Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu /* KUMM/2011/0690 finali - 2011/0304 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Il-Konvenzjoni għall-Ħarsien
tal-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun Kostali tal-Mediterran,
magħrufa wkoll bħala l-''Konvenzjoni ta' Barċellona'',
inizjalment ġiet iffirmata f'Barċellona fis-16 ta' Frar 1976,
u ġiet emendata fl-10 ta' Ġunju 1995. Il-Konvenzjoni
daħlet fis-seħħ fid-9 ta' Lulju 2004. L-Unjoni
Ewropea hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni, kif inhuma l-Italja,
il-Greċja, Spanja, Franza, is-Slovenja, Malta u Ċipru, flimkien ma'
14-il pajjiż Mediterranju ieħor li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni
Ewropea. L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni emendata jobbliga speċifikament
lill-Partijiet jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jipprevjenu,
inaqqsu, jiġġieldu, u safejn tabilħaqq possibbli jeliminaw
it-tniġġis taż-Żona tal-Baħar Mediterran li
jirriżulta mill-esplorazzjoni u l-isfruttament tal-blata kontinentali,
qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu. 2. Wieħed mill-Protokolli tal-Konvenzjoni
ta’ Barċellona jittratta l-Ħarsien tal-Baħar Mediterran
mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament
tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu
(komunement msemmija bħala "il-Protokoll Offshore"). Ġie
adottat fl-14 ta' Ottubru 1994 mill-Konferenza tal-Partijiet
f'Madrid, b'kunsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni
tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (Diċembru 1982). 3. L-Unjoni Ewropea la ffirmat u lanqas
irratifikat il-Protokoll Offshore. Il-Kummissjoni pproponiet lill-Kunsill
(COM(1994)397 finali) l-iffirmar tal-Protokoll qabel l-adozzjoni tagħha
mill-Konferenza tal-Partijiet f'Ottubru 1994. Dak iż-żmien, kien
meqjus aktar xieraq li ssir iktar ħidma fuq sistema Komunitarja
għar-responsabbiltà ambjentali, pjuttost milli din tiġi
antiċipata bi ftehim internazzjonali. Kienet diġà ġiet
ippubblikata Green Paper dwar ir-rimedji għall-ħsarat ambjentali
(fl-1993, segwita minn White Paper dwar ir-responsabbiltà ambjentali
fl-2000). Id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (ELD) ġiet
finalment adottata fl-2004. 4. Il-Protokoll Offshore daħal
fis-seħħ fl-24 ta' Marzu 2011. Sal-lum, irratifikawh
l-Albanija, it-Tuneżija, il-Marokk, il-Libja, Ċipru u s-Sirja .
Ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li huma Partijiet Kontraenti
għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona diġà ħabbru tul
l-aħħar xhur il-ħsieb tagħhom li jirratifikaw il-Protokoll
huma wkoll. 5. Il-Protokoll Offshore ikopri firxa
wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttament,
ħtiġijiet għall-permessi, it-tneħħija ta'
istallazzjonijiet mitluqa jew la m'għadhomx jintużaw, l-użu u
t-tneħħija ta' sustanzi ta' ħsara, ħtiġijiet ta'
responsabbiltà u kumpens, il-koordinazzjoni ma' Partijiet oħra
għall-Konvenzjoni ta' Barċellona fuq il-livell reġjunali, kif
ukoll dispożizzjonijiet fir-rigward tas-sikurezza, l-ippjanar ta’
kontinġenza, u l-monitoraġġ. 6. Id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll
Offshore ikun jeħtieġ li jiġu implimentati minn operaturi
amministrattivi u ekonomiċi fuq livelli differenti. L-Istati Membri u
l-awtoritajiet kompetenti korrispondenti tagħhom se jkunu responsabbli
għad-disinn u l-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri dettaljati
stabbiliti fil-Protokoll Offshore, bħalma huma l-istabbiliment ta’ sistema
nazzjonali ta’ monitoraġġ, u l-adozzjoni u l-infurzar ta' regoli u
proċeduri xierqa għad-determinazzjoni tar-responsabbilità u l-kumpens
għall-ħsarat. 7. Huwa stmat li hemm iktar minn 200
pjattaforma offshore attivi fil-Mediterran, u aktar istallazzjonijiet
qegħdin jiġu kkunsidrati. Huwa mistenni li l-attivitajiet ta’
esplorazzjoni u sfruttament tal-idrokarburi jiżdiedu wara li jiġu
skoperti riżervi kbar ta’ karburanti fossili fil-Mediterran. Minħabba
l-idrodinamika speċjali tal-Mediterran, u l-fatt li huwa baħar sa
ċertu punt magħluq, aċċident bħal dak li sar fil-Golf
tal-Messiku fl-2010 jkollu konsegwenzi transkonfinali avversi u immedjati fuq
l-ekosistemi fraġli tal-baħar u tax-xtut tal-Mediterran, kif ukoll
fuq l-ekonomija tar-reġjun. X'aktarx li, fiż-żmien medju,
riżorsi minerali oħra li jinsabu fil-fond tal-baħar,
f'qiegħ il-baħar u fis-sottoswol tiegħu, ikunu
soġġetti għal attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttament. 8. Jekk ma jiġux indirizzati b'mod
effikaċi r-riskji inerenti għal tali attivitajiet, jistgħu
jiġu kompromessi serjament l-isforzi tal-Italja, il-Greċja, Spanja,
Franza, is-Slovenja, Malta u Ċipru biex jiksbu u jżommu qagħda ambjentali
tajba fl-ilmijiet marittimi tagħhom, kif mitlub mid-Direttiva ta’ Qafas
dwar l-Istrateġija Marina 2008/56/KE, u jista' jiġi kompromess
serjament ukoll il-qadi tal-impenji u l-obbligi li l-Italja, il-Greċja,
Spanja, Franza, is-Slovenja, Malta, Ċipru u l-UE stess daħlu
għalihom bħala Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’
Barċellona. 9. Il-Komunikazzjoni riċenti
tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass
fil-baħar (COM(2010)560 finali, 12.10.2010) tiżviluppa l-oqsma li
fihom jeħtieġ li tittieħed azzjoni għaż-żamma
tas-sikurezza u għall-kredenzjali ambjentali tal-Unjoni Ewropea, u
tipproponi azzjonijiet konkreti. Qasam minn dawk identifikati huwa
l-kooperazzjoni internazzjonali biex jinġiebu 'l quddiem, mad-dinja
kollha, is-sikurezza u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni, u waħda
mill-azzjonijiet relatati hija l-esplorazzjoni tal-potenzjal
tal-konvenzjonijiet reġjonali. B'mod partikulari, il-Kummissjoni
tirrakkomanda li terġa' tingħata spinta, f'kollaborazzjoni mill-qrib
mal-Istati Membri kkonċernata, lill-proċess biex il-Protokoll
Offshore jiddaħħal fis-seħħ. 10. Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar
is-sikurezza tal-attivitajiet ta’ żejt u gass fil-baħar, il-Kunsill
iddikjara li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom ikomplu jaqdu
rwol ċentrali fit-tiftix tal-ogħla standards possibbli ta’ sikurezza,
fil-qafas ta’ inizjattivi u fora internazzjonali, kif ukoll tal-kooperazzjoni
reġjonali bħal fil-Mediterran. Il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni u
lill-Istati Membri jagħmlu l-aqwa użu mill-konvenzjonijiet
internazzjonali eżistenti. 11. Fir-riżoluzzjoni tiegħu
tat-13 ta’ Settembru 2011, il-Parlament Ewropew saħaq fuq
il-ħtieġa importanti li jiddaħħal fis-seħħ, u
bis-sħiħ, il-Protokoll Offshore Mediterran tal-1994 li għadu ma
ġiex irratifikat, b'attenzjoni mmirata l-iktar għall-ħarsien
mit-tniġġis li jirriżulta mill-esplorazzjoni u l-isfruttament. 12. Wieħed mill-għanijiet
tal-politika ambjentali tal-Unjoni Ewropea huwa li jiġu promossi
miżuri fuq il-livell internazzjonali sabiex jattakkaw problemi ambjentali
reġjonali. F'dak li jirrigwarda l-Protokoll Offshore, huwa partikularment
importanti li wieħed iżomm f'moħħu l-probabbiltà kbira
ħafna ta’ effetti ambjentali transkonfinali fil-każ ta’ aċċidenti
f'baħar sa ċertu punt magħluq, bħalma hu l-Baħar
Mediterran. Għaldaqstant, jaqbel li l-Unjoni Ewropea tieħu
l-miżuri kollha meħtieġa favur is-sikurezza tal-attivitajiet ta’
esplorazzjoni u sfruttament fil-baħar, kif ukoll favur il-ħarsien
tal-ambjent marittimu fil-Baħar Mediterran. 13. Jeħtieġ, anzi huwa urġenti,
li jiġu indirizzati r-riskji enormi inerenti għall-attivitajiet
offshore, b'mod partikulari fid-dawl tal-kundizzjonijiet kumplessi li fihom
isiru, inkluż fit-tħaffir f'fond il-baħar. Jeħtieġ
ukoll, u huwa daqstant urġenti, li jiġu stabbiliti mekkaniżmi
xierqa ta’ prevenzjoni u rispons fuq il-livell nazzjonali u dak reġjonali,
li jkopru t-tniġġis operazzjonali, illegali, u aċċidentali.
Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll, flimkien mal-proposta
preżenti, Regolament dwar is-sikurezza tal-attivitajiet ta’ pprospettar,
esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt u tal-gass fil-baħar. 14. Il-Protokoll Offshore jorbot ma' qasam li
l-liġi tal-Unjoni tkopri fil-wisa'. Dan jinkludi, pereżempju,
elementi bħall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, il-valutazzjoni
tal-impatt ambjentali, u r-responsabbiltà ambjentali. Soġġett
għad-deċiżjoni finali tal-leġiżlaturi fir-rigward ta’
din il-kwistjoni, il-Protokoll Offshore huwa konsistenti wkoll
mal-għanijiet tar-Regolament propost dwar is-sikurezza tal-attivitajiet
ta’ pprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt u tal-gass
fil-baħar, inkluż f'dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni,
il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, u l-ħiliet tekniċi u
finanzjarji tal-operaturi. 15. Għaldaqstant, jaqbel li l-Unjoni
tikkonkludi l-Protokoll għall-Ħarsien tal-Baħar Mediterran
mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament
tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu. 2011/0304 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea
għall-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran
mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament
tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament
tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 192(1), flimkien
mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkunsidra l-approvazzjoni
tal-Parlament Ewropew, Billi: (1)
Il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Baħar
Mediterran mit-Tniġġis, li sussegwentement ġiet imsemmija
mill-ġdid bħala l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent
tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (minn hawn 'il quddiem
"il-Konvenzjoni ta' Barċellona"), ġiet konkluża f'isem
il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 77/585/KEE
u 1999/802/KE. (2)
Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’
Barċellona, il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu
l-miżuri kollha xierqa sabiex jipprevjenu, inaqqsu, jiġġieldu, u
safejn tabilħaqq possibbli jeliminaw it-tniġġis
taż-Żona tal-Baħar Mediterran ikkaġunat mill-esplorazzjoni
u l-isfruttament tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol
tiegħu. (3)
Wieħed mill-Protokolli tal-Konvenzjoni ta’
Barċellona jittratta l-Ħarsien tal-Baħar Mediterran
mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament
tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu
(komunement msemmija bħala "il-Protokoll Offshore"). Daħal
fis-seħħ fl-24 ta' Marzu 2011. Sal-lum, irratifikawh
l-Albanija, it-Tuneżija, il-Marokk, il-Libja, Ċipru u s-Sirja.
Ċerti Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li huma Partijiet Kontraenti
għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona diġà ħabbru tul
l-aħħar xhur il-ħsieb tagħhom li jirratifikaw il-Protokoll
huma wkoll. (4)
Huwa stmat li hemm iktar minn 200 pjattaforma
offshore attivi fil-Mediterran, u aktar istallazzjonijiet qegħdin
jiġu kkunsidrati. Huwa mistenni li l-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u
sfruttament tal-idrokarburi jiżdiedu wara li jiġu skoperti
riżervi kbar ta’ fjuwils fossili fil-Mediterran. Minħabba
l-idrodinamika speċjali tal-Mediterran, u l-fatt li huwa baħar sa
ċertu punt magħluq, aċċident bħal dak li sar fil-Golf
tal-Messiku fl-2010 jkollu konsegwenzi immedjati, tal-waħx u li jisbqu
kull fruntiera, fuq l-ekosistemi fraġli tal-baħar u tax-xtut tal-Mediterran,
kif ukoll fuq l-ekonomija tar-reġjun. X'aktarx li, fiż-żmien
medju, riżorsi minerali oħra li jinsabu fil-fond tal-baħar,
f'qiegħ il-baħar u fis-sottoswol tiegħu, ikunu
soġġetti għal attivitajiet ta’ esplorazzjoni u sfruttament. (5)
Jekk ma jiġux indirizzati b'mod effikaċi
r-riskji inerenti għal tali attivitajiet, jistgħu jiġu
kompromessi serjament l-isforzi tal-Italja, il-Greċja, Spanja, Franza,
is-Slovenja, Malta u Ċipru biex jiksbu u jżommu qagħda ambjentali
tajba fl-ilmijiet marittimi tagħhom, kif mitlub mid-Direttiva ta’ Qafas
dwar l-Istrateġija Marina 2008/56/KE, u jista' jiġi kompromess
serjament ukoll il-qadi tal-impenji u l-obbligi li l-Italja, il-Greċja,
Spanja, Franza, is-Slovenja, Malta, Ċipru u l-UE daħlu għalihom
bħala Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona. (6)
Il-Protokoll Offshore ikopri firxa wiesgħa ta'
dispożizzjonijiet li jkollhom jiġu implimentati minn livelli
differenti ta' amministrazzjoni. Filwaqt li huwa xieraq għall-Unjoni
Ewropea li taġixxi favur is-sikurezza tal-attiviajiet ta’ esplorazzjoni u
sfruttament fil-baħar, b'kunsiderazzjoni, fost l-oħrajn,
tal-probabbiltà għolja ħafna tan-natura transkonfinali tal-problemi
ambjentali li jitnisslu minn tali attivitajiet, l-Istati Membri u l-awtoritajiet
kompetenti korrispondenti tagħhom se jkunu responsabbli għal
ċerti miżuri ddettaljati stipulati fil-Protokoll Offshore. (7)
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza
tal-attivitajiet taż-żejt u l-gass fil-baħar[1]
tidentifika l-ħtieġa għal kooperazzjoni internazzjonali biex
tippromwovi s-sikurezza u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni mad-dinja kollha, u
waħda mill-azzjonijiet relatati hija l-esplorazzjoni tal-potenzjal
tal-konvenzjonijiet reġjonali. Il-Komunikazzjoni tirrakkomanda li
terġa' tingħata spinta, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri
kkonċernati, lill-proċess li jwassal għad-dħul
fis-seħħ tal-Protokoll Offshore. (8)
Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar
is-sikurezza tal-attivitajiet ta’ żejt u gass fil-baħar, il-Kunsill
iddikjara li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom ikomplu jaqdu
rwol ċentrali fit-tiftix tal-ogħla standards possibbli ta’ sikurezza,
fil-qafas ta’ inizjattivi u fora internazzjonali, kif ukoll tal-kooperazzjoni
reġjonali bħal fil-Mediterran. Il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni u
lill-Istati Membri jagħmlu l-aqwa użu mill-konvenzjonijiet
internazzjonali eżistenti. (9)
Fir-riżoluzzjoni tiegħu
tat-13 ta’ Settembru 2011, il-Parlament Ewropew saħaq fuq
il-ħtieġa importanti li jiddaħħal fis-seħħ, u
bis-sħiħ, il-Protokoll Offshore Mediterran tal-1994 li għadu ma
ġiex irratifikat, b'attenzjoni mmirata l-iktar għall-ħarsien
mit-tniġġis li jirriżulta mill-esplorazzjoni u l-isfruttament. (10)
Wieħed mill-għanijiet tal-politika
ambjentali tal-Unjoni Ewropea huwa li jiġu promossi miżuri fuq
il-livell internazzjonali sabiex jattakkaw problemi ambjentali reġjonali.
F'dak li jirrigwarda l-Protokoll Offshore, huwa partikularment importanti li
wieħed iżomm f'moħħu l-probabbiltà kbira ħafna ta’
effetti ambjentali transkonfinali fil-każ ta’ aċċidenti
f'baħar sa ċertu punt magħluq, bħalma hu l-Baħar
Mediterran. Għaldaqstant, jaqbel li l-Unjoni Ewropea tieħu
l-miżuri kollha meħtieġa favur is-sikurezza tal-attivitajiet ta’
esplorazzjoni u sfruttament fil-baħar, kif ukoll favur il-ħarsien
tal-ambjent marittimu fil-Baħar Mediterran. (11)
Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll,
flimkien mal-proposta preżenti, Regolament dwar is-sikurezza
tal-attivitajiet ta’ pprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni
taż-żejt u tal-gass fil-baħar. (12)
Il-Protokoll Offshore jorbot ma' qasam li
l-liġi tal-Unjoni tkopri fil-wisa'. Dan jinkludi, pereżempju,
elementi bħall-ħarsien tal-ambjent tal-baħar, il-valutazzjoni
tal-impatt ambjentali, u r-responsabbiltà ambjentali. Soġġett
għad-deċiżjoni finali tal-leġiżlaturi fir-rigward ta’
din il-kwistjoni, il-Protokoll Offshore huwa konsistenti wkoll
mal-għanijiet tar-Regolament propost dwar is-sikurezza tal-attivitajiet
ta’ pprospettar, esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt u tal-gass
fil-baħar, inkluż f'dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni, il-valutazzjoni
tal-impatt ambjentali, u l-ħiliet tekniċi u finanzjarji
tal-operaturi. (13)
Huwa essenzjali li tiġi żgurata
kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni
Ewropea, kemm fil-proċess ta' negozjar u ta’ konklużjoni kif ukoll
fil-qadi tal-impenji li jkunu daħlu għalihom. Dan l-obbligu ta'
kooperazzjoni ġej mill-ħtieġa ta unità fir-rappreżentanza
internazzjonali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, dawk l-Istati Membri li huma
Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Barċellona għandhom
jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiffinalizzaw il-proċeduri
għar-ratifikazzjoni tal-Protokoll Offshore jew l-adeżjoni fih, jekk
għadhom ma għamlux dan. (14)
Il-Protokoll Offshore għandu jiġi
konkluż, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea
għall-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Baħar Mediterran
mit-tniġġis ikkaġunat mill-esplorazzjoni u l-isfruttament
tal-blata kontinentali, qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu,
hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni. It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President
tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew persuni bis-setgħa li
jipproċedu, f'isem l-Unjoni Ewropea, għad-depożitu tal-istrument
ta' approvazzjoni, bil-Gvern ta' Spanja li jassumi r-rwol ta' Depożitarju,
skont l-Artikolu 32 tal-Protokoll, sabiex jiġi espress il-kunsens
tal-Unjoni Ewropea li tintrabat mal-Protokoll. Artikolu 3 Din
id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data
tal-adozzjoni tagħha. Għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[2]. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Il-Partijiet Kontraenti f'dan
il-Protokoll, Filwaqt li huma Partijiet fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra
t-Tniġġis, li ġiet adottata f’Barċellona fis-16 ta’ Frar
1976, Filwaqt li jqisu
l-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni, Filwaqt li jqisu
ż-żieda fl-attivitajiet li jikkonċernaw l-esplorazzjoni u
l-isfruttament ta’ qiegħ il-baħar Mediterran u s-sottoswol
tiegħu,Ffilwaqt li jirrikonoxxu li t-tniġġis li jista'
jirriżulta minnhom jirrappreżenta periklu serju għall-ambjent u
għall-bnedmin, Filwaqt li jixtiequ li l-baħar Mediterran jiġi protett u ppreżervat minn
tniġġis li jirriżulta minn attivitajiet ta’ esplorazzjoni u
sfruttament, Filwaqt li jikkunsidraw il-Protokolli relatati mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni
tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis u, b’mod partikolari,
il-Protokoll rigward il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra
t-Tniġġis tal-Baħar Mediterran b'Żejt u Sustanzi Oħra
ta’ Ħsara f’Każijiet ta’ Emerġenza, adottat f’Barċellona
fis-16 ta’ Frar 1976, u l-Protokoll dwar iż-Żoni
tal-Mediterran Protetti b’Mod Speċjali, adottat f’Ġenova
fit-3 ta’ April 1982, Filwaqt li jqisu
d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
il-Liġi tal-Baħar, li saret f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982
u li ġiet iffirmata minn ħafna Partijiet Kontraenti, Filwaqt li jirrikonoxxu d-differenzi fil-livelli ta' żvilupp bejn l-Istati kostali u
jikkunsidraw l-imperattivi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiżi li
qed jiżviluppaw, Ftiehmu kif ġej: TASQIMA I -
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI Artikolu 1 DEFINIZZJONIJIET Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll: (a)
“Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni
għall-Protezzjoni tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis, li
ġiet adottata f’Barċellona fis-16 ta’ Frar 1976; (b)
“Organizzazzjoni” tfisser il-korp imsemmi
fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni; (c)
“Riżorsi” tfisser ir-riżorsi minerali
kollha, kemm solidi, kemm likwidi jew gassużi; (d)
“Attivitajiet li jirrigwardaw l-esplorazzjoni u/jew
l-isfruttament tar-riżorsi fiż-Żona tal-Protokoll” (minn hawn
‘il quddiem l-‘attivitajiet’) tfisser: (i) Attivitajiet ta’ riċerka xjentifika
li jikkonċernaw ir-riżorsi ta’ qiegħ il-baħar u s-sottoswol
tiegħu; (ii) Attivitajiet ta’ esplorazzjoni: - Attivitajiet sismoloġiċi;
servejs ta’ qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu; teħid ta’
kampjuni; - Tħaffir għall-esplorazzjoni; (iii) Attivitajiet ta’ sfruttament: - L-istabbiliment ta’
stallazzjoni għall-fini ta’ rkupru ta’ riżorsi, u attivitajiet
relatati; - Tħaffir
għall-iżvilupp; - Irkupru, trattament u
ħżin; - Ġarr sal-kosta
bil-pajpijiet u t-tagħbien ta’ bastimenti; - Manutenzjoni, tiswija u
operazzjonijiet anċillari oħrajn; (e)
“Tniġġis” hija ddefinita
fl-Artikolu 2, il-paragrafu (a), tal-Konvenzjoni; (f)
“Stallazzjoni” tfisser kull struttura fissa jew li
żżomm f’wiċċ l-ilma, u kwalunkwe parti integrali minnha li
tkun involuta f’attivitajiet, inkluż b’mod partikolari: (i) Unitajiet ta’ tħaffir offshore
fissi jew mobbli; (ii) Unitajiet ta’ produzzjoni fissi jew li
jżommu f’wiċċ l-ilma li jinkludu unitajiet li huma ppożizzjonati
b’mod dinamiku; (iii) Faċilitajiet ta’ ħżin
offshore li jinkludu bastimenti li jintużaw għal dan l-iskop; (iv) Terminals għat-tagħbien
offshore u sistemi ta’ trasport għall-prodotti estratti, bħal
pajpijiet ta’ taħt il-baħar; (v) Apparat imqabbad magħha u
tagħmir għat-tagħbien mill-ġdid, l-ipproċessar,
il-ħżin u r-rimi ta’ sustanzi li jitneħħew minn qiegħ
il-baħar jew is-sottoswol tiegħu; (g)
“Operatur” tfisser: (i) Kwalunkwe persuna fiżika jew
ġuridika li hi awtorizzata mill-Parti li teżerċita
ġurisdizzjoni fuq iż-żona fejn jitwettqu l-attivitajiet (minn
hawn ‘il quddiem il-‘Parti Kontraenti’) skont dan il-Protokoll biex jitwettqu
attivitajiet u/jew min iwettaq tali attivitajiet; jew (ii) Kwalunkwe persuna li ma għandiex
awtorizzazzjoni skont it-tifsira ta’ dan il-Protokoll iżda li għandha
l-kontroll de facto ta’ tali attivitajiet; (h)
“Żona ta’ sikurezza” tfisser żona
stabbilita madwar l-istallazzjonijiet b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet
tal-liġi internazzjonali ġenerali u rekwiżiti tekniċi,
b’immarkar xieraq sabiex tiġi żgurata s-sikurezza kemm
tan-navigazzjoni kemm tal-istallazzjonijiet; (i)
“Skart” tfisser sustanzi u materjali ta’ kull tip,
forma jew deskrizzjoni li jirriżultaw minn attivitajiet koperti minn dan
il-Protokoll, li jintremew, huma intenzjonati għar-rimi jew li hemm
bżonn li jintremew; (j)
“Sustanzi u materjali ta' ħsara jew
noċivi” tfisser sustanzi u materjali ta’ kull tip, forma jew deskrizzjoni,
li jistgħu jikkawżaw tniġġis jekk jiġu introdotti
fiż-Żona tal-Protokoll; (k)
“Pjan għall-Użu ta’ Sustanzi Kimiċi”
tfisser pjan imfassal mill-operatur ta' kwalunkwe stallazzjoni offshore li
juri: (i) Is-sustanzi kimiċi li l-operatur
għandu l-ħsieb li juża fl-operazzjonijiet; (ii) L-għan jew l-għanijiet li
għalihom l-operatur għandu l-ħsieb li juża s-sustanzi kimiċi; (iii) Il-konċentrazzjonijiet massimi
tas-sustanzi kimiċi li l-operatur għandu l-ħsieb li juża fi
kwalunkwe sustanza oħra, u l-ammonti massimi maħsuba biex
jintużaw fi kwalunkwe perjodu speċifikat; (iv) Iż-żona li fiha s-sustanza
kimika tista’ tispiċċa fl-ambjent tal-baħar; (l)
“Żejt" tfisser petroleum fi kwalunkwe
forma inkluż żejt mhux raffinat, żejt tal-fjuwil, ħama
żejtnija, skart taż-żejt u prodotti raffinati u, mingħajr
ma tiġi llimitata l-ġeneralità ta’ dak li ntqal qabel, inklużi
s-sustanzi elenkati fl-Appendiċi għal dan il-Protokoll; (m)
“Taħlita żejtnija” tfisser taħlita
bi kwalunkwe kontenut ta’ żejt; (n)
“Drenaġġ” tfisser: (i) Drenaġġ u skart ieħor
minn kull forma ta’ tojlits, awrinarji u bwieqi tal-ilma (water-closet
scuppers); (ii) Drenaġġ minn bini mediku
(spiżerija, infermerija, eċċ.) permezz ta’ sinkijiet, banjijiet
u bwieqi li jinsabu f’tali bini; (iii) Drenaġġ ieħor meta
jitħallat mad-drenaġġi ddefiniti hawn fuq; (o)
“Żibel” tfisser kull tip ta’ ikel, skart
domestiku u operazzjonali ġġenerat waqt l-operat normali
tal-istallazzjoni u li jista’ jintrema kontinwament jew perjodikament,
ħlief għal dawk is-sustanzi li huma ddefiniti jew elenkati x’imkien
ieħor f’dan il-Protokoll; (p)
“Limitu ta’ ilma ħelu” tfisser il-post
fil-korsiji tal-ilma fejn, f'marea baxxa u f’perjodu ta’ fluss baxx ta' ilma
ħelu, ikun hemm żieda notevoli fis-salinità minħabba
l-preżenza ta' ilma baħar. Artikolu 2 KOPERTURA ĠEOGRAFIKA 1.
Iż-żona li għaliha japplika dan
il-Protokoll (f’dan il-Protokoll imsemmija “ż-Żona tal-Protokoll”)
għandha tkun: (q)
Iż-Żona tal-Baħar Mediterran kif
iddefinita fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni, inkluża l-blata kontinentali u
qiegħ il-baħar u s-sottoswol tiegħu; (r)
L-ilmijiet, inkluż qiegħ il-baħar u
s-sottoswol tiegħu, fuq in-naħa tal-art tal-linji bażi li
minnhom titkejjel il-wisa’ tal-baħar territorjali u li testendi,
fil-każ ta’ korsiji tal-ilma, sal-limitu tal-ilma ħelu. 2.
Kwalunkwe Parti Kontraenti għal dan
il-Protokoll (f’dan il-Protokoll imsemmija “l-Partijiet”) jistgħu jinkludu
wkoll fil-Protokoll artijiet mistagħdra jew żoni kostali
tat-territorju tagħhom. 3.
Xejn f’dan il-Protokoll, u l-ebda att adottat fuq
il-bażi ta’ dan il-Protokoll, ma jippreġudika d-drittijiet ta’
kwalunkwe Stat dwar id-delimitazzjoni tal-blata kontinentali. Artikolu 3 IMPENJI ĠENERALI 4.
Il-Partijiet għandhom jieħdu,
individwalment jew permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali,
il-miżuri kollha xierqa sabiex jipprevjenu, inaqqsu, jikkumbattu u
jikkontrollaw it-tniġġis fiż-Żona tal-Protokoll li jirriżultaw
minn attivitajiet, inter alia billi jiżguraw li l-aqwa tekniki
disponibbli, li jkunu effettivi mil-lat ambjentali u xierqa mil-lat ekonomiku,
jintużaw għal dan l-iskop. 5.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw li
jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-attivitajiet ma
jikkawżawx tniġġis. TAQSIMA II –
SISTEMA TA’ AWTORIZZAZZJONI Artikolu 4 PRINĊIPJI ĠENERALI 1.
L-attivitajiet kollha fiż-Żona
tal-Protokoll, inklużi l-bini fuq is-sit ta’ stallazzjonijiet,
għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel
bil-miktub għall-esplorazzjoni jew l-isfruttament mill-awtorità
kompetenti. Tali awtorità, qabel ma tagħti l-awtorizzazzjoni, għandha
tkun sodisfatta li l-istallazzjoni tkun ġiet mibnija skont standards u
prattika internazzjonali u li l-operatur għandu l-kompetenza teknika u
l-kapaċità finanzjarja biex iwettaq l-attivitajiet. Tali awtorizzazzjoni
għandha tingħata skont il-proċedura xierqa, kif iddefinita
mill-awtorità kompetenti. 2.
Awtorizzazzjoni għandha tiġi rrifjutata
jekk ikun hemm indikazzjonijiet li l-attivitajiet proposti aktarx li jikkawżaw
effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent li ma setgħux jiġu
evitati b'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-awtorizzazzjoni u
msemmija fl-Artikolu 6, il-paragrafu 3, ta’ dan il-Protokoll. 3.
Meta tikkunsidra l-approvazzjoni tas-sit ta’
stallazzjoni, il-Parti Kontraenti għandha tiżgura li l-ebda effett
detrimentali ma jiġi kkawżat lill-faċilitajiet eżistenti
permezz ta’ tali lokalizzazzjoni, b’mod partikolari lill-pajpijiet u
lill-kejbils ta’ taħt il-baħar. Artikolu 5 REKWIŻITI GĦALL-AWTORIZZAZZJONIJIET 1.
Il-Parti Kontraenti għandha tippreskrivi li
kwalunkwe applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għat-tiġdid ta’
awtorizzazzjoni hija soġġetta għall-preżentazzjoni
tal-proġett mill-operatur kandidat lill-awtorità kompetenti u li kwalunkwe
applikazzjoni bħal din għandha tinkludi, b’mod partikolari, dawn li
ġejjin: (a)
Servej rigward l-effetti tal-attivitajiet proposti
fuq l-ambjent; l-awtorità kompetenti tista’, fid-dawl tan-natura, l-iskop,
it-tul ta' żmien u l-metodi tekniċi użati fl-attivitajiet u
tal-karatteristiċi taż-żona, tesiġi li titħejja
valutazzjoni tal-impatt ambjentali skont l-Anness IV għal dan
il-Protokoll; (b)
Id-definizzjoni preċiża
taż-żoni ġeografiċi fejn l-attività hija prevista,
inklużi ż-żoni tas-sikurezza; (c)
Dettalji tal-kwalifiki professjonali u tekniċi
tal-operatur kandidat u l-persunal fuq l-istallazzjoni, kif ukoll
tal-kompożizzjoni tal-ekwipaġġ; (d)
Il-miżuri tas-sikurezza kif speċifikat
fl-Artikolu 15; (e)
Il-pjan ta’ kontinġenza tal-operatur kif
speċifikat fl-Artikolu 16; (f)
Il-proċeduri tal-monitoraġġ kif
speċifikat fl-Artikolu 19; (g)
Il-pjanijiet għat-tneħħija
tal-istallazzonijiet kif speċifikat fl-Artikolu 20; (h)
Prekawzjonijiet għal żoni protetti b’mod
speċjali kif speċifikat fl-Artikolu 21; (i)
L-assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra
li tkopri r-responsabbiltà kif preskritt fl-Artikolu 27,
il-paragrafu 2 (b). 2.
L-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi,
għal attivitajiet ta’ riċerka xjentifika u ta' esplorazzjoni, li
tillimita l-ambitu tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan
l-Artikolu, fid-dawl tan-natura, l-ambitu, it-tul ta' żmien u l-metodi
tekniċi użati fl-attivitajiet u tal-karatteristiċi
taż-żona. Artikolu 6 GĦOTI TA’ AWTORIZZAZZJONIJIET 1.
L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4
għandhom jingħataw biss wara eżami mill-awtorità kompetenti
tar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 5 u l-Anness IV. 2.
Kull awtorizzazzjoni għandha tispeċifika
l-attivitajiet u l-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni, tistabbilixxi
l-limiti ġeografiċi taż-żona soġġetta
għall-awtorizzazzjoni u tispeċifika r-rekwiżiti tekniċi u
l-istallazzjonijiet awtorizzati. Iż-żoni tas-sikurezza
meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti fi stadju xieraq aktar
tard. 3.
L-awtorizzazzjoni tista’ timponi kundizzjonijiet
rigward il-miżuri, it-tekniki jew il-metodi ddisinjati biex inaqqsu
sal-minimu r-riskji ta’ tniġġis u ħsara minħabba
t-tniġġis li jirriżulta mill-attivitajiet. 4.
Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw
lill-Organizzazzjoni mill-aktar fis possibbli dwar l-awtorizzazzjoni
mogħtija jew imġedda. L-Organizzazzjoni għandha żżomm
reġistru tal-istallazzjonijiet awtorizzati fiż-Żona
tal-Protokoll. Artikolu 7 SANZJONIJIET Kull parti għandha tippreskrivi
s-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti f'każ ta' ksur
tal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-Protokoll, jew għan-nuqqas ta’
konformità mal-liġijiet nazzjonali jew mar-regolamenti li jimplimentaw dan
il-Protokoll, jew għan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet
speċifiċi mehmużin mal-awtorizzazzjoni. TAQSIMA III –
SKART U SUSTANZI U MATERJALI TA' ĦSARA JEW NOĊIVI Artikolu 8 OBBLIGU ĠENERALI Mingħajr preġudizzju għal
standards jew obbligi oħra msemmija f’din it-Taqsima, il-Partijiet
għandhom jimponu obbligu ġenerali fuq l-operaturi biex jużaw
l-aqwa tekniki disponibbli li huma effettivi mil-lat ambjentali u xierqa mil-lat
ekonomiku u biex josservaw standards aċċettati internazzjonalment
rigward skart, kif ukoll ta’ użu, ħżin u rimi ta’ sustanzi u
materjali ta' ħsara u noċivi, bil-għan li jiġi minimizzat
ir-riskju ta’ tniġġis. Artikolu 9 SUSTANZI U MATERJALI TA' ĦSARA U
NOĊIVI 1.
L-użu u l-ħżin ta’ sustanzi
kimiċi għall-attivitajiet għandhom jiġu approvati
mill-awtorità kompetenti, abbażi tal-Pjan għall-Użu ta’ Sustanzi
Kimiċi. 2.
Il-Parti Kontraenti għandha tirregola,
tillimita jew tipprojbixxi l-użu ta’ sustanzi kimiċi
għall-attivitajiet skont il-linji gwida li se jiġu adottati
mill-Partijiet Kontraenti. 3.
Għall-finijiet tal-ħarsien tal-ambjent,
il-Partijiet għandhom jiżguraw li kull sustanza u materjal użati
għall-attivitajiet jiġu akkumpanjati minn deskrizzjoni tal-komposti
pprovduta mill-entità li tipproduċi tali sustanza jew materjal. 4.
Ir-rimi fiż-Żona tal-Protokoll ta’
sustanzi jew materjali ta' ħsara jew noċivi li jirriżultaw
mill-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll u elenkati fl-Anness I
għal dan il-Protokoll huwa pprojbit. 5.
Ir-rimi fiż-Żona tal-Protokoll ta’
sustanzi u materjali ta' ħsara jew noċivi li jirriżultaw
mill-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll u elenkati fl-Anness II
għal dan il-Protokoll jeħtieġ, f’kull każ, permess
speċjali minn qabel mill-awtorità kompetenti. 6.
Ir-rimi fiż-Żona tal-Protokoll ta’
sustanzi u materjali ta' ħsara jew noċivi li jirriżultaw
mill-attivitajiet koperti minn dan il-Protokoll u li jistgħu
jikkawżaw tniġġis jeħtieġ permess ġenerali minn
qabel mill-awtorità kompetenti. 7.
Il-permessi msemmija fil-paragrafi 5 u 6 hawn
fuq għandhom jinħarġu biss wara kunsiderazzjoni b’attenzjoni
tal-fatturi kollha stabbiliti fl-Anness III għal dan il-Protokoll. Artikolu 10 ŻEJT U TAĦLITIET ŻEJTNIN U
FLUWIDI U TIRQIM TAT-TĦAFFIR 1.
Il-Partijiet għandhom jifformulaw u jadottaw
standards komuni għar-rimi ta’ żejt u taħlitiet żejtnin
minn stallazzjonijiet fiż-Żona tal-Protokoll: (a)
Standards komuni bħal dawn għandhom
jiġu fformulati skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness V, A; (b)
Standards komuni bħal dawn ma għandhomx
ikunu anqas restrittivi minn dawn li ġejjin, b’mod partikolari: (i) Għad-drenaġġ mill-ispazji
tal-makkinarju, kontenut massimu ta’ żejt ta’ 15 mg kull litru mhux
dilwit; (ii) Għall-ilma tal-produzzjoni,
kontenut massimu ta’ żejt ta’ 40 mg kull litru bħala medja fi
kwalunkwe xahar kalendarju; il-kontenut ma għandu qatt jaqbeż 100 mg
kull litru; (c)
Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw permezz
ta’ ftehim komuni l-metodu li għandu jintuża għall-analiżi
tal-kontenut taż-żejt. 2.
Il-Partijiet għandhom jifformulaw u jadottaw
standards komuni għall-użu u r-rimi tal-fluwidi tat-tħaffir u
t-tirqim tat-tħaffir fiż-Żona tal-Protokoll. Standards komuni
bħal dawn għandhom jiġu fformulati skont
id-dispożizzjonijiet tal-Anness V, B. 3.
Kull Parti għandha tieħu l-miżuri
xierqa biex tinforza l-istandards komuni skont dan l-Artikolu jew biex tinforza
strandards aktar restrittivi li setgħet adottat. Artikolu 11 DRENAĠĠ 1.
Il-Parti Kontraenti għandha tipprojbixxi
r-rimi tad-drenaġġ minn stallazzjonijiet b’ekwipaġġ
permanenti ta’ 10 persuni jew iżjed fiż-Żona tal-Protokoll
għajr fil-każijiet fejn: (a)
L-istallazzjoni qed tarmi drenaġġ wara
trattament kif approvat mill-awtorità kompetenti f’distanza ta’ mill-anqas
erba’ mili nawtiċi mill-eqreb art jew stallazzjoni tas-sajd fissa, li
tħalli l-Parti Kontraenti tiddeċiedi każ b’każ; jew (b)
Id-drenaġġ mhuwiex ittrattat, iżda
r-rimi jitwettaq skont regoli u standards internazzjonali; jew (c)
Id-drenaġġ għadda minn ġo
impjant tat-trattament tad-drenaġġ approvat iċċertifikat
mill-awtorità kompetenti. 2.
Il-Parti Kontraenti għandha timponi dispożizzjonijiet
aktar stretti, kif xieraq, fejn meqjus neċessarju, fost l-oħrajn
minħabba r-reġim tal-kurrenti fiż-żona jew il-prossimità
għal kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 21. 3.
L-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu
1 ma għandhomx japplikaw jekk ir-rimi jipproduċi solidi viżibbli
li jżommu f’wiċċ l-ilma jew jipproduċi tilwin, nuqqas ta’
tilwin jew opaċità fl-ilma tal-madwar. 4.
Jekk id-drenaġġ jitħallat ma’ skart
u sustanzi u materjali ta' ħsara jew noċivi li għandhom
rekwiżiti tar-rimi differenti, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti
l-iżjed stretti. Artikolu 12 ŻIBEL 1.
Il-Parti Kontraenti għandha tipprojbixxi
r-rimi fiż-Żona tal-Protokoll tal-prodotti u l-materjali li
ġejjin: (a)
Il-plastiks kollha, li jinkludu iżda li
mhumiex limitati għal ħbula sintetiċi, xbieki tas-sajd
sintetiċi u boroż taż-żibel tal-plastik; (b)
Kull żibel ieħor mhux bijodegradabbli,
inklużi prodotti tal-karta, ċraret, ħġieġ, metall,
fliexken, ċaqquf, bċejjeċ tal-injam, materjali tal-kisi u
tal-ippakkjar. 2.
Rimi fiż-Żona tal-Protokoll ta’ skart
tal-ikel għandu jsir ’il bogħod kemm jista’ jkun mill-art, skont
ir-regoli u l-istandards internazzjonali. 3.
Jekk iż-żibel jitħallat ma’ rimi
ieħor li għandu rekwiżiti ta' rimi differenti, għandhom
japplikaw ir-rekwiżiti l-aktar stretti. Artikolu 13 FAĊILITAJIET TA’ ĠBIR,
STRUZZJONIJIET U SANZJONIJIET Il-Partijiet għandhom jiżguraw li: (a)
L-operaturi jarmu l-iskart u s-sustanzi u materjali
ta' ħsara jew noċivi kollha b’mod sodisfaċenti
f’faċilitajiet ta’ ġbir onshore ddeżinjati, għajr jekk ikun
awtorizzat mod ieħor mill-Protokoll; (b)
Jingħataw struzzjonijiet lill-persunal kollu
rigward mezzi ta’ rimi xierqa; (c)
Jiġu imposti sanzjonijiet fir-rigward ta’ rimi
illegali. Artikolu 14 EĊĊEZZJONIJIET 1.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima ma
għandhomx japplikaw fil-każ ta’: (a)
Forza maġġuri u b’mod partikolari
għal rimi: - għas-salvataġġ
tal-ħajja tal-bniedem, - biex tiġi żgurata s-sikurezza
tal-istallazzjonijiet, - fil-każ ta’ ħsara
lill-istallazzjoni jew lit-tagħmir tagħha, sakemm jittieħdu
l-prekawzjonijiet kollha raġonevoli wara li tiġi skoperta
il-ħsara jew wara li jkun sar ir-rimi biex jitnaqqsu l-effetti negattivi. (b)
Ir-rimi fil-baħar ta’ sustanzi li fihom
iż-żejt jew sustanzi jew materjali ta' ħsara jew noċivi li,
soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti,
qed jintużaw għall-ġlieda kontra inċidenti
speċifiċi ta’ tniġġis sabiex tiġi minimizzata
il-ħsara minħabba t-tniġġis. 2.
Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din
it-Taqsima għandhom japplikaw fi kwalunkwe każ fejn l-operatur ikun
aġixxa bl-intenzjoni li jikkawża ħsara jew b’mod imprudenti u
bl-għarfien li probabbli se tirriżulta ħsara. 3.
Ir-rimi li jsir fiċ-ċirkostanzi msemmija
fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi rrapportat
minnufih lill-Organizzazzjoni u, jew permezz tal-Organizzazzjoni jew direttament,
lil kwalunkwe Parti jew Partijiet li probabbli se jiġu affettwati,
flimkien mad-dettalji kollha taċ-ċirkostanzi u tan-natura u
l-kwantitajiet mormija tal-iskart jew tas-sustanzi jew tal-materjali ta'
ħsara jew noċivi. TAQSIMA IV -
SALVAGWARDJI Artikolu 15 MIŻURI TA’ SIKUREZZA 1.
Il-Parti Kontraenti li fi ħdan
il-ġurisdizzjoni tagħha hemm previsti jew qed jitwettqu attivitajiet
għandha tiżgura li jittieħdu miżuri ta’ sikurezza
fir-rigward tad-disinn, il-bini, is-sit, it-tagħmir, l-immarkar, l-operat
u l-manutenzjoni tal-istallazzjonijiet. 2.
Il-Parti Kontraenti għandha tiżgura li
l-operatur, fuq l-istallazzjonijiet, dejjem ikollu t-tagħmir u l-apparat
xierqa, miżmuma f’kundizzjoni tajba ta' operat, għall-protezzjoni
tal-ħajja tal-bniedem, għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
t-tniġġis aċċidentali u għall-faċilitazzjoni ta'
reazzjoni immedjata għal emerġenzi, skont l-aqwa tekniki disponibbli
li jkunu effettivi mil-lat ambjentali u xierqa mil-lat ekonomiku u
d-dispożizzjonijiet tal-pjan ta’ kontinġenza tal-operatur imsemmija
fl-Artikolu 16. 3.
L-awtorità kontraenti għandha tesiġi
ċertifikat tas-sikurezza u l-adegwatezza għall-iskop (minn hawn ‘il
quddiem iċ-"ċertifikat") maħruġ minn korp
rikonoxxut li għandu jiġi sottomess fir-rigward ta’ pjattaformi
tal-produzzjoni, unitajiet tat-tħaffir offshore mobbli, faċilitajiet
tal-ħżin offshore, sistemi tat-tagħbien offshore u sistemi ta’
pajpjiet u fir-rigward ta’ stallazzjonijiet oħra bħal dawn skont kif
jista’ jiġi speċifikat mill-Parti Kontraenti. 4.
Il-Partijiet għandhom jiżguraw permezz
ta’ spezzjoni li l-attivitajiet jitwettqu mill-operaturi skont dan l-Artikolu. Artikolu 16 IPPJANAR TA’ KONTINĠENZA 1.
F'każijiet ta’ emerġenza l-Partijiet
Kontraenti għandhom jimplimentaw mutatis mutandis
id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jikkonċernaw il-Kooperazzjoni
fil-Ġlieda Kontra t-Tniġġis tal-Baħar Mediterran
b'Żejt u Sustanzi Oħra ta’ Ħsara f’Każijiet ta’
Emerġenza. 2.
Kull Parti għandha tesiġi li l-operaturi
responsabbli għall-istallazzjonijiet taħt il-ġurisdizzjoni
tagħha jkollhom pjan ta’ kontinġenza sabiex jiġġieldu
kontra tniġġis aċċidentali, ikkoordinat mal-pjan ta’
kontinġenza tal-Parti Kontraenti stabbilit skont il-Protokoll dwar
il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra t-Tniġġis tal-Baħar
Mediterran b'Żejt u Sustanzi Oħra ta’ Ħsara f’Każijiet ta’
Emerġenza u approvat f’konformità mal-proċeduri stabbiliti
mill-awtoritajiet kompetenti. 3.
Kull Parti Kontraenti għandha tistabbilixxi
l-koordinazzjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet
ta’ kontinġenza. Tali pjanijiet għandhom jiġu stabbiliti skont
il-linji gwida adottati mill-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti. Dawn
għandhom, b’mod partikolari, ikunu skont id-dispożizzjonijiet
tal-Anness VII għal dan il-Protokoll. Artikolu 17 NOTIFIKA Kull Parti għandha tesiġi li
l-operaturi responsabbli għall-istallazzjonijiet taħt
il-ġurisdizzjoni tagħha jirrapportaw mingħajr dewmien
lill-awtorità kompetenti: (a)
Kwalunkwe avveniment fuq l-istallazzjonijiet
tagħhom li jkun qed jikkawża jew li probabbilment se jikkawża
tniġġis fiż-Żona tal-Protokoll; (b)
Kwalunkwe avveniment fil-baħar osservat li qed
jikkawża jew li probabbilment se jikkawża tniġġis
fiż-Żona tal-Protokoll. Artikolu 18 ASSISTENZA REĊIPROKA F'KAŻIJIET
TA’ EMERĠENZA F’każijiet ta’ emerġenza, Parti li
tkun teħtieġ assistenza sabiex tevita, tnaqqas jew tiġġieled
kontra t-tniġġis li jirriżulta minn attivitajiet tista’ titlob
għajnuna mill-Partijiet l-oħra, jew direttament jew permezz
taċ-Ċentru Reġjonali tal-Mediterran għal Intervent
f'każ ta' Emerġenza kontra t-Tniġġis Aċċidentali
tal-Baħar (Regional Marine Pollution Emergency Response Centre for the
Mediterranean Sea, REMPEC), li għandhom jagħmlu mill-aħjar biex
jipprovdu l-assistenza mitluba. Għal dan l-iskop, Parti li hija wkoll
Parti fil-Protokoll rigward il-Kooperazzjoni fil-Ġlieda Kontra
t-Tniġġis tal-Baħar Mediterran b'Żejt u Sustanzi Oħra
ta’ Ħsara f’Każijiet ta’ Emerġenza għandha tapplika
d-dispożizzjonijiet pertinenti tal-Protokoll imsemmi. Artikolu 19 MONITORAĠĠ 1.
L-operatur għandu jkun meħtieġ li
jkejjel, jew li jqabbad lil entità kkwalifikata li tkun esperta f’dan il-qasam
biex tkejjel, l-effetti tal-attivitajiet fuq l-ambjent fid-dawl tan-natura,
l-iskop, it-tul ta' żmien u l-metodi tekniċi użati
fl-attivitajiet u tal-karatteristiċi taż-żona u li jirrapporta
dwarhom perjodikament jew fuq talba mill-awtorità kompetenti għall-fini
ta’ evalwazzjoni mit-tali awtorità kompetenti skont proċedura stabbilita
mill-awtorità kompetenti fis-sistema ta’ awtorizzazzjoni tagħha. 2.
L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi,
fejn xieraq, sistema ta’ monitoraġġ nazzjonali sabiex tkun
f’pożizzjoni li timmonitorja regolarment l-istallazzjonijiet u l-impatt
tal-attivitajiet fuq l-ambjent, sabiex tiżgura li l-kundizzjonijiet
għall-għoti tal-awtorizzazzjoni jiġu ssodisfati. Artikolu 20 TNEĦĦIJA TAL-ISTALLAZZJONIJIET 1.
L-operatur għandu jkun meħtieġ
mill-awtorità kompetenti jneħħi kwalunkwe stallazzjoni li hija
abbandunata jew li ma għadhiex tintuża, sabiex tiġi żgurata
s-sikurezza tan-navigazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida u l-istandards
adottati mill-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti. Tali
tneħħija għandha tikkunsidra wkoll b'mod xieraq użi
leġittimi oħra tal-baħar, b’mod partikolari s-sajd,
il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar u d-drittijiet u l-obbligi ta’
Partijiet Kontraenti oħra. Qabel tali tneħħija, l-operatur,
taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu jieħu l-miżuri
kollha meħtieġa sabiex jevita t-tixrid jew it-tnixxija mis-sit
tal-attivitajiet. 2.
L-awtorità kompetenti għandha tesiġi li
l-operatur ineħħi pajpijiet abbandunati jew li ma għadhomx
jintużaw skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew li jnaddafhom
minn ġewwa u jabbandunahom jew li jnaddafhom minn ġewwa u jidfinhom
sabiex la jikkawżaw tniġġis, la jipperikolaw in-navigazzjoni, la
jostakolaw is-sajd, la jheddu l-ambjent tal-baħar, u lanqas jinterferixxu ma’
użi leġittimi oħra tal-baħar jew mad-drittijiet u l-obbligi
ta’ Partijiet Kontraenti oħra. L-awtorità kompetenti għandha
tiżgura li tingħata pubbliċità xierqa lill-fond,
il-pożizzjoni u d-dimensjonijiet ta' kwalunkwe pajp midfun u li t-tali
informazzjoni tiġi indikata fuq ċarts u nnotifikata
lill-Organizzazzjoni u lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra
kompetenti u lill-Partijiet. 3.
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu
japplikaw ukoll għal stallazzjonijiet li ma għadhomx jintużaw
jew li ġew abbandunati minn kwalunkwe operatur li l-awtorizzazzjoni
tiegħu setgħet ġiet irtirata jew sospiża f’konformità
mal-Artikolu 7. 4.
L-awtorità kompetenti tista’ tindika modifiki
eventwali li għandhom isiru fil-livell tal-attivitajiet u lill-miżuri
għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar li fil-bidu kien sar
provvediment għalih. 5.
L-awtorità kompetenti tista’ tirregola
ċ-ċessjoni jew it-trasferiment ta' attivitajiet awtorizzati lil
persuni oħra. 6.
Meta l-operatur jonqos milli jikkonforma
mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti
għandha twettaq, bl-ispejjeż għall-operatur, tali azzjonijiet
jew azzjonijiet meqjusa meħtieġa sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas
tal-operatur li jaġixxi. Artikolu 21 ŻONI PROTETTI B’MOD SPEĊJALI Għall-protezzjoni taż-żoni
ddefiniti fil-Protokoll rigward Żoni Protetti b'mod Speċjali
fil-Mediterran u kwalunkwe żona oħra stabbilita minn Parti u sabiex
jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fih, il-Partijiet għandhom
jieħdu miżuri speċjali f’konformità mal-liġi
internazzjonali, jew individwalment inkella permezz ta’ kooperazzjoni
multilaterali jew bilaterali, għall-prevenzjoni, it-tnaqqis,
il-ġlieda kontra u l-kontroll ta’ tniġġis li jirriżulta
mill-attivitajiet f’dawn iż-żoni. Minbarra l-miżuri msemmija fil-Protokoll
rigward Żoni Protetti b'mod Speċjali fil-Mediterran
għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni, tali miżuri jistgħu
jinkludu, fost l-oħrajn: (a)
Restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet speċjali
meta jingħataw awtorizzazzjonijiet għal tali żoni: (i) It-tħejjija u l-evalwazzjoni ta’
valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali; (ii) L-elaborazzjoni ta’
dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw
il-monitoraġġ, it-tneħħija ta’ stallazzjonijiet u
l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe rimi. (b)
Skambju intensifikat ta’ informazzjoni bejn
l-operaturi, l-awtoritajiet kompetenti, il-Partijiet u l-Organizzazzjoni dwar
kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw tali żoni. TAQSIMA V -
KOOPERAZZJONI Artikolu 22 STUDJI U PROGRAMMI TA’ RIĊERKA F’konformità mal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni,
il-Partijiet għandhom, fejn xieraq, jikkooperaw fil-promozzjoni ta’ studji
u t-twettiq ta’ programmi ta’ riċerka xjentifika u teknoloġika
għall-iżvilupp ta’ metodi ġodda ta’: (a)
Twettiq ta’ attivitajiet b’mod li jimminimizza
r-riskju ta’ tniġġis; (b)
Prevenzjoni, tnaqqis, ġlieda kontra u kontroll
ta’ tniġġis, b’mod speċjali fil-każijiet ta’
emerġenza. Artikolu 23 REGOLI, STANDARDS U PRATTIKI U PROĊEDURI RAKKOMANDATI
INTERNAZZJONALI 1.
Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, jew
direttament inkella permezz tal-Organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet
internazzjonali kompetenti oħra, sabiex: (a)
Jistabbilixxu kriterji xjentifiċi xierqa
għat-tfassil u l-elaborazzjoni ta’ regoli, standards u prattiki u
proċeduri rakkomandati internazzjonali għall-kisba tal-għanijiet
ta’ dan il-Protokoll; (b)
Ifasslu u jelaboraw tali regoli, standards u
prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali; (c)
Ifasslu u jadottaw linji gwida skont prattiki u
proċeduri internazzjonali sabiex jiżguraw il-konformità
mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VI. 2.
Il-Partijiet għandhom, safejn possibbli,
ifittxu li jarmonizzaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom
mar-regoli, standards u prattiki u proeċeduri rakkomandati internazzjonali
msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. 3.
Il-Partijiet għandhom ifittxu, safejn
possibbli, li jiskambjaw informazzjoni rilevanti għall-politiki,
il-liġijiet u r-regolamenti domestiċi tagħhom u
l-armonizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Artikolu 24 ASSISTENZA XJENTIFIKA U TEKNIKA
LILL-PAJJIŻI LI QED JIŻVILUPPAW 1.
Il-Partijiet għandhom, direttament jew
bl-assistenza ta’ organizzazzjonijiet reġjonali kompetenti jew
organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, jikkooperaw bil-għan li
jfasslu u, safejn possibbli, jimplimentaw programmi ta’ assistenza
lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari fl-oqsma
tax-xjenza, il-liġi, l-edukazzjoni u t-teknoloġija, sabiex
jipprevjenu, inaqqsu, jiġġieldu kontra u jikkontrollaw
it-tniġġis minħabba attivitajiet fiż-Żona
tal-Protokoll. 2.
L-assistenza teknika għandha tinkludi, b’mod
partikolari, it-taħriġ ta’ persunal xjentifiku, legali u tekniku, kif
ukoll l-akkwist, l-użu u l-produzzjoni minn dawk il-pajjiżi ta’
tagħmir xieraq b'termini vantaġġużi li jridu jiġu
miftiehma bejn il-Partijiet konċernati. Artikolu 25 INFORMAZZJONI REĊIPROKA Il-Partijiet għandhom jinformaw lil
xulxin direttament jew permezz tal-Organizzazzjoni rigward miżuri
meħuda, riżultati miksuba u, jekk ikun il-każ, rigward
diffikultajiet li kellhom fl-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll.
Il-proċeduri għall-ġbir u l-preżentazzjoni ta’ tali informazzjoni
għandhom jiġu ddeterminati fil-laqgħat tal-Partijiet. Artikolu 26 TNIĠĠIS TRANSKONFINALI 1.
Kull Parti għandha tieħu l-miżuri
kollha meħtieġa sabiex tiżgura li l-attivitajiet taħt
il-ġurisdizzjoni tagħha jitwettqu b’mod li ma jikkawżawx
tniġġis lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha. 2.
Parti li fil-ġurisdizzjoni tagħha hemm
previsti jew qed jitwettqu attivitajiet għandha tikkunsidra kwalunkwe
effett ambjentali negattiv, irrilevanti mill-fatt jekk tali effetti aktarx li
jseħħu fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha jew lil hinn
minn tali limiti. 3.
Jekk Parti ssir taf dwar każijiet fejn
l-ambjent tal-baħar ikun f’periklu imminenti li ssirlu ħsara, jew
saritlu ħsara, mit-tniġġis, għandha tinnotifika minnufih
lill-Partijiet l-oħra li fl-opinjoni tagħha probabbli se jkunu
affettwati minn tali ħsara, kif ukoll liċ-Ċentru Reġjonali
tal-Mediterran għal Intervent f'każ ta' Emerġenza kontra
t-Tniġġis Aċċidentali tal-Baħar (REMPEC), u
tipprovdilhom informazzjoni fil-ħin opportun sabiex tippermettilhom, fejn
neċessarju, jieħdu l-miżuri xierqa. Ir-REMPEC għandu
jiddistribwixxi l-informazzjoni minnufih lill-Partijiet kollha rilevanti. 4.
Il-Partijiet għandhom ifittxu, skont
is-sistemi legali tagħhom u, fejn xieraq, abbażi ta’ ftehim, li
jagħtu aċċess u trattament ugwali fi proċeduri
amministrattivi lil persuni fi Stati oħra li jistgħu jiġu
affettwati mit-tniġġis jew effetti oħra negattivi li
jirriżultaw mill-operazzjonijiet proposti jew eżistenti. 5.
Fejn it-tniġġis joriġina
fit-territorju ta’ Stat li mhuwiex Parti Kontraenti f'dan il-Protokoll,
kwalunkwe Parti Kontraenti affettwata għandha tfittex li tikkoopera
mal-Istat imsemmi sabiex il-Protokoll ikun jista' jiġi applikat. Artikolu 27 RESPONSABBILTÀ U KUMPENS 1.
Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jikkooperaw
mill-aktar fis possibbli fit-tfassil u l-adozzjoni ta’ regoli u proċeduri
xierqa għad-determinazzjoni tar-responsabbilta u l-kumpens għal
ħsara li tirriżulta mill-attivitajiet indirizzati f’dan il-Protokoll,
f’konformità mal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni. 2.
Sakem jiġu żviluppati tali
proċeduri, kull Parti: (a)
Għandha tieħu l-miżuri kollha
meħtieġa sabiex tiżgura li r-responsabbiltà għal ħsara
kkawżata mill-attivitajiet tiġi imposta fuq l-operaturi, u dawn
għandhom ikunu meħtieġa jħallsu kumpens xieraq u fil-pront; (b)
Għandha tieħu l-miżuri kollha
meħtieġa biex tiżgura li l-operaturi jkollhom u jżommu
kopertura tal-assigurazzjoni jew sigurtà finanzjarja oħra tat-tip u
taħt it-termini li għandha tispeċifika l-Parti Kontraenti biex
tiżgura kumpens għal ħsara kkawżata mill-attivitajiet
koperti minn dan il-Protokoll. TAQSIMA VI –
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI Artikolu 28 ĦATRA TAL-AWTORITAJIET KOMPETENTI Kull Parti Kontraenti għandha taħtar
awtorità kompetenti waħda jew aktar sabiex: (a)
Jagħtu, iġeddu u jirreġistraw
l-awtorizzazzjonijiet stipulati fit-Taqsima II ta’ dan il-Protokoll; (b)
Joħorġu u jirreġistraw il-permessi
speċjali u ġenerali msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan il-Protokoll; (c)
Joħorġu l-permessi msemmija
fl-Anness V għal dan il-Protokoll; (d)
Japprovaw is-sistema ta’ trattament u
jiċċertifikaw l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ imsemmi
fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1, ta’ dan il-Protokoll; (e)
Jagħtu approvazzjoni minn qabel għal rimi
eċċezzjonali msemmi fl-Artikolu 14,
il-paragrafu 1 (b), ta’ dan il-Protokoll; (f)
Iwettqu d-doveri fir-rigward tal-miżuri
tas-sikurezza msemmija fl-Artikolu 15, il-paragrafi 3 u 4, ta’ dan
il-Protokoll; (g)
Iwettqu l-funzjonijiet relatati mal-ippjanar ta’
kontinġenza deskritt fl-Artikolu 16 u l-Anness VII għal dan
il-Protokoll; (h)
Jistabbilixxu proċeduri ta’
monitoraġġ kif stipulat fl-Artikolu 19 ta’ dan il-Protokoll; (i)
Jissorveljaw l-operazzjonijiet ta’
tneħħija tal-istallazzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 20 ta’
dan il-Protokoll. Artikolu 29 MIŻURI TRANŻIZZJONALI Kull Parti għandha telabora
l-proċeduri u r-regolamenti rigward l-attivitajiet, irrispettivament minn
jekk humiex awtorizzati jew le, li jkunu nbdew qabel id-dħul
fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, biex tiżgura l-konformità
tagħhom, safejn prattikabbli, mad-dispożizzjonijiet ta’ dan
il-Protokoll. Artikolu 30 LAQGĦAT 1.
Il-laqgħat ordinarji tal-Partijiet
għandhom isiru flimkien mal-laqgħat ordinarji tal-Partijiet
Kontraenti għall-Konvenzjoni li jsiru skont l-Artikolu 18
tal-Konvenzjoni. Il-Partijiet għandhom jagħmlu laqgħat
straordinarji skont l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni. 2.
Il-funzjonijiet tal-laqgħat tal-Partijiet
għal dan il-Protokoll għandhom, fost l-oħrajn: (a)
Iżommu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll
taħt analiżi u jikkunsidraw l-effikaċja tal-miżuri adottati
u l-opportunità li tiġi implimentata kwalunkwe miżura oħra,
b’mod partikolari fil-forma ta’ annessi u appendiċi; (b)
Jirrevedu u jemendaw kwalunkwe anness jew
appendiċi għal dan il-Protokoll; (c)
Jikkunsidraw l-informazzjoni li tikkonċerna
l-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew imġedda skont it-Taqsima II
ta’ dan il-Protokoll; (d)
Jikkunsidraw l-informazzjoni li tikkonċerna
l-permessi maħruġa u l-approvazzjonijiet mogħtija skont
it-Taqsima III ta’ dan il-Protokoll; (e)
Jadottaw il-linji gwida msemmija fl-Artikolu 9,
il-paragrafu 2, u l-Artikolu 23, il-paragrafu 1 (c), ta’ dan
il-Protokoll; (f)
Jikkunsidraw ir-reġistri tal-pjanijiet ta’ kontinġenza
u l-mezzi ta’ intervent f’emerġenzi adottati skont l-Artikolu 16 ta’
dan il-Protokoll; (g)
Jistabbilixxu kriterji u jfasslu regoli, standards
u prattiki u proċeduri rakkomandati internazzjonali skont
l-Artikolu 23, il-paragrafu 1, ta’ dan il-Protokoll, fi kwalunkwe
forma li l-Partijiet jistgħu jaqblu dwarha; (h)
Jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-politiki u
l-kisba tal-għanijiet imsemmija fit-Taqsima V, b’mod partikolari
l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Komunità Ewropea
skont l-Artikolu 23, il-paragrafu 2, ta’ dan il-Protokoll; (i)
Janalizzaw il-progress li jkun sar
fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 27 ta’ dan il-Protokoll; (j)
Iwettqu funzjonijiet oħra tali skont kif ikun
xieraq għall-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Artikolu 31 RELAZZJONIJIET MAL-KONVENZJONI 1.
Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li
jkollhom x’jaqsmu ma’ kwalunkwe Protokoll għandhom japplikaw għal dan
il-Protokoll. 2.
Ir-regoli ta’ proċedura u r-regoli finanzjarji
adottati skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni għandhom japplikaw
fir-rigward ta' dan il-Protokoll, għajr jekk il-Partijiet f’dan
il-Protokoll jiftiehmu xorta oħra. Artikolu 32 KLAWŻOLA FINALI 1.
Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ
għall-iffirmar f’Madrid mill-14 ta’ Ottubru 1994
sal-14 ta’ Ottubru 1995, minn kwalunkwe Stat Parti
fil-Konvenzjoni mistieden għall-Konferenza tal-Plenipotenzjari tal-Istati
Kostali tar-Reġjun Mediterran dwar il-Protokoll għall-Protezzjoni
tal-Baħar Mediterran kontra t-Tniġġis li jirriżulta minn
Esplorazzjoni u Sfruttament ta' Qiegħ il-Baħar u s-Sottoswol
tiegħu, li saret f’Madrid fit-13 u l-14 ta’ Ottubru 1994.
Dan għandu jkun miftuħ ukoll sal-istess dati għall-iffirmar
mill-Komunità Ewropea u minn kwalunkwe grupp ekonomiku reġjonali
ieħor simili li tal-inqas membru wieħed tiegħu huwa Stat kostali
taż-Żona tal-Protokoll u li jeżerċita kompetenza fl-oqsma
koperti minn dan il-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 30
tal-Konvenzjoni. 2.
Dan il-Protokoll għandu jkun soġġett
għal ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.
L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni
għandhom jiġu ddepożitati mal-Gvern ta’ Spanja, li għandu
jassumi l-funzjonijiet ta’ Depożitarju. 3.
Mill-15 ta’ Ottubru 1995, dan
il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni mill-Istati
msemmija fil-paragrafu 1 hawn fuq, mill-Komunità Ewropea u minn kwalunkwe
grupp imsemmi f’dak il-paragrafu. 4.
Dan il-Protokoll għandu jidħol
fis-seħħ fit-tletin jum wara d-data tad-depożitu ta’ mill-anqas
sitt strumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta’, jew
adeżjoni ma’, il-Protokoll mill-Partijiet imsemmija fil-paragrafu 1
ta’ dan l-Artikolu. B’XHIEDA TA’ DAN is-sottoskritti, debitament
awtorizzati, iffirmaw dan il-Protokoll. ANNESS I SUSTANZI U
MATERJALI TA' ĦSARA U NOĊIVI LI R-RIMI TAGĦHOM
FIŻ-ŻONA TAL-PROTOKOLL HUWA PPROJBIT A. Is-sustanzi u l-materjali li
ġejjin u l-komposti tagħhom huma elenkati għall-finijiet
tal-Artikolu 9, il-paragrafu 4, tal-Protokoll. Dawn intgħażlu
l-aktar abbażi tat-tossiċità, il-persistenza u l-bijoakkumulazzjoni
tagħhom: 1.
Merkurju u komposti tal-merkurju 2.
Kadmju u komposti tal-kadmju 3.
Komposti organotini u sustanzi li jistgħu
jiffurmaw tali komposti fl-ambjent tal-baħar[3] 4.
Komposti organofosforiċi u sustanzi li
jistgħu jiffurmaw tali komposti fl-ambjent tal-baħar1 5.
Komposti organoaloġenati u sustanzi li
jistgħu jiffurmaw tali komposti fl-ambjent tal-baħar1 6.
Żejt mhux raffinat, żejt tal-fjuwil,
ħama żejtnija, żjut lubrikanti użati u prodotti raffinati 7.
Materjali sintetiċi persistenti li
jistgħu jżommu f'wiċċ l-ilma, jegħrqu jew jibqgħu
sospiżi u li jistgħu jinterferixxu ma’ kwalunkwe użu
leġittimu tal-baħar 8.
Sustanzi li għandhom proprjetajiet
karċinoġeniċi, teratoġeniċi jew mutaġeniċi
ppruvati fl-ambjent tal-baħar jew permezz tiegħu 9.
Sustanzi radjuattivi, inkluż l-iskart
tagħhom, jekk ir-rimi tagħhom ma jikkonformax mal-prinċipji
tal-protezzjoni mir-radjazzjoni kif iddefinit mill-organizzazzjonijiet
internazzjonali kompetenti, b’kunsiderazzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent
tal-baħar B. Dan l-Anness ma japplikax
għal rimi li jkun fih sustanzi elenkati fit-Taqsima A li huma
taħt il-limiti ddefiniti b’mod konġunt mill-Partijiet u, fir-rigward
taż-żejt, taħt il-limiti ddefiniti fl-Artikolu 10 ta’ dan
il-Protokoll. ANNESS II SUSTANZI U
MATERJALI TA' ĦSARA U NOĊIVI LI R-RIMI TAGĦHOM
FIŻ-ŻONA TAL-PROTOKOLL HUWA SOĠĠETT GĦAL PERMESS
SPEĊJALI A. Is-sustanzi u l-materjali li
ġejjin u l-komposti tagħhom intgħażlu għall-finijiet
tal-Artikolu 9, il-paragrafu 5, tal-Protokoll. 1.
Arseniku 2.
Ċomb 3.
Ram 4.
Żingu 5.
Berillju 6.
Nikil 7.
Vanadju 8.
Kromu 9.
Bijoċidi u d-derivativi tagħhom mhux
koperti fl-Anness I 10.
Selenju 11.
Antimonju 12.
Molibdenu 13.
Titanju 14.
Landa 15.
Barju (minbarra s-sulfat tal-barju) 16.
Boron 17.
Uranju 18.
Kobalt 19.
Tallju 20.
Tellurju 21.
Fidda 22.
Ċjanuri B. Il-kontroll u l-limitazzjoni
stretta tar-rimi tas-sustanzi msemmija fit-Taqsima A għandhom
jiġu implimentati skont l-Anness III. ANNESS III FATTURI LI
GĦANDHOM JIĠU KKUNSIDRATI GĦALL-ĦRUĠ TAL-PERMESSI Għall-finijiet tal-ħruġ ta’
permess meħtieġ skont l-Artikolu 9, il-paragrafu 7,
tingħata kunsiderazzjoni partikolari, skont il-każ, tal-fatturi li
ġejjin: A. Karatteristiċi u
kompożizzjoni tal-iskart 1.
Tip u daqs tas-sors tal-iskart (eż.
proċess industrijali); 2.
Tip ta’ skart (oriġini, kompożizzjoni
medja); 3.
Forma ta’ skart (solidu, likwidu, ħama, tajn,
gassuż); 4.
Ammont totali (volum mormi, eż. fis-sena); 5.
Modalità tar-rimi (kontinwa, intermittenti,
varjabbli skont l-istaġun, eċċ.); 6.
Konċentrazzjonijiet fir-rigward
tal-kostitwenti ewlenin, is-sustanzi elenkati fl-Anness I, is-sustanzi
elenkati fl-Anness II, u sustanzi oħra kif xieraq; 7.
Proprjetajiet fiżiċi, kimiċi u
bijokimiċi tal-iskart. B. Karatteristiċi
tal-kostitwenti tal-iskart fir-rigward ta’ kemm jagħmlu ħsara 1.
Persistenza (fiżika, kimika, bijoloġika)
fl-ambjent tal-baħar; 2.
Tossiċità u effetti oħra ta' ħsara; 3.
Akkumulazzjoni f’materjali jew sedimenti
bijoloġiċi; 4.
Trasformazzjoni bijokimika li tipproduċi
komposti ta' ħsara; 5.
Effetti negattivi fuq il-kontenut u l-bilanċ
tal-ossiġenu; 6.
Suxxettibilità għal bidliet fiżiċi,
kimiċi u bijokimiċi u interazzjoni fl-ambjent akkwatiku ma’
kostitwenti oħra tal-ilma baħar li jistgħu jipproduċu
effetti bijoloġiċi jew effetti oħra ta' ħsara fuq kwalunkwe
użu elenkat fit-Taqsima E hawn taħt. C. Karatteristiċi tas-sit
tar-rimi u tal-ambjent tal-baħar riċevitur 1.
Karatteristiċi idrografiċi,
meteoroloġiċi, ġeoloġiċi u topografiċi
taż-żona; 2.
Post u tip ta’ rimi (fawwara, kanal, żbokk,
eċċ.) u r-relazzjoni tiegħu ma’ żoni oħra (bħal
żoni ta’ rikreazzjoni, żoni ta’ tifrigħ, ta’ trobbija u ta'
sajd, żoni ta' farms tal-frott tal-baħar bil-qoxra) u rimi
ieħor; 3.
Dilwizzjoni inizjali miksuba fil-punt tar-rimi fl-ambjent
tal-baħar riċevitur; 4.
Karatteristiċi ta' tixrid bħal effetti
tal-kurrenti, tal-mareat u tar-riħ fuq it-trasport orizzontali u
t-taħlit vertikali; 5.
Karatteristiċi tal-ilma riċevitur
fir-rigward tal-kundizzjonijiet fiżiċi, kimiċi,
bijoloġiċi u ekoloġiċi fiż-żona tar-rimi; 6.
Kapaċità tal-ambjent tal-baħar
riċevitur li jirċievi rimi ta’ skart mingħajr effetti mhux
mixtieqa. D. Disponibbiltà ta’
teknoloġiji tal-iskart Il-metodi tat-tnaqqis u r-rimi tal-iskart
għal effluwenti industrijali kif ukoll għad-drenaġġ
domestiku għandhom jintgħażlu b’kunsiderazzjoni
tad-disponibbiltà u l-fattibbiltà ta’: (a)
Proċessi ta’ trattament alternattivi; (b)
Metodi ta’ użu mill-ġdid jew ta’
eliminazzjoni; (c)
Alternattivi ta’ rimi fuq l-art; (d)
Teknoloġiji xierqa ta’ produzzjoni baxxa ta'
skart. E. Ħsara potenzjali
tal-ekosistema tal-baħar u tal-użi tal-ilma baħar 1.
Effetti fuq il-ħajja tal-bniedem permezz
tal-impatt tat-tniġġis fuq: (a)
Organiżmi tal-baħar li jittieklu; (b)
Ilmijiet tal-għawm; (c)
Estetika. 2.
Effetti fuq l-ekosistemi tal-baħar, b’mod
partikolari r-riżorsi ħajjin, l-ispeċijiet fil-periklu ta'
estinzjoni u l-ħabitats kritiċi. 3.
Effetti fuq użi oħra leġittimi
tal-baħar f’konformità mal-liġi internazzjonali. ANNESS IV VALUTAZZJONI
TAL-IMPATT AMBJENTALI 1.
Kull Parti għandha tesiġi li
l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali jkun fiha mill-anqas dan li ġej: (a)
Deskrizzjoni tal-konfini ġeografiċi
taż-żona li fiha jitwettqu l-attivitajiet, inklużi
ż-żoni tas-sikurezza fejn applikabbli; (b)
Deskrizzjoni tal-istat inizjali tal-ambjent
taż-żona; (c)
Indikazzjoni tan-natura, l-għanijiet, l-ambitu
u t-tul ta' żmien tal-attivitajiet proposti; (d)
Deskrizzjoni tal-metodi, l-istallazzjonijiet u
mezzi oħra li se jintużaw, l-alternattivi possibbli għat-tali
metodi u mezzi; (e)
Deskrizzjoni tal-effetti diretti jew indiretti
previsti fuq żmien qasir u twil tal-attivitajiet proposti fuq l-ambjent,
inkluż il-fawna, il-flora u l-bilanċ ekoloġiku; (f)
Dikjarazzjoni li tistabbilixxi l-miżuri
proposti għat-tnaqqis sal-minimu tar-riskju ta’ ħsara lill-ambjent
b'riżultat tat-twettiq tal-attivitajiet proposti, inklużi
alternattivi possibbli għal tali miżuri; (g)
Indikazzjoni tal-miżuri li se jittieħdu
għall-protezzjoni tal-ambjent mit-tniġġis u effetti oħra
negattivi matul u wara l-attivitajiet proposti; (h)
Referenza għall-metodoloġija użata
għall-valutazzjoni tal-impatt ambjentali; (i)
Indikazzjoni dwar jekk l-ambjent ta’ kwalunkwe Stat
ieħor jistax jiġi affetwat mill-attivitajiet proposti. 2.
Kull Parti għandha tippromulga standards
b’kunsiderazzjoni tar-regoli, standards u prattiki u proċeduri
rakkomandati internazzjonali, adottati skont l-Artikolu 23 tal-Protokoll,
li permezz tagħhom għandhom jiġu evalwati l-valutazzjonijiet
tal-impatt ambjentali. ANNESS V ŻEJT U
TAĦLITIET ŻEJTNIN U FLUWIDI U TIRQIM TAT-TĦAFFIR Id-dispożizzjonijiet li ġejjin
għandhom jiġu preskritti mill-Partijiet skont l-Artikolu 10: A. Żejt u Taħlitiet
Żejtnin 1.
Tixrid ta’ kontenut għoli ta’ żejt minn
drenaġġ tal-proċessi u mid-drenaġġ tal-pjattaformi
għandu jkun ristrett, devjat u mbagħad trattat bħala parti
mill-prodott, iżda dak li jifdal għandu jiġi trattat sa livell
aċċettabbli qabel ir-rimi, skont il-prattika tajba f'meded fejn
jinsab iż-żejt; 2.
Skart u ħama żejtnin mill-proċessi
tas-separazzjoni għandhom jiġu ttrasportati għal fuq l-art; 3.
Għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet
kollha meħtieġa biex jiġi minimizzat it-telf taż-żejt
fil-baħar miż-żejt miġbur jew ivvampjat mill-ittestjar
fil-bjar; 4.
Għandhom jittieħdu l-prewkazzjonijiet
kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe gass li
jirriżulta mill-attivitajiet taż-żejt jiġi vvampjat jew
użat b’mod xieraq. B. Fluwidi tat-Tħaffir u
tat-Tirqim tat-Tħaffir 1.
Fluwidi tat-tħaffir u tat-tirqim
tat-tħaffir b'bażi milwiema huma soġġetti
għar-rekwiżiti li ġejjin: (a)
L-użu u r-rimi ta’ tali fluwidi
tat-tħaffir għandhom ikunu soġġetti għall-Pjan
tal-Użu tas-Sustanzi Kimiċi u d-dispożizzjonijiet
tal-Artikolu 9 ta’ dan il-Protokoll; (b)
Ir-rimi tat-tirqim tat-tħaffir għandu jew
isir fuq l-art jew inkella fil-baħar f’sit jew żona xierqa kif
speċifikat mill-awtorità kompetenti. 2.
Fluwidi tat-tħaffir u tat-tirqim
tat-tħaffir b'bażi ta' żejt huma soġġetti
għar-rekwiżiti li ġejjin: (a)
Fluwidi bħal dawn għandhom jintużaw
biss jekk ikunu ta’ tossiċità baxxa biżżejjed u biss wara li
l-operatur ikun inħariġlu permess mill-awtorità kompetenti meta din
tkun ivverifikat tali tossiċità baxxa; (b)
Ir-rimi fil-baħar ta’ fluwidi tat-tħaffir
bħal dawn huwa pprojbit; (c)
Ir-rimi tat-tirqim tat-tħaffir fil-baħar
huwa permess biss jekk tagħmir effiċjenti tal-kontroll tas-solidi
jiġi stallat u mħaddem b’mod xieraq, il-punt tar-rimi jkun taħt
il-wiċċ tal-ilma sew, u l-kontenut taż-żejt ikun anqas minn
100 gramma ta’ żejt għal kull kilogramma ta’ tirqim niexef; (d)
Ir-rimi ta’ tali tirqim tat-tħaffir
f’żoni protetti b’mod speċjali huwa pprojbit; (e)
Fil-każ ta' tħaffir tal-produzzjoni u
tal-iżvilupp, għandu jitwettaq programm ta’ teħid ta’ kampjuni u
analiżi ta' qiegħ il-baħar relatat maż-żona
tal-kontaminazzjoni. 3.
Fluwidi tat-tħaffir b'bażi ta'
diżil: L-użu ta’ fluwidi tat-tħaffir
b'bażi ta' diżil huwa pprojbit. Iż-żejt tad-diżil
jista’ f’każijiet eċċezzjonali jiġi miżjud mal-fluwidi
tat-tħaffir f'ċirkostanzi speċifikati mill-Partijiet. ANNESS VI MIŻURI TA’
SIKUREZZA Id-dispożizzjonijiet li ġejjin
għandhom jiġu preskritti mill-Partijiet skont l-Artikolu 15: (a)
Li l-istallazzjoni trid tkun sikura u tajba
għall-iskop li se tintuża għalih, b’mod partikolari, trid tkun
iddisinjata u mibnija sabiex tirreżisti, flimkien mat-tagħbija
massima tagħha, kwalunkwe kundizzjoni naturali, inkluż, b'mod aktar
speċifiku, il-kundizzjonijiet massimi ta’ riħ u mewġ kif
stabbiliti mill-mudelli storiċi tat-temp, il-possibilitajiet ta’
terremoti, il-kundizzjonijiet u l-istabbiltà ta’ qiegħ il-baħar, u
l-fond tal-ilma; (b)
Li l-fażijiet kollha tal-attivitajiet,
inkluż il-ħżin u t-trasport tar-riżorsi rkuprati, jiġu
ppreparati sew, li l-attività kollha tkun miftuħa għall-kontroll
għal raġunijiet ta’ sikurezza u titwettaq bl-aktar mod sikur
possibbli, u li l-operatur għandu japplika sistema ta’
monitoraġġ għall-attivitajiet kollha; (c)
Li jintużaw s-sistemi tas-sikurezza l-aktar
avvanzati u dawn jiġu ttestjati perjodikament sabiex jiġu minimizzati
l-perikli ta’ nixxigħat, tixrid, rimi aċċidentali, nar,
splużjonijiet, żbroffi jew kwalunkwe theddida oħra
għas-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent, li ekwipaġġ speċjalizzat
imħarreġ għat-tħaddim u l-manutenzjoni ta’ dawn is-sistemi
jkun preżenti u li dan l-ekwipaġġ iwettaq eżerċizzji
perjodiċi. Fil-każ ta’ stallazzjonijiet awtorizzati li mhumiex
imħaddma minn ekwipaġġ b’mod permanenti, għandha tkun
żgurata d-disponibbiltà permanenti ta’ ekwipaġġ
speċjalizzat; (d)
Li l-istallazzjoni u, fejn neċessarju,
iż-żona tas-sikurezza stabbilita, għandhom ikunu mmarkati skont
ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali sabiex tingħata twissija xierqa
tal-preżenza tagħhom u dettalji suffiċjenti għall-identifikazzjoni
tagħhom; (e)
Li skont prattika marittima internazzjonali,
l-istallazzjonijiet għandhom ikunu indikati fuq ċarts u notifikati
lil dawk konċernati; (f)
Li, sabiex tiġi żgurata l-konformità
mad-dispożizzjonijiet imsemmija, il-persuna u/jew persuni li
għandha/għandhom ir-responsabbiltà għall-istallazzjoni u/jew
l-attivitajiet, inkluża l-persuna responsabbli għat-tagħmir
għall-prevenzjoni ta’ żbroffi, għandhom ikollhom il-kwalifiki
meħtieġa mill-awtorità kompetenti, u li persunal kwalifikat suffiċjenti
għandu jkun disponibbli b’mod permanenti. Tali kwalifiki għandhom
jinkludu, b’mod partikolari, taħriġ, fuq bażi kontinwa, dwar
kwistjonijiet ta’ sikurezza u ambjentali. ANNESS VII PJAN TA’
KONTINĠENZA A. Il-pjan ta’ kontinġenza
tal-operatur 1.
L-operaturi huma obbligati jiżguraw: (a)
Li s-sistema ta’ twissija u s-sistema ta’
komunikazzjoni l-aktar xierqa jkunu disponibbli fl-istallazzjoni u li dawn
jaħdmu sew; (b)
Li tingħata twissija minnufih malli tinqala’
xi emerġenza u li kwalunkwe emerġenza tiġi kkomunikata
immedjatament lill-awtorità kompetenti; (c)
Li, b’koordinazzjoni mal-awtorità kompetenti,
it-trażmissjoni tat-twissija u l-assistenza u l-koordinazzjoni xierqa
tal-assistenza jistgħu jiġu organizzati u ssorveljati mingħajr
dewmien; (d)
Li informazzjoni immedjata dwar in-natura u l-grad
tal-emerġenza tingħata lill-ekwipaġġ fuq l-istallazzjoni u
lill-awtorità kompetenti; (e)
Li l-awtorità kompetenti tinżamm informata
b’mod kostanti dwar il-progress tal-ġlieda kontra l-emerġenza; (f)
Li f’kull ħin ikun hemm disponibbli materjali
u tagħmir suffiċjenti u l-aktar adattati, inklużi dgħajjes
u inġenji tal-ajru ta’ riżerva, biex iwettqu l-pjan ta’
emerġenza; (g)
Li l-metodi u t-tekniki l-aktar xierqa jkunu
magħrufa mill-ekwipaġġ speċjalizzat imsemmi fl-Anness VI,
il-paragrafu (c), sabiex jiġġieldu kontra nixxigħat, tixrid, rimi
aċċidentali, nar, splużjonijiet, żbroffi u kwalunkwe
theddida għall-ħajja tal-bniedem jew l-ambjent; (h)
Li l-metodi u t-tekniki l-aktar xierqa jkunu
magħrufa mill-ekwipaġġ speċjalizzat responsabbli
għat-tnaqqis u l-prevenzjoni ta’ effetti negattivi fit-tul fuq l-ambjent; (i)
Li l-ekwipaġġ ikun familjari sew mal-pjan
ta’ kontinġenza tal-operatur, li jsiru eżerċizzji ta’
emerġenza perjodiċi sabiex l-ekwipaġġ ikollu għarfien
prattiku tajjeb tat-tagħmir u l-proċeduri u li kull individwu jkun
jaf eżattament ir-rwol tiegħu fil-pjan. 2.
L-operatur għandu jikkoopera, fuq bażi
istituzzjonali, ma’ operaturi oħra jew entitajiet li kapaċi
jagħtu l-assistenza meħtieġa, sabiex jiġi żgurat li,
fil-każijiet fejn il-kobor jew in-natura tal-emerġenza joħolqu
riskju li għalih hija meħtieġa jew tista’ tkun
meħtieġa assistenza, tali assistenza tista’ tingħata. B. Koordinazzjoni u tmexxija
nazzjonali L-awtorità kompetenti
għall-emerġenzi ta’ Parti Kontraenti għandha tiżgura: (a)
Il-koordinazzjoni tal-pjan u/jew il-proċeduri
ta’ kontinġenza nazzjonali u l-pjan ta’ kontinġenza tal-operatur u
l-kontroll tat-tmexxija tal-azzjonijiet, speċjalment fil-każ ta’
effetti negattivi sinifikanti tal-emerġenza; (b)
Li tmexxi lill-operatur sabiex jieħu kwalunkwe
azzjoni li tista’ tispeċifika matul il-prevenzjoni, it-tnaqqis jew
il-ġlieda kontra t-tniġġis jew fit-tħejjija ta’ azzjoni
ulterjuri għal dak l-iskop, inkluż li tiġi ordnata pjattaforma
tat-tħaffir ta’ salvataġġ, jew li tipprevjeni lill-operatur
milli jieħu kwalunkwe azzjoni speċifikata; (c)
Il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet matul
il-prevenzjoni, it-tnaqqis jew il-ġlieda kontra t-tniġġis jew
fit-tħejjija għal azzjoni ulterjuri għal dak l-iskop
fil-ġurisdizzjoni nazzjonali b’azzjonijiet bħal dawn meħudin
fil-ġurisdizzjoni ta’ Stati oħra jew minn organizzazzjonijiet
internazzjonali; (d)
Il-ġbir u d-disponibbiltà immedjata
tal-informazzjoni kollha neċessarja dwar l-attivitajiet eżistenti; (e)
Il-provvediment ta’ lista aġġornata
tal-persuni u l-entitajiet li jridu jiġu avżati u informati dwar
l-emerġenza, l-iżvilupp tagħha u l-miżuri meħudin; (f)
Il-ġbir tal-informazzjoni kollha
meħtieġa dwar il-mezzi kontra l-kontinġenzi u l-firxa
tagħhom, u t-tixrid ta’ din l-informazzjoni lill-Partijiet interessati; (g)
Il-koordinazzjoni u s-superviżjoni
tal-assistenza msemmija fil-Parti A hawn fuq, b’kooperazzjoni mal-operatur; (h)
L-organizzazzjoni u jekk neċessarju,
il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet speċifikati, inkluż l-intervent
minn esperti tekniċi u persunal imħarreġ bit-tagħmir u
l-materjali meħtieġa; (i)
Komunikazzjoni immedjata lill-awtoritajiet
kompetenti ta’ Partijiet oħra li jistgħu jiġu affettwati minn
kontinġenza sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa
fejn meħtieġ; (j)
Il-provvediment ta’ assistenza teknika lil
Partijiet oħra, jekk meħtieġ; (k)
Komunikazzjoni immedjata lill-organizzazzjonijiet
internazzjonali kompetenti bil-għan li jiġi evitat il-periklu
għan-navigazzjoni u interessi oħra. APPENDIĊI Lista ta’ Żjut[4] Soluzzjonijiet tal-asfalt Sustanzi għat-taħlit tal-gażolina
(blending stock) Roofers Flux Residwu tal-Ewwel Distillazzjoni (Straight Run
Residue) Żjut Imsaffija (clarified) Żejt mhux raffinat Taħlitiet li fihom iż-żejt mhux
raffinat Żejt tad-diżil Żejt tal-Fjuwil Nru 4 Żejt tal-Fjuwil Nru 5 Żejt tal-Fjuwil Nru 6 Żejt tal-fluwil reżidwu Żejt tat-Triq Żejt tat-Transformer Żejt Aromatiku (minbarra żejt
veġetali) Żjut Lubrikanti u Sustanzi
għat-Taħlit tal-Gażolina Żejt Minerali Żejt tal-Magni Żejt Penetranti Żejt tal-Fusijiet Żejt tat-Turbini Distillati Tal-Ewwel Distillazzjoni Flashed Feed Stocks Żejt tal-Gass Krekkjat Fjuwils tal-Ġettijiet JP1 (Pitrolju) JP-3 JP-4 JP-5 (Pitrolju, Tqil) Fjuwil Turbo Pitrolju Spirtu Minerali Nafta Solvent Petroleum Żejt Distillat Heartcut Sustanzi għat-Taħlit
tal-Gażolina Alkilati - fjuwil Riformati Polimer - fjuwil Gażolina Casinghead (naturali) Awtomotiva Tal-Avjazzjoni Tal-Ewwel Distillazzjoni Żejt tal-Fjuwil Nru 1 (Pitrolju) Żejt tal-Fjuwil Nru 1-D Żejt tal-Fjuwil Nru 2 Żejt tal-Fjuwil Nru 2-D [1] COM(2010) 560 finali, 12.10.2010. [2] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim
għall-Unjoni Ewropea għandha tiġi ppublikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali
tal-Kunsill. [3] Bl-eċċezzjoni ta’ dawk li ma jagħmlux
ħsara bijoloġika jew li jikkonvertu rapidament f’sustanzi li ma
jagħmlux ħsara bijoloġika. [4] Il-lista taż-żjut ma għandhiex neċessarjament
titqies bħala eżawrjenti.