
dawk il-fondi li jiddedikaw mill-inqas 70 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet
kapitali aggregati u tal-kapital impenjat mhux mitlub tagħhom
għall-investimenti f’impriżi bħal dawn f’forma ta’ strumenti ta’
ekwità jew kważi ekwità. (9)
Sabiex tkun stabbilita salvagwardja essenzjali li
tiddifferenzja l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju skont dan
ir-Regolament mill-kategorija aktar wiesgħa ta’ fondi ta’ investiment
alternattivi li jikkummerċjalizzaw f’titoli maħruġa fi swieq
sekondarji, huwa neċessarju li l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’
riskju jkunu limitati li jagħmlu biss investimenti fi strumenti
maħruġa b’mod dirett. (10)
Sabiex il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’
riskju jkollhom ċertu grad ta’ flessibilità fl-investiment u
l-ġestjoni tal-likwidità tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju
tagħhom, għandha tkun permessa l-kummerċjalizzazzjoni sekondarja
sa limitu massimu li ma jaqbiżx it-30 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet
kapitali aggregati u l-investimenti kapitali mhux mitluba. Parteċipazzjoni
(holding) fuq medda ta’ żmien fil-qosor fi flus jew l-ekwivalenti ta’ flus
m’għandhomx jitqiesu fil-kalkolu ta’ dan il-limitu. (11)
Sabiex ikun żgurat li d-denominazzjoni "Fond
Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" tkun affidabbli u faċilment rikonoxxuta
mill-investituri fl-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi li huma
biss il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jikkonformaw
mal-kriterji ta’ kwalità uniformi kif stabbiliti f’dan ir-Regolament li għandhom
ikunu eliġibbli biex jużaw id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital
ta’ Riskju" meta jikkummerċjalizzaw il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju fl-Unjoni. (12)
Sabiex ikun żgurat li fondi li jikkwalifikaw ta'
kapital ta’ riskju jkollhom profil distint u identifikabbli li huwa adattat
għall-finijiet tagħhom, għandu jkun hemm regoli uniformi dwar il-kompożizzjoni
tal-portafoll u dwar it-tekniki tal-investiment li huma permessi għal
fondi li jikkwalifikaw bħal dawn. (13)
Sabiex ikun żgurat li l-fondi li jikkwalifikaw
ta' kapital ta’ riskju ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp ta’ riskji
sistemiċi, u sabiex ikun żgurat li, fl-attivitajiet tal-investiment
tagħhom, fondi bħal dawn jikkonċentraw fuq l-appoġġ
għal kumpaniji li jikkwalifikaw tal-portafoll, m’għandux ikun permess
is-self jew l-azzjoni ta’ lieva finanzjarja fil-livell tal-fond. Madankollu,
sabiex il-fond ikun permess ikopri l-ħtiġijiet ta’ likwidità straordinarji
li jistgħu jfeġġu bejn is-sejħa ta’ kapital kommess mill-investituri
u l-wasla attwali tal-kapital fil-kontijiet tiegħu, għandu jkun
permess is-self fuq medda ta’ żmien fil-qosor . (14)
Sabiex ikun żgurat li l-fondi li jikkwalifikaw
ta' kapital ta’ riskju huma kkummerċjalizzati lil investituri li
għandhom it-tagħrif, l-esperjenza u l-kapaċità li
jimmaniġġjaw r-riskji li dawn il-fondi jkollhom, u sabiex
tinżamm il-fiduċja tal-investituri fil-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju, iridu jkunu stabbiliti ċerti salvagwardji. Għaldaqstant,
il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju għandhom b’mod
ġenerali jkunu kkummerċjalizzati biss lil investituri li huma
klijenti professjonali jew li jistgħu jkunu ttrattati bħala klijenti
professjonali skont id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti
finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE.[15] Din il-kategorija tinkludi l-maniġers
tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li huma stess jinvestu f’fondi ta’ kapital ta’
riskju. Madankollu, sabiex ikun hemm bażi tal-investituri wiesgħa
biżżejjed għall-investiment fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju huwa
mixtieq ukoll li ċerti investituri oħra jkollhom aċċess
għall-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, inklużi l-individwi
ta’ valur għoli. Għal dawk l-investituri l-oħra, madankollu,
għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji speċifiċi sabiex ikun
żgurat li l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju huma
kkummerċjalizzati biss lil dawk l-investituri li għandhom il-profil
adattat biex jagħmlu tali investimenti. Dawn is-salvagwardji jeskludu
l-kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ pjanijiet ta’ tfaddil perjodiku. (15)
Sabiex ikun żgurat li d-denominazzjoni
"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" tintuża biss minn maniġers
tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju, li jissodisfaw il-kriterji tal-kwalità
uniformi fir-rigward tal-imġiba tagħhom fis-suq, dan ir-Regolament
għandu jistabbilixxi regoli dwar it-twettiq tan-negozju u r-relazzjoni
tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju mal-investituri tiegħu. Għall-istess
raġuni, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi kundizzjonijiet
uniformi fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess minn
maniġers bħal dawn. Dawn ir-regoli għandhom ukoll jirrikjedu li
l-maniġer ikollu l-arranġamenti organizzattivi u amministrattivi
meħtieġa fis-seħħ biex ikun żgurat li jista’
jimmaniġġja kif jixraq il-kunflitti ta’ interess. (16)
Sabiex tkun żgurata l-integrità tad-denominazzjoni
"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" dan ir-Regolament għandu
jinkludi ukoll kriterji ta’ kwalità fir-rigward tal-organizzazzjoni
tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju. Għaldaqstant, dan
ir-Regolament għandu jistabbilixxi rekwiżiti uniformi u proporzjonati
għall-ħtieġa li jinżammu riżorsi tekniċi u umani
adegwati kif ukoll fondi proprji suffiċjenti għall-ġestjoni kif
jixraq tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju. (17)
Għall-fini tal-protezzjoni tal-investitur huwa
meħtieġ li jkun żgurat li l-assi tal-fond li jikkwalifika ta' kapital
ta’ riskju jiġu evalwati kif jixraq. Għaldaqstant, id-dokumenti
statutorji tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju għandu jkun
fihom regoli dwar il-valutazzjoni tal-assi. Dan għandu jiżgura
l-integrità u t-trasparenza tal-valutazzjoni. (18)
Sabiex ikun żgurat li l-maniġers tal-fondi
ta’ kapital ta’ riskju li jużaw id-denominazzjoni "Fondi Ewropej ta' Kapital
ta’ Riskju" jagħtu rendikont suffiċjenti tal-attivitajiet
tagħhom, għandhom ikunu stabbiliti regoli uniformi rigward
ir-rapporti annwali. (19)
Sabiex tkun żgurata l-integrità tad-denominazzjoni
"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" f’għajnejn l-investituri, huwa
meħtieġ li din tintuża biss minn maniġers tal-fondi ta’
kapital ta’ riskju li huma trasparenti b’mod sħiħ fir-rigward tal-politika
tal-investiment tagħhom u l-miri tal-investiment tagħhom. Għaldaqstant,
dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli uniformi dwar
ir-rekwiżiti tal-iżvelar li għandu jagħmel maniġer tal-fond
ta’ kapital ta’ riskju fir-rigward tal-investituri tiegħu. B’mod partikolari,
għandu jkun hemm obbligi ta’ żvelar prekuntrattwali relatati
mal-istrateġija tal-investiment u l-objettivi tal-fondi li jikkwalifikaw ta'
kapital ta’ riskju, l-istrumenti tal-investiment li jintużaw, l-informazzjoni
dwar l-ispejjeż u l-imposti assoċjati, u l-profil tar-riskji u
l-benefiċċji tal-investiment propost minn fond li jikkwalifika. Bil-għan
li jinkiseb grad għoli ta’ trasparenza, rekwiżiti ta’ żvelar
bħal dawn għandhom jinkludu wkoll l-informazzjoni dwar kif hija
kkalkulata r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju. (20)
Sabiex tkun żgurata superviżjoni
effettiva tar-rekwiżiti uniformi li fih dan ir-Regolament, l-awtorità
kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja
l-konformità tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju
mar-rekwiżiti uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għal dan
il-għan, il-maniġer tal-kapital li jikkwalifika tar-riskju li jixtieq
jikkummerċjalizza l-fondi li jikkwalifikaw tiegħu taħt id-denominazzjoni
"Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" għandu jinforma
lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu dwar
din l-intenzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra lill-maniġer
tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jekk tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni
kollha meħtieġa u jekk hemm fis-seħħ arranġamenti
xierqa għal konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Din
ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha. (21)
Sabiex tkun żgurata superviżjoni
effettiva tal-konformità mal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament, dan
ir-Regolament għandu jinkludi regoli dwar iċ-ċirkustanzi fejn
ikun meħtieġ li l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti fl-Istat
Membru ta’ domiċilju tiġi aġġornata. (22)
Biex ikun hemm superviżjoni effettiva
tar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi
wkoll proċess għan-notifiki transkonfinali bejn l-awtoritajiet
kompetenti superviżorji, li jiskatta mar-reġistrazzjoni tal-maniġer
tal-fond ta’ kapital ta’ riskju fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu.
(23)
Sabiex jinżammu kundizzjonijiet trasparenti
għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’
riskju fl-Unjoni, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) għandha
tkun fdata biż-żamma ta’ bażi ta' dejta ċentrali li telenka
l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju kollha li huma rreġistrati
skont dan ir-Regolament. (24)
Sabiex tkun żgurata s-superviżjoni
effettiva tal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament, dan
ir-Regolament għandu jinkludi lista tas-setgħat superviżorji li
l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom għad-dispożizzjoni
tagħhom. (25)
Sabiex ikun żgurat infurzar kif jixraq, dan
ir-Regolament għandu jinkludi sanzjonijiet għall-ksur ta' dispożizzjonijiet
ewlenin ta’ dan ir-Regolament, li huma r-regoli dwar il-kompożizzjoni
tal-portafoll, dwar is-salvagwardji relatati mal-identità tal-investituri
eliġibbli, u dwar l-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital
ta’ Riskju" biss minn maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju
rreġistrati. Għandu jkun stabbilit li l-ksur ta’ dawn
id-dispożizzjonijiet ewlenin iwassal għal projbizzjoni tal-użu
tad-denominazzjoni u t-tneħħija tal-maniġer tal-fond ta’ kapital
ta’ riskju mir-reġistru. (26)
L-informazzjoni superviżorja għandha tkun
skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ta’ domiċilju u
ospitanti u l-AETS. (27)
Kooperazzjoni regolatorja effettiva fost
l-entitajiet inkarigati bis-sorveljanza tal-konformità mal-kriterji uniformi
stabbiliti f’dan ir-Regolament tirrikjedi li għandu jkun applikat livell
għoli ta’ segretezza professjonali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti
kollha u l-AETS. (28)
L-istandards tekniċi fis-servizzi finanzjarji
għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u livell għoli ta’
sorveljanza fl-Unjoni kollha. Bħala korp b’kompetenza speċjalizzata
ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tkun fdata bl-elaborazzjoni
ta’ abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni meta dawn ma
jinvolvux għażliet politiċi, biex ikun sottomess lill-Kummissjoni.
(29)
Il-Kummissjoni għandha tingħata
s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz
ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-Artikolu 15
tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-
24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja
Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda
d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar
id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE.[16] L-AETS għandha tkun fdata
bl-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-format u
l-metodu tal-proċedura tan-notifika fl-Artikolu 15. (30)
Sabiex ikunu speċifikati r-rekwiżiti
stabbiliti f’dan ir-Regolament, is-setgħa li jkunu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni
tal-metodi li jridu jintużaw għall-kalkolu u l-monitoraġġ
tal-livell imsemmi f’dan ir-Regolament, u l-ispeċifikazzjoni tat-tipi ta’
kunflitt ta’ interess li jeħtieġ li jkunu evitati mill-maniġers tal-fondi
ta’ kapital ta’ riskju u l-passi li jridu jittieħdu f’dak ir-rigward. Hija
ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa
matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell
tal-esperti. (31)
Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti
ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u
adattata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. (32)
Mill-inqas erba’ snin wara d-data li fiha dan
ir-Regolament isir applikabbli għandha titwettaq analiżi ta’ dan
ir-Regolament sabiex jitqies l-iżvilupp tas-suq tal-kapital
ta’ riskju. Fuq il-bażi tal-analiżi, il-Kummissjoni għandha
tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill akkumpanjat, jekk ikun
xieraq, minn bidliet leġiżlattivi. (33)
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet
fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari
mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt
għar-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7) u
l-libertà tat-twettiq ta’ negozju (Artikolu 16). (34)
Id-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’
individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar
il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[17]
tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest
ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet
kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi
indipendenti maħtura mill-Istati Membri. Ir-Regolament (UE) Nru 45/2001
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000
dwar il-protezzjoni ta' individwu[i] fir-rigward tal-ipproċessar ta' data [dejta]
personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement
liberu ta' dak id-data [dejta] ,[18]
jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-AETS fi ħdan
il-qafas ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur
Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta . (35)
Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr
preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna
mill-istat lill-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju. (36)
L-objettiv ta’ dan ir-Regolament, notevolment biex
jiżgura li rekwiżiti uniformi japplikaw
għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’
riskju, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri. Għaldaqstant,
l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju
tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni
Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit
f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament jipprovdi għal sistema ta’
reġistrazzjoni sempliċi għall-maniġers tal-fondi ta’
kapital ta’ riskju, u b’hekk iqis b’mod sħiħ
il-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn is-sigurtà u l-affidabbiltà assoċjati
mal-użu tad-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju"
u l-operat effiċjenti tas-suq tal-kapital ta’ riskju kif ukoll l-ispiża
għall-partijiet interessati differenti tiegħu. Biex jagħmel dan,
dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex
jinkiseb dak l-objettiv, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET Artikolu 1 Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti
uniformi għal dawk il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment
kollettiv li jixtiequ jużaw id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital
ta’ Riskju" u l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-impriżi
ta’ investiment kollettiv taħt din id-denominazzjoni fl-Unjoni, u b’hekk
jikkontribwixxi għal-funzjonament effiċjenti tas-suq intern. Dan
jistabbilixxi regoli uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju lill-investituri eliġibbli fl-Unjoni,
għall-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju, għall-istrumenti tal-investiment eliġibbli u t-tekniki li
jridu jintużaw mill-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju kif
ukoll għall-organizzazzjoni, l-imġiba u t-trasparenza tal-maniġers
tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jikkummerċjalizzaw il-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju fl-Unjoni. Artikolu 2 1.
Dan ir-Regolament japplika għall-maniġers
tal-impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fil-punt (b) tal-Artikolu 3
li huma stabbiliti fl-Unjoni u huma suġġetti għal
reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’
domiċilju tagħhom skont il-punt (a) tal-Artikolu 3 (3)
tad-Direttiva 2011/61/KE, sakemm dawk il-maniġers
jiġġestixxu portafolli ta’ fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’
riskju, li l-assi ġestiti tagħhom b’kollox ma jaqbżux il-limitu
ta’ EUR 500 miljun jew, fl-Istati Membri fejn l-euro mhijiex il-munita
uffiċjali, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data
tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. 2.
Biex jikkalkulaw il-limitu msemmi fil-paragrafu 1
il-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li
jiġġestixxu fondi li mhumiex fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’
riskju mhux se jkollhom ħtieġa li jiġbru flimkien l-assi
ġestiti f’dawk il-fondi l-oħra. 3.
Il-Kummissjoni għandha tingħata
s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 23 u
tispeċifika l-metodi għall-kalkolu tal-limitu msemmi fil-paragrafu 1
ta’ dan l-Artikolu u għall-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan
il-limitu fuq bażi kontinwa. Artikolu 3 Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom
japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (a)
'fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju' tfisser
impriża tal-investiment kollettiv li tinvesti mill-inqas 70 fil-mija
tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital kommess mhux mitlub
tagħha f’assi li huma investimenti li jikkwalifikaw; (b)
'impriża ta’ investiment kollettiv' tfisser
impriża li żżid il-kapital minn għadd ta’ investituri
bil-għan li tinvestieh skont politika tal-investiment iddefinita
għall-benefiċċju ta’ dawk l-investituri u li ma tirrikjedix
l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE; (c)
'investimenti li jikkwalifikaw' tfisser strumenti
ta’ ekwità jew kważi ekwità li huma (i) maħruġa minn impriża li
tikkwalifika fil-portafoll u akkwistata direttament mill-fond li jikkwalifika ta'
kapital ta’ riskju mill-impriża li tikkwalifika fil-portafoll, jew (ii) maħruġa minn impriża li
tikkwalifika fil-portafoll fi skambju għal titolu ta’ ekwità
maħruġ mill-impriża li tikkwalifika fil-portafoll, jew (iii) maħruġa minn impriża li
tagħha l-impriża li tikkwalifika fil-portafoll hija sussidjarja b’sehem
azzjonarju maġġoritarju u li hija akkwistata mill-fond li
jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju fi skambju għal strument ta’ ekwità
maħruġ mill-impriża li jikkwalifika fil-portafoll; (d)
'impriża li tikkwalifika fil-portafoll' tfisser
impriża li, meta jsir investiment mill-fond li jikkwalifika ta' kapital
ta’ riskju, mhijiex elenkata f’suq irregolat kif iddefinit fil-punt (14)
tal-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva 2004/39/KE li timpjega inqas
minn 250 persuna, u li jew għandha dħul annwali li ma
jaqbiżx EUR 50 miljun, jew għandha total fil-karta
tal-bilanċ annwali li ma jaqbiżx EUR 43 miljun, u li hija
nnifisha mhijiex impriża ta’ investiment kollettiv; (e)
'ekwità' tfisser interess azzjonarju f’impriża,
irrappreżentat mill-ishma jew forma oħra ta’ parteċipazzjoni fil-kapital
tal-impriża li tikkwalifika fil-portafoll, maħruġa
lill-investituri; (f)
'kważi ekwità' tfisser kwalunkwe strument, li
l-qligħ tiegħu huwa l-aktar ibbażat fuq il-qligħ jew
it-telf tal-impriża li tikkwalifika fil-portafoll u li huwa skopert
fil-każ ta’ falliment; (g)
'kummerċjalizzazzjoni' tfisser l-offerta jew l-allokazzjoni
diretta jew indiretta fuq inizjattiva tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’
riskju jew f’isem il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju ta’ unitajiet
jew ishma ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju li jiġġestixxi lil jew
mal-investituri ddomiċiljati jew b’uffiċċju rreġistrat
fl-Unjoni; (h)
'kapital impenjat' tfisser kwalunkwe impenn li
minħabba fih persuna tkun obbligata takkwista interess fil-fond ta’
kapital ta’ riskju jew tagħmel kontribuzzjonijiet kapitali lill-fond ta’
kapital ta’ riskju; (i)
'maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju' tfisser
persuna ġuridika li n-negozju regolari tagħha jiġġestixxi
mill-inqas fond wieħed li jikkwalifika ta’ kapital ta’ riskju; (j)
'l-Istat Membru ta’ domiċilju ' tfisser Stat
Membru fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju huwa stabbilit jew
għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu; (k)
'Stat Membru ospitanti' tfisser Stat Membru, li ma
jkunx l-Istat Membru ta’ domiċilju, fejn il-maniġer tal-fond ta’
kapital ta’ riskju jikkummerċjalizza l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju skont dan ir-Regolament; (l)
'awtorità kompetenti' tfisser l-awtorità nazzjonali
li jaħtar l-Istat Membru ta’ domiċilju, bil-liġi jew
b’regolament, biex twettaq ir-reġistrazzjoni tal-maniġers tal-impriżi
ta’ investiment kollettiv kif imsemmija fil-paragrafu (1) tal-Artikolu 2. KAPITOLU II
KUNDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAD-DENOMINAZZJONI "FOND EWROPEW TA' KAPITAL
TA’ RISKJU" Artikolu 4 Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’
riskju li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu għandhom
ikunu intitolati li jużaw id-denominazzjoni "Fond Ewropew ta' Kapital
ta’ Riskju" fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju fl-Unjoni. Artikolu 5 1.
Il-maniġer tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju
għandu jiżgura li, meta jakkwista l-assi, għajr l-investimenti li
jikkwalifikaw, mhux aktar minn 30 fil-mija tal-kontribuzzjonijiet kapitali
aggregati u l-kapital kommess mhux mitlub jintużaw għall-akkwist ta’
assi, għajr l-investimenti li jikkwalifikaw; parteċipazzjoni fuq
medda ta’ żmien fil-qosor fi flus jew l-ekwivalenti ta’ flus
m’għandhomx jitqiesu biex jiġi kkalkulat dan il-limitu. 2.
Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju
m’għandux jissellef, joħroġ obbligi ta’ dejn, jipprovdi
garanziji, fil-livell tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju, u lanqas
juża, fil-livell tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju xi metodu
li bih tiżdied l-iskopertura tal-fond, kemm jekk permezz ta’ self ta’ flus
jew titoli, involviment f’pożizzjonijiet derivattivi jew bi kwalunkwe mezz
ieħor. 3.
Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 m’għandhiex
tapplika għas-self għal terminu li ma jiġġeddidx ta’ mhux
aktar minn 120 jum kalendarju biex tkun ipprovduta likwidità bejn
is-sejħa għall-kapital kommess u l-wasla tiegħu mingħand
l-investituri. Artikolu 6 Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’
riskju għandhom jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju esklużivament lil investituri li
jitqiesu li huma klijenti professjonali skont it-Taqsima I tal-Anness II
tad-Direttiva 2004/39/KE jew jistgħu, meta jintalab hekk, ikunu
ttrattati bħala klijenti professjonali skont it-Taqsima II tal-Anness II
tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħra meta: (a)
dawk l-investituri l-oħra jimpenjaw li jinvestu
minimu ta’ EUR 100.000; (b)
dawk l-investituri l-oħra jiddikjaraw
bil-miktub, f’dokument separat mill-kuntratt li jrid jiġi konkluż
għall-impenn li jinvestu, li huma mgħarrfa rigward ir-riskji
assoċjati mal-impenn jew l-investiment previst; (c)
il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jwettaq
valutazzjoni tal-għarfien espert, l-esperjenza u l-għarfien
tal-investitur, mingħar ma jippreżumi li l-investitur għandu
t-tagħrif u l-esperjenza dwar is-suq ta’ dawk elenkati fit-Taqsima I tal-Anness II
tad-Direttiva 2004/39/KE; (d)
il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jkun
żgurat b’mod raġonevoli, fid-dawl tan-natura tal-impenn jew
l-investiment previst, li l-investitur huwa kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet
tiegħu stess fir-rigward tal-investiment u jifhem ir-riskji involuti u li
impenn ta’ dan it-tip huwa xieraq għal investitur bħal dan; (e)
il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju
jikkonferma bil-miktub li huwa wettaq il-valutazzjoni msemmija fil-punt (c)
u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (d) huma sodisfatti. Artikolu 7 Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’
riskju għandhom, fir-rigward tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’
riskju li huma jiġġestixxu: (a)
jaġixxu b’ħila, reqqa u kawtela xierqa
fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom; (b)
japplikaw politiki u proċeduri xierqa biex
ikunu evitati abbużi li raġonevolment jistgħu jkunu mistennija
jaffettwaw l-interessi tal-investituri u l-impriżi li jikkwalifikaw fil-portafoll;
(c)
iwettqu l-attivitajiet tan-negozju tagħhom
b’mod li jippromwovu l-aħjar interessi tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju li huma jiġġestixxu, l-investituri f’dawk il-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju li huma jiġġestixxu u
l-integrità tas-suq; (d)
japplikaw livell għoli ta’ kawtela
fl-għażla u l-monitoraġġ kontinwu tal-investimenti fl-impriżi
li jikkwalifikaw fil-portafoll; (e)
ikollhom għarfien u fehim xierqa rigward l-impriżi
li jikkwalifikaw fil-portafoll li fih jinvestu. Artikolu 8 1.
Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju
għandhom jidentifikaw u jevitaw il-kunflitti ta’ interess u, meta dawn ma
jistgħux ikunu evitati, jiġġestixxu u jimmonitorjaw u, skont il-paragrafu 4,
jiżvelaw, dawk il-kunflitti ta’ interess sabiex ma jitħallewx
jaffettwaw ħażin l-interessi tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju u l-investituri tagħhom u biex jiżguraw li l-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju li huma jiġġestixxu jiġu ttrattati
b’mod ġust; 2.
Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju
għandu jidentifika b’mod partikolari dawk il-kunflitti ta’ interess li jistgħu
jitnisslu bejn: (a)
il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju, dawk
il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-maniġer tal-fond ta’
kapital ta’ riskju, l-impjegati jew kwalunkwe persuna li direttament jew
indirettament jikkontrollaw jew huma kkontrollati mill-maniġer tal-fond
ta’ kapital ta’ riskju, u l-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju ġestit
mill-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju jew l-investituri f’dawk
il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju; (b)
il-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jew
l-investituri f’dak il-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju, u fond li
jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju ieħor ġestit mill-istess maniġer
tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jew l-investituri f’dak il-fond li jikkwalifika
ta' kapital ta’ riskju l-ieħor. 3.
Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju
għandhom iżommu u joperaw arranġamenti organizzattivi u
amministrattivi effettivi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti
fil-paragrafi 1 u 2. 4.
Għandhom jiġu żvelati kunflitti ta’
interess kif imsemmi fil-paragrafu 1, meta l-arranġamenti
organizzattivi magħmula mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju
biex jidentifika, jevita, jiġġestixxi u jimmonitorja l-kunflitti ta’
interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli,
li riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-investituri se jkunu evitati.
Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandhom jiżvelaw
b’mod ċar in-natura jew is-sorsi tal-kunflitti ta’ interess
lill-investituri qabel iwettqu n-negozju f’isimhom. 5.
Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta
atti ddelegati skont il-miżuri tal-Artikolu 23 u tispeċifika: (a)
it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess kif imsemmija
fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu; (b)
il-passi li l-maniġers tal-fondi ta’ kapital
ta’ riskju mistennija jwettqu, f’termini tal-istrutturi u l-proċeduri
organizzattivi u amministrattivi sabiex jidentifikaw, jevitaw,
jiġġestixxu, jimmonitorjaw u jiżvelaw il-kunflitti ta’ interess. Artikolu 9 Fi kwalunkwe ħin, il-maniġers tal-fondi
ta’ kapital ta’ riskju għandu jkollhom biżżejjed fondi tagħhom
stess u jużaw riżorsi umani u tekniċi adegwati u adattati kif
ikun meħtieġ għall-ġestjoni xierqa tal-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju. Artikolu 10 Ir-regoli għall-valutazzjoni tal-assi
għandhom ikunu stabbiliti fid-dokumenti statutorji tal-fond li
jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju. Artikolu 11 1.
Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju
għandu jagħmel rapport annwali disponibbli għall-awtorità
kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għal kull fond li jikkwalifika
ta' kapital ta’ riskju li jkun ġestit mhux aktar tard minn 6 xhur
wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-kompożizzjoni
tal-portafoll tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju u l-attivitajiet
tas-sena li tkun għaddiet. Dan irid jinkludi l-kontijiet finanzjarji
awditjati għall-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju. Dan
għandu jsir skont l-istandards tar-rappurtar eżistenti u t-termini
miftehma bejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju u l-investituri. Il-maniġer
tal-fond ta’ kapital ta’ riskju għandu jipprovdi r-rapport
lill-investituri meta dan jintalab. Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’
riskju u l-investituri jistgħu jiftiehmu bejniethom dwar żvelar
addizzjonali. 2.
Meta l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju
jkun meħtieġ jippubblika rapport finanzjarju annwali skont id-Direttiva 2004/109/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[19]
fir-rigward tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju, l-informazzjoni
msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tkun ipprovduta jew
separatament jew bħala parti addizzjonali tar-rapport finanzjarju annwali.
Artikolu 12 1.
Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju
għandhom jinfurmaw lill-investituri tagħhom mill-inqas dwar l-elementi
li ġejjin qabel id-deċiżjoni tal-investiment tagħhom: (a)
l-identità tal-maniġer tal-fond ta’ kapital
ta’ riskju u kwalunkwe fornituri ta’ servizzi oħra kuntrattati mill-maniġer
tal-fond ta’ kapital ta’ riskju fir-rigward tal-ġestjoni tagħhom tal-fondi
li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, u deskrizzjoni tad-dmirijiet
tagħhom; (b)
deskrizzjoni tal-istrateġija u l-objettivi
tal-investiment tal-fond li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju, inkluża
deskrizzjoni tat-tipi tal-impriżi li jikkwalifikaw fil-portafoll u assi
oħra li fihom jista’ jinvesti l-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’
riskju, it-tekniki li jista’ juża, u kwalunkwe restrizzjoni
tal-investiment applikabbli; (c)
deskrizzjoni tal-profil tar-riskju tal-fond li
jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju u kwalunkwe riskji assoċjati mal-assi li
fihom jista’ jinvesti l-fond jew it-tekniki tal-investiment li jistgħu
jkunu użati; (d)
deskrizzjoni tal-proċedura tal-valutazzjoni
tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju u l-metodoloġija tal-ipprezzar
għall-valutazzjoni tal-assi, inklużi l-metodi użati
għall-valutazzjoni tal-impriżi li jikkwalifikaw fil-portafoll; (e)
deskrizzjoni ta’ kif hija kkalkulata
r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju; (f)
deskrizzjoni tat-tariffi, l-imposti u
l-ispejjeż kollha u l-ammonti massimi tagħhom li jġarrbu direttament
jew indirettament l-investituri; (g)
meta tkun disponibbli, il-prestazzjoni storika tal-fond
li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju; (h)
deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom il-fond li
jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jista’ jibdel l-istrateġija
tal-investiment jew il-politika tal-investiment tiegħu, jew it-tnejn. 2.
Meta l-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju jkun
meħtieġ jippubblika prospett skont id-Direttiva 2003/71/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[20]
jew skont il-liġi nazzjonali fir-rigward tal-fond li jikkwalifika ta' kapital
ta’ riskju, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’
tingħata jew separatament jew bħala parti mill-prospett. KAPITOLU III
SUPERVIŻJONI, KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA Artikolu 13 1.
Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju
li għandhom l-intenzjoni li jużaw id-denominazzjoni "Fond
Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi
li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju tagħhom għandhom jinfurmaw lill-awtorità
kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom rigward din
l-intenzjoni u għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja: (a)
l-identità tal-persuni li effettivament iwettqu
n-negozju tal-ġestjoni tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju; (b)
l-identità tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom se jkunu
kkummerċjalizzati u l-istrateġiji tal-investiment tagħhom; (c)
l-informazzjoni dwar l-arranġamenti
magħmula għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II; (d)
lista tal-Istati Membri fejn il-maniġer tal-fond
ta’ kapital ta’ riskju għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza kull
fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju. 2.
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’
domiċilju għandha tirreġistra l-maniġer tal-fond ta’
kapital ta’ riskju biss jekk tkun sodisfatta li (a)
l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 1
tkun kompluta u (b)
l-arranġamenti nnotifikati skont il-punt (c)
tal-paragrafu 1 jkunu adattati sabiex ikun hemm konformità
mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II. 3.
Ir-reġistrazzjoni għandha tkun valida għat-territorju
kollu tal-Unjoni u għandha tippermetti lill-maniġers tal-fondi ta’
kapital ta’ riskju li jikkummerċjalizzaw il-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital
ta’ riskju skont id-denominazzjoni "Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju"
fl-Unjoni kollha. Artikolu 14 Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’
riskju għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’
domiċilju meta l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jkollu
l-intenzjoni li jikkummerċjalizza: (a)
fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju
ġdid; (b)
fond li jikkwalifika eżistenti ta' kapital ta’
riskju fi Stat Membru mhux imsemmi fil-lista msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 13(1). Artikolu 15 1.
Immedjatament wara r-reġistrazzjoni ta’
maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju, l-awtorità kompetenti tal-Istat
Membru ta’ domiċilju għandha tinnotifika l-fatt li l-maniġer
tal-fond ta’ kapital ta’ riskju huwa rreġistrat lill-Istati Membri
indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 13(1) u lill-AETS. 2.
L-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d)
tal-Artikolu 13(1) m’għandhomx jimponu, fuq il-maniġer tal-fond
ta’ kapital ta’ riskju rreġistrat skont l-Artikolu 13, xi
rekwiżiti jew proċeduri amministrattivi fir-rigward
tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi li jikkwalifikaw ta kapital ta’ riskju tiegħu,
u lanqas m’għandhom jirrikjedu xi approvazzjoni
tal-kummerċjalizzazzjoni qabel isseħħ. 3.
Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi
ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards
tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-format tan-notifika. 4.
L-AETS għandha tissottometti dan l-abbozz ta’
standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sa [daħħal
id-data]. 5.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa tadotta
l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3
ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15
tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Artikolu 16 L-AETS għandha żżomm database
ċentrali, pubblikament aċċessibbli fuq l-Internet, li telenka
l-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kollha rreġistrati
fl-Unjoni skont dan ir-Regolament. Artikolu 17 L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’
domiċilju għandha tissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti
stabbiliti f’dan ir-Regolament. Artikolu 18 L-awtoritajiet kompetenti , f’konformità mal-liġi
nazzjonali, għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u
investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet
tagħhom. B’mod partikolari huma għandhom ikollhom is-setgħa li: (a)
jitolbu l-aċċess għal kwalunkwe
dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu jew jieħdu kopja
tiegħu; (b)
jirrikjedu lill-maniġer tal-fond ta’ kapital
ta’ riskju li jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien; (c)
jirrikjedu informazzjoni mingħand kwalunkwe
persuna relatata mal-attivitajiet tal-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’
riskju jew il-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju; (d)
iwettqu spezzjonijiet fuq il-post b'avviż minn
qabel jew mingħajru; (e)
joħorġu ordni sabiex jiżguraw li l-maniġer
tal-fond ta’ kapital ta’ riskju jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan
ir-Regolament u ma jkomplix jikser dan ir-Regolament. Artikolu 19 1.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu
r-regoli dwar il-miżuri amministrattivi u s-sanzjonijiet applikabbli
għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u
għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex
jiżguraw li huma jiġu implimentati. Il-miżuri u s-sanzjonijiet
previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. 2.
Sa [24 xahar wara d-dħul
fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament] l-Istati Membri għandhom
jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u l-AETS.
Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-AETS mingħajr dewmien
rigward kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom. Artikolu 20 1.
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’
domiċilju għandha twettaq il-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 2
meta maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju: (a)
jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti li
japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikolu 5; (b)
jonqos milli jikkummerċjalizza l-fond li
jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju lil investituri eliġibbli bi ksur tal-Artikolu 6; (c)
jonqos milli jirreġistra mal-awtorità
kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu bi ksur
tar-rekwiżiti tal-Artikolu 13. 2.
Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 l-awtorità
kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha twettaq
il-miżuri li ġejjin, kif jixraq: (a)
tipprojbixxi l-użu tad-denominazzjoni "Fond
Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fond
li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju wieħed jew aktar tal-maniġer
tal-fond ta’ kapital ta’ riskju; (b)
tneħħi lill-maniġer tal-fond ta’
kapital ta’ riskju mir-reġistru. 3.
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’
domiċilju għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati
Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 13(1) dwar it-tneħħija
tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju mir-reġistru msemmi fil-punt (b)
tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. 4.
Id-dritt li jkun ikkummerċjalizzat fond li
jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju wieħed jew aktar skont id-denominazzjoni
"Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju" fl-Unjoni jiskadi b’effett
immedjat mid-data tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti msemmija
fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 2. Artikolu 21 1.
L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom
jikkoperaw ma’ xulxin kull meta jkun meħtieġ għall-finijiet
tat-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament. 2.
Huma għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u
d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex jidentifikaw u jirrimedjaw għal
kull ksur ta’ dan ir-Regolament. Artikolu 22 1.
Il-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu
għall-awtoritajiet kompetenti jew l-AETS, kif ukoll l-awdituri u l-esperti
li jingħataw struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, huma marbutin bl-obbligu
ta’ segretezza professjonali. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li dawn
il-persuni jirċievu matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom
m’għandha tkun żvelata lil xi persuna jew awtorità, ħlief
f’forma sommarja jew aggregata b’tali mod li l-maniġers tal-fondi ta’
kapital ta’ riskju u l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju ma jkunux jistgħu
jiġu identifikati individwalment, mingħajr preġudizzju
għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali u l-proċeduri
skont dan ir-Regolament. 2.
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew
l-AETS m’għandhomx jinżammu milli jiskambjaw l-informazzjoni skont
dan ir-Regolament jew liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli
għall-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-fondi li
jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju. 3.
Meta l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS
jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont il-paragrafu 2, huma
jistgħu jużawha biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jew
għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI Artikolu 23 1.
Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li
tadotta atti ddelegati soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti
f’dan l-Artikolu. 2.
Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fil-paragrafu 3
tal-Artikolu 2 u l-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 għandha tingħata
lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mid-data tad-dħul fis-seħħ
ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward
tad-delegazzjoni tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem
il-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delegazzjoni tas-setgħa għandha tkun
estiża taċitament għal perjodi tal-istess tul, sakemm
il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard
minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu. 3.
Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija fil-paragrafu 3
tal-Artikolu 2 u l-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 tista’ tkun
irrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delegazzjoni
tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija
għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni
tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m’għandhiex
taffettwa l-validità ta’ xi att iddelegat diġà fis-seħħ. 4.
Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni
għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 5.
Att iddelegat adottat skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 2
jew il-paragrafu 5 tal-Artikolu 8 għandu jidħol
fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda
oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’
xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew
jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill
ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni li huma mhux se
joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż
b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. Artikolu 24 1.
Sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data
tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrevedi
dan ir-Regolament. Ir-reviżjoni għandha tinkludi stħarriġ ġenerali
tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba
fl-applikazzjoni tagħhom, inklużi: (a)
il-punt sa fejn id-denominazzjoni "Fond
Ewropew ta' Kapital ta’ Riskju" intużat mill-maniġers tal-fondi
ta’ kapital ta’ riskju fi Stati Membri differenti, kemm fuq bażi nazzjonali
kemm fuq bażi transkonfinali; (b)
l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, inkluż
il-livell minimu ta’ EUR 500 miljun. 2.
Wara konsultazzjoni mal-AETS il-Kummissjoni
għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva. Artikolu 25 Dan ir-Regolament għandu jidħol
fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu
f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa għandu
japplika mit-22 ta’ Lulju 2013, ħlief għall-paragrafu 3
tal-Artikolu 2 u l-paragrafu 5 tal-Artikolu 8, li għandhom
japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jorbot
fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] Skont l-aħħar servej
tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fejn aktar minn 50 % tal-SMEs
fiż-żona tal-ewro fil-kampjun irrapurtaw żieda fir-rati
tal-imgħax imposti mill-banek u l-issikkar ġenerali tal-istandards
tal-kreditu għas-self bankarju lill-SMEs. [2] Fl-aħħar servej (09/2010 –
02/2011) imwettaq mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u żviluppat
flimkien mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċess
għall-finanzjament tal-SMEs fiż-żona ewro, madwar 15 %
tal-SMEs fil-kampjun ikkwotaw "l-aċċess
għall-finanzjament" bħala l-problema l-aktar urġenti
tagħhom u dan ma nbidilx meta jitqabbel ma’ servejs preċedenti. http://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/accesstofinancesmallmediumsizedenterprises201104en.pdf?b704f6b228e071bea9507d7569412805 [3] Sors: stimi
tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ekwità Privata u l-Kapital ta' Riskju (EVCA)
tal-2011. [4] http://ec.europa.eu/europe2020/index_en.htm,
3 ta’ Marzu 2010, u rrikonoxxuti wkoll fi ħdan l-Unjoni
Innovattiva, http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm?pg=keydocs
6 ta’ Ottubru 2010. [5] http://ec.europa.eu/internal_market/smact/docs/20110413-communication_en.pdf
13 ta’ April 2011 [6] http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/speeches-statements/pdf/20111012communication_roadmap_en.pdf [7] Il-kapital ta' riskju jkopri tliet tipi ta’ finanzjament: (i) investiment informali minn investituri
privati (business angels), (ii) kapital ta' riskju u (iii) swieq tal-ekwità
speċjalizzati fl-SMEs u kumpaniji ta’ tkabbir kbir. [8] Rapport Finali ta’ RCAP tal-2003: http://ec.europa.eu/internal_market/securities/riskcapital/index_en.htm [9] http://ec.europa.eu/internal_market/investment/venture_capital_en.htm [10] ĠU C , , p. . [11] ĠU C …p… [12] ĠU C , , p. . [13] ĠU L 302, tas-17.11.2009, p. 32. [14] ĠU L 174, tal-1.7.2011, p.1. [15] ĠU L 145, tat-30.4.2004, p. 1. [16] ĠU L 331, tal-15.12.2010, p. 84. [17] ĠU L 281 , tat-23.11.1995 p. 31. [18] ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1. [19] ĠU L 390, tal-31.12.2004, p. 38. [20] ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 64.