Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan li jinkludu l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa /* KUMM/2011/0710 finali - 2011/0327 (COD) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA Din il-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("id-direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan") issegwi l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq ("ir-Regolament dwar it-takografi") u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Lulju 2011[1]. Iż-żewġ proposti jikkostitwixxu pakkett leġiżlattiv immirat lejn tisħiħ aħjar tar-regoli soċjali fit-trasport bit-triq u lejn it-tnaqqis tal-frodi u tal-piż amministrattiv, billi jiġu żviluppati l-aspetti tekniċi u tiżdied l-effiċjenza tat-takografi. 2. RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT Tul il-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt li twettqu sabiex jiġi emendat ir-Regolament dwar it-takografi, l-amalgamazzjoni tal-kard tas-sewwieqa mal-liċenzja tas-sewqan, ġiet identifikata bħala soluzzjoni għat-tnaqqis ta' frodi potenzjali filwaqt li fl-istess ħin jiġu limitati, fuq medda twila ta' żmien, l-ispejjeż (il-ħruġ u x-xiri ta' dokument wieħed minflok tnejn). Ir-riżultati tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati u l-valutazzjoni tal-impatt diġà ġew ippubblikati[2]. Il-liċenzji tas-sewqan u l-kards tas-sewwieqa jinħarġu f'format ta' kard ta' kreditu u jinkludu informazzjoni ferm simili (dettalji tas-sewwieqa, ritratt, eċċ.). Id-direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan diġà tipprovdi għall-possibbiltà li jiddaħħal mikroċipp fil-format standardizzat tal-liċenzja tas-sewqan. Barra minn dan, iż-żewġ kards għandhom perjodu ta' validità limitat għal ħames snin, minħabba li d-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan tistipula li, mid-19 ta' Jannar 2013, il-liċenzji tas-sewqan tas-sewwieqa tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja se jkunu validi għal ħames snin. Għalhekk l-amalgamazzjoni tal-kards mhux se tkun teħtieġ bidla fil-perjodu ta' validità tal-kards takografiċi kurrenti u għalhekk tat-tul ta' żmien tagħhom (peress li dawn jintużaw kuljum, mhux bħal fil-każ tal-kards tal-liċenzji tas-sewqan). L-amalgamazzjoni tal-kards tas-sewwieqa mal-liċenzji tas-sewqan għandha tiffaċilita l-individwazzjoni, waqt kontrolli fit-triq, ta' dawk is-sewwieqa li jkunu qed jużaw kard li ma tkunx tagħhom jew li jkunu qed jużaw żewġ kards. Barra minn dan, is-sewwieqa jkunu anqas lesti li jippermettu lil sewwieqa oħra jużaw il-liċenzja tas-sewqan tagħhom biex iqarrqu bis-sistema takografika. Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonkludiet li l-amalgamazzjoni tal-kards tas-sewwieqa mal-liċenzji tas-sewqan għandha tippermetti tnaqqis fil-piż amministrattiv ta' madwar EUR 100 miljun fis-sena. 3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA L-Artikolu 27 tal-Proposta biex jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 jipprevedi li l-kards tas-sewwieqa jinħarġu skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar it-takografi sat-18 ta' Jannar 2018. Jipprovdi wkoll li b’effett mid-19 ta’ Jannar 2018, il-kards tas-sewwieqa jibdew ikunu inkorporati fil-liċenzji tas-sewqan u maħruġa, imġedda, mibdula u ssostitwiti skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126/KE. Dan il-proċess gradwali ta' sostituzzjoni tal-kards tas-sewwieqa bil-liċenzji tas-sewqan jesiġi modifika tad-Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan, sabiex tiġi organizzata minn perspettiva legali l-koeżistenza taż-żewġ funzjonijiet amalgamati f'dokument wieħed, jiġifieri l-liċenzja tas-sewqan ikollha l-istess funzjonalitajiet bħall-kard tas-sewwieqa. Il-kards tas-sewwieqa bħalissa huma suġġetti għal proċeduri tal-approvazzjoni skont it-tip li huma kumplimentari għal dawk applikabbli għal-liċenzji tas-sewqan. Mid-19 ta' Jannar 2018, l-approvazzjoni skont it-tip tal-liċenzji tas-sewqan, li ngħataw lil sewwieqa professjonali u li għalhekk jinkludu l-funzjonalitajiet ta' kard takografika tas-sewwieqa, se jkollha ssegwi r-rekwiżiti applikabbli li jikkonċernaw il-mikroċipp, stabbiliti skont din id-Direttiva, u r-rekwiżiti addizzjonali kollha msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85, bħat-test tal-interoperabbiltà jew it-test dwar il-funzjonalità loġika. Madankollu, meta jiġu implimentati miżuri marbuta mal-approvazzjoni skont it-tip, id-duplikazzjoni tat-testijiet għandha tiġi evitata. Il-proposta mhi se jkollha l-ebda konsegwenza fuq il-liċenzji tas-sewqan għal individwi privati u se tikkonċerna biss is-sewwieqa professjonali suġġetti għar-regoli dwar il-ħin tas-sewqan u l-perjodi ta' mistrieħ u l-użu tat-takografi. Mid-19 ta' Jannar 2018, kwalunkwe liċenzja ġdida tas-sewqan jew kard ġdida tas-sewwieqa se tinħareġ bħala dokument uniku. 4. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta mhijiex se tinvolvi xi spiża addizzjonali għall-baġit tal-UE. 2011/0327 (COD) Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan li jinkludu l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa (Test b'relevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[4], Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, Billi: 1. L-esperjenza wriet li l-frodi u l-użu ħażin tal-liċenzji tas-sewqan iseħħu anqas ta' spiss minn frodi u użu ħażin tal-kards tas-sewwieqa użati fl-apparat ta' reġistrazzjoni installat fil-vetturi li jintużaw għall-ġarr tal-passiġġieri jew ta' merkanzija bit-triq skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq[5]. Dan l-apparat ta' reġistrazzjoni għalhekk għandu jkun iktar affidabbli jekk il-kards tas-sewwieqa u l-liċenzji tas-sewqan ikunu amalgamati. Barra minn dan, amalgamazzjoni bħal din tnaqqas il-piż amministrattiv għas-sewwieqa li ma jkollhomx aktar bżonn japplikaw għal u jżommu żewġ dokumenti differenti. 2. Il-liċenzji tas-sewqan u l-kards tas-sewwieqa għandhom disinn u grupp ta' oqsma ta' dejta kważi identiċi. L-unika differenza notevoli hija li l-kards tas-sewwieqa jrid ikun fihom mikroċipp, filwaqt li għal-liċenzji tas-sewqan dan mhuwiex obbligatorju. Għaldaqstant, minn perspettiva teknika, l-amalgamazzjoni taż-żewġ dokumenti tista' ssir faċilment. 3. Id-drittijiet u l-obbligi li ġejjin mill-awtorizzazzjonijiet amministrattivi li wieħed ikollu liċenzja tas-sewqan u kard tas-sewwieqa ma għandhomx jiġu affettwati mill-amalgamazzjoni tagħhom. 4. Il-kards tas-sewwieqa bħalissa huma suġġetti għall-proċeduri tal-approvazzjoni skont it-tip li huma kumplimentari għal dawk applikabbli għal-liċenzji tas-sewqan. Mid-19 ta' Jannar 2018 l-approvazzjoni skont it-tip tal-mikroċipp introdott fil-liċenzji tas-sewqan mogħtija lis-sewwieqa professjonali u li jinkludu l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa mhux biss għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kummissjoni XXXX/XXXX li jimplimenta d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-Liċenzji tas-Sewqan inkluż mezz ta' ħażna, iżda wkoll mar-rekwiżiti kollha relevanti stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 3821/85. 5. Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan[6] għalhekk għandha tiġi emendata skont dan, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 2006/126/KE hija emendata kif ġej: (1) Fl-Artikolu 1, għandu jiżdied il-paragrafu 5 li ġej: "5. Mid-19 ta' Jannar 2018, għandu jiġi introdott mikroċipp fil-liċenzji kollha tas-sewqan maħruġa skont l-Artikolu 7a. Dan il-mikroċipp għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, inkluż b'mod partikolari kwalunkwe miżura adottata skont il-paragrafu 2. Għandu jinkludi wkoll id-dejta ta' identifikazzjoni kollha tal-kard imsemmija fit-Taqsima IV, il-punt 5.2 tal-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85. Liċenzja tas-sewqan maħruġa skont l-Artikolu 7a għandha, fir-rigward tal-approvazzjoni skont it-tip, tkun konformi mar-rekwiżiti tal-[Kapitolu III] tal-Anness IB għar-Regolament (KEE) Nru 3821/85. L-informazzjoni dwar l-approvazzjoni skont it-tip għandha tinżamm fil-mikroċipp fl-applikazzjoni għall-finijiet ta' kard tas-sewwieqa." (2) Għandhom jiżdiedu l-Artikoli 7a, 7b u 7c li ġejjin: "Artikolu 7a Liċenzja tas-sewqan li tinkorpora kard tas-sewwieqa 1. Mid-19 ta' Jannar 2018, meta tinħareġ, tiġi sostitwita, tiġġedded jew tinbidel liċenzja tas-sewqan għal sewwieq li jġorr merkanzija u passiġġieri bit-triq fil-kuntest tat-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7], l-Istati Membri għandhom joħorġu liċenzja tas-sewqan li tinkorpora l-funzjonalitajiet meħtieġa sabiex il-liċenzja tas-sewqan tkun tista' tintuża wkoll bħala kard tas-sewwieqa fil-kuntest tat-tifsira tar-Regolament (KEE) Nru 3821/85. 2. Liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa għandha tinħareġ fi żmien xahar minn meta t-talba tasal għand l-awtorità kompetenti. 3. Meta tinħareġ liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa, l-Istati Membri għandhom jinkludu fil-liċenzja tas-sewqan il-kodiċi armonizzat tal-UE indikat fl-Anness I. 4. Sewwieq ma għandux ikun fil-pussess ta' kard tas-sewwieqa maħruġa skont ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 u ta' liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa fl-istess waqt. Meta liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa tingħata lil sewwieq, dan tal-aħħar għandu jrodd lura kemm il-liċenzja tas-sewqan li kellu qabel kemm il-kard tas-sewwieqa li kellu qabel lill-awtorità emittenti. 5. Jekk Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru emittenti jirtira jew jissospendi liċenzja tas-sewqan valida li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa, dan għandu jirritornaha lill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti, filwaqt li jindika r-raġunijiet għal dan ir-ritorn." "Artikolu 7b Tiġdid tal-liċenzji tas-sewqan li jinkorporaw kard tas-sewwieqa 6. Meta sewwieq ikun jixtieq iġedded liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa, għandu japplika mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza normali mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol qabel l-iskadenza tal-liċenzja. 7. Fil-każ ta’ talba għat-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa li d-data tal-iskadenza tagħha tkun qed toqrob, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi liċenzja ġdida qabel id-data tal-iskadenza sakemm dik it-talba tkun intbagħtet fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafu 1." "Artikolu 7c Liċenzji tas-sewqan li jinkorporaw kard tas-sewwieqa misruqa, mitlufa jew difettużi 8. L-Istati Membri għandhom iżommu rekords tal-liċenzji tas-sewqan li jinkorporaw il-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa maħruġa, misruqa, mitlufa jew difettużi għal perjodu li jkun mill-anqas ekwivalenti għall-perjodu ta’ validità amministrattiva tagħhom. 9. Is-serq tal-liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa għandu jiġi ddikjarat formalment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun seħħ is-serq. 10. It-telf tal-liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa għandu jiġi ddikkjarat formalment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru emittenti u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza normali jekk dan ikun differenti. 11. Jekk liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa ssirilha ħsara, ma tkunx qed tiffunzjona sew, jew tkun intilfet jew insterqet, is-sewwieq għandu japplika fi żmien sebat ijiem kalendarji għas-sostituzzjoni tagħha għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikollu r-residenza normali tiegħu. Dawn l-awtoritajiet għandhom jipprovdu sostituzzjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jirċievu talba dettaljata għal dan." (3) Fil-punt 3 tal-Anness I għandu jiddaħħal il-kodiċi tal-UE li ġej wara l-kodiċi 96: "97. Il-liċenzja tas-sewqan li tinkludi l-funzjonalitajiet ta' kard tas-sewwieqa sa ... [eż. 97(01.01.18)]". Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard minn [sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva lill-Kummissjoni . Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mid-19 ta' Jannar 2018. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkudu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea . Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] COM(2011) 451 finali [2] Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt SEC(2011)948 [3] ĠU C , , p. [4] ĠU C , , p. [5] ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8. [6] ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18. [7] ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1